Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CA0387

    Kawża C-387/14: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-4 ta’ Mejju 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Krajowa Izba Odwoławcza – il-Polonja) – Esaprojekt sp. z o.o. vs Województwo Łódzkie (Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kuntratti pubbliċi — Direttiva 2004/18/KE — Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza — Kapaċitajiet tekniċi u/jew professjonali tal-operaturi ekonomiċi — Artikolu 48(3) — Possibbiltà li wieħed jinvoka l-abilitajiet ta’ entitajiet oħra — Artikolu 51 — Possibbiltà li l-offerta tiġi kkompletata — Artikolu 45(2)(g) — Esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku minħabba nuqqas serju)

    ĠU C 213, 3.7.2017, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    3.7.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 213/5


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-4 ta’ Mejju 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Krajowa Izba Odwoławcza – il-Polonja) – Esaprojekt sp. z o.o. vs Województwo Łódzkie

    (Kawża C-387/14) (1)

    ((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kuntratti pubbliċi - Direttiva 2004/18/KE - Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza - Kapaċitajiet tekniċi u/jew professjonali tal-operaturi ekonomiċi - Artikolu 48(3) - Possibbiltà li wieħed jinvoka l-abilitajiet ta’ entitajiet oħra - Artikolu 51 - Possibbiltà li l-offerta tiġi kkompletata - Artikolu 45(2)(g) - Esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku minħabba nuqqas serju))

    (2017/C 213/03)

    Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

    Qorti tar-rinviju

    Krajowa Izba Odwoławcza

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Esaprojekt sp. z o.o.

    Konvenuta: Województwo Łódzkie

    fil-preżenza ta’: Konsultant Komputer sp. z o.o.

    Dispożittiv

    1)

    L-Artikolu 51 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], moqri flimkien mal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, wara l-iskadenza tat-terminu mogħti għall-preżentazzjoni tal-kandidaturi għal kuntratt pubbliku, operatur ekonomiku jittrażmetti lill-awtorità kontraenti, u dan sabiex jagħti prova li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni fi proċedura ta’ kuntratt pubbliku, dokumenti li ma jidhrux fl-offerta inizjali tiegħu, bħal kuntratt eżegwit minn entità terza kif ukoll il-garanzija ta’ din tal-aħħar li tqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ dan l-operatur il-kapaċitajiet u r-riżorsi neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt inkwistjoni.

    2)

    L-Artikolu 44 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikolu 48(2)(a) ta’ din id-direttiva u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi li jidher fl-Artikolu 2 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jippermettix lil operatur ekonomiku jinvoka l-kapaċitajiet ta’ entità oħra, fis-sens tal-Artikolu 48(3) tal-imsemmija direttiva, billi jgħaqqad il-konoxxenzi u l-esperjenza ta’ żewġ entitajiet li, individwalment, ma jkunux jiddisponu mill-kapaċitajiet mitluba għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt partikolari, fil-każ fejn l-awtorità kontraenti tqis li l-kuntratt ikkonċernat huwa indiviżibbli u li tali esklużjoni mill-possibbiltà li jiġu invokati l-esperjenzi ta’ diversi operaturi ekonomiċi hija marbuta u proporzjonata mas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni, liema kuntratt għandu jitwettaq minn operatur wieħed.

    3)

    L-Artikolu 44 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikolu 48(2)(a) ta’ din id-direttiva u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi li jidher fl-Artikolu 2 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jippermettix lil operatur ekonomiku, li jipparteċipa individwalment fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, jinvoka l-esperjenza ta’ grupp ta’ impriżi, li fih huwa ħa sehem fil-kuntest ta’ kuntratt pubbliku ieħor, jekk huwa ma pparteċipax b’mod effettiv u konkret fit-twettiq ta’ dan tal-aħħar.

    4)

    L-Artikolu 45(2)(g) tad-Direttiva 2004/18, li jippermetti l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni f’kuntratt pubbliku, b’mod partikolari jekk ikun “gravement ħati” ta’ dikjarazzjonijiet foloz fl-għoti tal-informazzjoni mitluba mill-awtorità kontraenti, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jista’ jiġi applikat meta l-operatur ikkonċernat ikun responsabbli ta’ negliġenza ta’ ċerta serjetà, jiġifieri negliġenza ta’ natura li jkollha influwenza determinanti fuq id-deċiżjonijiet ta’ esklużjoni, ta’ selezzjoni jew ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku, u dan indipendentement mill-konstatazzjoni ta’ nuqqas intenzjonali f’moħħ dan l-operatur.

    5)

    L-Artikolu 44 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Artikolu 48(2)(a) ta’ din id-direttiva u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi li jidher fl-Artikolu 2 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jippermetti lil operatur ekonomiku jinvoka esperjenza billi jindika fl-istess ħin tnejn jew diversi kuntratti bħala kuntratt wieħed, sakemm l-awtorità kontraenti ma tkunx eskludiet tali possibbiltà minħabba rekwiżiti marbuta u proporzjonati mas-suġġett u mal-għanijiet tal-kuntratt pubbliku kkonċernat.


    (1)  ĠU C 431, 1.12.2014.


    Top