Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0262

    Kawża C-262/09: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Ġermanja) fit- 13 ta’ Lulju 2009 — Wienand Meilicke, Heidi Christa Weyde u Marina Stöffler vs Finanzamt Bonn-Innenstadt

    ĠU C 267, 7.11.2009, p. 25–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.11.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 267/25


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Ġermanja) fit-13 ta’ Lulju 2009 — Wienand Meilicke, Heidi Christa Weyde u Marina Stöffler vs Finanzamt Bonn-Innenstadt

    (Kawża C-262/09)

    2009/C 267/46

    Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Finanzgericht Köln

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Wienand Meilicke, Heidi Christa Weyde u Marina Stöffler

    Konvenut: Finanzamt Bonn-Innenstadt

    Domandi preliminari

    1)

    Il-moviment liberu tal-kapital, stabbilit fl-Artikolu 56(1) KE u fl-Artikolu 58(1)(a) u (3) KE, kif ukoll il-prinċipju tal-effiċjenza u l-prinċipju tal-effettività, jipprekludu regola, bħall-punt 3 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 36(2) tal-Einkommensteuergesetz (Liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq id-dħul, iktar ’il quddiem l-“EstG”) (fil-verżjoni fis-seħħ matul is-snin ikkonċernati) li tipprovdi li t-taxxa fuq il-kumpanniji tittieħed bħala tpaċija fil-konfront tat-taxxa fuq id-dħul, sa 3/7 tad-dividendi grossi, sakemm dawn id-dividendi ma joriġinawx minn ħlasijiet li fir-rigward tagħhom jitqies li ntuża l-kapital rispettiv msemmi fil-punt 1 tal-Artikolu 30(2) tal-Körperschaftsteuergesetz (Liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, iktar ’il quddiem il-“KStG”) (fil-verżjoni fis-seħħ matul is-snin ikkonċernati), u dan minkejja li t-taxxa fuq il-kumpanniji effettivament imħallsa li tolqot lid-dividendi mqassma minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor ma tistax tiġi ddeterminata fil-prattika u tista’ tkun ogħla?

    2)

    Il-moviment liberu tal-kapital, stabbilit fl-Artikolu 56(1) KE u fl-Artikolu 58(1)(a) u (3) KE, kif ukoll il-prinċipju tal-effiċjenza u l-prinċipju tal-effettività, jipprekludu regola, bħall-punt (b) tar-raba’ sentenza tal-punt 3 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 36(2) tal-EstG (fil-verżjoni fis-seħħ matul is-snin ikkonċernati) li tipprovdi li t-tpaċija tat-taxxa fuq il-kumpanniji teħtieġ li tiġi prodotta dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji msemmija fl-Artikoli 44 et seq tal-KStG (fil-verżjoni fis-seħħ matul is-snin ikkonċernati) li għandha tindika b’mod partikolari l-ammont li jista’ jiġi paċut mit-taxxa fuq il-kumpanniji kif ukoll il-kompożizzjoni tal-ħlas filwaqt li jiġu speċifikati d-diversi partijiet tal-kapital rispettiv li jista’ jintuża bbażati fuq id-diviżjoni speċjali tal-kapital rispettiv li tinsab fl-Artikolu 30 KStG (fil-verżjoni fis-seħħ matul is-snin ikkonċernati), u dan minkejja li fil-prattika jkun impossibbli li tiġi determinata t-taxxa barranija fuq il-kumpanniji effettivament imħallsa li għandha tiġi paċuta u minkejja li jkun impossibbli li tiġi prodotta d-dikjarazzjoni marbuta mad-dividendi barranin?

    3)

    Jekk ikun effettivament impossibbli li tiġi prodotta d-dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 44 tal-KStG (fil-verżjoni fis-seħħ matul is-snin ikkonċernati) u jekk ma tkunx tista’ tiġi determinata t-taxxa fuq il-kumpanniji effettivament imħallsa li tolqot id-dividendi barranin, il-moviment liberu tal-kapital, stabbilit fl-Artikolu 56(1) KE u fl-Artikolu 58(1)(a) u (3) KE jeżiġi li tiġi kkalkolata r-rata imposta bħala taxxa fuq il-kumpanniji u, jekk ikun il-każ, li jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward it-taxxi li jkunu ġew imposti indirettament fi stadji preċedenti bħala taxxa fuq il-kumpanniji?

    4)

    a)

    Jekk it-tieni domanda teħtieġ risposta negattiva u dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji hija meħtieġa:

    Il-prinċipji tal-effiċjenza u tal-effettività għandhom jinftiehmu fis-sens li jipprekludu regola, bħal dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tat-tieni sentenza tal-Artikolu 175(2) tal-Abgabenordung (Kodiċi fiskali Ġermaniż, iktar ’il quddiem l-“AO”), u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 97(9) tal-Einführungsgesetz zur Abgabenordnung (Liġi Ġermaniża li tintroduċi l-Kodiċi Fiskali Ġermaniż), li, b’effett mid-29 ta’ Ottubru 2004, ma baqgħetx tikkunsidra bħala avveniment b’effett retroattiv b’mod partikolari l-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji b’tali mod li b’hekk għamlet teknikament impossibbli t-tpaċija tat-taxxa barranija fuq il-kumpanniji meta l-avviżi tat-taxxa jkunu definittivi, u dan mingħajr ma pprovdiet għal terminu tranżitorju li permezz tiegħu setgħet issir it-tpaċija tat-taxxa barranija fuq il-kumpanniji?

    b)

    Jekk it-tieni domanda teħtieġ risposta affermattiva u ebda dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji mhija meħtieġa:

    L-Artikolu 56 KE, il-prinċipji tal-effiċjenza u tal-effettività għandhom jinftiehmu fis-sens li jipprekludu regola, bħall-punt 1 tal-Artikolu 175(1) tal-AO, li tipprovdi li avviż tat-taxxa għandu jkun emendat meta jseħħ avveniment retroattiv, b’mod partikolari l-produzzjoni ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji, b’tali mod li b’hekk tippermetti t-tpaċija tat-taxxa fuq il-kumpanniji fir-rigward ta’ dividendi Ġermaniżi anki meta l-avviżi tat-taxxa jkunu definittivi filwaqt li dan ma jkunx possibbli fir-rigward ta’ dividendi barranin fin-nuqqas ta’ dikjarazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji?


    Top