EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TN0235

Kawża T-235/07: Rikors ippreżentat fl- 4 ta' Lulju 2007 — Bavaria vs Il-Kummissjoni

ĠU C 211, 8.9.2007, p. 40–40 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.9.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 211/40


Rikors ippreżentat fl-4 ta' Lulju 2007 — Bavaria vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-235/07)

(2007/C 211/76)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Bavaria NV (rappreżentanti: O.W. Brouwer, advocaat, D. Mes, advocaat, u A.C.E. Stoffer, advocaat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

l-annullament totali jew parzjali tad- Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2007 dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE (Każ COMP/B/2/37.766 — Suq tal-birra Olandiż — C(2007)1697 finali) safejn din tikkonċerna lill-Bavaria NV;

sussidjarjament, ir-riduzzjoni tal-multa imposta fuq Bavaria NV;

tikkundanna lil-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti tikkuntesta id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2007 dwar proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 tat-Trattat KE (Każ COMP/B/2/37.766 — Suq tal-birra Olandiż), li permezz tagħha ġiet imposta l-multa fuq ir-rikorrenti.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, minħabba li l-Kummissjoni naqset milli tagħmel stħarriġ komplet, fid-dettall u imparzjali.

It-tieni nett il-Kummissjoni allegatament kisret l-Artikolu 81 KE minħabba żbalji manifesti ta' evalwazzjoni, applikazzjoni ħażina tal-liġi fil-konstatazzjoni ta' l-eżistenza tal-ksur, tal-preżunzjoni ta' innoċenza, tal-prinċipju ta' legalità u ta' l-obbligu ta' motivazzjoni previst fl-Art. 253 KE.

It-tielet nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni għamlet evalwazzjoni ħażina tat-tul ta' żmien li matulu seħħ il-ksur..

Ir-raba' nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni, meta ffissat l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, kisret l-Artikolu 23 tar-Regolament 1/2003 (1), il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi bbażati fuq dak ir-Regolament, (2) il-prinċipju ta' uġwaljanza, u l-prinċipju ta' proporzjonalità.

Il-ħames nett ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni manifestament marret lil hinn mit-termini raġjonevoli għall-għeluq ta' l-inkjesta, li damet sejra għal aktar minn sitt snin.

Is-sitt nett ir-rikorrenti ssotni ksur tar-rekwiżiti proċedurali essenzjali, tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u tad-drittijet tad-difiża, peress li ġie miċħud lilha kemm l-aċċess għar-risposti ta' birreriji oħra għall-ilmenti magħmula mill-Kummissjoni kif ukoll l-aċċess għal partijiet oħra tal-fajl tal-Kummissjoni li kienu essenzjali għad-difiża tar-rikorrenti.


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat.

(2)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Linji ta' gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA (ĠU 1998 C 9, p. 3).


Top