Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0608

    Kawża C-608/11 P: Appell ippreżentat fil- 25 ta’ Novembru 2011 mil-Land Wien kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal- 20 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-267/10 — Land Wien vs Il-Kummissjoni Ewropea

    ĠU C 25, 28.1.2012, p. 43–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.1.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 25/43


    Appell ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2011 mil-Land Wien kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tal-20 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-267/10 — Land Wien vs Il-Kummissjoni Ewropea

    (Kawża C-608/11 P)

    (2012/C 25/80)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellant: Land Wien (rappreżentant: W.-G. Schärf, avukat)

    Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tal-appellant

    L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jogħġobha:

    tibdel id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Is-Sitt Awla) tal-20 ta’ Settembru 2011 fil-Kawża T-267/10 billi tilqa’ kompletament ir-rikors tal-appellant, kif ukoll billi tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż, kemm tal-ewwel kif ukoll tat-tieni istanza.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appell huwa intiż kontra d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-20 ta’ Settembru 2011, li permezz tiegħu din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tal-appellant li kien essenzjalment jikkonċerna, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-25 ta’ Marzu 2010, li tarkivja l-ilment tal-appellant dwar il-proġett ta’ estensjoni tal-partijiet tlieta u erbgħa tal-impjant nukleari ta’ Mochovce (ir-Repubblika Slovakka) u, min-naħa l-oħra, talba sabiex jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ teħid ta’ azzjoni mill-Kummissjoni, fis-sens tal-Artikolu 265 TFUE, sa fejn id-dokumenti kollha mitluba dwar dan il-proġett ma ġewx trażmessi lir-rikorrent, bi ksur tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1049/2001, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (1).

    Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali kisret ir-Trattat Euratom billi ma interpretatux fid-dawl tat-Trattat ta’ Lisbona. Il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li bit-Trattat ta’ Lisbona, id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, ipprovdut fl-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, sar dritt li jista’ jiġi invokat insostenn ta’ rikors, u li l-appellant seta’ jinvoka direttament sabiex jikseb mill-Kummissjoni kull informazzjoni li din irċeviet dwar l-estensjoni tal-impjant nukleari ta’ Mochovce.

    Kuntrarjament għall-opinjoni tal-Qorti Ġenerali, l-ittra li l-Kummissjoni indirizzat bi tweġiba għat-talba tal-appellant hija deċiżjoni li tista’ tiġi kkontestata fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Dan jirriżulta mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja u b’mod partikolari mis-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni (60/81, Ġabra p. 2639).


    (1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331.


    Top