Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011FN0119

Kawża F-119/11: Rikors ippreżentat fil- 11 ta’ Novembru 2011 — ZZ vs Il-Kummissjoni

ĠU C 25, 28.1.2012, p. 71–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.1.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 25/71


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Novembru 2011 — ZZ vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-119/11)

(2012/C 25/138)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: ZZ (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Suġġett u deskrizzjoni tal-kawża

Annullament tad-deċiżjoni impliċità tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba tar-rikorrent li għandha bħala suġġett, minn naħa, il-kumpens għad-danni subiti minħabba l-fatt li membri tal-persunal tal-Kummissjoni daħlu fir-residenza pprovduta lilu minn min kien jimpjegah f’Luanda fl-14, fis-16 u fid-19 ta’ Marzu 2002, u, min-naħa l-oħra, in-notifika tal-kopji tar-ritratti meħuda f’dik l-okkażjoni u l-qerda tad-dokumentazzjoni kollha relatata ma’ dan l-avveniment

Talbiet tar-rikorrent

jiddikjara l-ineżistenza ex lege, jew sussidjarjament, jannulla, id-deċiżjoni, adottata bi kwalunkwe mod, li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet it-talba, tas-6 ta’ Settembru 2010, li r-rikorrenti ressaq quddiem l-Awtorità tal-Ħatra tal-Kummissjoni;

sa fejn dan ikun neċessarju, jiddikjara l-ineżistenza ex lege, jew sussidjarjament, jannulla, l-att, adottat bi kwalunkwe mod, li permezz tiegħu l-Kummissjoni ċaħdet l-ilment intiż kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba tas-6 ta’ Settembru 2010 u għall-annullament ta’ din tal-aħħar, ilment li kien iġib id-data tal-20 ta’ Marzu 2011;

jikkonstata kull wieħed mill-fatti li membri tal-persunal jew delegati tal-kummissjoni jew inkella delegati ta’ membri tal-persunal tal-Kummissjoni, fl-14, fis-16 u fid-19 ta’ Marzu 2002, kontra r-rieda tar-rikorrenti li ma jippermettix li dan iseħħ fi kwalsiasi mument, mingħajr ma dan tal-aħħar ma ġie sommarjament informat b’dan u għalhekk mingħajr ma kien jaf li kull wieħed minn dawn il-fatti kien ser iseħħ: (a) b’ingann, daħlu għal diversi drabi fir-residenza assenjata lilu preċedentement mill-Kummissjoni u li tisab f’Luanda (Angola), fid-distrett Bairro Azul, fir-Rua Americo Julio de Carvalho 101-103, permezz ta’ sgass jew permezz ta’ ċwievet miżmuma illegalment jew f’kull każ użati illegalment; (b) ħadu ritratti fir-residenza inkwistjoni;

jikkonstata li kull wieħed mill-fatti li taw lok għad-danni kienu illegali;

jiddikjara li kull wieħed mill-fatti li taw lok għad-danni inkwistjoni kienu illegali;

jordna lill-Kummissjoni teqred materjalment ir-ritratti;

jordna lill-Kummissjoni tinnotifika bil-miktub lir-rikorrent li din il-qerda tkun seħħet, flimkien, ad substantiam, mad-dettalji b’mod partikolari fir-rigward tad-data, il-post u l-membru tal-persunal li wettaq il-qerda materjali;

jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas, lir-rikorrent, bħala kumpens għad-danni inkwistjoni, tas-somma ta’ EUR 20 000, jew dik is-somma ikbar jew iżgħar li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jqis li hija ekwa u ġusta, jiġifieri: (a) EUR 10 000 għad-danni li jirriżultaw mid-dħul illegali fir-residenza inkwistjoni fl-14, fis-16 u fid-19 ta’ Marzu 2002; (b) EUR 10 000 għad-danni li jirriżultaw mit-teħid illegali tar-ritratti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas, lir-rikorrent, tal-interessi fuq is-somma msemmija, li jibdew jiddekorru mill-għada tal-ġurnata li fih it-talba tas-6 ta’ Settembru 2010 waslet għand il-Kummissjoni sad-data tal-pagament effettiv, tas-somma ta’ EUR 20 000, bir-rata ta’ 10 % fis-sena u bil-kapitalizzazzjoni annwali;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.


Top