Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0314

Kawża C-314/09: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fis- 7 ta’ Awwissu 2009 — Stadt Graz vs Strabag AG, Teerag-Asdag AG, Bauunternehmung Granit GesmbH

ĠU C 267, 7.11.2009, p. 35–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.11.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 267/35


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fis-7 ta’ Awwissu 2009 — Stadt Graz vs Strabag AG, Teerag-Asdag AG, Bauunternehmung Granit GesmbH

(Kawża C-314/09)

2009/C 267/65

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof (l-Awstrija).

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Stadt Graz.

Konvenuti: Strabag AG, Teerag-Asdag AG, Bauunternehmung Granit GesmbH.

Domandi preliminari

1)

L-Artikoli 1(1) u 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (1) jew dispożizzjonijiet oħra ta’ din id-direttiva jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li t-talbiet għad-danni li jsiru minħabba ksur mill-awtorità kontraenti tad-dritt Komunitarju tal-kuntratti pubbliċi jkunu suġġetti għal kundizzjoni ta’ ħtija, fil-każ fejn din il-leġiżlazzjoni tapplika fis-sens li hemm lok, fil-prinċipju, għall-preżunzjoni ta’ ħtija tal-korpi tal-awtorità kontraenti u li l-invokazzjoni minn din tal-aħħar ta’ nuqqas ta’ kapaċitajiet individwali, u għaldaqstant ta’ nuqqas ta’ ħtija suġġettiva, hija eskluża?

2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 2(7) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi għandu jiġi interpretat fis-sens li, skont l-obbligu tal-effettività tal-implementazzjoni tad-deċiżjonijiet adottati fi proċeduri ta’ reviżjoni, kif ipprovdut f’din id-dispożizzjoni, id-deċiżjoni ta’ awtorità li tistħarreġ l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għandha torbot lill-partijiet kollha fil-proċeduri, inkluż l-awtorità kontraenti?

3)

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għat-tieni domanda:

Huwa legali, skont l-Artikolu 2(7) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, li l-awtorità kontraenti ma tieħux inkunsiderazzjoni deċiżjoni finali ta’ bord li jistħarreġ il-kuntratti pubbliċi jew saħansitra għandha l-obbligu li ma tieħux inkunsiderazzjoni tali deċiżjoni, u jekk dan ikun il-każ, taħt liema kundizzjonijiet?


(1)  ĠU L 395, p. 33


Top