Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52025DC0528

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tal-UE: Nagħtu spinta lill-preparatezza materjali tal-UE għall-kriżijiet

COM/2025/528 final

Brussell, 9.7.2025

COM(2025) 528 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tal-UE: Nagħtu spinta lill-preparatezza materjali tal-UE għall-kriżijiet


Introduzzjoni

Għal deċennji, l-Unjoni Ewropea gawdiet minn provvista suffiċjenti ta’ oġġetti essenzjali. Iżda l-iskala bla preċedent tal-kriżijiet reċenti wriet li dan ma jistax jibqa’ jitqies bħala stat ta’ fatt. Il-pandemija tal-COVID-19 żvelat il-vulnerabbiltajiet tal-ktajjen ta’ provvista tal-UE għall-prodotti mediċi, l-enerġija, il-prodotti agroalimentari u l-materja prima kritika. Il-gwerra illegali ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna enfasizzat l-importanza strateġika ta’ aċċess affidabbli għall-enerġija affordabbli, it-teknoloġiji u l-infrastruttura kritika, u kellha effetti fuq il-provvisti agrikoli madwar id-dinja.

Illum, l-UE qed tiffaċċja xenarju tar-riskju dejjem aktar kumpless u li qed jiddeterjora, immarkat minn tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jiżdiedu, inkluż il-kunflitt, l-impatti li qed jiżdiedu tat-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni ambjentali, u t-theddid ibridu u ċibernetiku, xprunat minn żieda fl-attività minn hacktivists, ċiberkriminali u gruppi sponsorjati mill-Istat. Barra minn hekk, l-isfidi ġeopolitiċi spiss huma minsuġin ma’ xulxin u għandhom impatt fuq ir-relazzjonijiet tal-UE ma’ partijiet differenti tad-dinja, inkluż fir-rigward tal-ktajjen ta’ provvista. L-impatti potenzjali tar-riskji qed jiżdiedu b’mod kostanti, b’konsegwenzi indiretti u effetti li jikkaskadu maż-żmien. Dan fl-aħħar mill-aħħar jissarraf f’theddida ġenerali akbar għas-sigurtà u d-disponibbiltà tal-provvisti essenzjali.

Skont ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapport ta’ Niinistö, l-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza ( 1 ) ħabbret Strateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tal-UE kollha kemm hi li se (1) tintegra l-isforzi settorjali eżistenti kollha ta’ kumulazzjoni ta’ riżervi, (2) issaħħaħ l-aċċess għal riżorsi kritiċi madwar l-UE u (3) tikkombina r-riżervi ċentralizzati fil-livell tal-UE mal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri, bl-appoġġ ta’ sħubijiet pubbliċi-privati biex jiġu żgurati l-effiċjenza, l-iskalabbiltà u l-kosteffettività.

Din l-Istrateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tal-UE tadotta approċċ komprensiv għall-kumulazzjoni ta’ riżervi u tindirizza ċ-ċiklu kollu tagħha, mill-antiċipazzjoni għall-monitoraġġ tal-ktajjen ta’ provvista, il-miżuri għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-provvista, il-ġestjoni tal-kumulazzjoni ta’ riżervi, u l-użu. Dan japplika għal oġġetti essenzjali ( 2 ), li għal dawn il-finijiet huma mifhuma bħala kwalunkwe oġġett fiżiku meħtieġ biex jinżammu funzjonijiet vitali tas-soċjetà ( 3 ). L-Istrateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tal-UE se trawwem riżervi pubbliċi u privati koordinati ta’ inputs kritiċi u tiżgura d-disponibbiltà tagħhom fiċ-ċirkostanzi kollha.

L-Istrateġija se tkun iggwidata mill-prinċipji sottostanti tas-solidarjetà, tat-trasparenza, tar-responsabbiltà u tal-aċċess ekwu għar-riżorsi madwar l-UE, li huma kruċjali biex tiġi żgurata l-ugwaljanza ta’ kulħadd, partikolarment f’ċirkostanzi severi. F’konformità mal-qafas tal-Unjoni tal-Ugwaljanza ( 4 ), l-implimentazzjoni tal-Istrateġija se tqis il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ gruppi differenti, inkluż fir-rigward tal-ġeneru, id-diżabilità, l-età u l-isfond razzjali jew etniku.  

B’segwitu għall-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza, l-Istrateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tirrifletti bidla fil-mentalità minn approċċ maniġerjali reattiv tal-kriżijiet settorjali għal approċċ ta’ preparatezza proattiva, aġli u integrata aħjar.

Għaliex neħtieġu Strateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tal-UE

L-Istati Membri madwar l-UE ilhom jiffaċċjaw sfidi simili għal dawn l-aħħar żminijiet. Hemm lok ta’ żblukkar ta’ sinerġiji dwar il-preparatezza kollettiva fil-livell tal-UE billi tiġi kondiviża l-esperjenza u ssir ħidma flimkien dwar kif l-aħjar jiġi żgurat l-aċċess f’waqtu għal oġġetti essenzjali għall-awtoritajiet, in-negozji u l-pubbliku b’mod inklużiv. Għalhekk, huwa meħtieġ approċċ madwar l-UE kollha biex jikkumplementa u jappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri.

Il-kumulazzjoni ta’ riżervi hija komponent essenzjali tat-tħejjija għall-kriżi tal-UE u parti integrali mid-deterrenza u l-prontezza ġenerali għal xenarji ta’ kunflitt. Il-kriżijiet u t-theddid jistgħu ma jillimitawx lilhom infushom għal Stat Membru wieħed, u dan jagħmel tħejjija adegwata fil-livell tal-UE aktar rilevanti. Bħala Suq Uniku wieħed, bi ktajjen ta’ valur u ta’ provvista integrati ħafna, it-tfixkil fid-disponibbiltà ta’ materjali jew ta’ teknoloġiji kritiċi jirrikjedi kapaċità ta’ rispons fil-livell tal-UE.

F’dawn l-aħħar snin, ġew adottati diversi inizjattivi, strateġiji u liġijiet rilevanti tal-UE ( 5 ) biex isaħħu l-awtonomija strateġika, is-sigurtà interna u ekonomika, il-kompetittività, id-difiża u r-reżiljenza u biex jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet u d-dipendenzi tal-katina ta’ provvista. Fost dawn l-inizjattivi hemm miżuri mmirati speċifikament lejn it-titjib tal-aċċess għal oġġetti essenzjali, bħar-rekwiżit li l-Istati Membri jkollhom ħażniet taż-żejt; aggregazzjoni tad-domanda u xiri konġunt għall-gass; miżuri biex tingħata spinta lill-aċċess għall-materja prima kritika u lill-ipproċessar u r-riċiklaġġ tagħha; l-akkwist konġunt ta’ vaċċini kontra l-COVID-19; jew il-bini tar-riżerva strateġika tal-UE rescEU (ara l-Anness 1 għal ħarsa ġenerali tal-oqfsa legali u ta’ politika rilevanti tal-UE).

Madankollu, l-approċċ ġenerali għadu frammentat, u l-esperjenza enfasizzat għadd ta’ nuqqasijiet sinifikanti u interrelatati mill-qrib fil-qafas tal-UE.

1.Fehim komuni limitat dwar liema oġġetti essenzjali huma meħtieġa għal tħejjija għall-kriżijiet fl-isfond ta’ xenarju tar-riskju li qed jevolvi malajr. Dan ifixkel il-kooperazzjoni fis-setturi u bejn il-fruntieri. Billi jifhmu x’oġġetti huma essenzjali biex jiġu ffaċċjati kriżijiet potenzjali, kemm il-gvernijiet kif ukoll in-negozji jistgħu jieħdu deċiżjonijiet infurmati u koordinati dwar kif l-aħjar iħejju għal nuqqasijiet potenzjali.

2.Kondiviżjoni u koordinazzjoni limitati tal-informazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri, u bejn is-setturi ċivili u militari. B’riżultat ta’ dan, ma hemm l-ebda ħarsa ġenerali xierqa lejn l-isforzi ta’ kumulazzjoni ta’ riżervi mill-Istati Membri madwar l-UE, li min-naħa tiegħu jirriżulta f’użu subottimali tar-riżorsi, il-kapaċitajiet u l-għarfien espert disponibbli. Barra minn hekk, l-ostakli amministrattivi, strutturali u loġistiċi li jippersistu madwar l-UE jistgħu jfixklu l-użu, it-trasport u l-aċċess f’xenarji ta’ kriżi.

3.Potenzjal mhux użat biżżejjed għall-kooperazzjoni mas-settur privat fis-setturi u bejn il-fruntieri. Is-settur privat għandu għarfien espert sinifikanti fil-ġestjoni tar-riżervi, il-loġistika u l-użu tagħhom. Tista’ titrawwem aktar kooperazzjoni strutturali pubblika-privata fil-kumulazzjoni ta’ riżervi ta’ emerġenza, l-aħjar prattiki kondiviżi, u t-tagħlimiet meħuda fis-setturi u bejn il-fruntieri.

4.L-oqfsa nazzjonali jew settorjali eżistenti li ma jirriflettux biżżejjed ir-rwol li jista’ jkollhom l-għodod ta’ azzjoni esterna u ta’ kooperazzjoni fit-tisħiħ tat-tħejjija materjali nazzjonali u tal-UE, pereżempju fis-sigurtà tal-katina ta’ provvista. Is-sħubijiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali jistgħu jikkontribwixxu għat-tisħiħ tar-reżiljenza reċiproka u għall-iżgurar ta’ oġġetti essenzjali.

Għall-preparatezza tal-UE, huwa kruċjali li jiġi indirizzat dan in-nuqqas ta’ analiżi komprensiva u kondiviża bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, fis-setturi u bejn il-fruntieri, u li jiġu kkoordinati l-isforzi għall-preparatezza u r-rispons malajr u b’mod effettiv. Għalhekk, din l-istrateġija tieħu perspettiva transsettorjali u transfruntiera, fejn l-UE tista’ tipprovdi l-aktar valur miżjud.

L-objettiv ġenerali ta’ din l-istrateġija huwa li ttejjeb l-aċċess għal oġġetti essenzjali fiċ-ċirkostanzi kollha. Se ttejjeb l-interoperabbiltà tas-sistemi tal-kumulazzjoni ta’ riżervi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE matul iċ-ċiklu kollu tal-kumulazzjoni ta’ riżervi – l-ippjanar, ix-xiri, il-ġestjoni u l-użu tal-istokkijiet. L-istrateġija tiżgura l-preparatezza materjali, li tfisser il-prontezza, id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta’ oġġetti essenzjali bħala parti minn rispons effettiv għall-kriżijiet u għall-kunflitti. Fl-istess ħin, tappoġġa wkoll l-awtonomija strateġika għall-UE, billi tnaqqas id-dipendenzi u l-vulnerabbiltajiet u ttejjeb il-produzzjoni tal-UE ta’ oġġetti essenzjali.

Bini ta’ Strateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tal-UE

Din l-Istrateġija tibni fuq oqfsa settorjali eżistenti tal-UE u ssegwi l-prinċipji tal-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza, stabbiliti hawn taħt.

·Approċċ li jkopri l-perikli kollha, li jkopri l-ispettru sħiħ tar-riskji naturali u tar-riskji antropoġeniċi u t-theddid għall-preparatezza materjali. Għandu l-għan li jindirizza b’mod komprensiv riskji u theddid akbar għas-sigurtà tal-provvista, inkluż xenarju ta’ kunflitt, u l-interazzjoni tar-riskji, u l-effetti kaskata tagħhom.

·Approċċ ta’ gvern sħiħ, li jlaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, fil-livelli kollha tal-gvern (lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE) u jippromwovi l-kollaborazzjoni, il-koerenza tal-politika u l-kondiviżjoni tar-riżorsi. Huwa jinkludi kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet ċivili u tad-difiża, u l-integrazzjoni koerenti tad-dimensjonijiet interni u esterni.

·Approċċ min-naħa tas-soċjetà kollha, li jrawwem kultura inklużiva ta’ preparatezza materjali li tinvolvi l-atturi rilevanti kollha għas-sigurtà tal-provvista, speċjalment is-settur privat. Dan ifisser ukoll li ċ-ċittadini jiġu megħjuna biex isiru atturi tar-reżiljenza tagħhom stess, billi jkollhom riżorsi biex jiżguraw awtosuffiċjenza minima ta’ 72 siegħa filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, kif issottolinjat fl-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza.

F’konformità mas-sejbiet ta’ hawn fuq, din l-istrateġija tidentifika seba’ oqsma ewlenin għall-azzjoni tal-UE:

1.it-titjib tal-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-UE;

2.il-prospettiva, l-antiċipazzjoni u l-ippjanar strateġiku;

3.it-tnaqqis ta’ distakki permezz ta’ kumulazzjoni tar-riżervi strateġika tal-UE;

4.it-tisħiħ ta’ infrastruttura robusta u interoperabbli tat-trasport u l-loġistika;

5.it-titjib tal-kooperazzjoni ċivili-militari;

6.it-trawwim ta’ kooperazzjoni pubblika-privata;

7.it-trawwim tal-kooperazzjoni fl-azzjoni esterna u fis-sħubijiet internazzjonali.

L-Istrateġija tiffoka fuq sfidi transsettorjali, filwaqt li tfittex komplementarjetà sħiħa ma’ azzjonijiet settorjali speċifiċi ( 6 ). Din l-Istrateġija se tiġi implimentata f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ is-sussidjarjetà, il-kompetenzi nazzjonali u l-ispeċifiċitajiet tal-Istati Membri.

1.Titjib tal-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u mal-UE

Kull Stat Membru huwa responsabbli għall-preparatezza materjali tiegħu stess. Madankollu, fi kriżijiet severi, kumplessi, transfruntiera u fit-tul, huwa kruċjali li jiġu kkoordinati miżuri nazzjonali biex tiġi żgurata provvista kostanti ta’ oġġetti essenzjali u l-kontinwazzjoni ta’ funzjonijiet vitali tas-soċjetà. Il-koordinazzjoni mhux biss trawwem is-solidarjetà iżda tipprevjeni wkoll it-tfixkil fis-suq uniku. Mingħajr koordinazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jikkompetu għal oġġetti, kapaċitajiet tal-produzzjoni, kapaċitajiet tal-ħżin u tal-użu, u jistgħu jfixklu swieq li qed jiffunzjonaw tajjeb, li jirriżulta f’duplikazzjoni u kostijiet bla bżonn, u risponsi ineffiċjenti għall-kriżijiet u li jpoġġi aktar pressjoni fuq il-ktajjen ta’ provvista diġà fraġli.

Bħala l-ewwel pass, jeħtieġ li jissaħħu l-fiduċja u l-fehim reċiproċi, filwaqt li jitqies it-tħassib dwar is-sigurtà nazzjonali. L-UE se tiżviluppa aktar għodod għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni sikura ( 7 ), biex l-Istati Membri, il-Kummissjoni, l-aġenziji rilevanti tal-UE u l-partijiet ikkonċernati, ikunu jistgħu jiġbru flimkien informazzjoni dwar il-ktajjen ta’ provvista, l-arranġamenti għall-kumulazzjoni ta’ riżervi, u l-pjanijiet tal-użu. Dawn l-għodod iridu jkunu protetti sew u jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-UE. Il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, inkluż mal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO, North Atlantic Treaty Organization) meta jkun rilevanti, għandha ttejjeb l-interoperabbiltà u b’hekk ittejjeb l-effiċjenza konġunta tar-rispons għall-kriżijiet.

Barra minn hekk, it-tisħiħ tas-sinerġiji u tal-interoperabbiltà tal-oġġetti maħżuna, l-arranġamenti, u l-pjanijiet tal-użu madwar l-UE se jwasslu għal titjib fl-effiċjenza. Il-koordinazzjoni għandha tittejjeb f’diversi stadji taċ-ċiklu tal-kumulazzjoni ta’ riżervi – l-ippjanar, ix-xiri, il-ġestjoni u l-użu tal-istokkijiet. Dan għandu jinvolvi wkoll kooperazzjoni aħjar fl-identifikazzjoni ta’ dipendenzi kritiċi fil-katina ta’ provvista, fl-allinjament tal-pjanijiet ta’ diversifikazzjoni u l-kooperazzjoni mad-dwana biex jiġi ffaċilitat l-influss ta’ oġġetti essenzjali fl-UE jew biex tiġi żgurata l-applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet possibbli fuq l-esportazzjoni. L-akkwist konġunt u ċentrali ( 8 ) jista’ jottimizza b’mod effettiv l-akkwist tar-riżorsi u l-kooperazzjoni għal oġġetti essenzjali bejn l-Istati Membri u dan għandu jittejjeb aktar. Il-kooperazzjoni dwar postijiet sikuri u strateġiċi għal oġġetti essenzjali madwar l-UE, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet reġjonali, se ttejjeb ir-reżiljenza u l-effiċjenza ġenerali. Jistgħu jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u tagħlimiet dwar il-ġestjoni tal-istokk, it-traċċar f’ħin reali, il-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet, it-twissijiet ta’ skadenza, ir-rotazzjoni tal-istokk, il-ħajja fuq l-ixkaffa, u l-ġestjoni tal-iskart.

Eżempji tajbin ta’ inizjattivi settorjali, li jikkoordinaw u jsaħħu l-approċċi ta’ kumulazzjoni ta’ riżervi tal-Istati Membri, jinkludu mekkaniżmi għall-prodotti agroalimentari, inputs agrikoli essenzjali u kontromiżuri mediċi. It-tisħiħ tal-kumulazzjoni ta’ riżervi tal-Istati Membri jista’ jitqies ukoll għall-fjuwil nukleari bħala parti mill-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali biex jintemmu l-importazzjonijiet tal-enerġija Russa. Fis-settur tal-prodotti agroalimentari, il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Tħejjija u Rispons għall-Kriżijiet tas-Sigurtà tal-Ikel (EFCM, European Food Security Crisis preparedness and response Mechanism) għandu jiġi approfondit u operazzjonalizzat biex jittejbu l-iskambju ta’ informazzjoni, it-trasparenza u s-solidarjetà fil-kumulazzjoni ta’ riżervi( 9 ) bejn l-Istati Membri, il-partijiet ikkonċernati, u l-istituzzjonijiet tal-UE, f’koordinazzjoni mal-istrumenti taħt l-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq (CMO, Common Market Organisation). F’konformità mal-Patt għal Industrija Nadifa, il-pjattaforma għall-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt ta’ materja prima hija l-ewwel pass għall-istabbiliment ta’ Ċentru tal-UE għall-Materja Prima Kritika li għandu jassisti fix-xiri b’mod konġunt ta’ materja prima, jikkoordina riżervi strateġiċi, jissorvelja l-monitoraġġ tal-katina ta’ provvista, u jinkoraġġixxi l-investimenti. It-tagħlim u l-koordinazzjoni transsettorjali għandhom jiġu żgurati.

B’segwitu għall-mudell tar-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM, Union Civil Protection Mechanism), għandhom jiġu esplorati opzjonijiet għal sistema ta’ skambju ta’ informazzjoni għall-Istati Membri biex jinnotifikaw lill-UE dwar kwalunkwe oġġett essenzjali disponibbli għal trasferiment volontarju lejn Stat Membru ieħor matul kriżijiet. Dan jista’ jinkludi l-koordinazzjoni tal-kostijiet tat-trasport u tal-użu permezz tal-Kummissjoni fil-UCPM. Fl-aħħar nett, l-istabbiliment ta’ kriterji komuni għad-diżimpenn ikkoordinat tar-riżervi matul l-emerġenzi huwa essenzjali.

Azzjonijiet ewlenin:

·Il-Kummissjoni se tistabbilixxi network ta’ kumulazzjoni tar-riżervi tal-UE mal-Istati Membri. In-network se jkun forum għad-diskussjoni u jkollu rwol konsultattiv. Mingħajr ma jiġi antiċipat ir-rwol tal-Kunsill f’din il-kwistjoni, dan in-network għandu jiddiskuti l-aħjar prattiki rigward il-prospettiva, l-antiċipazzjoni, l-ippjanar strateġiku u l-valutazzjonijiet tal-kosteffiċjenza, u jiżviluppa listi dinamiċi, mhux eżawrjenti u aġġornati regolarment ta’ oġġetti essenzjali mfassla għal xenarji ta’ kriżi u reġjuni differenti, filwaqt li jitqiesu l-listi settorjali eżistenti ( 10 ). In-network għandu jifformula rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet bħal rekwiżiti ta’ volum, sistemi tas-sorveljanza relatati u koordinazzjoni tar-rekwiżiti minimi.

·Il-Kummissjoni - f’dan in-network il-ġdid tal-UE għall-kumulazzjoni ta’ riżervi - se ttejjeb l-interoperabbiltà tal-istokkijiet u tal-arranġamenti għall-kumulazzjoni ta’ riżervi, tippromwovi skambji tal-aħjar prattiki u tikkollabora mal-Istati Membri biex tistabbilixxi kriterji u proċeduri transsettorjali madwar l-UE għall-elementi operazzjonali fiċ-ċiklu tal-kumulazzjoni ta’ riżervi.

·Filwaqt li tqis is-sistemi settorjali eżistenti, il-Kummissjoni se tesplora l-fattibbiltà li tistabbilixxi pjattaforma għal skambji ta’ data sikura u dettaljata bejn l-UE u l-Istati Membri dwar riżervi ta’ emerġenza, filwaqt li tibni fuq il-kapaċitajiet taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza.

·Il-Kummissjoni se tkompli tippromwovi mekkaniżmi ta’ akkwist ċentralizzat u/jew konġunt fis-setturi kollha, filwaqt li tibni fuq mudelli bħall-ftehim ta’ akkwist tal-kontromiżuri mediċi, jew l-akkwist ta’ oġġetti rilevanti għall-kriżijiet skont l-Att dwar l-Emerġenzi u r-Reżiljenza tas-Suq Intern (IMERA), ir-rescEU jew il-pjattaforma għall-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt ta’ materja prima biex jiġi ottimizzat l-akkwist tar-riżorsi. Barra minn hekk, se tirrevedi l-qafas tal-akkwist pubbliku kif imħabbar fl-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza.

2.Prospettiva, Antiċipazzjoni u ppjanar strateġiku

Il-prospettiva u l-antiċipazzjoni, l-identifikazzjoni f’waqtu ta’ theddid (u opportunitajiet biex jiġu akkumulati r-riżervi) huma kruċjali għall-ippjanar effettiv tar-rekwiżiti tal-provvista u tal-kumulazzjoni ta’ riżervi għal oġġetti essenzjali. Barra minn hekk, huwa meħtieġ ippjanar strateġiku biex jiġu determinati l-aktar miżuri xierqa, rilevanti għaż-żmien u kosteffiċjenti biex jiġi żgurat li l-oġġetti essenzjali jkunu disponibbli u lesti fi kriżi jew f’kunflitt. L-oqfsa legali tal-UE għadhom frammentati f’dan ir-rigward ( 11 ) u jvarjaw il-prattiki madwar l-Istati Membri. F’xi oqsma, bħal kejbils sottomarini u s-sigurtà tal-grilja tal-enerġija fuq l-art, l-ispazju, id-difiża, il-prodotti agroalimentari u l-inputs agrikoli essenzjali, il-kura tas-saħħa, u s-sustanzi kimiċi għat-trattament tal-ilma, għandu jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ arranġamenti fil-livell tal-UE.

Bħala parti mill-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza, l-UE se twettaq valutazzjoni komprensiva tar-riskji u tat-theddid. Hija se toffri għarfien aktar profond dwar xenarji ta’ kriżi u ta’ kunflitt u se ttejjeb il-kuxjenza dwar ir-riskji transsettorjali u transfruntiera għal funzjonijiet vitali tas-soċjetà. Dan għandu jappoġġa l-iskambji dwar il-valutazzjonijiet tar-riskju, l-ippjanar, u l-identifikazzjoni tad-distakki ta’ oġġetti essenzjali u opportunitajiet ta’ provvista mal-Istati Membri u fl-aħħar mill-aħħar jiffaċilita fehim komuni tal-ħtiġijiet kritiċi. Eżempji ta’ prattika tajbin attwali f’dan ir-rigward jinkludu l-Bord stabbilit skont l-IMERA u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ tħejjija u rispons għall-Kriżijiet tas-Sigurtà tal-Ikel (EFSCM).

Barra minn hekk, fil-livell tal-UE, l-għarfien mill-valutazzjonijiet eżistenti tar-riskju u tat-theddid ( 12 ) u mis-sistemi ta’ monitoraġġ tal-katina ta’ provvista ( 13 ) għandhom jinġabru flimkien u jiġu aġġornati regolarment, filwaqt li jiġu integrati studji ta’ prospettiva dwar żviluppi fit-tul tas-sigurtà tal-provvista( 14 ). Sistemi ta’ monitoraġġ awtomatizzati f’ħin reali, possibbilment appoġġati minn intelliġenza artifiċjali meta xieraq, jistgħu jantiċipaw u jittraċċaw b’mod aktar effettiv it-tfixkil fis-suq ( 15 ). Koordinazzjoni aħjar tal-istrumenti differenti se ttejjeb il-kuxjenza transfruntiera u transsettorjali dwar ir-riskji u dwar l-iskarsezza ta’ oġġetti essenzjali u tipprevjeni d-duplikazzjoni tal-isforzi.

Din il-koordinazzjoni mtejba tinkludi l-kunsiderazzjoni fil-prinċipju tas-solidarjetà tal-UE fl-arranġamenti tal-ippjanar – bħall-appoġġ minn Stat Membru għal ieħor, jew mir-riżervi strateġiċi tal-UE – biex jiġu evitati jew jingħelbu n-nuqqasijiet fil-provvista, jew jingħeleb it-tfixkil fil-katina ta’ provvista b’kostijiet għoljin u konsegwenzi severi, u biex jiġi ffaċilitat il-moviment potenzjali mir-riżervi minn pajjiż għal ieħor fl-UE.

L-Istati Membri għandhom jiddiskutu l-ambitu fil-mira tar-riżervi (abbażi tal-valutazzjonijiet tar-riskju deskritti hawn fuq, biex jiġu determinati l-oqsma ta’ prijorità) u l-livelli minimi xierqa tar-riżervi taħt ċirkostanzi speċifiċi f’setturi differenti, anki biex tiġi evitata l-ħela tal-istokkjar żejjed. Approċċ komuni għall-istabbiliment ta’ volumi ta’ oġġetti essenzjali u ta’ ħtiġijiet se jwassal għal livelli komparabbli ta’ preparatezza materjali madwar l-UE, filwaqt li jissaħħu l-prontezza u r-reżiljenza ġenerali, is-solidarjetà u l-kooperazzjoni effettiva, u l-evitar tad-distorsjoni tal-funzjonament normali u s-sostenibbiltà tas-Suq Intern.

Peress li l-kumulazzjoni ta’ riżervi hija għalja u tista’ toħloq żbilanċi fis-suq, l-Istati Membri u l-UE għandhom jevalwaw diversi modi kif jiżguraw id-disponibbiltà ta’ oġġetti essenzjali fil-proċess ta’ ppjanar tagħhom u jivvalutaw il-metodoloġija rilevanti tal-kumulazzjoni ta’ riżervi. Din għandha tinkludi: l-impatt potenzjali ta’ riskju fuq funzjoni vitali tas-soċjetà; il-kritikalità tal-ħin ta’ rispons; it-trikkib bejn l-għodod u r-ridondanza. Barra minn hekk, il-fallimenti tas-suq, id-disponibbiltà tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni u tar-riċiklaġġ u d-dipendenzi tal-UE fuq pajjiżi oħra – f’kuntest ta’ tensjonijiet ġeopolitiċi li qed jikbru – jeħtieġ li jitqiesu.

Il-kumulazzjoni ta’ riżervi jew miżuri oħra ta’ preparatezza materjali għandhom jitfasslu b’mod li jimminimizza d-distorsjonijiet tas-suq u jevitaw l-effetti avversi tad-dinamika normali tal-provvista u tad-domanda. Hemm għadd ta’ modi kif il-ktajjen ta’ provvista jsiru aktar aġli u aktar reżiljenti, bħal tagħlim mill-aħjar prattiki fl-Istati Membri u f’pajjiżi mhux tal-UE, l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, l-għoti ta’ spinta tal-awtosuffiċjenza tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, iż-żieda fl-effiċjenza u fiċ-ċirkolarità tal-materjali f’riskju u t-tiftix għal alternattivi. L-istabbiliment ta’ arranġamenti mas-settur privat ( 16 ) biex jiġu pprovduti oġġetti essenzjali fi żmien qasir f’emerġenzi għandu jitqies ukoll.

Azzjonijiet ewlenin:

·Il-Kummissjoni se timmappja mekkaniżmi ta’ monitoraġġ tal-katina ta’ provvista settorjali u tinkorpora valutazzjonijiet tar-riskji tas-sigurtà tal-provvista u tal-vulnerabbiltà tal-katina ta’ provvista fil-valutazzjoni komprensiva prevista tal-UE tar-riskji u tat-theddid (azzjoni ewlenija taħt l-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza). Iċ-Ċentru futur tal-UE għall-Koordinazzjoni tal-Kriżijiet għandu jantiċipa u jimmonitorja r-riskji b’rabta ma’ kriżijiet transsettorjali.

3.Tnaqqis tad-distakki permezz ta’ kumulazzjoni tar-riżervi strateġika tal-UE

Il-pandemija tal-COVID-19 uriet li s-sistemi nazzjonali, anki meta jkunu koordinati tajjeb, jistgħu malajr ma jkunux jistgħu jipprovdu oġġetti essenzjali. Kienet meħtieġa azzjoni addizzjonali fil-livell tal-UE, biex jiġi indirizzat nuqqas mifrux u simultanju fl-Istati Membri kollha, inkluż fir-Reġjuni Ultraperiferiċi. Kriżijiet kumplessi simili li fihom il-pajjiżi kollha jiffaċċjaw l-istess nuqqasijiet fl-istess ħin, x’aktarx li jokkorru bi frekwenza dejjem akbar fil-futur; għaldaqstant, il-ħtieġa li tiġi żviluppata aktar il-kumulazzjoni ta’ riżervi strateġika fil-livell tal-UE. L-approċċ fil-livell tal-UE s’issa kien settorjali u limitat.

Pereżempju, il-UCPM iżomm riżervi strateġiċi fil-livell tal-UE taħt l-inizjattiva rescEU għall-użu rapidu f’każ ta’ emerġenza, inklużi r-rispons għal diżastri u l-kontromiżuri mediċi. ReliefEU, il-Kapaċità ta’ Rispons Umanitarju Ewropew, għandha riżervi ta’ provvisti umanitarji madwar id-dinja. Fir-rigward tas-saħħa tal-annimali, il-Kummissjoni żżomm banek ta’ antiġeni u ta’ vaċċini ta’ emerġenza għall-mard transfruntier. L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għandha bastimenti ta’ riżerva għal risponsi għat-tixrid taż-żejt. Il-Bank Ċentrali Ewropew jimmaniġġa riżerva strateġika ta’ karti tal-flus. Eżempji oħra ta’ approċċ ta’ kumulazzjoni ta’ riżervi madwar l-UE fil-qasam tal-enerġija huma l-Pjan Direzzjonali REPowerEU, li jistabbilixxi eliminazzjoni gradwali koordinata u sikura tal-importazzjonijiet tal-gass, taż-żejt u tal-enerġija nukleari Russi kif ukoll il-kumulazzjoni ta’ riżerva ta’ komponenti ewlenin biex jiġi żgurat irkupru malajr minn blackouts fit-trażmissjoni u d-distribuzzjoni tal-enerġija.

Fost dawn il-mekkaniżmi ta’ kumulazzjoni ta’ riżervi fil-livell tal-UE, rescEU hija waħda mill-akbar transsettorjali u l-aktar versatili. Hija tinsab fil-qalba tal-arranġamenti tal-UE għall-kumulazzjoni ta’ riżervi ta’ emerġenza, f’kuntest li fih l-arranġamenti tal-kumulazzjoni ta’ riżervi fil-livell tal-UE jeżistu f’setturi limitati.

Aktar ’l quddiem, l-UE għandha żżomm u żżid ir-riżervi strateġiċi tal-UE tagħha, filwaqt li tibni fuq il-mudell ta’ rescEU (ara l-Anness 2 għal aktar dettalji dwar il-konsolidazzjoni tar-riżerva eżistenti ta’ rescEU u ta’ perkorsi possibbli għall-futur). Il-Kummissjoni se tivvaluta l-adegwatezza tal-espansjoni tar-riżervi strateġiċi għal tipi oħra ta’ kapaċitajiet li għalihom jiġu identifikati d-distakki.

Din l-analiżi għandha tinġabar flimkien ma’ analiżijiet u identifikazzjonijiet ta’ distakki oħra minn setturi li tradizzjonalment mhumiex marbuta mal-protezzjoni ċivili, bħal dawk li jidhru fl-Istrateġija Ewropea reċenti għar-Reżiljenza tal-Ilma u fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar is-Sigurtà tal-Kejbils. Pereżempju, il-moduli funzjonali għat-tiswija tal-kejbils jistgħu jkunu parti mill-istrateġija għall-kumulazzjoni tar-riżervi tal-UE biex jiġi żgurat irkupru fil-pront minn tfixkil fil-provvista tal-enerġija jew tal-kejbils fibrottiċi. Għal ċerti oġġetti, bħal art rari u kalamiti permanenti, il-kumulazzjoni ta’ riżervi ta’ emerġenza tista’ sservi wkoll ta’ lqugħ sakemm il-ktajjen ta’ provvista mfixkla jadattaw għal realtà ġdida.

Se jitqiesu wkoll kooperazzjoni msaħħa bejn is-settur pubbliku u dak privat u soluzzjonijiet aktar innovattivi bħall-kumulazzjoni ta’ riżervi virtwali u inventarji bbażati fuq il-bejjiegħa. Pereżempju, fl-2026, il-Kummissjoni se tistabbilixxi Ċentru tal-UE għall-Materja Prima Kritika biex takkwista b’mod konġunt materja prima f’isem kumpaniji interessati u f’kooperazzjoni mal-Istati Membri. Il-monitoraġġ tal-katina ta’ provvista u l-koordinazzjoni tal-ħażniet strateġiċi huma mmarkati bħala kompiti addizzjonali potenzjali ( 17 ).

Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tiżgura li jiġu segwiti prattiki effiċjenti ta’ ġestjoni tal-kumulazzjoni ta’ riżervi, speċifikament adattati għat-tip u n-natura tar-riżerva. Prattiki effiċjenti ta’ ġestjoni tal-kumulazzjoni ta’ riżervi ma jittrattawx biss il-fatt li jkun hemm teknoloġija jew sistemi avvanzati fis-seħħ, iżda wkoll dwar il-fatt li jkun hemm professjonisti b’ħiliet biex ifasslu u jimmaniġġaw ir-riżervi, jiġifieri b’rispons għal diżastri naturali u emerġenzi. L-iffaċilitar tat-taħriġ u l-iżvilupp tal-forza tax-xogħol f’dan il-qasam huwa komponent ewlieni ta’ titjib u effiċjenza kontinwi.

Il-ġestjoni effiċjenti tal-kumulazzjoni ta’ riżervi tinkludi prattiki anki għar-rotazzjoni u r-riforniment ta’ oġġetti, u l-użu ta’ donazzjonijiet ta’ oġġetti, li jkunu waslu qrib id-data ta’ skadenza tagħhom. Dan jinvolvi wkoll il-valutazzjoni tal-possibbiltà li jiġu stabbiliti riżervi virtwali u jsiru arranġamenti ma’ operaturi tas-settur privat għall-provvista ta’ oġġetti speċifiċi, fi żminijiet ta’ kriżi. Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni se tħares ukoll lejn ir-ritorn ta’ oġġetti li jistgħu jintużaw mill-ġdid wara l-ewwel użu, biex jiġi massimizzat il-valur miżjud tal-assi ta’ rescEU.

L-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija għandha tqis ukoll l-isfidi speċifiċi tal-kumulazzjoni ta’ riżervi u fil-provvista ta’ prodotti li jistgħu jinħażnu biss għal żmien qasir, bħal isotopi radjuattivi mediċi u l-materjali sors għall-produzzjoni tagħhom.

Azzjonijiet ewlenin:

·Il-Kummissjoni se ssaħħaħ ir-rescEU bħala r-riżerva tal-kapaċitajiet ta’ rispons fil-livell tal-UE. Din se tespandi biex tkopri aktar kapaċitajiet, wara konsultazzjoni mal-Istati Membri u fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tad-distakki, li tqis ukoll il-potenzjal għat-tnaqqis tal-vulnerabbiltà permezz tal-ottimizzazzjoni tal-użu tar-riżorsi u s-sostituzzjoni possibbli (ara l-Anness 2).

·Il-Kummissjoni se tiżgura r-riforniment tal-ħażniet ta’ rescEU wara l-użu, filwaqt li ssegwi approċċ proattiv għall-iżvilupp tal-kapaċità tarescEU.

·Il-Kummissjoni se taħdem biex tikkonsolida l-għodod eżistenti biex tiggwida l-assistenza in natura tas-settur privat bħala parti minn rescEU, kemm għall-preparatezza kif ukoll għar-rispons, bħala komplement għar-riżervi strateġiċi tal-UE.

4.Tisħiħ ta’ infrastruttura robusta u interoperabbli tat-trasport u tal-loġistika

L-iżgurar tad-disponibbiltà ta’ oġġetti essenzjali fi żminijiet ta’ kriżi fis-setturi u bejn il-fruntieri jiddependi fuq infrastruttura robusta u interoperabbli tat-trasport, tal-loġistika u tal-kumulazzjoni ta’ riżervi. Dan japplika matul iċ-ċiklu kollu tal-kumulazzjoni ta’ riżervi, mill-ġestjoni tal-ktajjen ta’ provvista sal-użu, u jinvolvi lill-partijiet kollha – l-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-settur militari u dak privat. Disturbi fil-ktajjen tal-loġistika jistgħu jħallu impatt serju fuq ir-rispons għall-kriżijiet, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE.

L-UE għandha ttejjeb il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni biex toħloq politiki u oqfsa regolatorji adattabbli għall-moviment transfruntier fi żminijiet ta’ kriżi u ta’ tfixkil. Dan jinkludi s-simplifikazzjoni tal-proċeduri għaċ-ċaqliq u l-allokazzjoni ta’ riżorsi bejn il-fruntieri u l-għoti ta’ flessibbiltà mmirata fir-regolamenti dwar it-trasport ( 18 ). Dan l-approċċ għandu jitqies fil-kuntest tal-ħidma li għaddejja bħalissa u dik li ġejja fuq il-mobbiltà militari, fejn l-iffaċilitar tat-trasport transfruntier bla xkiel madwar l-UE ta’ tagħmir u persunal militari, b’mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżi u ta’ tfixkil, huwa kruċjali għat-tisħiħ tal-preparatezza, tal-kapaċità ta’ rispons u tal-pożizzjoni ta’ deterrenza kredibbli tal-UE.

Barra minn hekk, l-UE għandha tiżgura li l-infrastruttura tal-kumulazzjoni ta’ riżervi tagħha tkun reżiljenti, sikura u aċċessibbli. Il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar il-ħtiġijiet u, meta possibbli, il-postijiet għar-riżervi hija kruċjali għall-iżvilupp tan-network tat-trasport kif xieraq. Il-kumulazzjoni ta’ riżervi tista’ tgħin ukoll biex tiġi salvagwardjata d-disponibbiltà tal-oġġetti meħtieġa biex jinżammu entitajiet kritiċi reżiljenti tat-trasport biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operat u jinżammu funzjonijiet vitali tat-trasport u tal-loġistika.

Fl-aħħar nett, is-sistemi interoperabbli ċivili u militari tat-trasport u tal-loġistika huma essenzjali biex jiġi żgurat il-moviment rapidu tal-persunal, tat-tagħmir u tal-ħażniet madwar l-UE matul il-kriżijiet u l-kunflitti. L-investiment fl-infrastruttura u fl-assi kritiċi tat-trasport għandu jingrana l-potenzjal tagħhom ta’ użu doppju. L-ippjanar ta’ postijiet tal-kumulazzjoni ta’ riżervi ċivili għandu jkun ikkoordinat aħjar mal-ħidma li għaddejja bħalissa fil-livell tal-UE fuq il-mobbiltà militari u b’mod partikolari l-pakkett ta’ mobbiltà militari li jmiss. Kwalunkwe valutazzjoni tar-riskju tal-kumulazzjoni ta’ riżervi għandha tidentifika u tevita konġestjonijiet f’rotot u f’nodi strateġiċi tat-trasport.

Azzjonijiet ewlenin:

·Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn in-Network ta’ Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali għat-Trasport għal koordinazzjoni mtejba fis-settur tat-trasport u n-network tal-UE għall-kumulazzjoni ta’ riżervi.

·Filwaqt li tibni fuq il-proċessi eżistenti, il-Kummissjoni, flimkien ma’ aġenziji rilevanti u partijiet ikkonċernati oħra, se taħdem biex tippromwovi t-tħejjija għall-kriżijiet f’konformità mal-Pjan ta’ Kontinġenza tal-UE għat-Trasport ( 19 ).

·Filwaqt li tqis debitament it-tħassib rilevanti dwar is-sigurtà, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), flimkien mal-Istati Membri, se jagħmlu ħilithom biex jallinjaw aħjar il-postijiet tal-kumulazzjoni ta’ riżervi mal-mobbiltà militari tal-UE. Huma se jippromwovu wkoll l-investiment fl-infrastruttura u fl-assi tat-trasport b’potenzjal ta’ użu doppju.

5.Titjib tal-kooperazzjoni ċivili-militari

F’bosta xenarji ta’ kriżi, bħal eventi ta’ temp estrem, l-awtoritajiet ċivili jeħtieġu appoġġ militari. Min-naħa l-oħra, approċċ li jkopri l-perikli kollha għall-preparatezza materjali tal-UE li jinvolvi t-tħejjija għall-kriżijiet u l-kunflitti fuq skala kbira, meta il-kooperazzjoni ċivili-militari hija indispensabbli. Il-ġlieda u l-ġestjoni effettivi tal-konsegwenzi tal-forom kollha ta’ attakki, inklużi t-theddid ibridu u l-aggressjoni armata, jiddependu b’mod sinifikanti fuq il-kapaċitajiet u r-riżorsi ċivili. Biex jiżviluppa u jżomm il-prontezza materjali, il-kapaċità loġistika u r-reżiljenza tiegħu, il-militar jiddependi fuq il-funzjonament ta’ sistemi usa’ tas-soċjetà.

Pereżempju, l-Istrateġija għall-Kontromiżuri Mediċi tenfasizza li l-kontromiżuri mediċi meħtieġa għall-użu ċivili fl-isptarijiet jew għall-użu militari tal-ewwel linji spiss ikunu l-istess. It-tisħiħ tal-kooperazzjoni ċivili-militari dwar il-kontromiżuri mediċi jsaħħaħ il-prontezza miltari u tas-soċjetà għall-emerġenzi u jagħti spinta lill-kapaċità tal-produzzjoni u tal-użu.

Il-proposta attwali tal-Kummissjoni għall-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea (EDIP, European Defence Industry Programme) fiha proposti maġġuri dwar attivitajiet ta’ kumulazzjoni ta’ riżervi militari, kif ukoll elementi ġodda rilevanti għall-kooperazzjoni ċivili-militari fil-preparatezza materjali. Hija tenfasizza l-ħtieġa għal reġim tal-UE għas-sigurtà tal-provvista għall-industrija tad-difiża, li għandu jippermetti lill-UE u lill-Istati Membri jantiċipaw u jindirizzaw il-konsegwenzi ta’ kriżijiet fil-provvista permezz ta’ diversi azzjonijiet, bħall-adattament ta’ prodotti ċivili u l-ħolqien ta’ riżervi strateġiċi. Ladarba jkun fis-seħħ, l-EDIP jipprovdi qafas għal aktar tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar il-kumulazzjoni ta’ riżervi militari, pereżempju permezz ta’ appoġġ finanzjarju għall-attivitajiet tal-kumulazzjoni ta’ riżervi relatati mad-difiża tal-Istati Membri. Hemm potenzjal ċar biex jiżdiedu l-interoperabbiltà, l-interkambjabbiltà u l-komplementarjetà tal-assi ċivili u tad-difiża, tal-oġġetti b’użu doppju u/jew tar-riżervi kondiviżi, meta rilevanti għaż-żewġ setturi, inkluż għall-infrastruttura b’użu doppju għall-komunikazzjonijiet, in-navigazzjoni u l-osservazzjoni bbażati fl-ispazju.

Fl-istess ħin, hemm lok għal kooperazzjoni u koordinazzjoni mtejba bejn il-partijiet ikkonċernati ċivili u militari fil-preparatezza materjali, inkluż sħab tal-istess fehma, speċjalment in-NATO. L-oqsma rilevanti għal kooperazzjoni u koordinazzjoni miżjuda jistgħu jinkludu s-sigurtà tal-provvisti u tal-istokkijiet, is-sigurtà tal-enerġija u tal-ilma, il-kontromiżuri mediċi u l-ġestjoni strateġika tar-riżorsi.

Azzjonijiet ewlenin: 

·Flimkien mas-SEAE, il-Kummissjoni se tiffaċilita diskussjonijiet fin-network tal-UE għall-kumulazzjoni ta’ riżervi biex jiġu skambjati l-aħjar prattiki dwar il-kooperazzjoni ċivili-militari, b’mod partikolari biex jiġi esplorat kif ir-riżervi ċivili jistgħu jqisu r-rekwiżiti u l-ħtiġijiet militari.

·Flimkien mas-SEAE, il-Kummissjoni se tespandi l-kooperazzjoni eżistenti tal-persunal man-NATO, b’mod partikolari permezz tad-Djalogu Strutturat dwar ir-Reżiljenza, biex tindirizza l-preparatezza materjali u l-kumulazzjoni ta’ riżervi.

6.Trawwim ta’ kooperazzjoni pubblika-privata 

Kuljum, in-negozji jakkwistaw, jipproduċu, jaħżnu u jiddistribwixxu oġġetti essenzjali u jimmaniġġaw infrastruttura kritika. Madankollu, huma dejjem aktar esposti għal riskji u theddid li jista’ jkollhom impatt fuq il-ktajjen ta’ provvista u l-operazzjonijiet normali tagħhom. F’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, dan it-tfixkil jista’ jikkostitwixxi riskji serji għas-soċjetà. Barra minn hekk, is-settur privat għandu għarfien espert sinifikanti rilevanti għall-preparatezza materjali, kif rikonoxxut fl-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika. L-involviment tan-negozji fil-fażijiet kollha tal-kumulazzjoni ta’ riżervi - l-antiċipazzjoni, il-ġestjoni tal-ktajjen ta’ provvista, il-kapaċitajiet tal-produzzjoni, ix-xiri, il-ġestjoni tar-riżervi u l-użu – huwa kruċjali biex tingħata spinta lill-effiċjenza. Fil-livell tal-UE, diġà jeżistu oqfsa differenti li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni pubblika-privata f’dan ir-rigward ( 20 ), iżda approċċ transettorjali aktar komprensiv u madwar l-UE jgħin biex jikkoordina u jikkumplementa dawn l-inizjattivi eżistenti.

It-Task Force għall-Preparatezza pubblika-privata li għandha tiġi stabbilita skont l-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza se tilħaq b’mod effettiv lir-rappreżentanti tan-negozji rilevanti biex tibni forma aktar aġli ta’ preparatezza li tista’ tindirizza jew tantiċipa l-konġestjonijiet jew ir-riskji tal-katina ta’ provvista u tappoġġa l-kumulazzjoni ta’ riżervi u l-produzzjoni ta’ emerġenza, meta meħtieġ. It-Task Force għall-Preparatezza pubblika-privata għandha tagħti input rilevanti fin-network tal-UE għall-kumulazzjoni ta’ riżervi.

Il-kooperazzjoni fit-Task Force għall-Preparatezza pubblika-privata tista’ tiffaċilita l-immappjar ta’ kumpaniji Ewropej ewlenin involuti fil-preparatezza materjali, abbażi ta’ kriterji ċari. Il-kooperazzjoni għandha tippromwovi wkoll l-iskambju tal-aħjar prattiki biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri u tal-kumpaniji biex isiru aktar reżiljenti għal xokkijiet interni u esterni għall-arranġamenti ta’ kumulazzjoni ta’ riżervi, f’konformità mar-regoli u l-prinċipji tal-kompetizzjoni u tas-suq uniku kif ukoll ma’ rekwiżiti minimi futuri potenzjali tal-preparatezza kif previst fl-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza.

Barra minn hekk, l-UE għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri u l-industrija fl-iżvilupp ta’ għodod għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar il-ktajjen kritiċi ta’ provvista u l-kumulazzjoni ta’ riżervi, filwaqt li tibni fuq oqfsa settorjali eżistenti, u f’konformità sħiħa mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE.

Barra minn hekk, huwa meħtieġ mudell tal-UE għal djalogu proattiv bejn is-setturi pubbliċi u privati biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-operat matul kriżijiet. L-iżvilupp ta’ proċeduri għall-provvista ta’ oġġetti essenzjali f’emerġenzi, għal operazzjonijiet konġunti tal-kumulazzjoni ta’ riżervi u sħubijiet f’każ ta’ kriżi ma’ kumpaniji loġistiċi jista’ jkun ta’ benefiċċju. L-għarfien espert tas-settur privat għandu jintuża fil-promozzjoni tal-iżvilupp ta’ ġestjoni innovattiva ta’ riżervi, inklużi riżervi virtwali.

L-Istati Membri implimentaw mudelli ta’ suċċess biex jinċentivaw il-kooperazzjoni mas-settur privat fil-kumulazzjoni ta’ riżervi strateġiċi biex jikkumpensaw għall-kostijiet addizzjonali involuti fil-kumulazzjoni ta’ riżervi, pereżempju inċentivi tat-taxxa u skemi ta’ garanzija. Dawn il-mudelli għandhom jiġu esplorati aktar mas-settur privat u jiġu kondiviżi bejn l-Istati Membri.

Azzjonijiet ewlenin:

·In-network tal-UE għall-kumulazzjoni ta’ riżervi se jimmappja u jidentifika l-aħjar prattiki, soluzzjonijiet u inċentivi ġodda biex jagħmilha attraenti biex il-kumpaniji jikkontribwixxu għal reżiljenza akbar u għall-provvista ta’ oġġetti essenzjali. Huwa se jorbot dan ma’ riflessjonijiet dwar l-awtonomija strateġika.

·Linja ta’ ħidma dedikata fit-Task Force għall-Preparatezza pubblika-privata prevista skont l-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza se tiddiskuti kriterji li għandhom jintużaw fl-immappjar ta’ kumpaniji Ewropej ewlenin involuti fil-produzzjoni ta’ oġġetti essenzjali u fl-iffaċilitar tal-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-iżgurar ta’ prodotti essenzjali fi kriżijiet, li jkopru s-sigurtà tal-katina ta’ provvista, l-effiċjenza u ċ-ċirkolarità tar-riżorsi , l-interoperabbiltà, mudelli innovattivi ta’ kumulazzjoni ta’ riżervi, il-ġestjoni tal-kumulazzjoni ta’ riżervi, l-iżgurar tar-rotazzjonijiet tal-istokkijiet u l-użu tar-riżervi.

7.Trawwim tal-kooperazzjoni f’azzjoni esterna u fi sħubijiet internazzjonali

Fid-dinja interkonnessa tal-lum, l-iżgurar tal-aċċess għal oġġetti essenzjali matul il-kriżijiet jiddependi fuq ktajjen ta’ provvista globali. Is-sigurtà u r-reżiljenza tal-UE u tal-viċinat tagħha huma interkonnessi mill-qrib u jikkostitwixxu fattur ta’ stabbiltà. Bit-trawwim ta’ sħubijiet internazzjonali, l-iskambju ta’ prattiki tajbin u l-użu tal-għodod ta’ politika esterna tagħha, l-UE tista’ ttejjeb il-preparatezza materjali tagħha.

L-UE għandha ssaħħaħ aktar il-kooperazzjoni fil-preparatezza materjali ma’ pajjiżi ġirien, filwaqt li tibni fuq il-kooperazzjoni eżistenti, bħal mal-Istati Parteċipanti tal-UCPM ( 21 ), jew mal-pajjiżi sħab fis-Sistema komunitarja ta’ skambju ta’ informazzjoni radjoloġika urġenti (ECURIE) għal emerġenzi radjoloġiċi ( 22 ). Il-Patt Ġdid li jmiss għall-Mediterran se joffri aktar opportunitajiet ma’ pajjiżi fil-baċir tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani, u l-Istrateġija tal-UE għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed ( 23 ) li tnediet dan l-aħħar se żżid il-preparatezza tal-Ewropa billi ttejjeb it-trasport, l-enerġija u l-konnessjonijiet diġitali. Il-finanzjament minn strumenti bħall-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI - Global Europe, Neighbourhood, Development and International Cooperation Instrument) jew l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni III huma essenzjali għall-ħolqien ta’ reżiljenza reċiproka. Barra minn hekk, l-UE għandha tislet b’mod speċifiku tagħlimiet mill-esperjenza tal-Ukrajna fl-iżgurar tal-provvista ta’ oġġetti essenzjali matul kunflitt armat. Barra minn hekk, l-UE għandha tinkludi lill-Ukrajna b’mod aktar sistematiku fl-isforzi tagħha ta’ kumulazzjoni ta’ riżervi, inkluż fil-ktajjen ta’ provvista Ewropej, minħabba l-esperjenzi tal-Ukrajna

Biex jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet tal-katina ta’ provvista u tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha, l-UE għandha ssaħħaħ il-ftehimiet u l-alleanzi bilaterali internazzjonali strateġiċi eżistenti, u, meta xieraq, tiżviluppa aktar jew toħloq sħubijiet imfassla apposta u ta’ benefiċċju reċiproku ma’ pajjiżi mhux tal-UE f’setturi bħall-enerġija, is-saħħa, l-ilma, id-difiża u l-materja prima, filwaqt li tikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli. Is-sħubijiet ta’ benefiċċju reċiproku skont l-Istrateġija Global Gateway għandhom jiġu ingranati meta rilevanti. Barra minn hekk, għandu jsir użu minn għodod bħal Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles, Sħubijiet għal Kummerċ u Investimenti Nodfa, Sħubijiet strateġiċi dwar il-materja prima, jew fil-futur, sħubijiet strateġiċi dwar mediċini kritiċi u Sħubijiet Diġitali.

L-UE għandha żżid aktar il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u f’fora multilaterali. Pereżempju, il-parteċipazzjoni tal-UE fl-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE), b’mod partikolari fil-Programm għas-Sigurtà tal-Minerali Kritiċi, u s-sħubija tal-UE mal-Organizzazzjoni tal-Ġappun għall-Metalli u s-Sigurtà tal-Enerġija (JOGPEC, Japan Organisation for Metals and Energy Security) għat-traċċar ta’ materja prima kritika huma notevoli, kif huwa l-involviment f’Gavi, l-Alleanza għall-Vaċċini fis-settur tas-saħħa, għall-kumulazzjoni ta’ riżervi ta’ vaċċini fid-dinja.

L-UE għandha tuża wkoll politiki ekonomiċi u ta’ kooperazzjoni esterni biex tappoġġa l-infrastruttura rilevanti diġitali, tat-trasport u tal-loġistika. L-aċċess miftuħ u sikur għall-beni komuni globali u għad-dominji strateġiċi, bħal rotot tal-provvista marittima u kejbils sottomarini, huwa vitali wkoll għas-sigurtà tal-provvista. Il-kejbil sottomarin MEDUSA, appoġġat mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Bank Ewropew tal-Investiment Globali, se jipprovdi konnettività b’veloċità għolja bejn ix-xtut tat-Tramuntana u dawk tan-Nofsinhar tal-Mediterran u se jiġi estiż sal-Afrika tal-Punent. Barra minn hekk, ir-Rotta tat-Trasport Internazzjonali Trans-Kaspju u t-12-il Rotta ta’ Prijorità ta’ Global Gateway fl-Afrika huma eżempji ewlenin tal-fokus tal-UE fuq l-istabbiliment ta’ rotot alternattivi u sostenibbli tat-trasport. Il-Kuritur Ekonomiku propost bejn l-Indja, il-Lvant Nofsani u l-Ewropa (IMEC, India-Middle East-Europe Economic Corridor) se jkollu l-potenzjal li jsaħħaħ il-konnettività madwar il-kontinenti.

Fl-iżvilupp tal-istrateġiji tagħha għall-kumulazzjoni ta’ riżervi, l-UE għandha tiżgura li tali miżuri ma jimminawx is-sigurtà globali tal-ikel. F’dan il-kuntest, l-UE se tkompli bl-involviment tagħha f’oqfsa ta’ kooperazzjoni internazzjonali bħall-inizjattiva tas-Sistema ta’ Informazzjoni dwar is-Swieq Agrikoli (AMIS, Agricultural Market Information System) tal-G20 li tippromwovi t-trasparenza u l-koordinazzjoni fis-swieq agroalimentari globali.

Fl-aħħar nett, l-UE għandha żżid is-sinerġiji bejn l-isforzi interni u esterni tal-UE għall-kumulazzjoni ta’ riżervi, l-għajnuna umanitarja u s-sħubijiet internazzjonali. Ir-riflessjonijiet attwali dwar il-ktajjen ta’ provvista strateġiċi jistgħu jwasslu għal kisbiet sinifikanti fl-effiċjenza bil-ħsieb tad-distakki drammatiċi attwali fil-finanzjament fis-settur umanitarju u jistgħu jservu bħala eżempju għal titjib fl-effiċjenza fl-UE. ReliefEU tnaqqas id-distakk bejn il-ħtiġijiet urġenti f’żoni milquta minn kriżi u r-riżorsi disponibbli mis-sħab Ewropej. Hija tikkontribwixxi għal sistema flessibbli u reattiva li tadatta kemm għal diżastri immedjati kif ukoll għall-isfidi umanitarji li jkunu għaddejjin, filwaqt li tiżgura li r-riżorsi jitwasslu b’mod effettiv u effiċjenti fejn ikunu l-aktar meħtieġa.

Azzjonijiet ewlenin:

·L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE għandhom isaħħu l-kollaborazzjoni ma’ pajjiżi tal-viċinat, ma’ pajjiżi tal-istess fehma u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali dwar it-tħejjija għall-kriżi, bħal fil-qasam tal-emerġenzi tas-saħħa.

·Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri lejn koordinazzjoni aktar mill-qrib fuq riżervi, filwaqt li tesplora l-opzjonijiet għal akkwist konġunt u ħżin kondiviż madwar id-dinja, f’kooperazzjoni u f’koordinazzjoni mal-awtoritajiet Reġjonali dwar ir-Rispons fil-każ ta’ Diżastru biex tiffaċilita d-dispaċċ malajr u ottimali ta’ oġġetti tal-għajnuna umanitarja.

·Il-Kummissjoni se ttejjeb is-sinerġiji bejn l-isforzi interni u esterni tal-UE għall-kumulazzjoni ta’ riżervi.

8.Konklużjoni u passi li jmiss

It-tisħiħ tal-preparatezza materjali u tar-riżervi strateġiċi tal-UE huwa komponent kruċjali biex tissaħħaħ il-preparatezza fis-soċjetajiet Ewropej taħt riskji u theddid ta’ kriżi li qed jiżdiedu. L-Istrateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tal-UE tipprovdi pass inizjali lejn approċċ komprensiv u koordinat, filwaqt li tappoġġa lill-Istati Membri b’azzjonijiet konġunti fil-livell tal-UE meta meħtieġ.

Il-preparatezza materjali tirrikjedi l-investimenti. Dawn il-kostijiet huma megħluba minn gwadanji fir-reżiljenza, tnaqqis fit-tfixkil, nefqa aktar baxxa għall-irkupru, żieda fil-kompetittività fit-tul u kostijiet li x’aktarx ikunu aktar baxxi f’termini ta’ ħajjiet u ta’ għajxien. Il-prinċipju tal-preparatezza u tas-sigurtà sa mit-tfassil, azzjoni ewlenija tal-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza, se jkollu rwol sinifikanti fl-iżgurar ta’ appoġġ finanzjarju sostenibbli u fit-tul għal preparatezza materjali u żamma tar-riżervi strateġiċi mtejba. Il-Kummissjoni se tqis l-importanza tal-preparatezza materjali u taż-żamma tar-riżervi strateġiċi tal-UE fil-proposti għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.

Fil-futur, il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha mal-Istati Membri, mas-SEAE, mal-Parlament Ewropew u mal-partijiet ikkonċernati biex tiddiskuti u timplimenta l-azzjonijiet inizjali stabbiliti f’din l-istrateġija. Il-flussi ta’ ħidma tan-network għall-kumulazzjoni tar-riżervi tal-UE u t-Task Force għall-Preparatezza se jagħmluha possibbli li tiġi approfondita l-analiżi tad-distakki u tal-ħtiġijiet, li tiġi ggwidata l-implimentazzjoni tal-miżuri u li jiġu identifikati aktar ħtiġijiet għal azzjoni. B’mod parallel, l-Istrateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tal-UE se tikkomplementa l-inizjattivi ta’ preparatezza settorjali. Fl-2026, il-Kummissjoni se tieħu rendikont tal-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija.

It-tagħlim kontinwu, il-kondiviżjoni ta’ prattiki tajbin u l-innovazzjoni se jixprunaw politika robusta u mifruxa mal-UE kollha dwar il-preparatezza materjali u l-kumulazzjoni ta’ riżervi.

Billi ssaħħaħ il-preparatezza materjali tagħha, l-UE tista’ tiżgura d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta’ oġġetti essenzjali, biex b’hekk tissalvagwardja l-funzjonament mingħajr interruzzjoni tal-ktajjen ta’ provvista u l-funzjonijiet vitali tas-soċjetà u ttejjeb il-benesseri u s-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej.

(1) () JOIN (2025) 130 final – Strateġija Ewropea għal Unjoni tal-Preparatezza.
(2) ()    Għall-fini ta’ din l-istrateġija, “oġġetti” tinkludi materja prima u sekondarja, komoditajiet, riżorsi naturali, prodotti, tagħmir, eċċ. It-terminu jintuża f’sens wiesa’ mingħajr preġudizzju għad-definizzjonijiet u t-termini speċifiċi użati f’oqfsa settorjali.
(3) ()    Il-funzjonijiet vitali tas-soċjetà huma sistemi u strutturi fundamentali li jippermettu lil soċjetà topera, filwaqt li jissalvagwardjaw lis-soċjetajiet, l-ekonomiji, il-kulturi u l-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna fi kwalunkwe ċirkostanza. Dawn il-funzjonijiet jinkludu, l-ewwel u qabel kollox, is-sikurezza tal-popolazzjoni tal-UE, li tinkludi l-protezzjoni minn diżastri naturali, il-kontinwità governattiva u t-teħid tad-deċiżjonijiet, il-proċessi demokratiċi, il-koeżjoni soċjali u l-istabbiltà ekonomika u s-sigurtà interna u esterna. Huma jiffurmaw il-pedament ta’ soċjetà stabbli u sigura.
(4) ()    L- istrateġiji tal-Unjoni tal-Ugwaljanza jippromwovu aċċess ugwali għas-saħħa għal kulħadd.
(5) ()    Bħall-Protect EU - l-Istrateġija ta’ Sigurtà Interna, l-Istrateġija ta’ Sigurtà Ekonomika, il-White Paper dwar il-Ġejjieni tad-Difiża Ewropea, il-Boxxla għall-Kompetittività tal-UE, l-Istrateġija Ewropea għar-Reżiljenza tal-Ilma, il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari, l-Att dwar l-Emerġenzi u r-Reżiljenza tas-Suq Intern (IMERA Internal Market Emergency and Resilience Act), l-Att dwar il-Materja Prima Kritika, il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UPCM, Union Civil Protection Mechanism), id-Direttiva dwar il-Ħażniet taż-Żejt (li bħalissa tinsab taħt reviżjoni) , ir-Regolament dwar il-Ħażniet tal-Gass tal-UE, l-Att futur dwar il-Mediċini Kritiċi, u l-Istrateġija għall-Kontromiżuri Mediċi.
(6) ()    Pereżempju, l-Istrateġija l-ġdida għall-Kontromiżuri Mediċi u l-pjan strateġiku tal-UE tagħha għall-kumulazzjoni ta’ riżerva ta’ kontromiżuri mediċi (COM(2025) 529 final).
(7) ()    Is-sistemi ta’ skambju ta’ informazzjoni settorjali eżistenti jinkludu pereżempju, is-Sistema Komunitarja ta’ Skambju ta’ Informazzjoni Radjoloġika Urġenti (ECURIE, European Community Urgent Radiological Information Exchange System) għal emerġenzi radjoloġiċi u nukleari; is-Sistema ta’ Twissija Bikrija u ta’ Rispons (EWRS, Early Warning and Response System) għal theddid bijoloġiku, kimiku u transfruntier serju għas-saħħa mhux magħruf (skont ir-Regolament 2022/2372); is-Sistema Komuni ta’ Komunikazzjoni u Informazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (CECIS, Common Emergency Communication and Information System) (skont id-Deċiżjoni 1313/2013/UE dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili).
(8) ()    Eżempji tajbin ta’ inizjattivi ġodda dwar l-aggregazzjoni tad-domanda u x-xiri konġunt jinkludu AggregateEU, il-mekkaniżmi li jmiss dwar l-idroġenu, u ċ-Ċentru tal-UE għall-Materja Prima Kritika. Ix-xiri konġunt ta’ kontromiżuri mediċi ilu jsir mill-2014.
(9) ()    F’konformità mar-rekwiżiti tal-UE tas-sikurezza alimentari u mad-dritt tal-kompetizzjoni.
(10) ()    Jew jibni fuq u jikkomplementa listi li jistgħu jiġu żviluppati taħt mekkaniżmi rilevanti bħall-Att dwar l-Emerġenzi u r-Reżiljenza tas-Suq Intern.
(11) ()    Xi oqfsa legali eżistenti jew proposti tal-UE jinkludu miżuri biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ prodotti essenzjali speċifiċi bħall-gass u ż-żejt, kontromiżuri mediċi, mediċini kritiċi, materja prima, kapaċitajiet tal-protezzjoni ċivili, semikondutturi, vaċċini tal-annimali, u karti tal-flus tal-euro. Madankollu, dawn il-miżuri spiss ikollhom kamp ta’ applikazzjoni limitat. L-IMERA għandu fokus usa’ u jista’ jidentifika oġġetti rilevanti għall-kriżijiet jekk attivat taħt il-viġilanza jew il-modalità ta’ emerġenza tiegħu.
(12) ()    Valutazzjonijiet tar-riskju perjodiku obbligatorji: id-Direttiva (UE) 2022/2557 dwar ir-Reżiljenza tal-Entitajiet Kritiċi, id-Direttiva (UE) 2020/2184 dwar l-Ilma tax-Xorb; rapporti tax-xenarju tat-theddid: ( ENISA ) ix-xenarju tat-theddid annwali u l-istat ta’ sentejn tar-rapporti dwar iċ-ċibersigurtà; il-valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet tal-katina ta’ provvista ta’ mediċini kritiċi fil-proposta tal-Kummissjoni li tirrevedi l-leġiżlazzjoni dwar il-farmaċewtika (COM(2023) 193 final); studji mmirati dwar il-vulnerabbiltajiet tal-katina ta’ provvista: Assessment on supply chain vulnerabilities on the first tranche of critical medicines (Valutazzjoni dwar il-vulnerabbiltajiet tal-katina ta’ provvista fl-ewwel segment ta’ mediċini kritiċi) , HERA 2024; Risks and vulnerabilities in the EU food supply chain (Riskji u vulnerabbiltajiet fil-katina ta’ provvista tal-ikel tal-UE) , JRC 2023; pjattaformi għal valutazzjonijiet u analiżi regolari: EU Observatory of Critical Technologies (Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi tal-UE) ; studji ad hoc dwar is-suq tad-domanda u tal-provvista: EU security market study (Studju tas-suq tas-sigurtà tal-UE) , 2022; valutazzjonijiet tar-riskju rilevanti oħrajn: European Climate Risk Assessment (Valutazzjoni tar-Riskju Klimatiku fl-Ewropa) , l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, 2024; Risk assessments for critical technology areas (Valutazzjonijiet tar-riskju tal-oqsma teknoloġiċi kritiċi) fil-kuntest tal-Istrateġija għas-Sigurtà Ekonomika.
(13) ()    Eżempji ta’ tali monitoraġġ jinkludu s- sistema ta’ notifika ta’ twissija tal-katina ta’ provvista (SCAN, supply chain alert notification system) , għodda ta’ monitoraġġ kważi f’ħin reali, użata għal materja prima ewlenija f’teknoloġiji ekoloġiċi u f’ċerti ktajjen tal-provvista tas-semikondutturi; l- EU food supply and security dashboards (id-dashbords tal-UE għall-provvista u s-sigurtà tal-ikel) ; sommarji dwar l-istokkijiet taż-żejt grezz u/jew tal-prodotti petroliferi skont id-Direttiva tal-UE dwar il-Ħażna taż-Żejt; il-monitoraġġ mill- Aġenzija Fornitriċi tal-Euratom ta’ uranju b’arrikkiment baxx u b’assaġġ għoli, u ta’ isotopi radjuattivi mediċi; il- Pjattaforma Ewropea għall-Monitoraġġ tan-Nuqqasijiet dwar id-disponibbiltà u l-provvista ta’ mediċini għall-bniedem u d-domanda għalihom f’ċerti sitwazzjonijiet; is- sistema ta’ Sorveljanza Doganali tal-UE li timmonitorja l-moviment lejn u barra mill-UE u li tipproteġi kontra l-frodi u l-kummerċ illeċitu ta’ oġġetti essenzjali.
(14) ()     Supply chain analysis and material demand forecast in strategic technologies and sectors in the EU (Analiżi tal-katina ta’ provvista u tbassir tad-domanda materjali f’teknoloġiji u setturi strateġiċi fl-UE) – Studju ta’ prospettiva, il-Kummissjoni Ewropea, 2023.
(15) ()    Il-proposta għar- Riforma Doganali tal-UE , partikolarment il-Pjattaforma tad-Data Doganali tal-UE hija rilevanti, u għandha l-għan li ttejjeb il-ġestjoni tar-riskju bil-kondiviżjoni u l-analiżi tad-data f’ħin reali fl-Istati Membri kollha biex tiġi żgurata protezzjoni aħjar kontra l-frodi u l-kummerċ illeċitu, u l-ġbir u l-analiżi ta’ informazzjoni rilevanti dwar oġġetti essenzjali.
(16) ()    Ara wkoll il-Kapitolu 6 - Trawwim ta’ kooperazzjoni pubblika-privata.
(17) ()    Il- Patt għal Industrija Nadifa : pjan direzzjonali konġunt għall-kompetittività u d-dekarbonizzazzjoni, COM (2025)85 final. Kwalunkwe tali xiri konġunt se jsir f’konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE.
(18) ()    Pereżempju, matul il-kriżi tal-COVID-19, l-inizjattiva ta’ Korsiji Ħodor kellha l-għan li tiżgura li l-qsim tal-fruntieri, li jinkludi l-kontrolli u l-iskrinjar għall-ħaddiema tat-trasport, ma jiħux aktar minn 15-il minuta. B’rispons għall-imblokk mir-Russja tal-oġġetti lejn u mill-Ukrajna permezz tal-portijiet tal-Baħar l-Iswed tagħha, il-Kummissjoni introduċiet il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Korsiji ta’ Solidarjetà, li jassisti lill-Ukrajna fl-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ oġġetti bl-użu ta’ rotot loġistiċi alternattivi permezz ta’ linji tal-ferroviji, toroq u passaġġi fuq l-ilma interni. Matul il-kriżijiet imsemmija hawn fuq, is-Sistema ta’ Ġestjoni tar-Riskji Doganali (CRMS2, Customs Risk Management System) bl-iskambju ta’ informazzjoni doganali relatata mar-riskju, ippermettiet valutazzjonijiet tar-riskju aktar malajr u aktar preċiżi bl-ingranaġġ tal-awtomatizzazzjoni, u bil-kondiviżjoni ta’ intelligence. Dan ippermetta lill-awtoritajiet doganali jidentifikaw malajr vjeġġi b’riskju għoli filwaqt li jħaffu l-awtorizzazzjoni ta’ merkanzija kritika. 
(19) ()    Pjan ta’ kontinġenza għat-trasport (COM (2022) 211 final).
(20) () Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Tħejjija u Rispons għall-Kriżijiet tas-Sigurtà tal-Ikel (EFSCM, European Food Security Crisis preparedness and response Mechanism), id-Direttivi dwar l-NIS2 u dwar ir-Reżiljenza tal-Entitajiet Kritiċi (CER, Critical Entities Resilience) (Nri 2022/2555 u 2022/2557 rispettivament), l-UCPM, l-Att dwar il-Materja Prima Kritika, id-Direttiva dwar l-Ilma Urban Mormi, l-Att dwar il-Mediċini Kritiċi, l-Istrateġija Ewropea għar-Reżiljenza tal-Ilma u l-Istrateġija għall-Kontromiżuri Mediċi. F’xi oqsma, talbiet obbligatorji għall-informazzjoni jistgħu jiġu diretti lejn operaturi privati f’emerġenza (eż. l-Att dwar iċ-Ċipep, l-EDIP, l-IMERA, ir-Regolament dwar Qafas għall-Emerġenzi għall-Kontromiżuri Mediċi).
(21) () L-Albanija, il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Iżlanda, il-Moldova, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, in-Norveġja, is-Serbja, it-Turkija u l-Ukrajna.
(22) ()    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 1987 dwar arranġamenti tal-Komunità għal skambju minn kmieni ta’ tagħrif fil-każ ta’ emerġenza radjoloġika u r-Rakkomandazzjoni 2000/473/ Euratom. L-Istati Membri kollha tal-UE huma parti kif ukoll il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ fuq, in-Norveġja, is-Serbja u l-Iżvizzera.
(23) ()    JOIN(2025) 135 final – L-approċċ strateġiku tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tal-Baħar l-Iswed.
Top

Brussell, 9.7.2025

COM(2025) 528 final

ANNESS

tal-

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni

Strateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tal-UE: Nagħtu spinta lill-preparatezza materjali tal-UE għall-kriżijiet


ANNESS 1: Oqfsa legali u ta’ politika tal-UE rilevanti għall-preparatezza materjali inklużi fl-immappjar

Agrikoltura u sajd

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671–854) 

Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1–21) 

COM (2021) 689 final - Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan ta’ kontinġenza biex jiġu żgurati l-provvista tal-ikel u s-sigurtà alimentari fi żminijiet ta’ kriżi (2021)

Saħħa tal-annimali

Ir-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trażmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1–208)

Ir-Regolament (UE) 2019/6 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar prodotti mediċinali veterinarji (ĠU L 004 7.1.2019, p. 43-167)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/139 tas-16 ta’ Novembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward il-ġestjoni, il-ħżin u r-riforniment tal-istokkijiet tal-banek tal-Unjoni tal-antiġeni, tal-vaċċini u tar-reaġenti dijanjostiċi, u rigward ir-rekwiżiti tal-bijosigurtà, tal-bijosikurezza u tal-bijokonteniment għat-tħaddim ta’ dawk il-banek (ĠU L 23, 2.2.2022, p. 1-10)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/140 tas-16 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-banek tal-Unjoni tal-antiġeni, tal-vaċċini u tar-reaġenti dijanjostiċi

Entitajiet kritiċi u sistemi tan-Network u tal-Informazzjoni

Id-Direttiva (UE) 2022/2555 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni (Direttiva NIS 2) (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 80–152)

Id-Direttiva (UE) 2022/2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi (ĠU L 333, 27.12.2022, p. 164–198)

Dwana

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1–101)    

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1–557) 

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558–893)

Difiża u spazju

JOIN/2017/41 final – Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Intejbu l-Mobbiltà Militari fl-Unjoni Ewropea

JOIN/2023/9 final – Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża

Ir-Regolament (UE) 2023/1525 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2023 dwar l-appoġġ għall-produzzjoni tal-munizzjon (ASAP) (ĠU L 185, 24.7.2023) 

COM/2024/150 final - Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm għall-Industrija tad-Difiża Ewropea u qafas ta’ miżuri biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-provvista f’waqthom ta’ prodotti tad-difiża (“EDIP”)

JOIN/2025/120 final – White Paper Konġunta għall-Prontezza tad-Difiża Ewropea 2030 (2025)

Teknoloġiji diġitali

Ir-Regolament (UE) 2021/1153 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (2021)

Ir-Regolament (UE) 2023/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Settembru 2023 dwar li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tas-semikondutturi u li jemenda r-Regolament (UE) 2021/694 (l-Att dwar iċ-Ċipep) (ĠU L 229, 18.9.2023, p. 1–53)

JOIN (2025) 9 final – Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar is-Sigurtà tal-Kejbils (2025)

Enerġija

Id-Direttiva 2009/119/KE tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi (ĠU L 265, 9.10.2009, p. 9–23) 

Ir-Regolament (UE) 2022/1032 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ Ġunju 2022 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2017/1938 u (KE) Nru 715/2009 fir-rigward tal-ħżin tal-gass (ĠU L 173, 30.6.2022)

COM/2025/99 final - Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1938 fir-rigward tar-rwol tal-ħżin tal-gass għall-iżgurar tal-provvisti tal-gass qabel l-istaġun tax-xitwa

Affarijiet ekonomiċi u finanzjarji

Stokk Strateġiku tal-Eurosistema/ Stokk ta’ Kontinġenza sjieda tal-BĊE ta’ karti tal-flus tal-euro (regolat minn att legali tal-BĊE mhux pubbliku)

Ambjent u klima

 

Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma

Id-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar 

Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE)

Id-Direttiva (UE) 2020/2184  tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (riformulazzjoni) (ĠU L 435, 23.12.2020, p. 1–62)

COM/2020/98 final – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari Għal Ewropea aktar nadifa u kompetittiva

Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1–17)

COM/2021/82 final – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Insawru Ewropa reżiljenti għall-klima - l-Istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima

Ir-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar il-batteriji u l-iskart ta’ batteriji, li jemenda d-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (UE) 2019/1020 u li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE  

Ir-Regolament (UE) 2024/1781  tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 li jistabbilixxi qafas għall-istabbiliment ta’ rekwiżiti tal-ekodisinn għal prodotti sostenibbli (ĠU L, 2024/1781, 28.6.2024)

Id-Direttiva (UE) 2024/3019 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2024 dwar it-trattament tal-ilma mormi urban (riformulazzjoni) (ĠU L 3019 12.12.2024, p. 1)

COM/2024/91 final – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Il-ġestjoni tar-riskji klimatiċi - nipproteġu l-poplu u l-prosperità

COM/2025/280 final  - Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Strateġija Ewropea għar-Reżiljenza tal-Ilma (test mhux disponibbli bil-Malti)

Sigurtà tal-ikel

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1–24)

Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1–54)

Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta’ iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55–205)

Saħħa tal-bniedem u kontromiżuri mediċi

Id-Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67–128) 

Ir-Regolament (KE) Nru 726/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 li jistabbilixxi proċeduri tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (ĠU L 136 30.4.2004, p. 1-33)

Ir-Regolament (UE) 2017/745 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi, li jemenda d-Direttiva 2001/83/KE, ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 u r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 90/385/KEE u 93/42/KEE (ĠU L 117 5.5.2017, p. 1-175)

Ir-Regolament (UE) 2017/746 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2017 dwar apparati mediċi dijanjostiċi in vitro u li jħassar id-Direttiva 98/79/KE u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/227/UE (ĠU L 117, 5.5.2017, p. 176–332)

C/2021/6712 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Settembru 2021 li tistabbilixxi l-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa 2021/C 393 I/02 (ĠU C 393I, 29.9.2021, p. 3–8)

Ir-Regolament (UE) 2022/123  tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Jannar 2022 dwar rwol imsaħħaħ għall-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini fit-tħejjija għall-kriżijiet u fil-maniġġar tagħhom għall-prodotti mediċinali u għall-apparati mediċi (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 1–37)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/140 tas-16 ta’ Novembru 2021 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-banek tal-Unjoni tal-antiġeni, tal-vaċċini u tar-reaġenti dijanjostiċi

Ir-Regolament (UE) 2022/2371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Novembru 2022 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa (ĠU L 314, 6.12.2022, p. 26–63) 

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2372 tal-24 ta’ Ottubru 2022 dwar qafas ta’ miżuri għall-iżgurar tal-provvista ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi fil-każ ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni (ĠU L 314, 6.12.2022, p. 64–78)

COM/2023/190 final – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Riforma tal-leġiżlazzjoni farmaċewtika u miżuri li jindirizzaw ir-reżistenza għall-antimikrobiċi

2023/C 220/01 Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tal-azzjonijiet tal-UE għall-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi f’approċċ “Saħħa Waħda” (ĠU C 220, 22.6.2023, p. 1–20)

COM/2023/192 final - Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kodiċi tal-Unjoni relatat mal-prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem

COM/2023/193 final - Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi proċeduri tal-Unjoni għall-awtorizzazzjoni u għas-superviżjoni ta’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem u li jistabbilixxi r-regoli li jirregolaw l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini 

COM/2025/102 final - Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għat-tisħiħ tad-disponibbiltà u s-sigurtà tal-provvista ta’ prodotti mediċinali kritiċi kif ukoll id-disponibbiltà ta’ prodotti mediċinali ta’ interess komuni u l-aċċessibbiltà tagħhom

Assistenza umanitarja u protezzjoni Ċivili

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja (ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1–6)

Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (ĠU L 208 5.8.2002, p. 1)

2008/C 25/ 01 - Dikjarazzjoni Konġunta mill-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fil-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea - Il-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja (ĠU C 25, 30.1.2008, p. 1–12)

Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (test konsolidat)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta’ Marzu 2016 dwar l-għoti ta’ appoġġ ta’ emerġenza fl-Unjoni (ĠU L 70, 16.3.2016, p. 1–6) 

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/570 tat-8 ta’ April 2019 li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kapaċitajiet tar-rescEU u li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/762/UE (test konsolidat)

COM/2021/110 final - Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-azzjoni umanitarja tal-UE: sfidi ġodda, l-istess prinċipji

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/704 tal-10 ta’ April 2025 li tistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u li tħassar id-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/762/UE u (UE) 2019/1310 (ĠU L, 2025/704, 15.4.2025)

Suq Intern

JOIN/2023/20 final – Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar “Strateġija Ewropea ta’ Sigurtà Ekonomika”

Ir-Regolament (UE) 2024/1252 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 li jistabbilixxi qafas li jiżgura provvista sigura u sostenibbli tal-materja prima kritika (ĠU L, 2024/1252, 3.5.2024)

Ir-Regolament (UE) 2024/2747 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2024 li jistabbilixxi qafas ta’ miżuri relatati ma’ emerġenzi tas-suq intern u mar-reżiljenza tas-suq intern (Att dwar l-Emerġenzi u r-Reżiljenza tas-Suq Intern) (ĠU L, 2024/2747, 8.11.2024) 

COM/2025/30 final – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Boxxla għall-Kompetittività tal-UE

Kontromiżuri Mediċi

C/2021/6712 - Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Settembru 2021 li tistabbilixxi l-Awtorità għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa 2021/C 393 I/02 (ĠU C 393I, 29.9.2021, p. 3–8)

COM/2021/576 final - Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Introduzzjoni tal-HERA, l-Awtorità tal-UE għat-Tħejjija u għar-Rispons f’Każ ta’ Emerġenza tas-Saħħa, il-pass li jmiss biex titlesta l-Unjoni Ewropea tas-Saħħa

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2022/2372 tal-24 ta’ Ottubru 2022 dwar qafas ta’ miżuri għall-iżgurar tal-provvista ta’ kontromiżuri mediċi rilevanti għall-kriżi fil-każ ta’ emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell tal-Unjoni (ĠU L 314, 6.12.2022, p. 64–78) 

Negozju

Ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (ĠU L 79I, 21.3.2019, p. 1–14)

Trasport

Ir-Regolament (UE) 2016/1625  tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (ĠU L 251, 16.9.2016, p. 77–79)

2020/CI/96 I/01 – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor skont il-Linji Gwida għall-miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali

COM/2020/685 final - Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill naġġornaw il-Korsiji Ħodor tat-trasport biex l-ekonomija tibqa’ għaddejja matul iż-żieda mill-ġdid fl-għadd ta’ każijiet tal-pandemija tal-COVID-19

COM/2022/211 final – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Pjan ta’ kontinġenza għat-trasport

COM/2022/217 final – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Pjan ta’ azzjoni għall-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna sabiex jiġu ffaċilitati l-esportazzjonijiet agrikoli tal-Ukrajna u l-kummerċ bilaterali mal-UE

Ir-Regolament (UE) 2024/1679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2024 dwar linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-network trans-Ewropew tat-trasport (ĠU L, 2024/1679, 28.6.2024) 

Top

Brussell, 9.7.2025

COM(2025) 528 final

ANNESS

tal-

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni

Strateġija għall-Kumulazzjoni tar-Riżervi tal-UE: Nagħtu spinta lill-preparatezza materjali tal-UE għall-kriżijiet


ANNESS 2 – Il-futur tar-riżervi tar-rescEU 

 

Ix-xenarju tar-riskju attwali u l-esperjenzi operazzjonali enfasizzaw il-ħtieġa li tissaħħaħ u tiġi żviluppata aktar ir-riżerva tar-rescEU, f’konformità mal-azzjoni ewlenija stabbilita mill-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza. L-għan ta’ din il-bażi għandu jkun li jiġu kkumplementati l-kapaċitajiet nazzjonali u li tiġi segwita f’allinjament sħiħ ma’ inizjattivi oħra tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM, Union Civil Protection Mechanism) bħar-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili (ECPP, European Civil Protection Pool), biex jiġu ottimizzati s-sinerġiji u l-gwadanji operazzjonali.

 

L-ewwel kapaċitajiet tar-rescEU ġew stabbiliti biex jirrispondu għar-riskju speċifiku ħafna u li qed jiżdied ta’ nirien fis-selvaġġ. Segwew tipi ta’ kapaċitajiet addizzjonali, b’rispons għax-xenarju tar-riskju li qed jinbidel. F’konformità mal-Istrateġija għal Unjoni tal-Preparatezza, huwa importanti li tiġi adottata mentalità proattiva ta’ preparatezza, li tippermetti lir-rescEU tissodisfa l-isfidi attwali u futuri.

 

L-esperjenza operazzjonali enfasizzat l-effettività ta’ kapaċitajiet versatili bi skopijiet multipli fit-twassil ta’ appoġġ f’varjetà wiesgħa ta’ xenarji, kif rifless fir-rapport ta’ progress tal-kapaċità li għadu kif ġie adottat dwar il-kapaċitajiet ta’ rispons tal-UCPM ( 1 ). B’mod speċifiku, intwera li huwa ekonomikament effiċjenti li jiġu rkuprati assi ta’ self ta’ valur għoli biex iservu emerġenzi oħra u tittejjeb is-sostenibbiltà ġenerali tar-riżerva. Kwalunkwe bini tal-kapaċitajiet fil-futur jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn rikostituzzjoni f’waqtha tar-riżervi, li jagħmilha possibbli li tiġi restawrata l-prontezza u tiżdied l-affidabbiltà tal-kapaċitajiet tar-rescEU fuq perjodu itwal ta’ żmien.

 

Biex tkompli tibni riżervi strateġiċi solidi u sostenibbli fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni tipproponi li tikkonsolida aktar ir-riżervi eżistenti, biex tiżgura l-kontinwità u tottimizza r-redditu fuq l-investiment. Tipi addizzjonali potenzjali ta’ kapaċitajiet, li għalihom il-valur miżjud tal-UE jkun ottimizzat, jistgħu jiġu identifikati u possibbilment ikkwantifikati, flimkien mal-Istati Membri.

Kapaċitajiet eżistenti tar-rescEU

 

Bil-ħsieb tal-ħidma mwettqa mal-Istati Membri permezz tal-inizjattiva għall-bini ta’ xenarji u r-riskji li nħolqu mit-tibdil fil-klima u mit-theddid relatat mas-sigurtà, hemm il-ħtieġa li jkomplu jiġu żviluppati ċerti tipi ta’ assi tar-rescEU, biex jiżdied il-livell ġenerali ta’ preparatezza fil-livell tal-UE u jiġi żgurat redditu fuq investimenti tal-passat f’dawn l-aħħar snin.

 

Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni tipproponi li żżid l-isforzi fl-oqsma li ġejjin:

 

·Assi tat-tifi tan-nar: Ir-riskju ta’ nirien fis-selvaġġ żdied madwar l-Ewropa. Għalhekk, huma meħtieġa aktar assi tat-tifi tan-nar biex tingħata spinta lill-preparatezza fil-UCPM kollu. Dawn jinkludu proġetti u inizjattivi Ewropej futuri possibbli li jsaħħu l-awtonomija strateġika tal-UE dwar assi ewlenin ta’ rispons ċivili. Bħala riżultat taż-żieda qawwija fil-prezzijiet, intwera li huwa impossibbli li jiġu żgurati dawk il-kapaċitajiet kollha inklużi fl-istrateġija rilevanti, adottata fl-2019 mill-Kumitat għall-Protezzjoni Ċivili, stabbilit mill-UCPM. L-UE trid, bħala minimu assolut, speċjalment għall-pajjiżi storikament suxxettibbli għan-nirien fis-selvaġġ, iżżomm il-livell attwali ta’ ambizzjoni fir-rigward ta’ ajruplani u ħelikopters anfibji medji. Aktar kapaċitajiet, mhux previsti taħt l-Istrateġija tal-2019 – fil-forma ta’ ħelikopters u/jew ajruplani ħfief addizzjonali - se jkunu meħtieġa biex jiġu mgħammra aħjar xi żoni li jkunu għadhom kif ġew mhedda min-nirien fis-selvaġġ.

 

·Riżervi mediċi u riżervi għal emerġenzi kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (CBRN, chemical, biological, radiological and nuclear): Tagħlima waħda meħuda mill-pandemija tal-COVID-19 kienet l-importanza li jiġu żviluppati u sostnuti riżervi mediċi komprensivi. Filwaqt li l-apparati mediċi jistgħu jintużaw f’firxa differenti ta’ xenarji u emerġenzi, ir-riżervi huma mmirati wkoll għal theddid eżistenti u possibbli futuri relatat mas-saħħa, bħall-mard żoonotiku, il-ħruq u l-mard infettiv. Il-bini ta’ stokkijiet ta’ aktar vaċċini, kontromiżuri u apparati, kif ukoll ta’ oġġetti tal-ikel, għandu jiġi kkunsidrat aktar. Biex jittejbu l-ġestjoni u s-sostenibbiltà ta’ dawn ir-riżervi strateġiċi, għandhom jiġu esplorati mudelli innovattivi u alternattivi ta’ stokkijiet bħall-kumulazzjoni ta’ riżervi virtwali (inklużi inventarji bbażati fuq il-bejjiegħa).

 

·Għarfien espert speċjalizzat mediku u dwar is-CBRN: Ix-xenarju ta’ theddid li qed jinbidel jitlob sforzi aktar intensivi biex jiġu żviluppati timijiet speċjalizzati ħafna fil-qasam mediku u/jew f’dak tas-CBRN, biex jiġu indirizzati xenarji speċifiċi ħafna. It-timijiet ta’ detezzjoni u ta’ dekontaminazzjoni tas-CBRN se jibqgħu assi kruċjali f’emerġenzi rilevanti, simili għat-timijiet mediċi ta’ emerġenza (EMTs, emergency medical teams) u ċ-ċelloli ta’ kura speċjalizzata modulari rilevanti tagħhom. L-EMTs jappoġġaw is-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa f’każ ta’ kollass tal-infrastrutturi tal-isptarijiet fi Stat Membru wieħed jew aktar. L-iżvilupp tal-EMTs u taċ-ċelloli tal-kura speċjalizzata għandu jinkludi wkoll strateġija għar-riforniment f’waqtu ta’ materjal rilevanti wara l-varar, biex jippermetti rispons effettiv f’diversi xenarji ta’ emerġenza fuq skala kbira fil-futur.

·Evakwazzjoni medika: Kriżijiet u emerġenzi reċenti bħall-pandemija tal-COVID-19, it-terremot fit-Turkija u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, urew il-ħtieġa li jittejbu l-kapaċitajiet ta’ evakwazzjoni medika taħt il-UCPM, possibbilment flimkien ma’ kura medika speċjalizzata fil-prattika biex jiġi pprovdut trattament mediku komprensiv. Huma meħtieġa aktar assi biex ikun disponibbli għal firxa ta’ xenarji fil-futur li jinvolvu pazjenti li jistgħu jkunu infettivi ħafna, ikkontaminati b’CBRN, li jirrikjedu kura intensiva jew li jkunu korrew b’mod ħafif, pereżempju. Hemm ukoll il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità f’sitwazzjonijiet li fihom huma meħtieġa evakwazzjonijiet tal-massa. Flimkien ma’ kapaċitajiet żviluppati b’mod sħiħ, jistgħu jiġu kkunsidrati moduli speċifiċi ta’ evakwazzjoni medika (Medevac, medical evacuation), li jippermettu ajruplani kummerċjali jiġu kkonvertiti b’mod rapidu biex jintużaw f’xenarji li jirrikjedu kapaċità Medevac addizzjonali, bħal żbroffi vulkaniċi, terremoti, tsunamis u kunflitti armati.

·Refuġju: It-talbiet għal oġġetti ta’ refuġju żdiedu b’mod esponenzjali f’dawn l-aħħar snin bħala konsegwenza ta’ terremoti, spostamenti tal-massa u/jew eventi estremi tat-temp. Għalhekk, huma meħtieġa tipi differenti ta’ refuġju ta’ emerġenza, li jridu jqisu l-ispeċifiċitajiet lokali u l-ħtiġijiet ta’ gruppi vulnerabbli, jiġifieri dawk l-aktar esposti f’xenarji ta’ diżastri. Qabel il-pandemija tal-COVID-19, it-terremot fit-Turkija u l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, kien raġonevoli li jiġu ppjanati riżervi ta’ refuġji għal ftit eluf ta’ persuni, iżda l-ħtiġijiet żdiedu. Ir-rata għolja ta’ varar tar-riżervi eżistenti u l-għadd limitat tal-assi li jistgħu jintużaw li jifdal jindikaw il-ħtieġa li jiżdied dan it-tip ta’ kapaċità u li jiġi fformulat approċċ komprensiv tal-UE għar-refuġju matul l-emerġenzi.

 

·Trasport u loġistika: L-assi b’għanijiet multipli huma abilitanti ewlenin f’kull tip ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza. Dawn jistgħu jiġu adattati biex jissodisfaw ħtiġijiet speċifiċi – għat-trasport tal-merkanzija, għat-trasport tan-nies, għat-trasport ta’ artefatti tal-wirt kulturali, jew għall-evakwazzjoni medika. It-tagħmir tal-UCPM b’dan it-tip ta’ assi jżid il-preparatezza kollettiva u jippermettilu jindirizza tipi differenti ta’ emerġenzi, inklużi dawk li jistgħu jseħħu fl-istess ħin.

 

·Enerġija: Minn meta ġiet stabbilita fl-2022, ir-riżerva tar-rescEU ta’ ġeneraturi pprovdiet servizzi essenzjali lill-Ukrajna matul il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja. F’dawn l-aħħar xhur, emerġenzi oħra bħall-maltempata Éowyn fl-Irlanda wrew ukoll l-utilità ta’ tali riżerva strateġika, f’xenarji differenti. Minħabba l-pertinenza tagħha, huwa kruċjali li tinżamm riżerva suffiċjenti tal-UE ta’ oġġetti tal-provvista tal-enerġija. Dawn se jkunu utli f’emerġenzi futuri u għandhom jagħmluha possibbli li tintlaħaq il-mira inizjali li jkunu jistgħu jiġu indirizzati tliet avvenimenti fl-istess ħin.

Biex tiżdied l-effiċjenza u jiġu ottimizzati r-riżorsi, se tingħata attenzjoni speċjali biex jiġi żgurat li r-riżervi jiġu ġestiti b’mod sostenibbli sabiex jiġi massimizzat il-valur miżjud mir-rescEU. Ir-riżervi tar-rescEU għandhom ikunu wkoll inklużivi u jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi tal-benefiċjarji possibbli u tal-gruppi vulnerabbli. Barra minn hekk, rescEU tiddependi fuq esperti tekniċi b’ħiliet, bħal timijiet mediċi, biex tirrispondi b’mod effettiv għal diżastri naturali u emerġenzi. Soluzzjonijiet innovattivi, bħal ċirkolarità akbar u titjib tal-kooperazzjoni diġà stabbilita mas-settur privat madwar donazzjonijiet privati u kumulazzjoni ta’ riżervi virtwali se jitqiesu wkoll bħala modi kif jiġu appoġġati l-iżvilupp u s-sostenibbiltà tar-riżervi strateġiċi tal-UE.

 

Tipi addizzjonali ta’ kapaċitajiet tar-rescEU

 

Matul dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ħadmu flimkien fuq 10 xenarji transsettorjali ta’ diżastri madwar l-UE, fil-inizjattiva għall-bini ta’ xenarji. Permezz ta’ din il-ħidma, identifikaw ħtiġijiet ta’ kapaċità fil-livell tal-UE li jistgħu jiġġustifikaw l-iżvilupp ta’ kapaċitajiet ġodda tar-rescEU. Barra minn hekk, it-tagħlimiet operazzjonali meħuda minn emerġenzi preċedenti tal-UCPM jindikaw ukoll jiżdiedu aktar il-ħtieġa li l-kapaċitajiet eżistenti tal-ECPP u li tissaħħaħ ir-riżerva tar-rescEU b’assi addizzjonali. Aktar reċentement, ġew deskritti distakki addizzjonali fil-kapaċità f’rapport ta’ progress dwar il-kapaċità taħt il-UCPM.  

Biex jiġu indirizzati d-distakki identifikati, jew fir-rapport ta’ progress dwar il-kapaċità inkella bħala tagħlimiet operazzjonali meħuda minn emerġenzi tal-passat, jistgħu jitqiesu l-assi transsettorjali addizzjonali li ġejjin:

·pontijiet mobbli/ċattri, li jistgħu jintużaw ukoll f’sitwazzjonijiet ta’ kunflitt

·tagħmir tat-trasport ta’ tagħbija kbira żżejjed u b’piż eċċessiv

·purifikazzjoni tal-ilma/trattament tal-ilma mormi

·tkessiħ u idratazzjoni mobbli

·moduli tal-ippumpjar ta’ kapaċità għolja

·bastimenti għat-tiswija tal-kejbils, u moduli funzjonali f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni reċenti tal-UE dwar is-Sigurtà tal-Kejbils.

·kapaċitajiet ta’ komunikazzjoni (eż. broadband u telekomunikazzjonijiet sikuri, sistemi ta’ satelliti)

·kapaċitajiet biex jiġi indirizzat theddid ibridu

·kapaċitajiet innovattivi, bħal droni u/jew inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod; u

·kapaċitajiet għat-tneħħija tal-mini

 

Tali kapaċitajiet ġodda jistgħu jsaħħu aktar il-livell ġenerali ta’ preparatezza tal-UE biex tiffaċċja tipi ġodda ta’ emerġenzi relatati mat-tibdil fil-klima u x-xenarju ta’ sigurtà li qed jinbidel.

 

Kwalunkwe bini tal-kapaċitajiet fil-futur taħt ir-rescEU se jkun mirfud mill-identifikazzjoni ta’ ħtiġijiet mal-Istati Membri, mill-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u mill-immappjar ta’ kapaċitajiet eżistenti fil-livell nazzjonali, kif ukoll mill-analiżi tas-suq, inkluż fir-rigward ta’ oġġetti b’użu doppju. Dan se jevita r-ridondanzi, iżid l-effiċjenza, irawwem ekonomiji ta’ skala, u possibbilment jindirizza l-konġestjonijiet tas-suq.

Dan il-proċess strutturat u ta’ skambju kontinwu se jippermetti lill-Kummissjoni tidentifika assi ġodda tar-rescEU mfassla għall-ħtiġijiet tal-komunità tal-protezzjoni ċivili u ta’ kostitwenti rilevanti oħra, u li kapaċi jappoġġaw b’mod effettiv ir-rispons tal-UE għal emerġenzi u kriżijiet fil-futur.

 

Il-qafas legali jipprovdi għodod differenti, li l-potenzjal tagħhom jista’ jiġi kkombinat, biex jittejjeb stabbiliment malajr filwaqt li jsir adattament għall-emerġenza rilevanti inkwistjoni.

 

Filwaqt li s-sejħa għal proposti u l-għotjiet li jirriżultaw kienu l-għażla prestabbilita għall-iżvilupp ta’ assi ġodda, il-Kummissjoni għandha wkoll l-opzjoni ta’ akkwist konġunt f’isem l-Istati Membri. Dan jista’ jintuża meta proċess ikkoordinat malajr iwassal għal ekonomiji ta’ skala bis-saħħa ta’ kapaċità tal-akkwist kombinat.

 

Meta jkun meħtieġ proċess simplifikat għal raġunijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’ tagħmel użu minn akkwist dirett, biex tikseb malajr l-oġġetti filwaqt li tissimplifika l-proċess u tnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri. F’dawk is-sitwazzjonijiet, il-kumulazzjoni ta’ riżervi fiżika tkun ippreferuta għal raġunijiet ta’ disponibbiltà immedjata u ta’ varar, u partikolarment minħabba li tipprovdi kontroll tanġibbli. Madankollu, il-kumulazzjoni ta’ riżervi virtwali tista’ tiġi esplorata wkoll biex jitnaqqsu l-kostijiet tal-ħżin u tiżdied il-flessibbiltà u s-sostenibbiltà. Se tingħata attenzjoni speċjali għall-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ġenerali tas-suq u għar-rekwiżiti operazzjonali għal oġġetti speċifiċi, li għalihom il-varar jista’ jkun sensittiv għall-ħin.

 

Fir-rigward tal-varar, l-arranġamenti tat-trasport tal-UCPM, inkluża l-opzjoni li jiġu koperti sa 100 % tal-kostijiet permezz tar-rescEU, se jiffaċilitaw il-mobilizzazzjoni rapida ta’ kwalunkwe assistenza meħtieġa. Biex l-Istati Membri jiġu appoġġati aktar fil-ġestjoni tal-konsegwenzi transsettorjali tal-kriżijiet, tipi speċifiċi ta’ kapaċitajiet stabbiliti mill-aġenziji tal-UE (eż. bastimenti tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima) jistgħu potenzjalment jiġu varati taħt il-UCPM permezz taċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza. Dan se jgħin biex jittejbu s-sinerġiji u tiżdied l-effettività ġenerali tar-rispons tal-UE għas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza ta’ kull periklu.

(1)

Rapport ta’ Progress dwar il-Kapaċitajiet ta’ Rapport ta’ Progress dwar il-Kapaċitajiet ta’ Rispons għall-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (COM (2025) 286 final u SWD (2025)).

Top