EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013CB0033

Kawża C-33/13: Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas- 6 ta’ Frar 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Łodzi – il-Polonja – Marcin Jagiełło vs Dyrektor Izby Skarbowej w Łodzi (Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja — Tassazzjoni — VAT — Sitt Direttiva — Dritt għal tnaqqis — Rifjut — Fattura maħruġa minn kumpannija li taġixxi prestanome)

ĠU C 175, 10.6.2014, p. 16–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 175/16


Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-6 ta’ Frar 2014 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Łodzi – il-Polonja – Marcin Jagiełło vs Dyrektor Izby Skarbowej w Łodzi

(Kawża C-33/13) (1)

((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja - Tassazzjoni - VAT - Sitt Direttiva - Dritt għal tnaqqis - Rifjut - Fattura maħruġa minn kumpannija li taġixxi prestanome))

2014/C 175/18

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Wojewódzki Sąd Administracyjny w Łodzi

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Marcin Jagiełło

Konvenut: Dyrektor Izby Skarbowej w Łodzi

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari – Wojewódzki Sąd Administracyjny w Łodzi – Interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) u (2), moqri flimkien mal-Artikolu 5(1), kif ukoll tal-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) – Dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa – Rifjut tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT għal destinatarju ta’ kunsinni fil-każ fejn il-bejjiegħ juża isem persuna oħra – Ħabi tal-attività vera tal-bejjiegħ – Fattura maħruġa minn persuna li ma hijiex il-bejjiegħ – Assenza tal-ħtieġa li jiġi stabbilit l-għarfien mix-xerrej tal-fatt li t-tranżazzjoni inkwistjoni hija marbuta ma’ reat jew ma irregolarità oħra mwettqa mill-bejjiegħ jew mill-entità li tikkoopera miegħu

Dispożittiv

Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/115/KE, tal-20 ta’ Diċembru 2001, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li persuna taxxabbli tiġi rrifjutata d-dritt li tnaqqas it-taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew imħallsa għal oġġetti lilha kkunsinnati, minħabba li, fid-dawl ta’ frodi jew ta’ irregolaritajiet imwettqa mill-persuna li toħroġ il-fattura marbuta ma’ din il-kunsinna, din tal-aħħar titqies li ma saritx realment mill-imsemmija persuna li toħroġ il-fattura, ħlief jekk jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi u mingħajr ma jkun meħtieġ li l-persuna taxxabbli twettaq verifiki li ma humiex imposti fuqha, li tali persuna taxxabbli kienet taf jew missha kienet taf li tali kunsinna kienet involuta fi frodi tat-taxxa fuq il-valur miżjud, fatt li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika.


(1)  ĠU C 141, 18.05.2013.


Top