This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62011TN0576
Case T-576/11: Action brought on 10 November 2011 — Schenker Customs Agency v Commission
Kawża T-576/11: Rikors ippreżentat fl- 10 ta’ Novembru 2011 — Schenker Customs Agency vs Il-Kummissjoni
Kawża T-576/11: Rikors ippreżentat fl- 10 ta’ Novembru 2011 — Schenker Customs Agency vs Il-Kummissjoni
ĠU C 25, 28.1.2012, p. 56–57
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
28.1.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 25/56 |
Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Novembru 2011 — Schenker Customs Agency vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-576/11)
(2012/C 25/109)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Rikorrenti: Schenker Customs Agency BV (Rotterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) (rappreżentanti: A. Jansen u J. Biermasz, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea mogħtija fis-27 ta’ Lulju 2011 fil-każ REM 01/2010; |
— |
tiddeċiedi li r-remissjoni tad-dazji mħallsa a posteriori hija fondata. |
Motivi u argumenti prinċipali
Bejn id-19 ta’ Frar 1999 u d-19 ta’ Lulju 2001, ir-rikorrenti ppreżentat f’isimha stess, bħala aġent tad-dwana, 52 dikjarazzjoni għat-tpoġġija fis-suq tal-glifosat. It-Tajwan huwa msemmi bħala l-pajjiż li minnu oriġinaw id-dikjarazzjonijiet kollha. Wara investigazzjoni li twettqet mill-OLAF, irriżulta li l-glifosat iddikjarat ma kienx joriġina mit-Tajwan, iżda miċ-Ċina. Minħabba dan il-fatt, dazji antidumping mitluba mill-awtoritajiet doganali Olandiżi huma dovuti.
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet b’mod żbaljat li r-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni ma kinitx ġustifikata.
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.
(1) |
L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat li l-ksur tad-drittijiet tad-difiża, it-talba tardiva tad-dażji u l-fatt li Schenker ma setgħetx tipproċedi bid-dikjarazzjonijiet skont il-metodu tar-rappreżentazzjoni diretta, huma argumenti li jirrigwardaw l-eżistenza tad-dejn doganali stess. Skont ir-rikorrenti, dawn l-argumenti jistgħu jammontaw għal sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tar-Regolament Nru 2913/92 (1) u b’hekk kellhom jiġu eżaminati fuq il-mertu. |
(2) |
It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni Ewropea kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat li l-ħruġ ta’ ċertifikati ta’ oriġini żbaljati mill-Kmamar tal-kummerċ tat-Tajwan ma jistax jammonta għal sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tar-Regolament Nru 2913/92. |
(3) |
It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat li l-aġir tagħha f’dan il-każ ma jammontax għal sitwazzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 239 tar-Regolament Nru 2913/92. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni madankollu ma eżerċitatx kontroll effettiv fuq l-investigazzjoni fuq il-frodi u ma kkoordinatx il-każ. |
(4) |
Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea kienet ikkunsidrat b’mod żbaljat li l-aġir tal-awtoritajiet Olandiżi ma poġġiex lil Schenker f’sitwazzjoni partikolari. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni Ewropea injorat il-fatt li l-awtoritajiet Olandiżi ma aġixxewx kif kien mistenni, stante li kienu infurmati dwar l-eżistenza ta’ frodi li tirrigwarda l-glifosat importat mit-Tajwan. |
(5) |
Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea kienet ukoll ikkunsidrat b’mod żbaljat li r-rikorrenti ma kinitx uriet li applikat id-diliġenza kollha li wieħed kien jistenna minn aġent tad-dwana u li, għal din ir-raġuni, ir-remissjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni ma hijiex iġġustifikata. Ir-rikorrenti ssostni li ma tistax tiġi akkużata la b’aġir frawdolenti u lanqas b’negliġenza manifesta u hija tirreferi f’dan ir-rigward għad-deċiżjoni tad-Douanekamer tal-Gerechtshof Amsterdam mogħtija fit-18 ta’ Diċembru 2008 (ara l-punt 5.2.3 tad-deċiżjoni). |
(6) |
Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea b’mod żbaljat naqset milli teżamina l-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. |
(1) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307)