EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0504

Kawża C-504/11 P: Appell ippreżentat fit- 30 ta’ Settembru 2011 minn ThyssenKrupp Ascenseurs Luxemburg Sàrl kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat- 13 ta’ Lulju 2011 fil-Kawżi magħquda T-144/07, T-147/07, T-148/07, T-149/07, T-150/07 u T-154/07, ThyssenKrupp Liften Ascenseurs et vs Il-Kummissjoni Ewropea

ĠU C 347, 26.11.2011, p. 22–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/22


Appell ippreżentat fit-30 ta’ Settembru 2011 minn ThyssenKrupp Ascenseurs Luxemburg Sàrl kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-13 ta’ Lulju 2011 fil-Kawżi magħquda T-144/07, T-147/07, T-148/07, T-149/07, T-150/07 u T-154/07, ThyssenKrupp Liften Ascenseurs et vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-504/11 P)

2011/C 347/32

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: ThyssenKrupp Ascenseurs Luxemburg Sàrl (rappreżentant: T. Schaper, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-13 ta’ Lulju 2011 fil-Kawżi magħquda T-144/07, T-147/07, T-148/07, T-149/07, T-150/07 u T-154/07 (ThyssenKrupp Liften Ascenseurs et vs Il-Kummissjoni Ewropea), sa fejn tiċħad ir-rikors u sa fejn tikkonċerna lill-appellanti;

sussidjarjament, tkompli tnaqqas b’mod raġonevoli l-multa imposta fuq l-appellanti permezz tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni Ewropea tal-21 ta’ Frar 2007;

iktar sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni ġdida;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan l-appell, l-appellanti qiegħda tikkontesta s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-13 ta’ Lulju 2011 fil-Kawżi magħquda T-148/07 et (ThyssenKrupp Liften Ascenseurs et vs Il-Kummissjoni Ewropea), sa fejn dik is-sentenza tiċħad ir-rikors ippreżentat fis-7 ta’ Mejju 2007 kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2007) 512 finali, tal-21 ta’ Frar 2007 (Każ COMP/E-1/38.823 — Liftijiet u Eskalejters) u sa fejn tikkonċerna lill-appellanti.

L-appellati tinvoka, f’total ta’ tliet aggravji, in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali, ksur tat-Trattat KE, tat-Trattat FUE u tad-dispożizzjonijiet legali li jimplementawhom, kif ukoll użu ħażin tal-poter u ksur tad-drittijiet fundamentali.

Fl-ewwel lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kkonfermat, b’mod legalment żbaljat, il-kompetenza tal-Kummissjoni fir-rigward tal-implementazzjoni tal-proċedura. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali kien imissha annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni minħabba li l-Artikolu 101 TFUE (li kien l-Artikolu 81 KE) ma kienx japplika fid-dawl tal-fatt li l-ksur lokali kkonstatat ma kellux implikazzjonijiet transkonfinali. Meta l-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-Artikolu 101 TFUE kien applikabbli, hija kien imissha kkunsidrat li, fi kwalunkwe każ, skont il-Komunikazzjoni dwar in-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni, il-kompetenza tal-Kummissjoni hija suġġetta għas-sistema ta’ kompetenzi paralleli stabbilita mir-Regolament Nru 1/2003 (1). Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkunsidra li l-ftuħ sussegwenti ta’ proċeduri min-naħa tal-Kummissjoni jammonta għal ksur tal-prinċipji ġenerali ta’ ċertezza legali u ta’ legalità fejn jidħlu s-sanzjonijiet, prinċipji protetti bħala drittijiet fundamentali.

Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kkonfermat, b’mod legalment żbaljat, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li żżomm lill-appellanti responsabbli in solidum filwaqt li tieħu bħala bażi l-volum tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp ThyssenKrupp AG. B’hekk, is-sentenza tikser l-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003, il-prinċipju ta’ stat tad-dritt kif espress fil-prinċipju nulla poena sine lege, il-prinċipju ta’ proporzjonalità tas-sanzjonijiet, il-prinċipju in dubio pro reo u l-prinċipju ta’ responsabbiltà. Skont l-appellanti, is-sentenza hija vvizzjata minn żball ta’ liġi sa fejn hija bbażata fuq il-preżunzjoni li, għal finijiet ta’ responsabbiltà, kumpannija sussidjarja tifforma, flimkien mal-kumpannija parent tagħha (u ma’ kumpanniji oħra fil-grupp), entità waħda fil-forma ta’ unità ekonomika. Barra minn hekk, is-sentenza appellata tikser il-prinċipju ta’ responsabbiltà sa fejn timponi multa in solidum fuq l-appellanti flmkien mal-kumpanniji parent tagħha. Sussidjarjament, l-appellanti tallega li l-Qorti Ġenerali kkonfermat ir-responsabbiltà in solidum sa fejn naqset milli tistabbilixxi livelli ta’ responsabbiltà fir-relazzjoni interna.

Fit-tielet lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, fis-sentenza appellata, ma ssodisfatx l-obbligu legali tagħha li twettaq stħarriġ eżawrjenti, u dan sa fejn eżaminat b’mod insuffiċjenti biss in-natura sproporzjonata tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku u tal-multiplikatur dissważiv u n-nuqqas ta’ rikonoxximent min-naħa tal-Kummissjoni tal-kollaborazzjoni tal-appellanti, b’tali mod li kisret id-dritt għal smigħ xieraq u l-garanzija ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva li tagħmel parti minn dan id-dritt.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (KE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


Top