Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0501

    Kawża C-501/11 P: Appell ippreżentat fit- 28 ta’ Settembru 2011 minn Schindler Holding Ltd, Schindler Management AG, Schindler SA, Schindler Sàrl, Schindler Liften BV u Schindler Deutschland Holding GmbH kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat- 13 ta’ Lulju 2011 fil-Kawża T-138/07, Schinder Holding Ltd et vs Il-Kummissjoni Ewropea, sostnuta mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    ĠU C 347, 26.11.2011, p. 19–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.11.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 347/19


    Appell ippreżentat fit-28 ta’ Settembru 2011 minn Schindler Holding Ltd, Schindler Management AG, Schindler SA, Schindler Sàrl, Schindler Liften BV u Schindler Deutschland Holding GmbH kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-13 ta’ Lulju 2011 fil-Kawża T-138/07, Schinder Holding Ltd et vs Il-Kummissjoni Ewropea, sostnuta mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    (Kawża C-501/11 P)

    2011/C 347/29

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Appellanti: Schindler Holding Ltd, Schindler Management AG, Schindler SA, Schindler Sàrl, Schindler Liften BV u Schindler Deutschland Holding GmbH (rappreżentanti: R. Bechtold u W. Bosch, avukati, kif ukoll Dr. J. Schwarze, Professur)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet tal-appellanti

    L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

    tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-13 ta’ Lulju 2011 fil-Kawża T-138/07;

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Frar 2007 fil-Każ COMP/E-1/38.823 — Liftijiet u Eskalejters; sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-multi imposti f’din id-deċiżjoni fuq l-appellanti;

    sussidjarjament, fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni talba, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni konformi mal-punti ta’ liġi deċiżi permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;

    f’kull każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż sostnuti mill-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-appellanti jinvokaw tlettax-il aggravju:

    L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ separazzjoni tal-poteri u r-rekwiżit ta’ proċedura bbażata fuq ir-rispett tal-prinċipji ta’ stat tad-dritt meta ddeċidiet, mingħajr ma eżaminat b’mod sħiħ id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li din kellha s-setgħa timponi multi.

    It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ produzzjoni diretta tal-prova meta ddeċidiet li kienet ammissibbli l-produzzjoni tal-prova permezz tax-xhieda ta’ applikanti għall-klemenza hekk kif iseħħ fil-prattika attwali tal-Kummissjoni.

    It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ċertezza ta’ reat (Artikolu 7 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iktar ’il quddiem il-“KEDB”) billi ddeċidiet li l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (1) jikkostitwixxi bażi legali speċifika biżżejjed sabiex jiġu imposti multi.

    Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx il-fatt li l-linji gwida tal-Kummissjoni tal-1998 dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi kienu nulli u bla effett minħabba n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni.

    Il-ħames nett, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta ċaħdet l-argument li l-linji gwida tal-Kummissjoni tal-1998 dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi ma jiksrux il-prinċipji ta’ nuqqas ta’ retroattività u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

    Is-sitt nett, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ ħtija u ta’ preżunzjoni tal-innoċenza (Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003, Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), l-Artikolu 6(2) tal-KEDB) għaliex ma kkunsidratx bħala neċessarju li l-ksur imwettaq minn impjegati jiġi attribwit lill-impriżi kkonċernati jew għaliex ma kienx ivverifikat jekk il-ksur kienx attribwibbli lill-impriża kkonċernata.

    Is-seba’ nett, il-Qorti Ġenerali assumiet b’mod żbaljat responsabbiltà konġunta ma’ Schindler Holding. F’dan ir-rigward, il-prinċipji ta’ responsabbiltà konġunta li ġew applikati affettwaw il-kompetenzi tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali marret lil hinn mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u kisret il-preżunzjoni ta’ innoċenza (Artikolu 48(1) tal-Karta u Artikolu 6(2) tal-KEDB).

    It-tmien nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li ma kienx hemm eċċess tal-limiti stabbiliti mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

    Id-disa’ nett, din kisret ukoll id-dritt ta’ proprjetà ta’ Schindler Holding billi l-multi imposti għandhom l-istess effett bħal esproprjazzjoni (Artikolu 17(1) tal-Karta u Artikolu 1 tal-protokoll addizzjonali għall-KEDB).

    L-għaxar nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat bħala ġustifikati l-ammonti ta’ bażi għolja wisq, li ġew magħżula mill-Kummissjoni.

    Il-ħdax nett, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat approvat li l-Kummissjoni ma aċċettatx bħala ċirkustanzi speċifiċi ċerti ċirkustanzi attenwanti. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali b’mod partikolari naqset milli tikkunsidra li kienu ġew volontarjament mitmuma l-akkordju fil-Ġermanja kif ukoll il-miżuri meħuda mill-appellanti sabiex ikun hemm konformità.

    It-tnax nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat bħala ġġusitifikat li l-Kummissjoni tagħti tnaqqis baxx ħafna taħt l-Avviż ta’ Klemenza jew li tirrifjuta li tagħti tali tnaqqis. F’dan ir-rigward, din ma tiħux inkunsiderazzjoni l-kontribut tal-appellanti. Lanqas ma tikkunsidra li l-Kummissjoni żbaljatament tat tnaqqis baxx ħafna għall-kooperazzjoni barra mill-kuntest tal-Avviż ta’ Klemenza.

    It-tlettax nett, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità meta kkunsidrat li l-ammont tal-multi xorta kien legali.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (KE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


    Top