EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0043

Kawża T-43/11: Rikors ippreżentat fil- 25 ta’ Jannar 2011 — Singapore Airlines u Singapore Airlines Cargo PTE vs Il-Kummissjoni

ĠU C 89, 19.3.2011, p. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/21


Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Jannar 2011 — Singapore Airlines u Singapore Airlines Cargo PTE vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-43/11)

2011/C 89/43

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Singapore Airlines Ltd u Singapore Airlines Cargo PTE Ltd (rappreżentanti: J. Kallaugher, solicitor, J. P. Poitras, solicitor, J. R. Calzado u É. Barbier de la Serre, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2010 fil-Każ COMP/39.258 — ġarr ta’ merkanzija bl-ajru;

flimkien jew sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

(1)

Permezz tal-ewwel motiv ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni tikser forom proċedurali sostanzjali, fosthom:

id-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali

id-dritt għal ċertezza legali u prevedibbiltà tal-pieni; u

id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti peress illi Singapore Airlines Cargo PTE Ltd ma ngħatatx l-aċċess għar-risposti tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ippreżentati mill-impriżi l-oħra li lilhom kienet indirizzata d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għall-materjal ieħor fil-pusses tal-Kummissjoni li serva ta’ bażi għad-deċiżjoni.

(2)

Permezz tat-tieni motiv ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni hija vvizjata bi sensiela ta’ żbalji ta’ fatt u ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE fir-rigward tan-natura u l-iskop tal-allegat “kartell”, peress illi:

id-deċiżjoni hija vvizjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni adegwata għaliex tonqos milli tispjega l-bażi tal-konstatazzjonijiet essenzjali tagħha u ma tiddefinixxix is-swieq rilevanti.

id-deċiżjoni hija vvizjata bi żbalji ta’ evalwazzjoni fir-rigward tan-natura u l-iskop tal-allegat “kartell”. B’mod partikolari, l-allegati kuntatti fid-deċiżjoni ma jikkostitwixxux netwerk dinji wieħed u l-konstatazzjoni ta’ “għan komuni” li jorbot dawn il-kuntatti ma hijiex sostnuta mill-provi;

il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ddefinit l-elementi tal-allegat ksur kumpless;

il-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat l-allegat ksur kumpless marbut man-nuqqas ta’ ħlas ta’ kummissjoni fuq ħlasijiet addizzjonali u

il-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni meta qieset l-allegati tliet “elementi” tal-ksur bħala ksur uniku.

(3)

Permezz tat-tielet motiv ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ fatt meta applikat l-Artikolu 101 TFUE għal aġir marbut ma’ bejgħ f’ġurisdizzjonijiet barranin peress illi:

il-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ fatt meta applikat l-Artikolu 101 TFUE għal aġir li jaffettwa swieq barra mill-UE, u b’hekk kisret ir-regoli li jillimitaw il-ġurisdizzjoni tal-UE fuq dan l-aġir; u

il-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tikkunsidra l-fatt li f’ġurisdizzjonijiet barranin li spiss jissemmew fid-deċiżjoni, id-deċiżjoni ma tirreflettix b’mod adegwat il-fatt li l-aġir ġie effettivament issorveljat u effettivament impost mill-aġenziji governattivi.

(4)

Permezz tar-raba’ motiv ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet numru ta’ żbalji meta imputat l-allegat ksur lil Singapore Airlines Cargo PTE Ltd peress illi:

il-Kummissjoni wettqet diversi żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni meta analizzat u qieset kuntatti qabel l-1 ta’ Mejju 2004, kuntatti dwar talbiet mill-operaturi għal ħlasijiet ta’ kummissjonijiet, kuntatti dwar il-ħlasijiet addizzjonali fuq is-sigurtà, kuntatti dwar il-ħlasijiet addizzjonali fuq il-fjuwil barra mill-UE u kuntatti dwar il-ħlasijiet addizzjonali fuq il-fjuwil fl-UE;

il-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-użu tal-kuntatti ta’ alleanza WOW sabiex tistabbilixxi l-parteċipazzjoni ta’ Singapore Airlines Cargo PTE Ltd fl-allegat ksur; u

il-Kummissjoni ma stabbilixxitx li Singapore Airlines Cargo PTE Ltd kienet taf jew kellha tkun taf bl-allegat ksur jew bl-elementi li jikkostitwixxuh.

(5)

Permezz tal-ħames motiv ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha, abbażi tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li teżamina bir-reqqa u b’mod imparzjali l-elementi kollha tal-każ.

(6)

Permezz tas-sitt motiv ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni għandha diversi żbalji ta’ liġi u ta’ evalwazzjoni fil-kalkolu tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti peress illi:

il-Kummissjoni kisret il-Linji gwida dwar il-metodu tal-iffissar tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2), il-prinċipju ta’ proporzjonalità u l-prinċipju ta’ ugwaljanza fl-ikkalkolar tal-valur tal-bejgħ jiġi kkalkolati, għaliex ma kkunsidratx

il-fatt li dħul mill-bejgħ tat-traffiku li jidħol ma jirrigwardax il-bejgħ fi ħdan iż-ŻEE

il-portata ġeografika limitata tal-aġir li fir-rigward tiegħu d-deċiżjoni tikkonstata ksur;

ir-rwol relattiv tar-rikorrenti; u

il-fatt li l-allegat koordinament kien jinvolvi biss ħlasijiet addizjonali.

il-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra b’mod xieraq l-iskop u t-tul tal-allegata parteċipazzjoni ta’ Singapore Airlines Cargo PTE Ltd fil-ksur; u

in-nuqqas tad-deċiżjoni li tagħti tnaqqis għal parteċipazzjoni limitata lil Singapore Airlines Cargo PTE Ltd jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.


Top