EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022DC0217

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Pjan ta' azzjoni għall-Korsiji ta' Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna sabiex jiġu ffaċilitati l-esportazzjonijiet agrikoli tal-Ukrajna u l-kummerċ bilaterali mal-UE

COM/2022/217 final

Brussell, 12.5.2022

COM(2022) 217 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan ta' azzjoni għall-Korsiji ta' Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna
sabiex jiġu ffaċilitati l-esportazzjonijiet agrikoli tal-Ukrajna u l-kummerċ bilaterali mal-UE


1.Introduzzjoni

Il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja ħalliet impatt qawwi fuq l-ekonomija Ukrena. B’mod partikolari, l-esportazzjonijiet ġew ristretti b’mod drastiku minħabba li l-portijiet Ukreni fil-Baħar l-Iswed ġew imblukkati mill-flotta Russa, peress li qabel il-gwerra dawn il-portijiet kienu jikkostitwixxu 90 % tal-esportazzjonijiet taċ-ċereali u taż-żrieragħ taż-żejt.

L-invażjoni mhux ipprovokata u mhux iġġustifikata tar-Russja diġà qed tħalli impatti sinifikanti fuq is-swieq globali tal-ikel u se tkompli ddgħajjef is-sigurtà globali tal-ikel. Mingħajr azzjoni rapida, il-provvisti globali taċ-ċereali se jiġu affettwati s-sena d-dieħla wkoll. F’ċirkostanzi normali jiġi esportat sehem ta’ 75 % tal-produzzjoni taċ-ċereali tal-Ukrajna, li jiġġenera madwar 20 % tad-dħul annwali nazzjonali mill-esportazzjonijiet 1 . Madwar terz tal-esportazzjonijiet jintbagħat l-Ewropa, iċ-Ċina u l-Afrika, rispettivament.

L-UE impenjat ruħha li tappoġġa l-ekonomija u l-irkupru ekonomiku tal-Ukrajna, kif ukoll li tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tas-swieq globali tal-ikel u t-tisħiħ tas-sigurtà globali tal-ikel. Għaldaqstant, din hija sfida komuni biex l-Ukrajna tkun tista’ tesporta l-merkanzija li tixtieq, tkompli tappoġġa l-produzzjoni lokali u tiżgura li l-konnettività mal-Ewropa tissaħħaħ sew, kemm għall-esportazzjonijiet kif ukoll għall-importazzjonijiet. B’dan l-għan f’moħħha, il-Kummissjoni dan l-aħħar ipproponiet li telimina temporanjament id-dazji doganali pendenti kollha fuq l-importazzjonijiet mill-Ukrajna skont il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna, kif ukoll li tissospendi l-miżuri kollha ta’ difiża tal-kummerċ fuq l-azzar Ukren 2 .

B’mod partikolari, fir-rigward tas-sigurtà globali tal-ikel, huwa urġenti u importanti li l-Ukrajna tkun tista’ tesporta l-prodotti agrikoli, li bħalissa huma maħżuna fil-pajjiż, fis-swieq globali. Jeħtieġ li ngħinu lill-Ukrajna tiżgura li tkun tista’ taħżen b’mod sikur l-għelejjel tal-ħasda li jmiss u li tkun tista’ tiżra’ għelejjel ġodda.

Sabiex il-merkanzija agrikola tilħaq is-swieq tal-UE u dawk globali, kif ukoll biex jiġi żgurat li l-Ukrajna tkun tista’ timporta merkanzija ta’ neċessità prinċipali (bħall-għajnuna umanitarja, l-ikel, l-għalf għall-annimali, il-fertilizzanti, il-fjuwil), hemm ħtieġa urġenti li jiġu stabbiliti rotot loġistiċi alternattivi bl-użu tal-modi kollha tat-trasport, li jgħaqqdu l-UE mal-Ukrajna, filwaqt li jiġi rrestawrat l-aċċess tal-Ukrajna għar-rotot tal-Baħar l-Iswed. Dan jirrikjedi t-tisħiħ u l-iżvilupp ta’ servizzi tal-merkanzija korrispondenti tul dawn ir-rotot loġistiċi li jgħaqqdu l-Ukrajna mal-portijiet marittimi fl-UE, fejn il-merkanzija tkun tista’ tintbagħat aktar ’il bogħod jew potenzjalment tinħażen ukoll. Dan huwa kruċjali mhux biss għall-bdiewa fl-Ukrajna, iżda wkoll għall-konsumaturi fl-UE u lil hinn minnha.

Din il-Komunikazzjoni identifikat ostakli ewlenin kif irrapportati mill-Istati Membri tal-UE, mill-awtoritajiet Ukreni, u mill-partijiet ikkonċernati tal-UE u Ukreni. Bħala parti mir-rispons ta’ solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna, il-Kummissjoni Ewropea issa se tressaq pjan ta’ azzjoni b’miżuri fuq terminu qasir, medju u twil biex tindirizza dawn l-ostakli. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri, mal-awtoritajiet Ukreni, mal-operaturi tat-trasport, mal-fornituri tat-tagħmir u mal-partijiet ikkonċernati rilevanti l-oħra kollha maż-żewġ naħat, biex tistabbilixxi rotot loġistiċi alternattivi u ottimizzati: dawn huma l-“Korsiji l-ġodda ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna”. B’mod partikolari, dawn il-korsiji se jiffaċilitaw it-trasportazzjoni ta’ prodotti agrikoli mill-Ukrajna, iżda wkoll il-kummerċ bilaterali tagħna tal-merkanzija u l-aċċess tal-Ukrajna għas-swieq internazzjonali u l-ktajjen tal-provvista globali, filwaqt li jiżguraw li ċ-ċereali tant meħtieġa jilħqu s-suq globali.

2.Ostakli

Bħalissa hemm eluf ta’ vaguni fit-territorju Ukren li qed jistennew biex il-merkanzija tagħhom tiġi żdoganata, fil-fruntiera mal-Istati Membri ġirien. Iċ-ċereali lesti li jiġu esportati għadhom qed jinħażnu fis-silos. Bħalissa, il-vaguni jdumu bejn wieħed u ieħor 16-il jum jistennew, u sa 30 jum f’xi punti ta’ qsim fil-fruntiera bejn l-UE u l-Ukrajna. It-trakkijiet f’punti rilevanti fil-fruntieri wkoll idumu wisq jistennew. Minħabba dawn l-ostakli loġistiċi, l-awtoritajiet Ukreni kellhom jimponu restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni f’ċerti direzzjonijiet.

B’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE, mal-awtoritajiet pubbliċi tal-Ukrajna u mar-rappreżentanti tal-industrija fl-oqsma tat-trasport u tal-agrikoltura, il-Kummissjoni identifikat diversi ostakli li jistgħu jfixklu r-rotot alternattivi tant meħtieġa għall-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet Ukreni, b’mod partikolari dawn li ġejjin:

-L-Ukrajna tuża gauge ferrovjarju b’wisa’ ta’ 1 520 mm 3 (gauge wiesa’) filwaqt li l-gauge standard tal-UE (gauge tal-UIC) għandu wisa’ ta’ 1 435 mm. Dan ifisser li l-vaguni Ukreni ma jistgħux jintużaw fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE, u li l-merkanzija jkollha tiġi trażbordata minn vaguni li joperaw fuq il-gauge wiesa’ għal dawk li joperaw fuq il-gauge standard tal-UE. Dan it-trażbord ikollu jsir f’siti loġistiċi qrib il-punti ta’ qsim tal-fruntiera 4 maż-żewġ naħat, jew billi jinbidlu l-bogies tal-vaguni, jew billi jitgħabbew oġġetti minn vaguni fuq il-gauge wiesa’ għal vaguni fuq il-gauge standard tal-UE.

-Il-kapaċità attwali tat-trażbord hija deċiżament insuffiċjenti u mhijiex adattata biex topera b’volumi sostanzjali ta’ merkanzija. Barra minn hekk, it-trażbord jieħu ħafna ħin u jirrikjedi makkinarju speċjali, u jista’ ma jkunx hemm biżżejjed minn dan il-makkinarju fil-punti ta’ trażbord, jew il-kapaċità ta’ dawn il-magni ma tkunx biżżejjed biex tlaħħaq maż-żieda f’daqqa fid-domanda.

-Filwaqt li l-portijiet marittimi Ukreni qed jiġu mblukkati mir-Russja, il-portijiet Ukreni tal-passaġġi fuq l-ilma interni fuq id-Danubju jistgħu jintlaħqu wkoll minn ċerti bastimenti tal-baħar. Madankollu, bħalissa dawn jistgħu jkopru biss sehem pjuttost żgħir mill-ħtiġijiet totali tal-esportazzjoni, u issa hemm riskju akbar li jbaħħru fil-parti ta’ fuq tal-Baħar l-Iswed minħabba l-operat tagħhom; l-aċċess għall-ferroviji u għat-toroq minn Odesa ukoll jinsab fi stat vulnerabbli.

-Huwa diffiċli li l-konnettività tissaħħaħ permezz tat-trakkijiet minħabba n-nuqqas ta’ vetturi disponibbli, ċerti restrizzjonijiet fil-qafas li jirregola d-drittijiet tat-trasport, regoli oħra li jfixklu l-moviment transfruntier tal-vetturi, kwistjonijiet amministrattivi għall-ħruġ u l-validità tad-dokumenti, kif ukoll in-nuqqas ta’ sewwieqa tat-trakkijiet kemm fl-Ukrajna kif ukoll fl-UE. It-trakkijiet fil-fruntieri spiss idumu jistennew aktar minn 12-il siegħa.

-Il-feedback mill-partijiet ikkonċernati jissuġġerixxi li l-vjeġġi għadhom jiffaċċjaw dewmien bla bżonn 5 u li jiswa ħafna flus minħabba l-kontrolli fil-fruntieri (kontrolli fitosanitarji u veterinarji u l-iżdoganar tal-merkanzija).

3.Pjan ta’ azzjoni għall-Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna

Filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea ma tistax tissostitwixxi l-arranġamenti kummerċjali bejn l-operaturi tal-UE u l-bejjiegħa taċ-ċereali Ukreni, hija tista’ tgħin biex tiffaċilita l-koordinazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati kif ukoll l-awtoritajiet rilevanti. Il-miżuri fuq terminu qasir iridu jisfruttaw il-potenzjal loġistiku eżistenti, filwaqt li azzjonijiet addizzjonali fuq terminu medju u twil għandhom iservu bħala faċilitaturi tal-kummerċ tal-Ukrajna ta’ wara l-gwerra u jappoġġaw ir-rikostruzzjoni tal-pajjiż.

L-imblokk navali temporanju fit-tramuntana tal-Baħar l-Iswed kif ukoll it-twaqqif tal-avjazzjoni ċivili fl-Ukrajna jeħtieġu li jkollhom jiġu organizzati rotot ġodda ta’ provvista għall-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet Ukreni prinċipalment permezz ta’ trasport bl-art u permezz ta’ operazzjonijiet ta’ passaġġi fuq l-ilma interni. L-Istati Membri li jinsabu qrib l-Ukrajna qed jallokaw riżorsi u sforzi sinifikanti biex jippermettu esportazzjonijiet bla xkiel mill-Ukrajna lejn l-UE u lil hinn. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-isforzi sostnuti minn dawn l-Istati Membri tal-UE l-aktar esposti, u biħsiebha tkompli bl-appoġġ tagħha għall-azzjonijiet rilevanti li huma jieħdu.

Il-prijorità issa hija li l-infrastruttura u t-tagħmir eżistenti jiġu mobilizzati u jintużaw bl-aħjar mod possibbli, li l-kapaċitajiet jissaħħu kemm jista’ jkun, u li l-għadd ta’ rotot li jistgħu jintużaw għall-kontinwità tal-kummerċ jiżdiedu u jiġu diversifikati. Hemm ħtieġa wkoll għal investimenti f’infrastruttura ġdida u f’tagħmir ġdid, kif ukoll għat-titjib ta’ dawk eżistenti; madankollu, dawn spiss ikunu jridu jsiru fuq terminu medju u twil.

Miżuri fuq terminu qasir 

3.1Vetturi ferrovjarji, bastimenti u trakkijiet addizzjonali

Huwa meħtieġ għadd kbir ta’ vaguni fuq il-gauge standard tal-UE biex tiġi ssodisfata d-domanda kontinwa fil-katina loġistika lejn swieq rilevanti tal-esportazzjoni. Dan jista’ jiġi indirizzat parzjalment billi jiġi żgurat l-aktar użu effettiv tal-vetturi ferrovjarji (eż. billi jitnaqqas kemm jista’ jkun il-ħin tal-ivvjaġġar kif ukoll il-ħin tat-tagħbija/tal-ħatt fiċ-ċentri tat-trażbord u fil-portijiet); madankollu, il-provvista insuffiċjenti ta’ vaguni fuq il-gauge standard tal-UE xorta tibqa’ ostaklu sinifikanti.

Hemm ħtieġa urġenti ta’ vaguni b’hoppers taċ-ċereali u vaguni intermodali, kif ukoll kontenituri regolari u kontenituri b’għamla ta’ tank (għal-likwidi, eż. iż-żejt tal-ġirasol). Fir-rigward tat-trasport fuq id-Danubju, huma meħtieġa aktar barkuni u bastimenti li jġorru l-merkanzija. Peress li l-vaguni intermodali huma disponibbli b’mod aktar mifrux fl-UE, il-craning (mobbli) tal-kontenituri fil-punti ta’ qsim fil-fruntieri jista’ jiżdied relattivament malajr. Għaldaqstant, huwa importanti li tiġi vvalutata b’urġenza l-possibbiltà ta’ użu aktar mifrux ta’ kontenituri għat-trasport taċ-ċereali u d-disponibbiltà tagħhom kemm fl-Ukrajna kif ukoll fl-UE.

Sabiex tlaħħaq mad-domanda u l-provvista tal-vetturi ferrovjarji, tal-barkuni/tal-bastimenti li jġorru l-merkanzija, u ta’ vetturi u ta’ tagħmir rilevanti oħra, il-Kummissjoni se tistabbilixxi pjattaforma ta’ pariġġar. Min-naħa tal-Ukrajna, il-Ministeri, l-awtoritajiet doganali, il-Kunsill ta’ Koordinazzjoni tal-Ukrajna għal-Loġistika fl-Agrikoltura li għadu kif inħoloq, kif ukoll il-partijiet ikkonċernati Ukreni jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jipprevedu d-domanda għas-servizzi tat-trasport. Fl-UE, minbarra l-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati rilevanti tal-industrija (eż. il-kumpaniji tat-trasport, l-operaturi tat-trażbord, il-Kurituri Ferrovjarji tal-Merkanzija, il-portijiet), kull Stat Membru se jintalab jaħtar punt ta’ kuntatt iddedikat għall-Korsiji ta’ Solidarjetà (punt uniku ta’ servizz) bir-responsabbiltà li jikkoordina mal-atturi tal-katina loġistika domestika tiegħu u li jiżgura r-riżoluzzjoni rapida tal-problemi loġistiċi kollha relatati ma’ kwistjonijiet taħt il-kontroll tal-awtoritajiet rispettivi tagħhom. Il-Kummissjoni se tmexxi l-istabbiliment tal-pjattaforma u se jkollha r-rwol ta’ faċilitatur bejn id-diversi atturi biex ittejjeb l-organizzazzjoni tal-operazzjonijiet tat-trasport b’mod sinifikanti. Il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-UE fl-Ukrajna (EUAM Ukraine) se tkompli tagħti pariri lill-awtoritajiet Ukreni.

Azzjonijiet:

(1) Il-Kummissjoni tistieden lill-atturi tas-suq tal-UE jqiegħdu t-tagħmir, il-vetturi ferrovjarji, vetturi oħra, il-barkuni u l-bastimenti meħtieġa, għad-dispożizzjoni b’mod urġenti. L-assoċjazzjonijiet rilevanti tal-industrija 6 għandhom jimmobilizzaw il-membri tagħhom f’dan ir-rigward b’mod urġenti.

(2) Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri, mal-awtoritajiet Ukreni u mal-partijiet ikkonċernati tal-industrija biex tistabbilixxi pjattaforma ta’ pariġġar biex tiffaċilita l-iskambji bejn l-atturi tal-katina loġistika u tottimizza l-fluss tal-merkanzija.

(3) Il-Kummissjoni tistieden lil kull Stat Membru jidentifika punt ta’ kuntatt dedikat għall-Korsiji ta’ Solidarjetà li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jinnotifikaw problemi fil-katina loġistika.

3.2Kapaċità tan-networks tat-trasport u tat-terminals tat-trażbord

F’ħafna każijiet f’diversi Stati Membri jkun hemm konġestjonijiet fil-linji tal-merkanzija, u għaldaqstant, l-ippjanar u l-użu effettiv tal-infrastruttura ferrovjarja huma ta’ importanza kbira meta jkun meħtieġ li jiġu ttrattati volumi kbar addizzjonali ta’ merkanzija. Filwaqt li n-negozjanti Ukreni bħalissa qed jiffukaw il-biċċa l-kbira tal-isforzi tagħhom fuq vjeġġi li jgħaddu mir-Rumanija u l-Polonja, l-użu ta’ linji alternattivi tal-merkanzija, il-kapaċitajiet tat-trażbord u tal-kontenituri, kif ukoll il-kapaċitajiet tal-portijiet marittimi, għandhom jiġu esplorati b’mod attiv fi Stati Membri oħra 7 fejn jista’ jkun hemm kapaċità ta’ riżerva, bħal pereżempju l-Istati Baltiċi jew il-Bulgarija.

Minħabba l-urġenza, huwa ġġustifikat ukoll li l-ferroviji tal-merkanzija relatati mal-esportazzjonijiet Ukreni jingħataw prijorità fuq in-network tat-trasport Ewropew fuq bażi temporanja. Biex dan isir, jeħtieġ li tiġi żgurata disponibbiltà suffiċjenti ta’ slots ferrovjarji miċ-ċentri tat-trażbord għall-portijiet tal-UE.

Il-kapaċità attwali tat-trażbord (inkluż billi jinbidlu r-roti jew il-bogies tal-vaguni ferrovjarji) hija deċiżament insuffiċjenti, u mhijiex adattata biex topera b’volumi sostanzjali ta’ merkanzija. It-trażbord huwa attività li tieħu ħafna ħin u li tirrikjedi makkinarju speċjali, u ma hemmx kwantità suffiċjenti ta’ dan il-makkinarju disponibbli fil-punti ta’ trażbord. It-tagħmir għat-tagħbija mobbli taċ-ċereali 8 jista’ jħaffef it-trażbord b’mod sinifikanti; madankollu, hemm ftit tagħmir ta’ dan it-tip li jiġi manifatturat fl-UE. Għaldaqstant, għandha titqies il-possibbiltà li t-tagħmir eżistenti disponibbli jiġi trasferit għat-terminali tal-fruntiera bejn l-UE u l-Ukrajna – eż. permezz ta’ kuntratti ta’ kiri temporanju.

It-tagħbija tal-vaguni bil-gauge standard tal-UE tista’ ssir maż-żewġ naħat tal-fruntiera peress li f’xi punti, il-gauges differenti jidħlu fit-territorju Ukren u viċi versa (sa 60 km). Madankollu, is-sidien tal-vaguni tal-UE s’issa qagħdu lura milli jippermettu lill-vetturi ferrovjarji u lill-vetturi l-oħra tagħhom jidħlu fl-Ukrajna. L-Ukrajna adottat digriet tal-gvern 9 biex tkopri l-kost finanzjarju tad-dannu għal vaguni/barkuni mitlufa. Madankollu, jistgħu jkunu meħtieġa garanziji addizzjonali biex jiġi żgurat li l-operaturi tal-UE jitħeġġu jkomplu l-operat tagħhom. Jeħtieġ li jiġi investigat jekk ikunx meħtieġ strument supplimentari – li għandu jiġi stabbilit mill-UE, b’kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE (eż. l-aġenziji nazzjonali ta’ kreditu għall-esportazzjoni), jew minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali 10 – biex jiġu offruti garanziji addizzjonali sabiex jintużaw il-kapaċitajiet tat-trażbord maż-żewġ naħat tal-fruntiera.

Għandhom jitqiesu possibbiltajiet oħra, bħat-trasport bit-triq. Dan se jkun jeħtieġ li jingħelbu xi wħud mil-limitazzjonijiet attwali marbuta mal-permessi ta’ tranżitu, mal-kards tat-takografu tas-sewwieqa, mal-liċenzji tas-sewqan, maċ-ċertifikati ta’ kompetenza professjonali, jew ma’ regoli oħra li jxekklu l-operat tat-trakkijiet u tas-sewwieqa Ukreni fl-UE. Għandhom jitqiesu wkoll simplifikazzjonijiet xierqa, inkluż il-garanziji, sabiex jiġi ffaċilitat l-operat tat-trakkijiet tal-UE fl-Ukrajna. Fis-6 ta’ April 2022, il-Kummissjoni adottat rakkomandazzjoni 11 lill-Kunsill biex jiftaħ negozjati dwar ftehim mal-Ukrajna dwar it-trasport bit-triq li, lil hinn mid-durata inizjali tiegħu, jista’ jibqa’ japplika sakemm l-impatt tal-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq l-infrastrutturi u l-operazzjonijiet tat-trasport jibqa’ jitqies sever. Ir-rakkomandazzjoni 12 għandha l-għan li tagħti lit-trasportaturi tal-merkanzija Ukreni u tal-UE ċerti drittijiet ta’ aċċess fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ tranżitu u dawk bilaterali bejn it-territorji rispettivi.

Azzjonijiet:

(4) Il-Kummissjoni titlob li l-vjeġġi tal-esportazzjoni agrikola tal-Ukrajna lejn il-kurituri tal-merkanzija jiġu prijoritizzati bl-aħjar kapaċità disponibbli. Fuq bażi kontinwa, il-pjattaforma ta’ pariġġar skont l-Azzjoni (2) għandha tgħin biex tidentifika fejn teżisti din il-kapaċità.

(5) Il-Kummissjoni tistieden lill-maniġers tal-infrastruttura jqiegħdu s-slots ferrovjarji meħtieġa għad-dispożizzjoni bejn iċ-ċentri tat-trażbord u l-portijiet tal-UE.

(6) Permezz tal-pjattaforma ta’ pariġġar, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri u mal-industrija biex tidentifika ċ-ċentri ewlenin tat-tibdil tat-trażbord/tal-gauges fil-fruntieri tal-UE u tal-Ukrajna u lil hinn minnhom, sabiex tiddetermina l-mod kif se jiġu ottimizzati l-volumi li jistgħu jiġu ttrażbordati kuljum, għat-trasport bl-ingrossa u t-trasport bil-kontenituri.

(7) Il-Kummissjoni tistieden lill-atturi tas-suq biex, b’mod urġenti, jipproduċu tagħmir mobbli għat-tagħbija taċ-ċereali u/jew jisilfu/ibigħu tagħmir ta’ dan it-tip lil postijiet rilevanti tat-trażbord. Il-Kummissjoni se tappoġġa l-identifikazzjoni tad-disponibbiltajiet eżistenti u r-rabta tal-awtoritajiet u l-kumpaniji interessati mal-produtturi ta’ dan il-makkinarju permezz tal-pjattaforma ta’ pariġġar.

(8) Bl-għajnuna tal-pjattaforma ta’ pariġġar, il-Kummissjoni se tniedi sejħa ta’ interess għall-portijiet tal-UE biex tidentifika f’liema portijiet jistgħu jitniedu servizzi ferrovjarji u tat-toroq, u tivvaluta kif għandha tagħti prijorità lil dawn il-vjeġġi fil-portijiet.

(9) Il-Kummissjoni se tkompli tinvestiga jekk humiex meħtieġa garanziji supplimentari u tikkunsidra li tikkoopera mal-aġenziji nazzjonali ta’ kreditu għall-esportazzjoni tal-Istati Membri tal-UE, mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali (eż. il-Bank Dinji/il-BEI/il-BERŻ) u fornituri finanzjarji oħra biex tistabbilixxi garanziji addizzjonali biex tappoġġa lill-impriżi tal-merkanzija bil-ferrovija u tal-passaġġi fuq l-ilma interni u lis-sidien tal-vaguni kif ukoll tat-trakkijiet.

(10) Il-Kummissjoni se timmira li ma ddumx ma tikkonkludi ftehim dwar it-trasport bit-triq mal-Ukrajna hekk kif jingħata l-mandat mill-Kunsill.

(11) Il-Kummissjoni se timmonitorja l-iżviluppi tal-ħruġ tal-kards tat-takografu tas-sewwieqa, u tista’ tipprovdi gwida addizzjonali li se ssir disponibbli online 13 . In-Network Nazzjonali tal-Punti ta’ Kuntatt tat-Trasport 14 se jkollu rwol importanti f’dan l-eżerċizzju. Barra minn hekk, il-Kummissjoni beħsiebha tadotta proposta leġiżlattiva għal Regolament li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja fir-rigward tad-dokumenti tas-sewwieqa.

3.3Operazzjonijiet doganali u spezzjonijiet oħra

Filwaqt li għandna l-għan li niffaċilitaw il-loġistika, il-proċeduri doganali għadhom meħtieġa għall-kunsinni kollha, u jistgħu jgħaddu ġranet sħaħ qabel ma tiġi żdoganata l-merkanzija minħabba proċeduri twal 15 . Għaldaqstant, jidher li hemm urġenza biex niddeterminaw liema proċeduri doganali mhumiex essenzjali u jistgħu jiġu ssimplifikati, u li nesploraw fejn tkun meħtieġa kapaċità addizzjonali.

Il-leġiżlazzjoni tal-UE ma tirrikjedi l-ebda ċertifikazzjoni veterinarja jew fitosanitarja għall-importazzjonijiet taċ-ċereali jew għat-tranżitu fl-UE. Bħala parti minn programm ta’ kontroll nazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jieħdu kampjuni biex jivverifikaw il-konformità mar-rekwiżiti tal-UE kemm fuq l-importazzjonijiet kif ukoll fuq is-suq nazzjonali. Madankollu, dawk il-kontrolli jridu jkunu bbażati fuq ir-riskju, proporzjonati u mhux diskriminatorji. Bħalissa, dawn il-kontrolli sfortunatament jistgħu jdumu ġranet sħaħ, u jistgħu jvarjaw skont il-punt ta’ qsim fil-fruntiera u skont l-Istat Membru. Id-dewmien mhux biss jimpedixxi t-trasportazzjoni rapida tal-merkanzija, iżda jfisser ukoll kostijiet addizzjonali għan-negozjanti u għall-operaturi tat-trasport.

Barra minn hekk, mhux kull punt ta’ qsim tal-fruntiera għandu biżżejjed membri tal-persunal biex jiflaħ għal dawn il-vaguni, li jkunu deħlin mingħajr waqfien. Billi tittejjeb il-kapaċità għall-proċeduri ta’ kontroll u ta’ spezzjoni, kif ukoll bl-applikazzjoni jew bl-eżenzjoni aktar proporzjonata ta’ dawn il-proċeduri permezz ta’ fehim aħjar tar-regoli applikabbli, il-proċeduri jitħaffu b’mod sinifikanti. Għaldaqstant, jeħtieġ ukoll li l-Istati Membri jiżguraw li jkollhom biżżejjed uffiċjali fil-punti ta’ kontroll fuq il-fruntiera biex iħaffu l-kontrolli eżistenti kollha, u jipprovdu servizzi mingħajr waqfien fil-punti ta’ qsim tal-fruntiera rilevanti kollha. Barra minn hekk, għandhom isiru kontrolli u spezzjonijiet f’postijiet għajr il-fruntiera (bħal fil-portijiet jew fid-destinazzjoni).

L-istess approċċ għandu jiġi promoss fil-portijiet fejn il-kontrolli amministrattivi, tal-fruntieri u doganali, jew l-iżdoganar tal-merkanzija, għandhom isiru malajr sabiex jiġi minimizzat il-ħin tat-turnaround tal-vetturi ferrovjarji fiż-żona tal-port.

Il-Kummissjoni tħeġġeġ aktar simplifikazzjoni tal-proċeduri rigward il-ħruġ taċ-ċertifikati ta’ esportazzjoni meħtieġa fl-Ukrajna. Is-simplifikazzjoni ta’ dawn il-proċeduri tgħin biex ma jkunx hemm wisq istanzi ta’ dewmien fit-trasport ta’ ċereali barra mill-Ukrajna.

Il-Missjoni ta’ Konsulenza tal-UE fl-Ukrajna (EUAM Ukraine) u l-Missjoni tal-UE ta’ Assistenza fil-Fruntiera bejn il-Moldova u l-Ukrajna (EUBAM), f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom, jistgħu jipprovdu appoġġ lill-awtoritajiet tal-fruntiera u tad-dwana Ukreni sabiex jiffaċilitaw id-dħul ta’ merkanzija lejn l-UE.

Fil-linji gwida tagħha 16 għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni biex jiġi ffaċilitat il-qsim tal-fruntieri fil-fruntieri bejn l-UE u l-Ukrajna, il-Kummissjoni rrakkomandat ukoll li, dment li l-konfigurazzjoni ta’ punt ta’ qsim tal-fruntiera tippermetti dan u li jista’ jiġi skjerat għadd suffiċjenti ta’ uffiċjali tal-fruntiera u tad-dwana mill-Istati Membri, hija mħeġġa d-deżinjazzjoni ta’ “korsiji ta’ appoġġ ta’ emerġenza” għat-trakkijiet sabiex tiġi żgurata l-provvista kontinwa ta’ oġġetti u servizzi.

Azzjonijiet:

(12) Bl-involviment tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-pjattaforma ta’ pariġġar, il-Kummissjoni se tidentifika l-ostakli kkawżati miċ-ċertifikazzjoni tal-UE, miċ-ċertifikazzjoni nazzjonali jew minn proċeduri oħra, u tħeġġeġ lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jadottaw miżuri biex jindirizzawhom, bħal pereżempju t-trasferiment tal-kontrolli lil hinn mill-fruntiera.

(13) Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri japplikaw kontrolli u kampjunar proporzjonati u bbażati fuq ir-riskju. Hija tistieden lill-Istati Membri japplikaw flessibbiltà massima jew saħansitra jirrinunzjaw rekwiżiti mhux essenzjali li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fuq bażi temporanja, u jiffaċilitaw il-proċeduri amministrattivi biex jimminimizzaw il-piż amministrattiv.

(14) L-Istati Membri għandhom jiżguraw kapaċità u preżenza adegwata ta’ kontroll fil-fruntieri, uffiċjali doganali, spetturi fitosanitarji u veterinarji fil-fruntieri biex iħaffu l-proċeduri ta’ kontroll.

(15) Il-Kummissjoni se torganizza laqgħat regolari biex tindirizza kwalunkwe kwistjoni emerġenti u tapplika approċċ koordinat bejn l-Istati Membri. Għandhom isiru wkoll laqgħat regolari mal-awtoritajiet Ukreni biex tiġi segwita s-sitwazzjoni u jiġi indirizzat kwalunkwe ostaklu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se torganizza laqgħat mal-industrija biex tiżgura li ma ssir l-ebda talba għal ċertifikati uffiċjali jekk ma tkunx meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni.

3.4Ħżin ta’ merkanzija fit-territorju tal-UE

Filwaqt li l-aktar prijorità importanti hija t-trasferiment ta’ prodott agrikolu lejn il-portijiet marittimi, dan ma għandux jeskludi l-użu tal-kapaċità ta’ ħżin disponibbli fl-UE sabiex jiġi lliberat min-naħa Ukrena. Dan jista’ jiżgura li tinħoloq riżerva – preferibbilment fil-viċinanza ta’ punti ta’ qsim tal-fruntieri u stazzjonijiet tul il-linji b’gauge wiesa’ li huma disponibbli fl-UE u fil-portijiet marittimi tal-UE – u li l-użu tal-vetturi ferrovjarji jkun aktar effettiv. Għal dan il-għan huwa meħtieġ immappjar tal-kapaċità tal-ħżin. Din il-valutazzjoni tal-kapaċità ta’ ħżin fil-portijiet marittimi tal-UE tkun ta’ benefiċċju mhux biss fuq terminu qasir iżda wkoll fuq terminu medju (għall-ħsad fi żmien is-sajf u l-ħarifa tal-2022) peress li jista’ jkun li għadd ta’ faċilitajiet għall-ħżin taċ-ċereali fl-Ukrajna ma jkunux aċċessibbli jew saħansitra jinqerdu.

Azzjoni:

(16) Il-Kummissjoni se tivvaluta l-kapaċità ta’ ħżin disponibbli fl-UE u se tikkoordina mal-Istati Membri biex tgħin ħalli tiżgura aktar kapaċità għall-ħżin temporanju.

Miżuri fuq terminu medju u twil 

3.5Żieda fil-kapaċità tal-infrastruttura għall-kurituri tal-esportazzjoni l-ġodda

Lil hinn mill-urġenza li jinstabu rotot alternattivi biex tiġi indirizzata l-kwistjoni kritika tal-esportazzjonijiet taċ-ċereali, għandhom jiġu implimentati wkoll miżuri fuq terminu medju mill-aktar fis possibbli, biex tissaħħaħ l-infrastruttura (inkluż it-trażbord u t-terminals multimodali, u l-konnessjonijiet meħtieġa bil-ferrovija u bit-triq fil-portijiet rilevanti) fl-UE u fit-territorju tal-Ukrajna u tal-Moldova u biex tiżdied il-konnettività mal-UE.

Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta l-lakuni attwali u tidentifika ostakli addizzjonali. Pereżempju, uħud mill-punti ta’ qsim tal-fruntiera b’gauge doppju ilhom żmien twil ma jintużaw, jew il-kapaċità kienet baxxa f’dawn l-aħħar snin. Madankollu, operazzjoni estiża tkun tirrikjedi li dawn il-linji fit-territorju tal-UE jiġu rinnovati b’mod urġenti. Il-programmi għall-2021-2027, iffinanzjati mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (fl-ambitu tal-programmi Interreg) 17 , flimkien mal-istrumenti ta’ finanzjament estern tal-Unjoni, jistgħu jikkontribwixxu għax-xogħlijiet relatati mal-użu tal-proċeduri ta’ akkwist xierqa. L-estensjoni tal-kapaċità ta’ persuni li jibdlu l-gauge eżistenti għall-vaguni u l-kapaċità tal-infrastruttura tat-trasport fil-punti tal-fruntiera hija prijorità oħra, li tista’ tiġi appoġġata wkoll permezz tal-istrumenti msemmija hawn fuq.

Azzjoni:

(17) Il-Kummissjoni se tipprovdi gwida dwar il-finanzjament disponibbli u dwar l-aktar proċeduri tal-akkwist xierqa li għandhom jintużaw sabiex tappoġġa l-bini (mill-ġdid) jew it-tisħiħ tal-infrastruttura fejn interventi rapidi jistgħu jwasslu għal riżultati rapidi.

3.6Konnessjonijiet infrastrutturali ġodda

Se jkun meħtieġ li jiġu stabbiliti konnessjonijiet infrastrutturali ġodda fil-qafas tar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna, li se jmorru ferm lil hinn minn dak li kien previst sa issa fil-qafas tal-Pjan Ekonomiku u ta’ Investiment għall-Ukrajna. Il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet futuri għandha tiffoka fuq:

·it-titjib tal-konnessjonijiet transfruntiera (dawk bit-triq biss, dawk bit-triq u bil-ferrovija, u dawk bil-ferrovija biss) bejn l-UE u l-Ukrajna, u l-ottimizzazzjoni u l-modernizzazzjoni tal-flussi tat-trasport f’termini ta’ kapaċità tal-infrastruttura, interoperabbiltà u effiċjenza tas-servizzi ta’ qsim tal-fruntieri, inkluż il-ftuħ mill-ġdid ta’ punti addizzjonali ta’ qsim tal-fruntieri. L-investimenti meħtieġa jistgħu jiġu appoġġati mill-programm tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE);

·l-iżvilupp ta’ kurituri ġodda tan-network ewlieni tat-Trasport Trans-Ewropew (TEN-T) li jgħaqqdu l-UE mal-Ukrajna u mal-Moldova;

·it-titjib tal-konnettività u tan-navigabbiltà fil-kuritur tar-Renu u tad-Danubju, biex jiġi żgurat traffiku aktar effiċjenti permezz ta’ koordinazzjoni msaħħa bejn il-portijiet u l-awtoritajiet tax-xmajjar fl-UE, fl-Ukrajna u fil-Moldova.

Is-sejħiet għal proposti tal-FNE se jippermettu li jiġi pprovdut appoġġ għal proġetti li jtejbu l-konnessjonijiet tat-trasport bejn l-UE u l-Ukrajna. Hemm possibbiltajiet partikolari biex jiġu ffinanzjati l-konnessjonijiet ferrovjarji, it-terminals għat-trasport bil-ferrovija u bit-triq u t-terminals għat-trasport bil-ferrovija biss (inklużi dawk biex jindirizzaw it-tibdil tal-gauge), u proġetti li għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-flussi tat-traffiku fiż-żoni tal-kontrolli fil-fruntieri, fil-fruntiera esterna tal-Unjoni. Il-proġetti li għandhom l-għan li jsaħħu n-navigabbiltà fid-Danubju wkoll jistgħu jirċievu appoġġ permezz tal-FNE. Proġetti b’użu doppju għat-toroq u għall-ajruporti wkoll huma eliġibbli skont is-sejħiet iddedikati tal-FNE għall-Mobbiltà Militari. Lil hinn mill-FNE, qed issir valutazzjoni dwar il-faċilitajiet l-oħra ta’ finanzjament tal-UE li jistgħu jiġu mmobilizzati biex ikopru l-ħtiġijiet. F’dan il-kuntest, bħalissa qed issir valutazzjoni dwar il-fattibbiltà tar-rinnovazzjoni u t-titjib, bil-finanzjament tal-UE, ta’ ċerti punti ta’ qsim tal-fruntieri fit-territorju Ukren fil-fruntiera tal-UE (eż. tnejn mar-Rumanija u wieħed mas-Slovakkja), bil-għan li tiżdied il-kapaċità tagħhom u jitħallew jipproċessaw il-merkanzija. Fil-futur jistgħu jiġu previsti punti addizzjonali ta’ qsim tal-fruntieri.

Azzjonijiet

(18) Bħala parti mir-reviżjoni li għadha għaddejja tat-TEN-T 18 , il-Kummissjoni se tivvaluta l-estensjoni tal-kurituri tat-TEN-T fl-Ukrajna biex toffri aktar konnettività mal-UE permezz tal-iżvilupp ta’ linji ferrovjarji b’gauge standard tal-UE kemm fl-Ukrajna kif ukoll fil-Moldova.

(19) Sabiex tibda bil-ħidma preparatorja, il-Kummissjoni, b’mod urġenti u wara li tingħata s-setgħa mill-Kunsill, se tadotta deċiżjoni li tikkonkludi ftehim ta’ livell għoli mal-Ukrajna dwar ir-reviżjoni tal-mapep tat-TEN-T.

(20) Is-sejħa għal proposti tal-FNE se tippermetti li l-appoġġ jiġi ffukat b’mod partikolari fuq proġetti li għandhom l-għan li jtejbu l-interoperabbiltà u l-konnettività tan-network tat-trasport tal-Unjoni mal-Ukrajna.

4.Konklużjonijiet

Minħabba l-livell għoli ta’ inċertezza u ta’ instabbiltà, li se jibqa’ preżenti sakemm tibqa’ għaddejja l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-flessibbiltà, l-aġilità u r-reżiljenza se jkunu indispensabbli biex ir-rotot tat-trasport u l-ktajjen tal-provvista bejn l-UE u l-Ukrajna jibqgħu operazzjonali.

Fuq terminu qasir, huwa essenzjali li l-Ukrajna tibqa’ integrata bis-sħiħ fil-ktajjen tal-provvista globali u fis-swieq agrikoli.

L-introduzzjoni ta’ aktar prodotti agrikoli fis-swieq globali hija kruċjali biex tiġi indirizzata l-insigurtà globali dejjem tiżdied tal-ikel, li tirriżulta mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja u l-konsegwenzi devastanti tagħha. Sabiex jiġu assorbiti kemm jista’ jkun il-volumi li qabel kienu jgħaddu mill-portijiet marittimi Ukreni, iridu jiġu mmobilizzati l-modi kollha tat-trasport bil-kapaċità massima tagħhom.

L-istabbiliment ta’ Korsiji ta’ Solidarjetà bejn l-UE u l-Ukrajna, kif ukoll l-azzjonijiet l-oħra deskritti hawn fuq, għandhom l-għan li jkopru dan il-perjodu ta’ emerġenza għall-esportazzjonijiet Ukreni, iżda se jkollhom ukoll rwol importanti biex ikopru l-ħtiġijiet Ukreni għall-importazzjoni ta’ oġġetti essenzjali. Biex timplimenta dawn l-azzjonijiet, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri, mal-awtoritajiet Ukreni, mal-operaturi tat-trasport tal-UE u Ukreni, mal-maniġers tal-infrastruttura, mas-sidien tal-vetturi ferrovjarji, tal-bastimenti u tal-vetturi, mal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra fir-reġjun.

(1)

     L-Ukrajna hija l-akbar esportatur globali taż-żejt tal-ġirasol (50 % tal-esportazzjonijiet globali), it-tielet l-akbar esportatur taż-żerriegħa tal-lift (20 %) u tax-xgħir (18 %), ir-raba’ l-akbar esportatur tal-qamħirrum (16 %) u l-ħames l-akbar esportatur tal-qamħ (12 %).

(2)

   COM(2022) 195 final

(3)

     L-istess gauge wiesa’ jintuża fl-Istati Baltiċi u fil-Moldova; il-Finlandja tuża gauge ta’ 1 524 mm.

(4)

     Bl-eċċezzjoni tal-linja LHS li tgħaqqad il-punt ta’ qsim tal-fruntiera bejn Hrubieszów u Sławków (qrib Katowice) fil-Polonja.

(5)

     Il-leġiżlazzjoni tal-UE ma tirrikjedi l-ebda ċertifikazzjoni veterinarja jew fitosanitarja għall-importazzjonijiet taċ-ċereali jew għat-tranżitu fl-UE.

(6)

     Bħall-UIP, l-ERFA, is-CER, il-UIRR, l-FEPORT, l-EFIP, l-ESPO, l-ESO/EBU, is-CEMA, l-ECSA u d-WSC

(7)

     Eż. Is-Slovakkja għandha kapaċità ta’ trażbord ta’ kuljum ta’ 30-40 ferrovija fuq il-gauge Ewropew (b’potenzjal ta’ 50-60 ferrovija) li għadha mhijiex qed tintuża, u hemm linja tal-UE b’gauge standard mill-Polonja għal Kaunas, il-Litwanja, fejn teżisti l-kapaċità ta’ trażbord. Il-port ta’ Klaipeda għandu l-kapaċità li jkun port mingħajr silġ matul is-sena kollha.

(8)

     Dawn il-magni jistgħu jgħabbu żewġ vaguni (130 t) fis-siegħa (90 000 tunnellata fix-xahar), u diversi magni jistgħu jaħdmu b’mod parallel ma’ ferrovija. It-trażbord, li għandu livell ta’ investiment relattivament baxx, jista’ jingħata spinta.

(9)

     L-Ordni tal-Kabinett tal-Ministri tal-Ukrajna tat-30 ta’ Marzu 2022, Nru 255-r ( https://zakon.rada.gov.ua/laws/show/255-2022-%D1%80#Text )

(10)

     Bħall-Bank Dinji, li għandu għarfien espert f’dan is-settur.

(11)

   COM(2022) 167 final

(12)

     L-istess huwa propost għall-Moldova (COM(2022) 168 final).

(13)

      https://transport.ec.europa.eu/ukraine/keeping-transport-running-smoothly/road-transport_mt  

(14)

     Dan in-network informali ta’ Ministeri tat-Trasport ġie stabbilit mill-Komunikazzjoni dwar il-Korsiji Ħodor (2020/C 96 I/01, ĠU C 96I, 24.3.2020, p. 1–7) f’Marzu 2020, u ġie attivat mill-ġdid meta bdiet l-aggressjoni tar-Russja. In-network, immexxi mill-Kummissjoni, serva bħala mezz effettiv għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni fost l-Istati Membri.

(15)

     Fuq terminu medju, l-Ukrajna se tiġi mħeġġa ssaħħaħ l-implimentazzjoni tal-programm tagħha tal-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati, tingħaqad mal-konvenzjonijiet doganali internazzjonali, kif ukoll tibni l-kapaċità tar-riżorsi umani u ttejjeb it-tagħmir doganali maż-żewġ naħat tal-fruntiera bejn l-Ukrajna u l-UE.

(16)

     Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Li tipprovdi linji gwida operazzjonali għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni biex jiġi ffaċilitat il-qsim tal-fruntieri fil-fruntieri bejn l-UE u l-Ukrajna, C(2022)1404, 02.03.2022

(17)

L-Istati Membri se jkunu jistgħu jintroduċu dawn it-talbiet ta’ finanzjament fil-pjanijiet ta’ investiment tagħhom li jiffurmaw il-bażi tal-ftehimiet operazzjonali, u b’hekk jiffaċilitaw il-finanzjament għall-proġetti li bdew wara Jannar 2022.

(18)

      https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_21_6776  

Top