EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CA0403

Kawża C-403/08 u C-429/08: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla Manja) tal- 4 ta’ Ottubru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) — Ir-Renju Unit) — Football Association Premier League Ltd, NetMed Hellas SA, Multichoice Hellas SA vs QC Leisure, David Richardson, AV Station plc, Malcolm Chamberlain, Michael Madden, SR Leisur Ltd, Philip George Charles Houghton, Derek Owen (C-403/08), Karen Murphy vs Media Protection Services Ltd (C-429/08) (Xandir bis-satellita — Xandir ta’ logħob tal-futbol — Riċezzjoni tax-xandira permezz ta’ kards ta’ dekodifikazzjoni tas-satellita — Kards ta’ dekodifikazzjoni tas-satellita legalment imqiegħda fis-suq ta’ Stat Membru u użati fi Stat Membru ieħor — Projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ użu fi Stat Membru — Viżwalizzazzjoni ta’ xandiriet bi ksur tad-drittijiet esklużivi mogħtija — Drittijiet tal-awtur — Dritt ta’ xandir televiżiv — Liċenzji esklużivi għax-xandir fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed — Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Artikolu 56 TFUE — Kompetizzjoni — Artikolu 101 TFUE — Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan — Protezzjoni ta’ servizzi b’aċċess kundizzjonali — Apparat illeċitu — Direttiva 98/84/KE — Direttiva 2001/29/KE — Riproduzzjoni ta’ xogħlijiet fil-memorja ta’ dekodifikatur tas-satellita u fuq skrin tat-televiżjoni — Eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni — Komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet fil-kafetteriji-ristoranti — Direttiva 93/83/KEE)

ĠU C 347, 26.11.2011, p. 2–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/2


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla Manja) tal-4 ta’ Ottubru 2011 (talba għal deċiżjoni preliminari mill-High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) — Ir-Renju Unit) — Football Association Premier League Ltd, NetMed Hellas SA, Multichoice Hellas SA vs QC Leisure, David Richardson, AV Station plc, Malcolm Chamberlain, Michael Madden, SR Leisur Ltd, Philip George Charles Houghton, Derek Owen (C-403/08), Karen Murphy vs Media Protection Services Ltd (C-429/08)

(Kawża C-403/08 u C-429/08) (1)

(Xandir bis-satellita - Xandir ta’ logħob tal-futbol - Riċezzjoni tax-xandira permezz ta’ kards ta’ dekodifikazzjoni tas-satellita - Kards ta’ dekodifikazzjoni tas-satellita legalment imqiegħda fis-suq ta’ Stat Membru u użati fi Stat Membru ieħor - Projbizzjoni ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ użu fi Stat Membru - Viżwalizzazzjoni ta’ xandiriet bi ksur tad-drittijiet esklużivi mogħtija - Drittijiet tal-awtur - Dritt ta’ xandir televiżiv - Liċenzji esklużivi għax-xandir fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed - Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Artikolu 56 TFUE - Kompetizzjoni - Artikolu 101 TFUE - Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan - Protezzjoni ta’ servizzi b’aċċess kundizzjonali - Apparat illeċitu - Direttiva 98/84/KE - Direttiva 2001/29/KE - Riproduzzjoni ta’ xogħlijiet fil-memorja ta’ dekodifikatur tas-satellita u fuq skrin tat-televiżjoni - Eċċezzjoni għad-dritt ta’ riproduzzjoni - Komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet fil-kafetteriji-ristoranti - Direttiva 93/83/KEE)

2011/C 347/02

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court of Justice (England & Wales), Chancery Division, High Court of Justice (England & Wales), Queen’s Bench Division (Administrative Court) — (Ir-Renju Unit)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Football Association Premier League Ltd, NetMed Hellas SA, Multichoice Hellas SA (C-403/08), Karen Murphy (C-4923/08)

Konvenuti: QC Leisure, David Richardson, AV Station plc, Malcolm Chamberlain, Michael Madden, SR Leisure Ltd, Philip George Charles Houghton, Derek Owen (C-403/08), Media Protection Services Ltd (C-429/08)

Suġġett

Talbiet għal deċiżjoni preliminari — High Court of Justice (Chancery Division), Queen’s Bench Division (Administrative Court) — Renju Unit) — Interpretazzjoni tal-Artikoli 28, 30, 49 u 81 KE kif ukoll tal-Artikoli 2(a) u (e), 4(a) u 5 tad-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Novembru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 147), tal-Artikoli 2, 3 u 5(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), tal-Artikolu 1(a) u (b) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224), u interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas-27 ta’ Settembru 1993, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 134) — Għoti, b’remunerazzjoni, ta’ drittijiet esklużivi, sabiex jiġi żgurat ix-xandir bis-satellita ta’ logħbiet tal-futbol — Kummerċjalizazzjoni, fir-Renju Unit, ta’ dekodifikaturi, legalment imqiegħda fis-suq fi Stat Membru ieħor, li bihom jistgħu jintwerew tali logħbiet bi ksur tad-drittijiet esklużivi mogħtija

Dispożittiv

(1)

Il-kunċett ta’ “apparat illeċitu” fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 98/84/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Novembru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ servizzi bbażati fuq, jew li jikkonsistu minn, aċċess kondizzjonali għandu jiġi interpretat fis-sens li dan la jkopri l-apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin — li jagħtu aċċess għas-servizzi ta’ xandir bis-satellita ta’ organizzazzjoni tax-xandir, huma mmanifatturati u kkummerċjalizzati bl-awtorizzazzjoni ta’ din l-organizzazzjoni, iżda huma użati, kontra r-rieda ta’ din tal-aħħar, barra miż-żona ġeografika li għaliha dawn ngħataw —, la dawk miksuba jew attivati permezz tal-provvista ta’ isem falz u ta’ indirizz falz u lanqas dawk użati bi ksur ta’ limitazzjoni kuntrattwali li tippermetti l-użu tagħhom biss għal finijiet privati.

(2)

L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 8/84/KE ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li timpedixxi l-użu ta’ apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin, inklużi dawk miksuba jew attivati permezz tal-provvista ta’ isem falz u ta’ indirizz falz jew dawk użati bi ksur ta’ limitazzjoni kuntrattwali li tippermetti l-użu tagħhom biss għal finijiet privati, peress li tali leġiżlazzjoni ma taqax fil-qasam ikkoordinat minn din id-direttiva.

(3)

L-Artikolu 56 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li

dan l-artikolu jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li trendi illeċiti l-importazzjoni, il-bejgħ u l-użu f’dan l-Istat ta’ apparati ta’ dekodifikazzjoni barranin li jippermettu l-aċċess għal servizz ikkowdjat ta’ xandir bis-satellita li joriġina minn Stat Membru ieħor u li jinkludi oġġetti protetti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-ewwel Stat,

din il-konklużjoni ma hijiex ikkonfutata la miċ-ċirkustanza li l-apparat ta’ dekodifikazzjoni barrani nkiseb jew ġie attivat permezz tal-indikazzjoni ta’ identità falza u ta’ indirizz falz, bl-intenzjoni li tinqabeż ir-restrizzjoni territorjali inkwistjoni u lanqas miċ-ċirkustanza li dan l-apparat huwa użat għal finijiet kummerċjali meta kien intiż għal użu ta’ natura privata.

(4)

Il-klawżoli ta’ kuntratt ta’ liċenzjar esklużiv konkluż bejn proprjetarju ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u organizzazzjoni tax-xandir jikkostitwixxu restrizzjoni għall-kompetizzjoni pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE peress li dawn jimponu l-obbligu fuq din l-organizzazzjoni tal-aħħar li ma tipprovdix apparati ta’ dekodifikazzjoni li jippermettu l-aċċess għall-oġġetti protetti ta’ dan il-proprjetarju bil-għan li dawn jintużaw barra mit-territorju kopert minn dan il-kuntratt ta’ liċenzjar.

(5)

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt ta’ riproduzzjoni jestendi għall-frammenti tranżitorji tax-xogħlijiet fil-memorja ta’ dekodifikatur tas-satellita u fuq skrin tat-televiżjoni, kemm-il darba dawn il-frammenti jkollhom elementi li jkunu l-espressjoni tal-kreazzjoni intellettwali tal-awturi kkonċernati stess, filwaqt li t-total kompost mill-frammenti riprodotti simultanjament għandu jiġi eżaminat sabiex jiġi vverifikat jekk dan jinkludix tali elementi.

(6)

L-atti ta’ riproduzzjoni bħalma huma dawk inkwistjoni fil-Kawża C-403/08, li jsiru fil-memorja ta’ dekodifikatur tas-satellita u fuq skrin tat-televiżjoni, jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29 u jistgħu għalhekk isiru mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur ikkonċernati.

(7)

Il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri t-trażmissjoni ta’ xogħlijiet imxandra, permezz ta’ skrin tat-televiżjoni u ta’ lawdspikers, lill-klijenti preżenti f’kafetterija-ristorant.

(8)

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas-27 ta’ Settembru 1993, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable, għandha tiġi interpretata fis-sens li ma għandhiex effett fuq il-legalità tal-atti ta’ riproduzzjoni mwettqa fil-memorja ta’ dekodifikatur tas-satellita u fuq skrin tat-televiżjoni.


(1)  ĠU C 301, 22.11.2008.


Top