Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CN0409

Kawża C-409/11: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Bíróság fl- 1 ta’ Awwissu 2011 — Csonka Gábor et vs L-Istat Ungeriż

ĠU C 347, 26.11.2011, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/7


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Bíróság fl-1 ta’ Awwissu 2011 — Csonka Gábor et vs L-Istat Ungeriż

(Kawża C-409/11)

2011/C 347/11

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Gábor Csonka, Tibor Isztli, Dávid Juhász, János Kiss, Csaba Szontágh

Konvenut: L-Istat Ungeriż

Domandi preliminari

(1)

L-Istat Ungeriż, fiż-żmien tal-aġir dannuż tar-rikorrenti, kien implementa d-Direttiva 72/166/KEE, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-obbligi previsti fl-Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva, u din tista’ allura tiġi kkunsidrata li għandha effett dirett fil-konfront tar-rikorrenti?

(2)

Id-dritt Komunitarju fis-seħħ jippermetti lil individwu li sofra dannu għad-drittijiet tiegħu minħabba n-nuqqas ta’ implementazzjoni mill-Istat tad-Direttiva 72/166/KEE li jeżiġi mill-Istat li naqas li dan jikkonforma mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva billi jinvoka direttament kontra l-imsemmi Stat ir-regoli tad-dritt Komunitarju sabiex jikseb il-garanziji li dan kellu joffrilu abbażi ta’ dawn ir-regoli?

(3)

Id-dritt Komunitarju fis-seħħ jippermetti lil individwu li sofra dannu għad-drittijiet tiegħu minħabba n-nuqqas ta’ implementazzjoni mill-Istat tad-Direttiva 72/166/KEE li jeżiġi ħlas ta’ danni min-naħa tal-Istat minħabba n-nuqqas tiegħu?

(4)

F’każ ta’ risposta pożittiva għad-domandi preċedenti, ir-responsabbiltà tal-Istat Ungeriż għad-dannu mwettaq hija lejn ir-rikorrenti jew lejn il-vittmi tal-inċidenti tas-sewqan ipprovokati mir-rikorrenti?

Konkretament, id-direttiva tinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin: “L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jassiguraw li l-poloz kollha ta’ l-assigurazzjoni obbligatorja kontra r-responsabbiltà ċivili li toriġina mill-użu ta’ vetturi:- ikopru, fuq il-bażi ta’ premium wieħed, (id-danni kkawżati fuq) it-territorju kollu tal-Komunità” (1).

(5)

Ir-responsabbiltà tal-Istat tista’ tiġi kkontestata jekk id-dannu jirriżulta minn attività leġiżlattiva difettuża?

(6)

Id-Digriet tal-Gvern Nru 190/2004 (VI.8), fis-seħħ sal-1 ta’ Jannar 2010, dwar l-assigurazzjoni obbligatorja tar-responsabbiltà ċivili tad-detenturi ta’ vetturi bil-mutur (190/2004 (VI.8) Korm. rendelet a gépjármű üzembentartójának kötelező felelősségbiztosításról, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-Gvern Nru 190/2004”) huwa konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 72/166/KEE, jew l-Ungerija naqset milli tittrasponi l-obbligi tagħha taħt din id-direttiva fid-dritt Ungeriż?


(1)  Fil-verità, dan il-paragrafu (minbarra l-parti fil-parenteżi kwadri) ma tteħidx mid-Direttiva tal-Kunsill 72/166/KEE, tal-24 ta’ April 1972, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 10, iżda mill-Artikolu 2 tat-Tielet Direttiva tal-Kunsill 90/232/KEE, tal-14 ta’ Mejju 1990, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni kontra r-responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 249).


Top