Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0563

Kawża T-563/11: Rikors ippreżentat fit- 28 ta’ Ottubru 2011 — Anbouba vs Il-Kunsill

ĠU C 25, 28.1.2012, p. 53–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 25/53


Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Ottubru 2011 — Anbouba vs Il-Kunsill

(Kawża T-563/11)

(2012/C 25/104)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Issam Anbouba (Homs, is-Sirja) (rappreżentanti: M.-A. Bastin u J. M. Salva, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara l-preżenti rikors ammissibbli fil-punti kollha tiegħu;

tiddikjarah fondat fil-motivi kollha tiegħu;

tgħid li l-atti kkontestati jistgħu jiġu annullati parzjalment peress li l-parti tal-atti li għandhom jiġu annullati tista’ tinqata’ mill-att kollu;

konsegwentement.

tannulla parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/522/PESK tat-2 ta’ Settembru 2011, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/628/PESK tat-23 ta’ Settembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 878/2011 tat-2 ta’ Settembru 2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja billi tneħħi l-isem ta’ Issam ANOUBA u r-riferimenti għalih bħala sostenn tar-reġim attwali fis-Sirja,

fin-nuqqas, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/522/PESK tat-2 ta’ Settembru 2011, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/628/PESK tat-23 ta’ Settembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2011/273/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 878/2011 tat-2 ta’ Settembru 2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja;

fin-nuqqas, tiddikjara li dawn id-deċiżjonijiet u r-regolament ma humiex applikabbli fir-rigward ta’ Issam ANOUBA u tordna t-tneħħija ta’ ismu u tar-riferimenti għalih mil-lista tal-persuni li huma s-suġġett tal-miżuri sanzjonatorji tal-Unjoni Ewropea;

tikkundanna lill-Kunsill għal EUR 1 bħala danni u interessi provviżorji bħala kumpens għad-dannu morali u materjali subiti minħabba li Issam ANOUBA ssemma bħala sostenn tar-reġim attwali fi-Sirja;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

(1)

L-ewwel motiv, ibbażat fuq:

minn naħa, ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza ggarantit mill-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u mill-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u

min-naħa l-oħra, żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li l-akkużi kontra r-rikorrent huma bbażati mhux fuq fatti oġġettivi, imma fuq allegazzjonijiet sempliċi marbuta mal-pożizzjoni soċjali tiegħu bħala negozjant.

(2)

It-tieni motiv, maqsum f’erba’ partijiet, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq, tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-dritt għall-ħajja privata u fuq preġudizzju għal-libertà tar-reliġjon, sa fejn:

ir-rikorrent ma saritlu ebda komunikazzjoni ta’ provi jew ta’ indizzji serji li setgħu wasslu għall-iskrizzjoni tiegħu fil-lista tal-persuni ssanzjonati, u ma nstemax qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati;

il-konvenut sempliċement uża formulazzjoni ġenerali ħafna u fuq kollox mhux motivata fl-atti kkontestati meta huwa adotta miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent;

l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent setgħu jagħtu lok għal reazzjonijiet imqanqla u minaċċi minn persuni jew gruppi li kienu vittmi tar-repressjoni Sirjana, li magħha r-rikorrent ġie assoċjat wara l-atti kkontestati;

ir-raġuni vera tal-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrent hija ta’ natura reliġjuża.


Top