Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0586

Kawża T-586/11: Rikors ippreżentat fis- 17 ta’ Novembru 2011 — Oppenheim vs Il-Kummissjoni

ĠU C 25, 28.1.2012, p. 60–61 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 25/60


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Novembru 2011 — Oppenheim vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-586/11)

(2012/C 25/116)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Sal. Oppenheim jr. & Cie. AG & Co. KGaA (Köln, il-Ġermanja) (rappreżentanti: W. Deselaers, J. Brückner u M. Haisch, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2011) 275, tas-26 ta’ Jannar 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat C-7/10 implimentata mill-Ġermanja [(“]Skema għar-riport ta’ telf ta’ taxxa fil-każ tar-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà[”),] “Sanierungsklausel”, kif emendata bid-Deċiżjoni C(2011) 2608, tal-15 ta’ April 2011;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

(1)

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-argument li ma hemm ebda evidenza prima facie ta’ selettività/determinazzjoni inkorretta tas-sistema ta’ referenza

Ir-rikorrenti ssostni li ma hemm ebda selettività prima facie għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE. Hija tindika li d-determinazzjoni tas-sistema ta’ referenza mill-Kummissjoni kienet żbaljata u li s-sistema ta’ referenza awtorevoli, jiġifieri l-eżistenza kontinwa ta’ telf mhux użat mill-kumpannija, minkejja x-xiri ta’ azzjonijiet, hija prinċipju fundamentali tad-dritt fiskali nazzjonali. Hija targumenta wkoll li hija l-klawżola dwar it-trasferiment ta’ telf li tikkostitwixxi eċċezzjoni għal din l-eċċezzjoni, li twassal lura għas-sistema ta’ referenza u li għalhekk tikkonforma mas-sistema nnifisha.

(2)

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-argument li l-klawsola dwar it-trasferiment ta’ telf hija miżura ġenerali

F’dan il-punt, ir-rikorrenti ssostni li t-trasferiment ta’ telf jikkostitwixxi miżura ġenerali u għalhekk mhux għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Hija targumenta li l-klawżola dwar it-trasferiment ta’ telf hija disponibbli għall-kumpanniji kollha li huma taxxabbli fil-Ġermanja u li huma ma humiex relatati la bil-miftuħ jew bil-moħbi ma’ karatteristiċi bbażati fuq it-territorju, id-daqs jew is-settur tal-industrija tal-produzzjoni.

(3)

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ġustifikazzjoni min-natura u mill-istruttura tas-sistema fiskali

Fit-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-klawżola dwar it-trasferiment ta’ telf hija ġġustifikata min-natura u mill-istruttura tas-sistema fiskali Ġermaniża, minħabba li hija eċċezzjoni għall-eċċezzjoni tad-dekadenza ta’ telf taħt l-Artikolu 8c(1) tal-Körperschaftsteuergesetz (il-liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, iktar ’il quddiem il-“KStG”) li twassal lura għas-sistema ta’ referenza u li tikkonforma magħha.

(4)

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-argument li ma kien hemm ebda pressjoni fuq il-finanzi pubbliċi

F’dan il-punt, ir-rikorrenti ssostni li l-klawżola dwar it-trasferiment ta’ telf ma tistax twassal għal piż fuq il-finanzi pubbliċi minħabba fl-għajnuna u għal din ir-raġuni biss din il-klawżola ma hijiex għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Hija tindika li fil-każ ta’ ristrutturazzjoni ta’ kumpannija, ħlief fil-każ tal-insolvenza tal-kumpannija kkonċernata, l-unika alternattiva sabiex tiġi evitata l-insolvenza hija t-trasferiment ta’ telf u huwa permezz tal-klawżola dwar it-trasferiment ta’ telf li kumpannija tista’ tiġi salvata, u dan jippermetti li tinżamm il-possibbiltà ta’ dħul futur tat-taxxa mill-kumpannija kkonċernata.

(5)

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tad-dritt tal-UE dwar l-aspettativi leġittimi

Fil-ħames motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, bil-prattika tagħha u billi naqset milli toġġezzjona għad-dispożizzjonijiet preċedenti tal-Artikolu 8c tal-KStG kif ukoll għal leġiżlazzjoni komparabbli fi Stati Membri oħra, tat lok għat-tnissil ta’ aspettativi leġittimi mir-rikorrenti li kellhom jiġu protetti minħabba fl-informazzjoni vinkolanti u fin-nuqqas ta’ prevedibbiltà ta’ rilevanza tal-klawżola dwar it-trasferiment ta’ telf għall-finijiet tal-għajnuna mill-Istat.


Top