Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0416

    Kawża C-416/14: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Commissione Tributaria Regionale di Mestre-Venezia (l-Italja) fit-3 ta’ Settembru 2014 – Fratelli De Pra SpA, SAIV SpA vs Agenzia Entrate – Direzione Provinciale Ufficio Controlli Belluno, Agenzia Entrate – Direzione Provinciale Ufficio Controlli Vicenza

    ĠU C 431, 1.12.2014, p. 12–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.12.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 431/12


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Commissione Tributaria Regionale di Mestre-Venezia (l-Italja) fit-3 ta’ Settembru 2014 – Fratelli De Pra SpA, SAIV SpA vs Agenzia Entrate – Direzione Provinciale Ufficio Controlli Belluno, Agenzia Entrate – Direzione Provinciale Ufficio Controlli Vicenza

    (Kawża C-416/14)

    (2014/C 431/19)

    Lingwa tal-kawża: it-Taljan

    Qorti tar-rinviju

    Commissione Tributaria Regionale di Mestre-Venezia

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Fratelli De Pra SpA, SAIV SpA

    Konvenuti: Agenzia Entrate – Direzione Provinciale Ufficio Controlli Belluno, Agenzia Entrate – Direzione Provinciale Ufficio Controlli Vicenza

    Domandi preliminari

    1)

    Fir-rigward tat-tagħmir terminali għall-komunikazzjoni bir-radju mobbli terrestri, il-leġiżlazzjoni nazzjonali kif tirriżulta mill-dispożizzjonijiet magħquda ta’:

    l-Artikolu 2(4) tad-Digriet Liġi Nru 4/2014, ikkonvertit f’Liġi Nru 50/2014;

    l-Artikolu 160 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 259/2003;

    l-Artikolu 21 tat-tariffa mehmuża mad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 641/1972;

    u li, meta tassimila t-tagħmir terminali għall-istazzjonijiet tar-radju, timponi fuq l-utent obbligu sabiex jikseb awtorizzazzjoni ġenerali kif ukoll il-ħruġ ta’ “liċenzja speċifika ta’ stazzjon tar-radju, li jagħti lok għall-ħlas ta’ miżata, hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju (id-Direttiva 1995/5/KE (1), kif ukoll id-Direttivi 2002/19/KE (2), 2002/20/KE (3), 2002/21/KE (4) u 2002/22/KE (5))?

    Konsegwentement, u sa fejn jirrigwarda speċifikatament l-użu ta’ tagħmir terminali, il-pretensjoni tal-Istat Taljan li jimnponi fuq l-utent il-ksib ta’ awtorizzazzjoni ġenwrali u ta’ liċenzja ta’ stazzjoni tar-radju, minkejja li t-tqegħid fis-suq, il-moviment liberu u t-tqegħid fis-servizz ta’ tagħmir terminali huma diġà rregolati kompletament mid-dritt Komunitarju (id-Direttiva 1999/5/KE), li ma jimponi ebda awtorizzazzjoni ġenerali u/jew liċenzja, hija kompatibbli mad-dritt Komunitarju?

    Dan meta huwa magħruf barra minn hekk li l-leġiżlazzjoni nazzjonali timponi awtorizzazzjoni ġenerali u liċenzja minkejja li:

    l-awtorizzazzjoni ġenerali hija miżura li ma tirrigwardax l-utent ta’ tagħmir terminali, iżda biss l-impriżi li jixtiequ jipprovdu netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Artikoli 1, 2 u 3 tad-Direttiva “Awtorizzazzjoni” 2002/20/KE);

    il-konċessjoni hija prevista għad-drittijiet individwali ta’ użu ta’ frekwenzi tar-radju u għad-drittijiet ta’ użu ta’ numri, sitwazzjonijiet ċertament mhux relatati mal-użu ta’ tagħmir terminali;

    il-leġiżlazzjoni Komunitarja ma tipprovdi għal ebda obbligu li tinkiseb awtorizzazzjoni ġenerali jew il-ħruġ ta’ liċenzja għat-tagħmir terminali;

    l-Artikolu 8 tad-Direttiva 1999/5/KE jipprovdi li l-Istati Membri “m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ma jħallux t-tqegħid fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz fuq it-territorju tagħhom apparat li jġorr il-marka CE”; u li

    hemm differenza sostanzjali u leġiżlattiva bejn stazzjoni tar-radju u t-tagħmir terminali tar-radju mobbli terrestri, li ma jistgħux jitqiesu simili.

    2)

    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali kif tirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda ta’:

    l-Artikolu 2(4) tad-Digriet Liġi Nru 4/2014, ikkonvertit f’Liġi Nru 50/2014;

    l-Artikolu 160 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 259/2003;

    l-Artikolu 21 tat-tariffa mehmuża mad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 641/1972;

    l-Artikolu 3 tad-Digriet Ministerjali Nru 33/1990;

    li skontha

    il-kuntratt msemmi fl-Artikolu 20 [tad-Direttiva 2002/22/KE] – konkluż bejn l-operatur u l-utent, li jirregola r-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-konsumaturi u l-utenti finali min naħa u impriża waħda jew aktar li jipprovdu l-konnessjoni u s-servizzi relatati min-naħa l-oħra – jista’ jiswa “fih innifsu” bħala dokument minflok l-awtorizzazzjoni ġenerali u/jew il-liċenzja ta’ stazzjon tar-radju, mingħajr ebda intervent, attività jew kontroll mill-amministrazzjoni pubblika;

    il-kuntratt għandu jinkludi wkoll id-dettalji tat-tip ta’ tagħmir terminali u l-approvazzjoni tagħha (li ma hijiex prevista mill-Artikolu 8 [tad-Direttiva 1999/5/KE]).

    hija kompatibbli mad-dritt Komunitarja (id-Direttiva 1999/5/KE u d-Direttiva 2002/22/KE, b’mod partikolari l-Artikolu 20 tagħha)?

    3)

    Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2(4) tad-Digriet-Liġi Nru 4/2014, sussegwentement konvertit fil-Liġi 50/2014, kif ukoll l-Artikolu 160 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 259/2003 u tal-Artikolu 21 tat-tariffa mehmuża mad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 641/1972, li jipprovdu għall-obbligu ta’ awtorizzazzjoni ġenerali u wara tal-liċenzja ta’ stazzjon tar-radju li jirriżulta biss fir-rigward ta’ kategorija partikolari ta’ utenti, jiġifieri dawk li għamlu kuntratt imsejjaħ formalment abbonament, filwaqt li l-ebda awtorizzazzjoni ġenerali jew liċenza ma hija prevista għall-utenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għall-motiv biss li l-kuntratt li għamlu jissejjaħ b’mod differenti (=servizz imħallas minn qabel jew servizz top-up) huma kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju imfakkra iktar 'il fuq?

    4)

    L-Artikolu 8 tad-Direttiva Ewropea 1999/5/KE jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 2(4) tad-Digriet Liġi Nru 4/2014, sussegwentement ikkonvertit fil-Liġi Nru 50/2014 kif ukoll tal-Artikolu 160 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 259/2003, u tal-Artikolu 21 tat-tariffa mehmuża mad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 641/1972, u li jipprovdi:

    intervent amministrattiv intiż għall-ħruġ tal-awtorizzazzjoni ġenerali u ta’ liċenzja ta’ stazzjon tar-radju,

    il-ħlas ta’ miżata [ta’ konċessjoni tal-gvern] għal dan l-intervent,

    sa fejn dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jikkostitwixxu limitazzjoni għat-tqegħid fis-servizz, għall-użu u għall-moviment liberu ta’ tagħmir terminali?


    (1)  Direttiva 1999/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-9 ta’ Marzu 1999, dwar it-tagħmir tar-radju u tagħmir terminali ta’ telekomunikazzjonijiet u r-rikonoxximent reċiproku tal-konformità tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 23, p. 254)

    (2)  Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’, networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva ta’ l-Aċċess) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 323)

    (3)  Direttiva 2002/20/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar l-awtorizzazzjoni ta’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva ta’ Awtorizzazzjoni) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 337)

    (4)  Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349)

    (5)  Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367)


    Top