Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0004

Kawża C-4/09 P: Appell ippreżentat fit- 8 ta' Jannar 2009 minn Gerasimos Potamianos mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil- 15 ta' Ottubru 2008 fil-Kawża T-160/04, Potamianos vs Il-Kummissjoni

ĠU C 82, 4.4.2009, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.4.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 82/11


Appell ippreżentat fit-8 ta' Jannar 2009 minn Gerasimos Potamianos mis-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Prim'Istanza fil-15 ta' Ottubru 2008 fil-Kawża T-160/04, Potamianos vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-4/09 P)

(2009/C 82/21)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Gerasimos Potamianos (rappreżentanti: S. Orlandi, A. Coolen, J.-N. Louis u E. Marchal, avukati)

Appellata: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tal-appellant

tannulla għal kollox is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza (Is-Seba' Awla) tal-15 ta' Ottubru 2008 fil-Kawża T-160/04 (Potamianos vs Il-Kummissjoni), li biha l-Qorti tal-Prim'Istanza ċaħdet it-talbiet kollha tar-rikors tas-26 ta' April 2004 kontra d-deċiżjoni tal-awtorità li għandha s-setgħa li tikkonkludi l-kuntratti ta' reklutaġġ (AHCC) li ma ġġeddidx il-kuntratt tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju;

tannulla d-deċiżjoni tal-AHCC li ma ġġeddidx il-kuntratt tiegħu bħala membru tal-persunal temporanju;

tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz tal-appell tiegħu, l-appellant iressaq erba' aggravji insostenn tal-appell tiegħu.

Permezz tal-ewwel aggravju, hija żbaljata l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Prim'Istanza li n-nuqqas ta' tiġdid tal-kuntratt tiegħu ta' membru tal-persunal temporanju huwa bbażat fuq raġunijjiet marbuta mal-interess tas-servizz. Is-superjuri tal-appellanti kienu fil-fatt talbu, diversi drabi, l-estensjoni tal-kuntratt tiegħu. Indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti jippermettu bil-kontra li jiġi stabbilit li l-applikazzjoni tar-regola “kontra l-akkumulu”, li tistabbilixxi l-massimu ta' sitt snin għat-tul tal-kuntratt ta' membru tal-persunal temporanju, tikkostitwixxi l-unika bażi tad-deċiżjoni ta' nuqqas ta' tiġdid in kwistjoni.

Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkommettiet żball ta' liġi meta kkunsidrat li ma ppreżentax il-kandidatura tiegħu għall-impjieg ikkonċernat minkejja li kien, talab l-estensjoni tal-kuntratt tiegħu fiż-żmien previst, u rrepeta t-talba tiegħu diversi drabi, anki wara l-pubblikazzjoni tal-post vakanti.

Permezz tat-tielet aggravju, l-appellant isostni li l-Qorti tal-Prim'Istanza kkommettiet żball ta' liġi meta kkonkludiet li ma kienx hemm abbuż ta' poter mill-AHCC. L-ghan dikjarat tal-użu ta' membri tal-persunal temporanju kien, fil-fatt, li jintaqqsu n-numru ta' postijiet vakanti fil-Kummissjoni u, b'mod partikolari, li jkun hemm rimedju għan-numru żgħir ta' persuni li għaddew mill-kompetizzjoni.

Issa, dan l-aħħar għan bl-ebda mod ma kien effettwat mir-rifjut ta' estensjoni tal-kuntratt tal-appellant skont ir-regola “kontra l-akkumulu”, peress li l-post tiegħu kien ġie ppubblikat qabel kull pubblikazzjoni oħra tal-listi ta' kompetizzjoni. Barra minn hekk, membru tal-persunal temporanju kien ġie reklutat għal żmien twil għal dan il-post, filwaqt li l-kuntratti tal-membri tal-persunal temporanju oħra reklutati għal żmien qasir fl-istess diviżjoni kellhom estensjoni ex officio, mingħajr ma ġie ppubblikat minn qabel il-post tagħhom.

Fl-aħħar nett, il-prinċipju ta' trattament ugwali ġie miksur peress li l-membri tal-persunal temporanju l-oħra li jinsabu f'sitwazzjoni simili, bl-eċċezzjoni tal-anzjanità tagħhom, kellhom il-kuntratt tagħhom estiż, kuntrarjament għal dak li sar f'dan il-każ. F'dan il-kuntest, l-oneru tal-prova bi żball ġie maqlub fil-proċediment quddiem il-Qorti tal-Prim'istanza, peress li hija l-appellata — u mhux l-appellant — li għandha tressaq il-prova tar-regoli li hija stess adottat.


Top