EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R0429

Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

OJ L 84, 31.3.2016, p. 1–208 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

In force: This act has been changed. Current consolidated version: 14/12/2019

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/429/oj

31.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/1


REGOLAMENT (UE) 2016/429 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-9 ta' Marzu 2016

dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 43(2), l-Artikolu 114 u l-Artikolu 168(4)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw l-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

L-impatt ta' mard trasmissibbli u l-miżuri meħtieġa biex jikkontrollaw dak il-mard jistgħu jkunu devastanti għall-annimali individwali, għall-popolazzjonijiet tal-annimali, għal dawk li jżommu l-annimali u għall-ekonomija.

(2)

Kif urew l-esperjenzi reċenti, il-mard trasmissibbli tal-annimali jista' jkollu wkoll impatt sinifikanti fuq is-saħħa pubblika u s-sikurezza alimentari.

(3)

Barra minn hekk, jistgħu jiġu osservati effetti interattivi negattivi fir-rigward tal-bijodiversità, it-tibdil fil-klima u aspetti ambjentali oħra. It-tibdil fil-klima jista' jinfluwenza l-emerġenza ta' mard ġdid, il-prevalenza ta' mard eżistenti u d-distribuzzjoni ġeografika ta' aġenti u vetturi tal-mard, inklużi dawk li jaffettwaw l-annimali selvaġġi.

(4)

Sabiex jiġu żgurati standards għolja tas-saħħa pubblika u tal-annimali fl-Unjoni u l-iżvilupp razzjonali tas-settur tal-agrikoltura u dak tal-akkwakultura, u ż-żieda fil-produttività, għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar is-saħħa tal-annimali fil-livell tal-Unjoni. Dawk ir-regoli huma meħtieġa, sabiex, fost l-oħrajn, jingħata kontribut għall-ikkompletar tas-suq intern u biex jiġi evitat it-tixrid ta' mard infettiv. Dawk ir-regoli għandhom jiżguraw ukoll, sa fejn ikun possibbli, li jinżamm l-istatus attwali tas-saħħa tal-annimali fl-Unjoni u li, b'konsegwenza ta' dan, l-istatus jitjieb.

(5)

Il-leġislazzjoni attwali tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali hi magħmula minn sensiela ta' atti bażiċi marbuta u interkonnessi li jistabbilixxu regoli dwar is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni, id-dħul fl-Unjoni ta' annimali u prodotti, l-eradikazzjoni tal-mard, il-kontrolli veterinarji, in-notifika tal-mard u l-appoġġ finanzjarju b'rabta ma' speċijiet differenti tal-annimali, iżda jonqos qafas legali globali li jistipula prinċipji armonizzati fis-settur kollu.

(6)

Ir-regoli finanzjarji relatati mal-appoġġ tal-objettivi marbutin mas-saħħa tal-annimali huma previsti fir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u ma jagħmlux parti minn dan ir-Regolament. Barra minn hekk, ir-regoli li jkopru l-kontrolli uffiċjali ta' miżuri marbutin mas-saħħa tal-annimali previsti fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u fid-Direttivi tal-Kunsill 89/662/KEE (5), 90/425/KEE (6), 91/496/KEE (7) u 97/78/KE (8) għandhom jintużaw biex jirregolaw il-kontrolli uffiċjali fil-qasam tas-saħħa tal-annimali.

(7)

Dan ir-Regolament ma fihx dispożizzjonijiet li jirregolaw il-benessri tal-annimali. Madankollu, is-saħħa u l-benessri tal-annimali huma marbutin: saħħa aħjar tal-annimali tippromwovi benessri aħjar tal-annimali, u viċe versa. Meta l-miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard jitwettqu f'konformità ma' dan ir-Regolament, l-effett tagħhom fuq il-benessri tal-annimali, kif mifhum fid-dawl tal-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), għandu jiġi kkunsidrat biex jiġi evitat li l-annimali kkonċernati jsofru minn kwalunkwe uġigħ, dwejjaq jew tbatija li tista' tiġi evitata. Il-leġislazzjoni dwar il-benessri tal-annimali, bħar-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 (9) u (KE) Nru 1099/2009 (10), għandha tibqa' tapplika u tiġi implimentata kif jixraq. Ir-regoli stipulati f'dan ir-Regolament ma għandhomx jidduplikaw, jew jikkoinċidu, mar-regoli stipulati f'dik il-leġislazzjoni.

(8)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Settembru 2007 dwar Strateġija ġdid għall-Unjoni Ewropea dwar is-Saħħa tal-Annimali (2007-2013) fejn “Il-prevenzjoni hija aqwa mill-kura” għandha l-għan li tippromwovi s-saħħa tal-annimali billi tagħfas aktar fuq il-miżuri preventivi, is-sorveljanza tal-mard, il-kontroll tal-mard u r-riċerka marbuta mal-mard, sabiex titnaqqas l-inċidenza ta' mard tal-annimali u jitnaqqas kemm jista' jkun l-impatt tat-tifqigħ meta dawn iseħħu. Hija tipproponi l-adozzjoni ta' qafas regolatorju uniku u ssimplifikat għas-saħħa tal-annimali li jfittex li jikseb konverġenza mal-istandards internazzjonali filwaqt li jiżgura impenn sod għal standards għolja ta' saħħa tal-annimali.

(9)

L-għan ta' dan ir-Regolament huwa li jimplimenta l-impenji u l-viżjonijiet previsti f'dik l-Istrateġija dwar is-Saħħa tal-Annimali, inkluż il-prinċipju ta' “Saħħa waħda”, u li jikkonsolida l-qafas legali għal politika komuni tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali permezz ta' qafas regolatorju għas-saħħa tal-annimali li jkun uniku, issimplifikat u flessibbli.

(10)

L-annimali jistgħu jbatu minn firxa wiesgħa ta' mard infettiv jew mard li mhuwiex infettiv. Ħafna mard jista' jiġi ttrattat, jew għandu impatt biss fuq l-annimali individwali kkonċernati, jew ma jinxteridx fost annimali oħra jew fost il-bnedmin. Min-naħa l-oħra, il-mard trasmissibbli jista' jkollu impatt usa' fuq is-saħħa tal-annimali jew is-saħħa pubblika, b'effetti li jinħassu fil-livell tal-popolazzjoni. Ir-regoli tas-saħħa tal-annimali stabbiliti f'dan ir-Regolament għandhom ikunu limitati biss għal dan l-aħħar mard imsemmi.

(11)

Fl-istabbiliment ta' dawn ir-regoli dwar is-saħħa tal-annimali, huwa essenzjali li jiġu kkunsidrati r-rabtiet bejn is-saħħa tal-annimali u s-saħħa pubblika, l-ambjent, is-sikurezza alimentari u tal-għalf, il-benessri tal-annimali, is-sigurtà tal-ikel u l-aspetti ekonomiċi, soċjali u kulturali.

(12)

Il-Ftehim dwar il-Miżuri Sanitarji u Fitosanitarji (MSF), li tagħmel parti minnu l-Unjoni, jirregola l-użu tal-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tal-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-pjanti sabiex dawn ma jiddiskriminawx b'mod arbitrarju jew mhux ġustifikat bejn il-Membri tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WTO). Jekk jeżistu standards internazzjonali, jeħtieġ li dawn jintużaw bħala bażi għall-miżuri tal-Unjoni. Madankollu, il-partijiet għall-Ftehim MSF għandhom id-dritt li jistabbilixxu standards rilevanti tagħhom stess, sakemm dawn l-istandards ikunu bbażati fuq evidenza xjentifika.

(13)

Fir-rigward tas-saħħa tal-annimali, il-Ftehim MSF jirreferi għall-istandards tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE) fir-rigward tal-kondizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-kummerċ internazzjonali. Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' tfixkil kummerċjali, il-miżuri tal-Unjoni marbutin mas-saħħa tal-annimali għandhom jimmiraw għal livell xieraq ta' konverġenza mal-istandards tal-OIE.

(14)

F'ċirkostanzi speċifiċi fejn jeżisti riskju sinifikanti għas-saħħa pubblika jew tal-annimali iżda tippersisti inċertezza xjentifika, l-Artikolu 5(7) tal-Ftehim MSF, li ġie interpretat għall-Unjoni fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Frar 2000 dwar il-prinċipju ta' prekawzjoni, jippermetti li membri ta' dak il-Ftehim jadotta miżuri proviżorji abbażi tal-informazzjoni rilevanti disponibbli. F'ċirkostanzi bħal dawn, il-membru kkonċernat huwa meħtieġ li jikseb l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa għal valutazzjoni iktar oġġettiva tar-riskji, u li jeżamina l-miżura skont il-każ f'perijodu ta' żmien raġonevoli.

(15)

Il-valutazzjoni tar-riskju, li abbażi tagħha jittieħdu l-miżuri skont dan ir-Regolament, għandha tkun ibbażata fuq l-evidenza xjentifika disponibbli u titwettaq b'mod indipendenti, oġġettiv u trasparenti. Għandhom jitqiesu wkoll kif dovut l-opinjonijiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) stabbilita bl-Artikolu 22(1) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11).

(16)

Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12) jistabbilixxi regoli tas-saħħa kemm pubblika kif ukoll tal-annimali għal ċerti prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom, sabiex jiġu evitati u minimizzati r-riskji għas-saħħa pubblika u tal-annimali li ġejjin minn dawn il-prodotti, u b'mod partikolari biex titħares is-sikurezza tal-katina alimentari u tal-għalf. Sabiex tiġi evitata kull duplikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni, dan ir-Regolament għandu għalhekk japplika biss għal prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom fejn ma jkunux stabbiliti regoli speċifiċi fir-Regolament (KE) Nru 1069/2009, u fejn huwa involut riskju għas-saħħa tal-annimali. Pereżempju, ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 ma jirregolax kif għandhom jiġu ttrattati l-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati minnhom fil-kuntest tal-miżuri ta' kontroll tal-mard, u għalhekk dawk il-kwistjonijiet huma debitament koperti minn dan ir-Regolament.

(17)

Barra minn hekk, regoli speċifiċi dwar mard trasmissibbli tal-annimali, inkluż dak li jiġi trasmess lill-bnedmin (“żoonożi”), huma stabbiliti diġà fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), id-Direttiva 2003/99/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u r-Regolament (KE) Nru 2160/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar il-kontroll tas-salmonella u aġenti żoonotiċi oħra speċifikati li jinġarru mill-ikel (15), u regoli speċifiċi dwar mard li jittieħed fil-bnedmin huma stipulati fid-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16). Dawk l-atti għandhom jibqgħu fis-seħħ wara l-adozzjoni ta' dan ir-Regolament. Għalhekk, sabiex tiġi evitata kull duplikazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Unjoni, dan ir-Regolament għandu japplika biss għal żoonożi sal-punt li mhumiex diġà stabbiliti regoli speċifiċi f'dawk l-atti l-oħra tal-Unjoni. Barra minn hekk, dan ir-Regolament japplika mingħajr preġudizzju għar-regoli previsti f'atti leġislattivi oħra tal-Unjoni, bħal pereżempju fl-oqsma tal-mediċina veterinarja u l-benessri tal-annimali.

(18)

Mard li jseħħ f'annimali li huma miżmuma mill-bnedmin jista' jkollu effett kbir fuq is-setturi tal-agrikoltura u l-akkwakultura, fuq is-saħħa pubblika, fuq l-ambjent u fuq il-bijodiversità. Madankollu, peress li t-tali annimali jinżammu mill-bnedmin, spiss huwa aktar faċli li jiġu applikati miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għalihom milli għal annimali selvaġġi.

(19)

Madankollu, mard li jseħħ f'popolazzjonijiet tal-annimali selvaġġi jista' jkollu effett detrimentali fuq is-setturi tal-agrikoltura u l-akkwakultura, fuq is-saħħa pubblika, fuq l-ambjent u fuq il-bijodiversità. Huwa għalhekk xieraq li l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu, f'dawn il-każijiet, ikopri l-annimali selvaġġi, kemm bħala vittmi potenzjali ta' dak il-mard kif ukoll bħala l-vetturi tiegħu. Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, it-terminu 'annimali selvaġġi' jkopri l-annimali kollha li ma jkunux miżmuma mill-bnedmin, inklużi annimali li jgħixu fit-triq u dawk selvaġġi, anki jekk huma ta' speċi li normalment ikunu domestikati.

(20)

Il-mard tal-annimali ma jitteħidx biss permezz ta' kuntatt dirett bejn l-annimali jew bejn l-annimali u l-bnedmin. Jiġi trasferit ukoll aktar lil hinn, permezz ta' sistemi tal-ilma u tal-arja, vetturi bħal insetti, jew is-semen, l-ooċiti u l-embrijuni użati fl-inseminazzjoni artifiċjali, id-donazzjonijiet ta' ooċit, jew it-trasferiment ta' embrijuni. L-aġenti tal-mard jistgħu jinsabu wkoll fl-ikel u prodotti oħra li joriġinaw mill-annimali, bħal ġilda, pil, rix, qarn u kwalunkwe materjal ieħor derivat mill-ġisem ta' annimal. Barra minn hekk, diversi oġġetti oħra bħall-vetturi tat-trasport, it-tagħmir, l-għalf, u l-ħuxlief u t-tiben, jistgħu jkunu aġenti tad-diffużjoni tal-mard. Għalhekk, jeħtieġ li regoli effettivi tas-saħħa tal-annimali jkopru kull rotta ta' infezzjoni u l-materjal involut fiha.

(21)

Il-mard tal-annimali jista' jkollu effetti detrimentali fuq id-distribuzzjoni tal-ispeċijiet tal-annimali selvaġġi, u b'hekk jaffettwa l-bijodiversità. Il-mikroorganiżmi li jikkawżaw dan it-tip ta' mard tal-annimali jistgħu għalhekk jitqiesu bħala speċijiet aljeni invażivi fil-qafas tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Diversità Bijoloġika. Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament iqisu wkoll il-bijodiversità u għalhekk dan ir-Regolament għandu jkopri speċijiet ta' annimali u aġenti tal-mard, inklużi dawk definiti bħala speċijiet ta' annimali invażivi, li jkollhom rwol fit-trasmissjoni ta', jew li huma affettwati minn, mard kopert minn dan ir-Regolament.

(22)

Il-leġislazzjoni tal-Unjoni adottata qabel dan ir-Regolament tistipula regoli separati dwar is-saħħa tal-annimali għall-annimali terrestri u akkwatiċi. Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE (17), tistabbilixxi regoli speċifiċi għall-annimali akkwatiċi. Iżda fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-prinċipji ewlenin ta' governanza tajba tas-saħħa tal-annimali u ta' trobbija tajba tal-annimali huma applikabbli għaż-żewġ gruppi ta' speċijiet tal-annimali. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jkopri kemm l-annimali terrestri kif ukoll dawk akkwatiċi u għandu jallinja dawk ir-regoli tas-saħħa tal-annimali fejn applikabbli. Madankollu, għal ċerti aspetti, b'mod partikolari r-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni ta' stabbilimenti u t-traċċabbiltà u ċ-ċaqliq ta' annimali fi ħdan l-Unjoni, dan ir-Regolament josserva l-approċċ adottat fl-imgħoddi, jiġifieri li jistabbilixxi ġabriet differenti ta' regoli dwar is-saħħa tal-annimali għall-annimali terrestri u għal dawk akkwatiċi minħabba l-ambjenti differenti tagħhom u għaldaqstant jistabbilixxi rekwiżiti differenti għall-ħarsien tas-saħħa.

(23)

Il-leġislazzjoni tal-Unjoni adottata qabel dan ir-Regolament, u b'mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (18), tistabbilixxi wkoll regoli bażiċi dwar is-saħħa tal-annimali għal speċijiet ta' annimali oħra mhux regolati f'atti oħra tal-Unjoni, bħalma huma r-rettili, l-amfibji, il-mammiferi tal-baħar, u oħrajn li mhumiex annimali akkwatiċi jew terrestri kif definiti f'dan ir-Regolament. Normalment, tali speċijiet ma joħolqux riskju sinifikanti għas-saħħa tal-bnedmin jew ta' annimali oħra, u għalhekk ftit regoli biss, jekk mhux xejn, dwar is-saħħa tal-annimali japplikaw għalihom. Sabiex jiġu evitati piżijiet u spejjeż amministrattivi mhux meħtieġa, dan ir-Regolament għandu jsegwi l-approċċ adottat fl-imgħoddi, jiġifieri li jipprovdi l-qafas legali li jippermetti li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar is-saħħa tal-annimali għall-movimenti tat-tali annimali u l-prodotti tagħhom jekk dan ikun meħtieġ minħabba r-riskji involuti.

(24)

Il-bnedmin spiss iżommu ċerti annimali bħala annimali domestiċi fl-unitajiet domestiċi tagħhom biex dawn ikunu ta' kumpanija għalihom. Iż-żamma ta' dawn l-annimali domestiċi għal finijiet purament privati, inklużi annimali akkwatiċi ornamentali fl-unitajiet domestiċi, kemm ġewwa u kemm barra, ġeneralment joħolqu riskju ta' saħħa aktar baxx meta mqabbel ma' modi oħrajn ta' żamma jew moviment tal-annimali fuq skala usa', bħal dawk komuni fl-agrikoltura, l-akkwakultura, santwarji tal-annimali u t-trasport tal-annimali b'mod aktar ġenerali. Għalhekk, mhuwiex xieraq li r-rekwiżiti ġenerali li jikkonċernaw ir-reġistrazzjoni, iż-żamma ta' rekords u l-movimenti fl-Unjoni japplikaw għat-tali annimali domestiċi, billi dan ikun jirrappreżenta piż u spiża amministrattivi mhux ġustifikati. Ir-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni u ż-żamma ta' rekords għalhekk ma għandhomx japplikaw għal dawk li jżommu annimali domestiċi. Barra minn hekk, għandhom jiġu applikati regoli speċifiċi għal movimenti mhux kummerċjali ta' annimali domestiċi fl-Unjoni.

(25)

Xi gruppi definiti ta' annimali, li għalihom jeżistu regoli speċjali dwar is-saħħa tal-annimali f'dan ir-Regolament, jeħtieġ li jiġu elenkati bħala speċijiet f'anness, minħabba n-natura diversa tal-grupp ikkonċernat. Dan huwa l-każ għall-grupp ta' mammiferi bid-difer ikklassifikati bħala ungulati. Il-lista ta' tali annimali għandha mnejn ikollha tinbidel fil-ġejjieni minħabba raġunijiet ta' tassonomija mibdula. Għalhekk, sabiex jitqiesu dawn il-bidliet, għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE, fir-rigward tal-lista ta' ungulati stabbiliti fl-Anness III għal dan ir-Regolament.

(26)

Mhux il-mard kollu trasmissibbli tal-annimali jista' jew għandu jiġi prevenut u kkontrollat permezz ta' miżuri regolatorji, pereżempju jekk il-marda hija wisq mifruxa, jekk l-għodod dijanjostiċi ma jkunux disponibbli, jew jekk is-settur privat jista' jieħu miżuri biex jikkontrolla l-marda waħdu. Miżuri regolatorji biex jipprevjenu u jikkontrollaw mard trasmissibbli tal-annimali jistgħu jkollhom konsegwenzi ekonomiċi importanti għas-setturi rilevanti u jistgħu jfixklu l-kummerċ. Għalhekk huwa essenzjali li dawn il-miżuri jiġu applikati biss meta jkunu proporzjonati u meħtieġa, bħal meta marda tippreżenta, jew hi suspettata li tippreżenta, riskju sinifikanti għas-saħħa tal-annimali jew dik tal-pubbliku.

(27)

Barra minn hekk, il-miżuri preventivi u ta' kontroll għal kull marda trasmissibbli tal-annimali għandhom ikunu “mfassla apposta” sabiex jiġu indirizzati l-profil epidemjoloġiku uniku tagħha, il-konsegwenzi tagħha u d-distribuzzjoni tagħha fi ħdan l-Unjoni. Ir-regoli preventivi u ta' kontroll li japplikaw għal kull waħda minnhom għandhom għalhekk ikunu speċifiċi għall-marda.

(28)

Għall-mard trasmissibbli tal-annimali, kondizzjoni ta' marda hija normalment assoċjata mal-manifestazzjoni klinika jew patoloġika tal-infezzjoni. Madankollu, għall-fini ta' dan ir-Regolament, li għandu l-għan li jikkontrolla l-firxa ta' ċertu mard trasmissibbli tal-annimali u jeradikaha, id-definizzjoni tal-marda għandha tkun usa' sabiex tinkludi portaturi oħra tal-aġent tal-marda.

(29)

Xi mard trasmissibbli tal-annimali ma jinxteridx faċilment għal annimali oħra jew il-bnedmin, u għalhekk ma jikkawżax dannu ekonomiku jew ta' bijodiversità fuq skala wiesgħa. Għalhekk, ma jirrappreżentax theddida serja għas-saħħa tal-annimali jew għas-saħħa pubblika fl-Unjoni, u għaldaqstant jista', jekk mixtieq, jiġi indirizzat permezz ta' regoli nazzjonali.

(30)

Għal mard trasmissibbli tal-annimali li mhuwiex soġġett għall-miżuri stabbiliti fil-livell tal-Unjoni iżda li huwa ta' ċerta importanza ekonomika għas-settur privat fil-livell lokali, dan tal-aħħar għandu, bl-għajnuna tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, jieħu azzjoni biex għall-prevenzjoni jew il-kontroll tat-tali mard, pereżempju permezz ta' miżuri awtoregolatorji jew l-iżvilupp ta' kodiċi ta' prattika.

(31)

B'kuntrast mal-mard trasmissibbli tal-annimali deskritt fil-premessi 29 u 30, mard trasmissibbli ħafna tal-annimali jista' faċilment jinfirex lil hinn mill-fruntieri u, jekk ikun ukoll każ ta' żoonożi, jista' wkoll ikollu impatt fuq is-saħħa pubblika u s-sikurezza alimentari. Għalhekk il-mard trasmissibbli ħafna tal-annimali u ż-żoonożi għandhom jiġu koperti minn dan ir-Regolament.

(32)

Ir-reżistenza għall-antimikrobiċi, mifhuma bħala l-kapaċità ta' mikroorganiżmi li jibqgħu jgħixu jew jiżdiedu fil-preżenza ta' konċentrazzjoni ta' sustanza antimikrobika li normalment tkun biżżejjed sabiex trażżan jew toqtol mikroorganiżmi tal-istess speċijiet, qed tiżdied. L-Azzjoni Nru 5 appoġġata fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill intitolata 'Pjan ta' azzjoni kontra t-theddida dejjem tikber mir-Resistenza Antimikrobika' tenfasizza r-rwol preventiv li għandu jkollu dan ir-Regolament u t-tnaqqis konsegwenti mistenni tal-użu tal-antibijotiċi fl-annimali. Din ir-reżistenza tal-mikroorganiżmi għall-antimikrobiċi li għalihom kienu preċedentement reattivi tikkomplika t-trattament ta' mard infettiv fil-bnedmin u fl-annimali u għalhekk tista' tkun ta' theddida għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali. Bħala riżultat, il-mikroorganiżmi li żviluppaw reżistenza għall-antimikrobiċi għandhom ikunu ttrattati bħallikieku kienu mard trasmissibbli, u għalhekk jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dan ser jippermetti li tittieħed azzjoni kontra organiżmi reżistenti għall-antimikrobiċi fejn xieraq u meħtieġ.

(33)

Perikoli ġodda assoċjati ma' ċertu mard jew ċerti speċijiet jistgħu jiżviluppaw b'mod partikolari minħabba bidliet fix-xejriet tal-kummerċ, l-ambjent, il-klima, it-trobbija tal-annimali u t-tradizzjonijiet tal-biedja, iżda wkoll b'riżultat ta' bidliet soċjali. Il-progress xjentifiku jista' jwassal ukoll għal għarfien ġdid dwar mard eżistenti u żieda fis-sensibilizzazzjoni dwaru. Barra minn hekk, il-mard u l-ispeċijiet li huma importanti llum jistgħu jiġu emarġinati fil-ġejjieni. Għalhekk il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament għandu jkun wiesa', u r-regoli stabbiliti għandhom ikunu ffokati fuq il-mard b'rilevanza għolja għall-pubbliku. L-OIE, bl-appoġġ tal-Kummissjoni Ewropea, ipproduċiet studju dwar “L-elenkar u l-kategorizzazzjoni tal-prijorità fost mard tal-annimali, inkluż dak li jiġi trasmess lill-bnedmin” u għodda għal tali eżerċizzju, li għandha l-għan li tiżviluppa sistema ta' prijoritizzazzjoni u kategorizzazzjoni tal-mard. Dik l-għodda hija eżempju ta' approċċ sistematiku għall-ġbir u l-valutazzjoni ta' informazzjoni dwar il-mard tal-annimali.

(34)

Jeħtieġ li tiġi stabbilita lista armonizzata ta' mard trasmissibbli tal-annimali ('mard elenkat') li jippreżentaw riskju għas-saħħa pubblika jew tal-annimali fl-Unjoni, sew jekk fl-Unjoni kollha u sew jekk f'partijiet minnha biss. Il-ħames tipi ta' mard diġà identifikati f'dan ir-Regolament għandhom jiġu ssupplimentati b'lista ta' mard stipulati f'anness. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina u temenda dak l-anness f'konformità ma' sett ta' kriterji. Il-Kummissjoni għandha, għalhekk, tingħata s-setgħa li tadotta atti li jemendaw l-anness skont l-Artikolu 290 tat-TFUE.

(35)

Mard emerġenti bil-potenzjal li jikkawża riskji serji għas-saħħa pubblika jew tal-annimali u li jirriżulta f'impatti fuq is-saħħa, l-ekonomija jew l-ambjent jista' jfeġġ fil-futur. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat ta' implimentazzjoni li tistabbilixxi miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għal tali mard emerġenti biex tadotta miżuri adegwati biex tindirizza l-konsegwenzi potenzjalment negattivi ta' dak il-mard, anki jekk dawn ma jkunux ġew ivvalutati b'mod sħiħ bil-ħsieb tal-elenkar potenzjali tagħhom. Dawn il-miżuri huma mingħajr preġudizzju għal miżuri ta' emerġenza u jistgħu jkomplu japplikaw għal mard emerġenti sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-elenkar tagħhom.

(36)

Il-mard elenkat ser jeħtieġ approċċi ta' ġestjoni differenti. Xi mard li jittieħed malajr ħafna li bħalissa mhuwiex preżenti fl-Unjoni jeħtieġ miżuri stretti biex jiġi eradikat minnufih hekk kif dan ifeġġ. F'każijiet fejn tali mard ma jinqeridx minnufih u jsir endemiku, ikun meħtieġ programm ta' eradikazzjoni obbligatorju fuq medda ta' żmien twil. Għal mard ieħor li jista' jkun diġà preżenti f'partijiet tal-Unjoni, tkun meħtieġa l-eradikazzjoni obbligatorja jew fakultattiva. F'dawn il-każijiet, jixraq li jiġu stabbiliti restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta' annimali u prodotti, bħal projbizzjoni ta' movimenti lejn żoni milquta u minnhom, jew sempliċiment l-ittestjar tal-annimali jew tal-prodotti kkonċernati qabel id-dispaċċ. Jista' jkun xieraq li, f'każijiet oħra, jiġi implimentat biss programm ta' sorveljanza tad-distribuzzjoni tal-marda inkwistjoni, mingħajr it-teħid ta' iktar miżuri.

(37)

Għandhom jiġu stabbiliti kriterji biex jiġi żgurat li l-aspetti rilevanti kollha jiġu meqjusa meta jiġi ddeterminat liema mard trasmissibbli tal-annimali għandu jiġi elenkat għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

(38)

Ir-regoli stipulati f'dan ir-Regolament għall-prevenzjoni u l-kontroll ta' marda trasmissibbli tal-annimali speċifika għandhom japplikaw għal speċijiet ta' annimali li jistgħu jittrasmettu l-marda inkwistjoni, billi jkunu suxxettibbli għaliha jew billi jkunu vettur tagħha. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita lista armonizzata ta' speċijiet li għalihom il-miżuri għal mard elenkat speċifiku għandhom japplikaw fil-livell tal-Unjoni (“speċijiet elenkati”), u l-Kummissjoni għandha għalhekk tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi din il-lista.

(39)

Il-proċess ta' kategorizzazzjoni għandu jkun ibbażat fuq kriterji predefiniti bħall-profil tal-marda elenkata inkwistjoni, il-livell tal-impatt tagħha fuq is-saħħa tal-annimali u dik pubblika, il-benessri tal-annimali u l-ekonomija tal-Unjoni, ir-riskju li din tinfirex u d-disponibbiltà ta' miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard fir-rigward ta' dik il-marda elenkata. Il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi liema mard elenkat għandu jkun soġġett għal liema regoli.

(40)

Dawn ir-regoli għandhom japplikaw fir-rigward ta' mard elenkat li normalment ma jfeġġx fl-Unjoni u li għalih hu importanti ħafna li, hekk kif jiġi skopert, jittieħdu miżuri ta' eradikazzjoni immedjati, bħadd-deni klassiku tal-ħnieżer, fir-rigward ta' mard elenkat li jeħtieġ li jiġi kkontrollat fl-Istati Membri kollha bil-għan tal-eradikazzjoni tiegħu fl-Unjoni kollha, li jista' jinkludi mard bħal pereżempju l-bruċellożi, fir-rigward ta' mard elenkat li huwa ta' rilevanza għal xi wħud mill-Istati Membri, u li għalih jinħtieġu miżuri biex dan ma jinfirixx f'partijiet tal-Unjoni li huma uffiċjalment ħielsa jew li għandhom programmi ta' eradikazzjoni għal dik il-marda elenkata, li jista' jinkludi mard bħal rinotrakeite bovina infettuża, fir-rigward ta' mard elenkat li għalih jeħtieġu miżuri biex iwaqqfuh milli jinfirex minħabba li jkun daħal fl-Unjoni jew minħabba movimenti bejn l-Istati Membri, li jista' jinkludi mard bħal pereżempju l-anemija ekwina infettiva, u fir-rigward ta' mard elenkat li għalih meħtieġa sorveljanza fl-Unjoni, li jista' jinkludi mard bħalma huwa l-antraċe.

(41)

Il-profil tal-marda ta' xi marda partikolari jista' jinbidel, kif ukoll ir-riskji marbuta mal-marda u ċirkostanzi oħrajn. Għat-tali każijiet, is-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni għandhom jinkludu wkoll is-setgħa li temenda l-kategorija li taqa' fiha marda partikolari elenkata, u għalhekk il-miżuri li hija soġġetta għalihom.

(42)

L-operaturi li jaħdmu mal-annimali huma fl-aħjar pożizzjoni biex josservaw u jiżguraw is-saħħa tal-annimali u li jimmonitorjaw il-prodotti taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Għaldaqstant dawn għandu jkollhom ir-responsabbiltà ewlenija għat-twettiq ta' miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-firxa ta' mard fost l-annimali u l-monitoraġġ tal-prodotti taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

(43)

Il-bijosigurtà hija waħda mill-għodod ta' prevenzjoni ewlenin għad-dispożizzjoni tal-operaturi, u oħrajn li jaħdmu mal-annimali għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni, l-iżvilupp u t-tixrid ta' mard trasmissibbli tal-annimali, minn u fi ħdan xi popolazzjoni tal-annimali. Ir-rwol tal-bijosigurtà huwa rikonoxxut ukoll fil-valutazzjoni tal-impatt għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, fejn l-impatti possibbli huma vvalutati b'mod speċifiku. Il-miżuri ta' bijosigurtà adottati għandhom ikunu flessibbli biżżejjed, adatti għat-tip ta' produzzjoni u l-ispeċijiet jew il-kategoriji ta' annimali involuti u jqisu ċ-ċirkostanzi lokali u l-iżviluppi tekniċi. Il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi meħtieġa għall-applikazzjoni uniformi ta' miżuri ta' bijosigurtà fl-Istati Membri. Minkejja dan, għandu dejjem jibqa' fis-setgħa tal-operaturi, l-Istati Membri jew il-Kummissjoni li jippromwovu l-prevenzjoni ta' mard trasmissibbli permezz ta' standards ta' bijosigurtà ogħla billi jiżviluppaw gwidi tagħhom stess għal prattika tajba. Filwaqt li l-bijosigurtà tista' tkun teħtieġ investiment bil-quddiem, it-tnaqqis li jirriżulta fil-mard tal-annimali għandu jkun inċentiv pożittiv għall-operaturi.

(44)

Il-prodotti bijoċidali, bħad-diżinfettanti għall-iġjene veterinarja jew l-oqsma tal-ikel u tal-għalf, l-insettiċidi, ir-repellanti jew ir-rodentiċidi, għandhom rwol importanti fl-istrateġiji ta' bijosigurtà, kemm fil-livell tal-għelejjel kif ukoll matul it-trasport ta' annimali. Għaldaqstant għandhom jitqiesu bħala parti mill-bijosigurtà.

(45)

L-għarfien tas-saħħa tal-annimali, inkluż tas-sintomi tal-mard, il-konsegwenzi tal-mard u l-mezzi possibbli ta' prevenzjoni inkluża l-bijosigurtà, it-trattament u l-kontroll, huwa prerekwiżit għall-ġestjoni effiċjenti tas-saħħa tal-annimali, u huwa essenzjali għall-iżgurar tad-detezzjoni bikrija ta' mard tal-annimali. L-operaturi u l-professjonisti tal-annimali għandhom għalhekk jiksbu dan l-għarfien kif xieraq. Dak l-għarfien jista' jiġi akkwistat b'mezzi differenti, pereżempju bl-edukazzjoni formali, iżda wkoll permezz tas-Sistema Konsultattiva għall-Farms li teżisti fis-settur agrikolu jew it-taħriġ informali li għalih l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa nazzjonali u tal-Unjoni u organizzazzjonijiet oħra jistgħu jkunu kontributuri siewja.

(46)

Il-veterinarji u l-professjonisti tas-saħħa tal-annimali akkwatiċi għandhom rwol kruċjali fl-aspetti kollha tal-ġestjoni tas-saħħa tal-annimali, u r-regoli ġenerali dwar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom għandhom ikunu stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(47)

Il-veterinarji għandhom l-edukazzjoni u l-kwalifiki professjonali li juru li jkunu kisbu l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa, fost l-oħrajn, biex jagħmlu dijanjosi tal-mard u biex jittrattaw l-annimali. Barra minn hekk, f'xi Stati Membri, għal raġunijiet storiċi, jew minħabba n-nuqqas ta' veterinarji li jittrattaw mard akkwatiku, teżisti professjoni speċjalizzata msejħa “professjonisti tas-saħħa tal-annimali akkwatiċi”. Dawn il-professjonisti tradizzjonalment mhumiex veterinarji iżda jipprattikaw il-mediċina tal-annimali akkwatiċi. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jirrispetta d-deċiżjoni ta' dawk l-Istati Membri li jirrikonoxxu dik il-professjoni. F'każijiet hekk, il-professjonisti tas-saħħa tal-annimali akkwatiċi għandu jkollhom l-istess responsabbiltajiet u obbligi bħall-veterinarji fir-rigward tal-qasam ta' ħidma speċifiku tagħhom. Dan l-approċċ huwa konformi mal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Akkwatiċi tal-OIE.

(48)

L-Istati Membri, u b'mod partikolari l-awtoritajiet kompetenti tagħhom responsabbli mis-saħħa tal-annimali, huma fost l-atturi ewlenin għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard trasmissibbli tal-annimali. L-awtorità kompetenti għas-saħħa tal-annimali għandha rwol importanti fir-rigward tas-sorveljanza, l-eradikazzjoni, il-miżuri ta' kontroll tal-mard, l-ippjanar ta' kontinġenza u s-sensibilizzazzjoni dwar il-mard, il-faċilitazzjoni tal-movimenti tal-annimali, u fil-kummerċ internazzjonali permezz tal-ħruġ ta' ċertifikati tas-saħħa tal-annimali. Sabiex ikunu jistgħu jaqdu dmirijiethom skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri jiddependu mill-aċċess għal riżorsi finanzjarji, infrastrutturali u ta' persunal adegwati fit-territorji kollha tagħhom, inkluż il-kapaċità fil-laboratorji u l-għarfien rilevanti xjentifiku u ta' natura oħra.

(49)

Minħabba riżorsi limitati, l-awtoritajiet kompetenti mhux dejjem ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet kollha meħtieġa li jridu jsiru minnhom skont dan ir-Regolament. Għal dik ir-raġuni, jeħtieġ li tiġi prevista bażi legali għad-delegazzjoni tat-twettiq ta' ċerti attivitajiet lil veterinarji li mhumiex veterinarji uffiċjali. Għall-istess raġuni, l-Istati Membri għandhom ukoll ikunu jistgħu jawtorizzaw persuni fiżiċi jew ġuridiċi biex iwettqu ċerti attivitajiet taħt ċerti kondizzjonijiet.

(50)

Sabiex jiġi żgurat li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni ġenerali ta' miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard madwar l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE, fir-rigward tad-delega tat-twettiq ta' attivitajiet oħra li l-awtorità kompetenti tista' tiddelega lill-veterinarji li mhumiex veterinarji uffiċjali.

(51)

L-aħjar ġestjoni tas-saħħa tal-annimali tista' tintlaħaq biss f'kooperazzjoni ma' dawk li jżommu l-annimali, l-operaturi, il-veterinarji, il-professjonisti tas-saħħa tal-annimali, il-partijiet kkonċernati l-oħra u s-sħab kummerċjali. Sabiex jiġi żgurat l-appoġġ tagħhom, jeħtieġ li jiġu organizzati proċeduri għat-teħid ta' deċiżjonijiet u l-applikazzjoni tal-miżuri previsti f'dan ir-Regolament b'mod ċar, trasparenti u inklużiv.

(52)

L-awtorità kompetenti għandha tieħu passi xierqa biex iżżomm lill-pubbliku informat, speċjalment meta jkun hemm raġunijiet tajba għal suspett li xi annimali jew prodotti jistgħu jippreżentaw riskju għas-saħħa tal-annimali jew is-saħħa pubblika jew meta xi każ ikun ta' interess pubbliku. F'dawk il-każijiet, l-annimali jew il-prodotti kkonċernati jistgħu joriġinaw minn ġewwa l-Unjoni jew jidħlu fl-Unjoni minn barra. Dawn tal-aħħar jistgħu wkoll jiddaħħlu fl-Unjoni minn persuni li jkunu qed jivvjaġġaw minn barra l-Unjoni bil-bagalji personali tagħhom. Għalhekk, l-informazzjoni pprovduta liċ-ċittadini għandha tkopri wkoll ir-riskji involuti f'tali sitwazzjonijiet.

(53)

Sabiex jiġi evitat ir-rilaxx ta' aġenti tal-mard minn laboratorji, istituti u faċilitajiet oħra li jittrattaw l-aġenti tal-mard, huwa vitali li dawn jieħdu miżuri xierqa ta' bijosigurtà, bijosikurezza u bijokonteniment. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu jipprevedi miżuri ta' sikurezza għal waqt it-trattament jew it-trasportazzjoni ta' tali aġenti tal-mard, vaċċini u prodotti bijoloġiċi oħrajn. L-obbligu impost f'dak ir-rigward għandu japplika wkoll għal kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika li tkun involuta f'attività bħal din. Sabiex jiġi żgurat li l-istandards tas-sikurezza huma rispettati fit-trattament ta' aġenti bijoloġiċi, vaċċini u prodotti bijoloġiċi oħra li jittieħdu malajr ħafna, il-Kummissjoni għandha tiġi delegata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tal-miżuri ta' sikurezza f'dawk il-laboratorji, istituti u faċilitajiet u għall-moviment ta' aġenti tal-mard.

(54)

Id-detezzjoni bikrija u katina ċara tan-notifika u r-rappurtar tal-mard huma kruċjali għall-kontroll effettiv tal-mard. Sabiex jinkiseb rispons effiċjenti u rapidu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe suspett jew konferma ta' tifqigħa ta' ċertu mard elenkat għandu jkun notifikat minnufih lill-awtorità kompetenti.

(55)

Il-veterinarji huma atturi ewlenin fl-investigazzjoni ta' mard u rabta importanti bejn l-operaturi u l-awtorità kompetenti. Għalhekk, dawn għandhom jiġu nnotifikati mill-operatur ikkonċernat f'każijiet ta' mortalità anormali, problemi ta' mard serju ieħor, jew tnaqqis sinifikanti fir-rati ta' produzzjoni b'kawża indeterminata.

(56)

Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm notifika effettiva u effiċjenti, u biex jiġu ċċarati ċ-ċirkustanzi differenti relatati ma' mortalità anormali u sinjali oħra ta' mard serju, il-Kummissjoni għandha tiġi delegata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward ta' kriterji li jiddeterminaw meta jkunu seħħu ċ-ċirkostanzi rilevanti għan-notifika, u li tistipula r-regoli għal investigazzjoni ulterjuri, fejn dan ikun rilevanti.

(57)

Għal ċertu mard elenkat, huwa vitali li Stat Membru għandu jinnotifika minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar tifqigħ ta' mard fit-territorju tiegħu. Tali notifika ser tippermetti lill-Istati Membri ġirien jew oħrajn affettwati jieħdu miżuri ta' prekawzjoni meta dan ikun opportun.

(58)

Min-naħa l-oħra, għal ċertu mard mhumiex meħtieġa notifika u azzjoni immedjati. F'dawk il-każijiet, il-ġbir ta' informazzjoni u r-rappurtar fir-rigward tal-okkorrenza ta' dak il-mard huma essenzjali sabiex tiġi kkontrollata s-sitwazzjoni tal-marda u, fejn ikun meħtieġ, biex jittieħdu miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard. Dan ir-rekwiżit dwar ir-rappurtar jista' japplika wkoll għall-mard li huwa soġġett għal notifika fl-Unjoni kollha iżda fejn hija meħtieġa informazzjoni addizzjonali għall-implimentazzjoni ta' miżuri effettivi għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard. Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni u d-data korretta meħtieġa għall-prevenzjoni tat-tixrid jew biex tiġi kkontrollata kull marda partikolari, jinġabru f'qafas ta' żmien adegwat, il-Kummissjoni għandha tiġi delegata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tal-materji li għandhom jiġu rrappurtati.

(59)

Għan ewlieni tan-notifika u r-rappurtar tal-mard huwa li tiġi ġġenerata data epidemjoloġika affidabbli, trasparenti u aċċessibbli. Għandha tiġi stabbilita sistema ta' informazzjoni interattiva kompjuterizzata għall-ġbir u l-ġestjoni effettivi tad-data tas-sorveljanza fil-livell tal-Unjoni għall-mard elenkat u, fejn rilevanti, għal mard emerġenti jew mikrobi reżistenti għall-antimikrobiċi. Dik is-sistema għandha tippromwovi l-aħjar disponibbiltà tad-data, il-faċilitazzjoni tal-iskambju tad-data, u t-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri billi tgħaqqad in-notifika tal-mard u r-rappurtar fi ħdan l-Unjoni u fil-livell internazzjonali fi proċess wieħed (operat permezz tad-database tal-OIE). Għandhom jittieħdu passi biex tiġi żgurata l-konsistenza fl-iskambju ta' informazzjoni skont id-Direttiva 2003/99/KE.

(60)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implementazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar in-notifika u r-rappurtar tal-mard, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi lista ta' mard li jkun soġġett għan-notifika tal-Unjoni u r-regoli ta' rappurtar tal-Unjoni kif previst f'dan ir-Regolament u biex tistabbilixxi l-proċeduri, l-formati, id-data u l-iskambji ta' informazzjoni meħtieġa rigward in-notifika u r-rappurtar tal-mard.

(61)

Is-sorveljanza hija element ewlieni tal-politika għall-kontroll tal-mard. Din għandha tipprevedi d-detezzjoni bikrija ta' mard trasmissibbli tal-annimali u n-notifika effiċjenti tiegħu, biex b'hekk is-settur ikkonċernat u l-awtorità kompetenti ikunu jistgħu jimplimentaw, fejn fattibbli, miżuri f'waqthom għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard, u b'hekk il-marda inkwistjoni tkun tista' tiġi eradikata. Barra minn hekk, għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-istatus tas-saħħa tal-annimali ta' kull Stat Membru u tal-Unjoni, u b'hekk tissostanzja ċ-ċertifikazzjoni ta' ħelsien mill-mard u tiffaċilita l-kummerċ ma' pajjiżi terzi.

(62)

L-operaturi josservaw l-annimali tagħhom fuq bażi regolari u huma fl-aħjar pożizzjoni biex jidentifikaw mortalità mhux normali jew sintomi serji oħra ta' mard. Għaldaqstant, l-operaturi huma l-pedament ta' kull sorveljanza u huma essenzjali għas-sorveljanza mwettqa mill-awtorità kompetenti.

(63)

Biex jiġu żgurati kollaborazzjoni mill-qrib u skambju ta' informazzjoni bejn l-operaturi u l-veterinarji jew il-professjonisti tas-saħħa tal-annimali akkwatiċi, u biex tiġi ssupplimentata s-sorveljanza mwettqa mill-operaturi, l-istabbilimenti, kif ikun xieraq għat-tip ta' produzzjoni inkwistjoni u fatturi rilevanti oħra, għandhom ikunu soġġetti għal viżti tas-saħħa tal-annimali. Biex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għat-twettiq tal-viżti tas-saħħa tal-annimali, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi rekwiżiti minimi.

(64)

Huwa essenzjali li l-awtorità kompetenti jkollha fis-seħħ sistema ta' sorveljanza għall-mard elenkat li huwa soġġett għas-sorveljanza. Dan għandu japplika wkoll għal mard emerġenti, fejn għandhom jiġu vvalutati r-riskji potenzjali għas-saħħa tal-marda inkwistjoni u għandha tinġabar data epidemjoloġika għal dik il-valutazzjoni. Sabiex jiġi żgurat l-aħjar użu tar-riżorsi, l-informazzjoni għandha tinġabar, tiġi kondiviża u użata bl-aktar mod effettiv u effiċjenti possibbli.

(65)

Il-metodoloġija, il-frekwenza u l-intensità tas-sorveljanza għandhom jiġu adattati għal kull marda speċifika u għandhom iqisu l-fini speċifiku tas-sorveljanza, l-istatus tas-saħħa tal-annimali fiż-żona kkonċernata u kwalunkwe sorveljanza addizzjonali mwettqa mill-operaturi. L-azzjonijiet xierqa ta' sorveljanza epidemjoloġika jistgħu jvarjaw minn sempliċi notifika u rappurtar dwar l-okkorrenza jew is-suspett ta' marda elenkata jew emerġenti, jew anomaliji oħra, bħal mortalità mhux normali u sinjali oħra ta' mard, għal programm ta' sorveljanza speċifiku u komprensiv, li normalment ikun jinkludi t-teħid ta' kampjuni u reġimi ta' ttestjar addizzjonali.

(66)

Skont il-profil epidemjoloġiku ta' marda u l-fatturi ta' riskju rilevanti, jista' jkun hemm il-ħtieġa li jiġi stabbilit programm ta' sorveljanza speċifiku li jinkludi attivitajiet definiti u strutturati. F'dawk il-każijiet, huwa xieraq li l-Istati Membri jiżviluppaw programmi ta' sorveljanza mmirati. Meta tali programmi jkunu rilevanti għall-Unjoni kollha kemm hi, għandhom jiġu stabbiliti regoli li jipprovdu għall-applikazzjoni armonizzata ta' tali programmi.

(67)

Tali programmi għandhom ikunu konsistenti mal-objettivi tal-Unjoni u għalhekk għandhom jiġu kkoordinati fil-livell tal-Unjoni. Għal dak l-għan, huma għandhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri li qed jimplimentaw tali programmi ta' sorveljanza speċifiċi għandhom jippreżentaw ukoll rapporti regolari dwar ir-riżultati ta' dawk il-programmi lill-Kummissjoni. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implementazzjoni tal-programmi ta' sorveljanza, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi lista ta' mard li jkun soġġett għal programmi ta' sorveljanza u tistabbilixxi proċeduri, formati, data, skambju ta' informazzjoni u kriterji armonizzati li għandhom jintużaw għall-evalwazzjoni tal-programmi ta' sorveljanza.

(68)

Spiss ser ikun meħtieġ li jiġu pprovduti dettalji dwar il-format xieraq ta' sorveljanza għal diversi mard, li jistgħu jvarjaw minn dak il-mard fejn is-sorveljanza tista' tkun limitata għal attivitajiet bħar-rappurtar u n-notifika għal mard fejn jeħtieġ li jiġi stabbilit programm ta' sorveljanza speċifiku dettaljat u għall-Unjoni kollha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tiġi delegata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tat-tfassil tas-sorveljanza, il-kriterji biex tiġi stabbilita r-rilevanza tal-marda li għandha tkun soġġetta għal programm ta' sorveljanza rilevanti għall-Unjoni u għall-konferma uffiċjali tat-tifqigħ tal-mard, id-definizzjonijiet tal-każijiet tal-mard ikkonċernat u r-rekwiżiti għal programmi ta' sorveljanza fir-rigward tal-kontenut tagħhom, l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża f'tali programmi u l-perijodu ta' applikazzjoni tagħhom.

(69)

L-Istati Membri li mhumiex ħielsa jew li mhux magħruf jekk humiex ħielsa mill-mard elenkat li huwa soġġett għall-miżuri ta' eradikazzjoni kif previst f'dan ir-Regolament għandhom jinħtieġu jistabbilixxu programmi ta' eradikazzjoni obbligatorji biex jiġi eradikat dak il-mard fejn l-eradikazzjoni hija obbligatorja fl-Unjoni.

(70)

Min-naħa l-oħra, hemm xi mard li jikkonċerna lill-Unjoni iżda li għalih mhuwiex meħtieġ li l-Istati Membri jiġu obbligati li jeradikaw il-mard inkwistjoni. L-Istati Membri għandu jkollhom il-possibilità li jistabbilixxu programmi ta' eradikazzjoni fakultattivi għal tali mard jekk jiddeċiedu li l-eradikazzjoni hija importanti għalihom. Tali programmi ta' eradikazzjoni fakultattivi jkunu rikonoxxuti fil-livell tal-Unjoni u jkunu jinvolvu l-implimentazzjoni ta' ċerti miżuri rilevanti ta' kontroll tal-mard. Dawn jistgħu wkoll jippermettu lill-Istat Membru kkonċernat, soġġett għall-approvazzjoni mill-Kummissjoni, li jirrikjedi ċerti garanziji meta jirċievi annimali minn Stati Membri oħrajn jew minn pajjiżi terzi.

(71)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implementazzjoni ta' programmi ta' eradikazzjoni tal-mard, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi proċeduri għas-sottomissjoni ta' tali programmi, l-indikaturi tal-prestazzjoni, u r-rappurtar.

(72)

Barra minn hekk, Stat Membru għandu jkollu l-possibbiltà li jiddikjara t-territorji tiegħu, żoni tagħhom jew kompartimenti minnhom bħala kollha ħielsa minn waħda jew aktar mill-mard elenkat li huma soġġetti għar-regoli dwar programmi ta' eradikazzjoni obbligatorji jew fakultattivi, sabiex ikunu protetti kontra l-introduzzjoni ta' tali mard elenkat minn partijiet oħrajn tal-Unjoni jew minn pajjiżi terzi jew territorji. Proċedura armonizzata ċara, li tinkludi l-kriterji meħtieġa għal status ta' ħieles mill-mard, għandha tiġi stabbilita għal dak l-iskop. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implementazzjoni tar-rikonoxximent ta' status ta' ħieles mill-mard fi ħdan l-Unjoni, huwa meħtieġ li dan l-istatus ta' ħieles mill-mard ikun uffiċjalment approvat, u għalhekk il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tapprova tali status.

(73)

L-OIE introduċiet il-kunċett ta' kompartimentalizzazzjoni fil-qafas tal-Kodiċi tas-Saħħa tal-Annimali Terrestri u Akkwatiċi (“il-Kodiċi tal-OIE”). Fil-leġislazzjoni tal-Unjoni adottata qabel dan ir-Regolament, dak il-kunċett huwa rikonoxxut biss għal speċijiet partikolari ta' annimali u mard speċifikati f'leġislazzjoni speċifika tal-Unjoni, jiġifieri għall-influwenza avjarja u l-mard tal-annimali akkwatiċi. Dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi l-possibbiltà li tintuża is-sistema ta' kompartimentalizzazzjoni għal speċijiet ta' annimali u ta' mard oħra. Sabiex jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet dettaljati u r-regoli għar-rikonoxximent u l-approvazzjoni tal-kompartimenti u r-rekwiżiti relatati magħhom, il-Kummissjoni għandha tiġi delegata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE.

(74)

L-Istati Membri għandhom jagħmlu t-territorji tagħhom, iż-żoni tagħhom u kompartimenti minnhom ħielsa mill-mard magħrufa pubblikament bl-iskop li jiġu informati l-imsieħba kummerċjali u jiġi ffaċilitat il-kummerċ.

(75)

Sabiex jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet dettaljati għar-rikonoxximent ta' status ħieles mill-mard, il-Kummissjoni għandha tiġi delegata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tal-kriterji u l-kondizzjonijiet biex jinkiseb tali status, l-evidenza meħtieġa biex tissostanzja ċ-ċertifikazzjoni ta' ħelsien mill-mard, il-miżuri speċjali għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard, inkluż l-istatus ta' mingħajr tilqim, fejn rilevanti, ir-restrizzjonijiet, l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta, id-derogi, u l-kondizzjonijiet għall-manutenzjoni, is-sospensjoni, l-irtirar jew ir-restituzzjoni tal-istatus ta' ħieles mill-mard.

(76)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-proċeduri biex jinkiseb status ta' ħieles mill-mard, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-mard elenkat li jista' jkun soġġett għall-kompartimentalizzazzjoni u tistipula regoli dettaljati dwar formati għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet u l-iskambju ta' informazzjoni.

(77)

Il-preżenza ta' popolazzjoni sħiħa ta' annimali li mhijiex immuna, suxxettibbli għal ċertu mard elenkat, teħtieġ għarfien u tħejjija għall-mard fuq bażi permanenti. Il-pjanijiet ta' kontinġenza kienu għodda kruċjali għall-kontroll b'suċċess ta' emerġenzi ta' mard fl-imgħoddi. Sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' din l-għodda effettiva u effiċjenti għall-kontroll ta' emerġenzi ta' mard, u li tkun flessibbli biżżejjed biex taġġusta ruħha għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi r-regoli meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' kontinġenza.

(78)

Il-kriżijiet tas-saħħa tal-annimali fl-imgħoddi wrew il-benefiċċji li jkun hemm proċeduri speċifiċi, dettaljati u rapidi għall-ġestjoni tal-emerġenzi ta' mard. Dawk il-proċeduri organizzattivi għandhom jiżguraw rispons rapidu u effettiv u għandhom itejbu l-koordinazzjoni tal-isforzi min-naħa tal-partijiet kollha involuti, inklużi b'mod partikolari l-awtoritajiet kompetenti u l-partijiet ikkonċernati. Dawn għandhom jinkludu wkoll kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ġirien u tal-pajjiżi terzi u t-territorji, fejn fattibbli u rilevanti.

(79)

Biex tiġi żgurata l-applikabbiltà tal-pjanijiet ta' kontinġenza f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza reali, huwa essenzjali li jiġu pprattikati s-sistemi kkonċernati u li jsiru testijiet biex jiġi żgurat li jaħdmu. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom iwettqu eżerċizzji ta' simulazzjoni, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ġirien u tal-pajjiżi terzi u t-territorji, fejn fattibbli u rilevanti.

(80)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' kontinġenza u tal-eżerċizzji ta' simulazzjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi regoli għall-implimentazzjoni prattika ta' dawk il-pjanijiet u l-eżerċizzji.

(81)

Prodotti mediċinali veterinarji bħal vaċċini, sera iperimmuni u antimikrobiċi għandhom rwol importanti fil-prevenzjoni u l-kontroll ta' mard trasmissibbli tal-annimali. Il-Valutazzjoni tal-Impatt għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament tenfasizza b'mod partikolari l-importanza tal-vaċċini bħala għodda fil-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni tal-mard tal-annimali.

(82)

Madankollu, l-istrateġiji ta' kontroll għal uħud mill-mard trasmissibbli tal-annimali jeħtieġu projbizzjoni jew restrizzjoni tal-użu ta' ċerti prodotti mediċinali veterinarji, peress li l-użu tagħhom ifixkel l-effettività ta' dawk l-istrateġiji. Pereżempju, ċerti prodotti mediċinali veterinarji jistgħu jaħbu l-manifestazzjoni ta' marda, jagħmlu impossibbli l-identifikazzjoni ta' aġent ta' marda jew jagħmlu diffiċli li ssir dijanjosi rapida u differenzjali, u b'hekk jipperikolaw id-detezzjoni korretta tal-mard.

(83)

Madankollu, dawk l-istrateġiji ta' kontroll jistgħu jvarjaw b'mod sostanzjali bejn mard differenti elenkat. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jipprevedi regoli dwar l-użu ta' prodotti mediċinali veterinarji għall-prevenzjoni u l-kontroll ta' ċertu mard elenkat u kriterji armonizzati li għandhom jitqiesu meta jkun qed jiġi determinat jekk għandhomx jintużaw, u kif għandhom jintużaw, il-vaċċini, is-seri iperimmuni u l-antimikrobiċi. Sabiex jiġi żgurat approċċ flessibbli u biex jiġu indirizzati l-ispeċifiċitajiet ta' mard differenti elenkat u d-disponibbiltà ta' trattamenti effettivi, il-Kummissjoni għandha tiġi delegata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tar-restrizzjonijiet fuq, il-projbizzjonijiet ta' jew l-obbligi fl-użu ta' ċerti prodotti mediċinali veterinarji fi ħdan il-qafas tal-kontroll ta' ċertu mard elenkat. F'każijiet ta' urġenza u sabiex jiġu indirizzati riskji emerġenti li joħolqu l-possibbiltà ta' implikazzjonijiet devastanti għas-saħħa tal-annimali jew dik pubblika, l-ekonomija, is-soċjetà jew l-ambjent, għandu jkun possibbli li -miżuri f'dan ir-rigward jiġu adottati permezz tal-proċedura ta' urġenza.

(84)

Wara l-konklużjonijiet tal-opinjoni esperta dwar il-banek tal-vaċċini u/jew dijanjostiċi għall-mard prinċipali tal-annimali, għandhom jittieħdu wkoll passi sabiex ikun possibbli għall-Unjoni u l-Istati Membri li jistabbilixxu riżervi ta' antiġeni, vaċċini u reaġenti dijanjostiċi għall-mard elenkat li jirrappreżenta theddida serja għas-saħħa tal-annimali jew dik pubblika. L-istabbiliment ta' bank tal-Unjoni għall-antiġeni, il-vaċċini u r-reaġenti dijanjostiċi jippromwovi l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali billi jippermetti rispons rapidu u effettiv meta r-riżorsi tal-bank ikunu meħtieġa, u jkun jirrappreżenta użu effiċjenti ta' riżorsi limitati.

(85)

Sabiex jiġi żgurat tali rispons rapidu u effettiv, il-Kummissjoni għandha tiġi delegata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE, fir-rigward tal-istabbiliment u l-ġestjoni ta' tali banek, u l-istandards u r-rekwiżiti tas-sikurezza għall-operat tagħhom. Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux jipprovdi għall-adozzjoni ta' regoli dwar il-finanzjament tal-miżuri preventivi u ta' kontroll tal-mard, inkluż it-tilqim.

(86)

Il-kriterji għal aċċess prijoritarju għar-riżorsi tal-banek tal-Unjoni tal-antiġeni, il-vaċċini u r-reaġenti dijanjostiċi għandhom jiġu stabbiliti sabiex tiġi żgurata d-distribuzzjoni effettiva tagħhom f'emerġenzi.

(87)

Għal raġunijiet ta' sigurtà fir-rigward tal-bijoterroriżmu u l-agroterroriżmu, ċerta informazzjoni dettaljata dwar il-banek tal-Unjoni għall-antiġeni, il-vaċċini u r-reaġenti dijanjostiċi għandha tiġi ttrattata bħala informazzjoni klassifikata u għandha tiġi pprojbita l-pubblikazzjoni tagħha. Fir-rigward tal-istess tip ta' informazzjoni fir-rigward tal-banek nazzjonali tal-vaċċini, ir-rekwiżiti kostituzzjonali ta' Stati Membri differenti dwar il-libertà ta' informazzjoni għandhom jiġu rrispettati filwaqt li jiġi żgurat li l-informazzjoni inkwistjoni tiġi ttrattata bħala informazzjoni klassifikata.

(88)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-ġestjoni tal-banek tal-Unjoni għall-antiġeni, il-vaċċini u r-reaġenti dijanjostiċi, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi regoli dettaljati dwar liema prodotti bijoloġiċi għandhom jiġu inklużi f'dawk il-banek u għal liema mard, u regoli dettaljati dwar il-provvista, il-kwantitajiet, il-ħżin, il-konsenja, ir-rekwiżiti proċedurali u tekniċi għall-antiġeni, il-vaċċini u r-reaġenti dijanjostiċi u l-frekwenza u l-kontenut tas-sottomissjonijiet ta' informazzjoni lill-Kummissjoni.

(89)

Fil-każ ta' tifqigħa ta' marda elenkata meqjusa li tirrappreżenta riskju għoli għas-saħħa tal-annimali jew għas-saħħa pubblika fl-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu minnufih miżuri ta' kontroll tal-mard biex tiġi eradikata l-marda inkwistjoni sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-annimali u dik pubblika.

(90)

L-awtorità kompetenti għandha tkun responsabbli għat-tnedija tal-ewwel investigazzjonijiet biex tiġi kkonfermata jew eskluża tifqigħa ta' xi marda li tittieħed malajr ħafna elenkata li hija meqjusa li tirrappreżenta riskju għoli għas-saħħa tal-annimali jew għas-saħħa pubblika fl-Unjoni.

(91)

L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi miżuri preliminari ta' kontroll tal-mard biex tipprevjeni t-tixrid possibbli tal-marda elenkata, u għandha twettaq inkjesta epidemjoloġika.

(92)

Malli marda elenkata tiġi kkonfermata, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa ta' kontroll tal-mard, jekk meħtieġ inkluż l-istabbiliment ta' żoni ristretti, għall-eradikazzjoni u l-prevenzjoni tal-firxa ulterjuri ta' dik il-marda.

(93)

L-okkorrenza ta' marda elenkata f'annimali selvaġġi tista' tippreżenta riskju għas-saħħa pubblika u għas-saħħa tal-annimali miżmuma. Għalhekk għandhom jiġu stabbiliti regoli speċjali, fejn meħtieġ, għal miżuri li jikkontrollaw u jeradikaw mard fl-annimali selvaġġi.

(94)

Jista' jkun hemm każijiet fejn popolazzjonijiet żgħar ta' ċerti annimali, bħal razez u speċijiet rari, jistgħu jiġu pperikolati mill-miżuri standard ta' kontroll tal-mard fil-każ ta' okkorrenza ta' marda elenkata. Il-protezzjoni ta' tali razez u speċijiet tista' tirrikjedi li jittieħdu miżuri modifikati mill-awtorità kompetenti. Madankollu, tali modifika ma għandhiex tfixkel il-kontroll ġenerali ta' dik il-marda.

(95)

Għal mard elenkat li ma jittiħidx malajr ħafna u li huwa soġġett għal regoli obbligatorji li jeħtieġu l-eradikazzjoni tiegħu, il-miżuri ta' kontroll tal-mard għandhom jiġu implimentati b'mod biex jiġi pprevenut it-tixrid tal-mard inkwistjoni, b'mod partikolari f'żoni mhux infettati. Madankollu, dawk il-miżuri jistgħu possibbilment ikunu aktar limitati minn, jew jistgħu jkunu differenti minn dawk applikabbli fir-rigward tal-mard elenkat l-aktar perikoluż. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu jipprevedi regoli speċjali għal dak il-mard anqas perikoluż. L-Istati Membri li għandhom programm ta' eradikazzjoni fakultattiv fis-seħħ għandhom ukoll jimplimentaw tali miżuri ta' kontroll tal-mard. F'xi każijiet, skont il-profil tal-marda u s-sitwazzjoni epidemjoloġika, l-eradikazzjoni tista' tkun objettiv fuq żmien twil, filwaqt li l-għan fuq żmien qasir jista' jkun li tiġi kkontrollata l-marda. Madankollu, il-livell u l-intensità tal-miżuri ta' kontroll tal-mard għandhom ikunu proporzjonati u għandhom iqisu l-karatteristiċi tal-marda elenkata inkwistjoni, id-distribuzzjoni tagħha u s-sinifikat tagħha għall-Istat Membru kkonċernat minnha u għall-Unjoni kollha kemm hi.

(96)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tal-miżuri ta' kontroll tal-mard previsti f'dan ir-Regolament mill-operaturi, dawk li jżommu l-annimali domestiċi u l-awtoritajiet kompetenti, u filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-miżuri ta' kontroll tal-mard għal mard elenkat partikolari u l-fatturi ta' riskju involuti, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE, fir-rigward tal-miżuri dettaljati ta' kontroll tal-mard li għandhom jiġu implimentati fil-każ ta' suspett jew konferma ta' marda elenkata fi stabbilimenti, postijiet oħra u żoni ristretti.

(97)

Sabiex tiġi prevista l-possibbiltà li l-Kummissjoni tadotta miżuri speċjali ta' kontroll tal-mard fuq bażi temporanja f'każ li l-miżuri ta' kontroll tal-mard stabbiliti f'dan ir-Regolament ma jkunux biżżejjed jew adegwati biex jindirizzaw ir-riskju involut, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi miżuri speċjali ta' kontroll tal-mard għal perijodu limitat ta' żmien.

(98)

Ir-reġistrazzjoni ta' ċerti trasportaturi u stabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri jew li jittrattaw il-prodotti ġerminali jew li jittrasportawhom hija meħtieġa sabiex l-awtorità kompetenti tkun tista' twettaq sorveljanza adegwata u jiġi pprevenut, ikkontrollat u eradikat il-mard trasmissibbli tal-annimali.

(99)

Sabiex jiġu evitati piżijiet u spejjeż amministrattivi mhux ġustifikati, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu, fuq bażi limitata, jeżentaw ċerti tipi ta' stabbilimenti li jkunu ta' riskju baxx mill-obbligu ta' reġistrazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tikseb approċċ armonizzat għall-għoti ta' tali eżenzjonijiet. Tali approċċ armonizzat huwa meħtieġ b'mod partikolari sabiex jiġi evitat li ċerti tipi ta' stabbilimenti jiġu eżentati mill-obbligu ta' reġistrazzjoni. Dan huwa partikolarment rilevanti mhux biss fir-rigward ta' dawk l-istabbilimenti li huma ta' riskju li mhuwiex insinifikanti għas-saħħa tal-annimali, iżda wkoll fir-rigward tal-istabbilimenti li huma ta' riskju li mhuwiex insinifikanti għas-saħħa pubblika. Eżempju ta' tali riskju huwa ż-żamma ta' annimali li jgħixu f'kuntatt mill-qrib ma', jew fil-prossimità tal-bnedmin, bħat-tgħammir ta' klieb f'livell li jinvolvi ċerta kontinwità ta' attivitajiet u ċertu grad ta' organizzazzjoni bl-bl-għan ewlieni li dawn jinbiegħu għall-iskop li jsiru annimali domestiċi fl-unitajiet domestiċi.

(100)

Fejn ċertu tip ta' stabbiliment li jżomm l-annimali terrestri jew li jittratta jew jaħżen il-prodotti ġerminali jippreżenta riskju partikolari għas-saħħa tal-annimali, dan għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni mill-awtorità kompetenti.

(101)

Biex jiġu evitati piżijiet u spejjeż amministrattivi mhux ġustifikati, b'mod partikolari għall-intrapriżi li jippreżentaw riskju baxx, il-flessibbiltà għandha, fejn possibbli, tinbena fil-miżuri rilevanti, biex ikun possibbli li s-sistema ta' reġistrazzjoni u approvazzjoni tiġi adattata għall-kondizzjonijiet u x-xejriet ta' produzzjoni lokali u reġjonali.

(102)

Madankollu, f'xi każijiet, l-armonizzazzjoni ta' ċerti kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni jew l-approvazzjoni madwar l-Unjoni, tkun mixtieqa jew meħtieġa. Pereżempju, l-istabbilimenti ta' prodotti ġerminali u l-operazzjonijiet ta' assemblaġġ għandhom jissodisfaw ċerti kondizzjonijiet u għandhom jiġu approvati sabiex jikkonformaw mal-istandards internazzjonali, u b'hekk jippermettu lill-Unjoni tipprovdi garanziji tas-saħħa tal-annimali lil pajjiżi terzi meta jsir il-kummerċ. Tali kondizzjonijiet għandhom jinvolvu wkoll rekwiżiti għal taħriġ speċifiku jew kwalifiki professjonali għal ċerti stabbilimenti jew operazzjonijiet speċifiċi ħafna (eż. għal gruppi ta' ġbir ta' embrijuni), jew saħansitra l-obbligu ta' superviżjoni speċifika mill-awtorità kompetenti. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE rigward dawk ir-rekwiżiti dettaljati, sabiex tipprevedi tali kondizzjonijiet speċifiċi.

(103)

Sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, ir-reġistrazzjoni u l-approvazzjonijiet għandhom, fejn possibbli, jiġu integrati f'sistema ta' reġistrazzjoni jew ta' approvazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat jista' jkun diġà stabbilixxa għal finijiet oħra.

(104)

L-operaturi għandhom għarfien dirett tal-annimali li jkunu qed jieħdu ħsieb. Għalhekk dawn għandhom iżommu rekords aġġornati bl-informazzjoni li hija rilevanti għall-valutazzjoni tal-istatus tas-saħħa tal-annimali, għat-traċċabbiltà u għall-inkjesta epidemjoloġika fil-każ tal-okkorrenza ta' marda elenkata. Dawk ir-rekords għandhom ikunu faċilment aċċessibbli mill-awtorità kompetenti.

(105)

Sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' informazzjoni aġġornata dwar l-istabbilimenti u l-operaturi reġistrati u l-istabbilimenti approvati, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu u jżommu reġistru ta' tali stabbilimenti u operaturi. Il-Kummissjoni għandha tiġi delegata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE, fir-rigward tal-informazzjoni dettaljata li għandha tiġi inkluża fir-reġistru ta' stabbilimenti u operaturi.

(106)

Biex stabbiliment jiġi approvat mill-awtorità kompetenti, dan għandu jkollu jissodisfa ċerti rekwiżiti. Qabel ma tagħti l-approvazzjoni, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika permezz ta' żjara fuq il-post jekk ikunux ġew sodisfatti r-rekwiżiti kollha. F'xi każijiet, ma jistgħux jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha immedjatament, iżda n-nuqqasijiet li jifdal ma jippreżentawx riskju sinifikanti għas-saħħa tal-annimali jew dik pubblika. F'każijiet bħal dawn, għandu jkun possibbli li l-awtorità kompetenti tkun tista' tagħti approvazzjoni kondizzjonata, segwita minn żjara oħra fuq il-post biex jiġi vverifikat li jkun sar progress. F'dawn il-każijiet, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi l-gwida effettiva meħtieġa lill-operaturi tal-istabbilimenti kkonċernati, sabiex l-operatur inkwistjoni jifhem in-nuqqas u jkun jista' jippjana kif ser jiġi riżolt b'suċċess.

(107)

It-traċċabbiltà effiċjenti hija element ewlieni tal-politika ta' kontroll tal-mard. Ir-rekwiżiti għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni speċifiċi għall-ispeċijiet differenti ta' annimali terrestri miżmuma u l-prodotti ġerminali għandhom ikunu fis-seħħ sabiex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni effettiva tal-prevenzjoni tal-mard u r-regoli ta' kontroll previsti f'dan ir-Regolament. Barra minn hekk, huwa importanti li tiġi prevista l-possibbiltà li tiġi stabbilita sistema ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni għal speċijiet li għalihom dawn l-arranġamenti ma jeżistux fil-preżent, jew meta ċirkostanzi u riskji li jinbidlu jiġġustifikaw dan.

(108)

Għal ċerti speċijiet ta' annimali li għalihom huwa importanti li jkunu jistgħu jiġu ttraċċati annimali individwali jew gruppi, għandu jkun meħtieġ mezz fiżiku ta' identifikazzjoni. Dan ifisser li l-annimal inkwistjoni jiġi mmarkat fiżikament, ittikkettat, mikroċippjat jew identifikat permezz ta' metodu li jkun jidher jew li jista' jinstab fuqu jew ġo fih u li ma jistax jitneħħa faċilment.

(109)

Sabiex ikun żgurat it-tħaddim bla xkiel tas-sistema ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni u sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà, il-Kummissjoni għandha tiġi delegata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE, fir-rigward tal-obbligi li jikkonċernaw id-databases, ir-rekwiżiti dettaljati ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni li jikkonċernaw speċijiet differenti tal-annimali, inklużi eżenzjonijiet u kondizzjonijiet għal tali eżenzjonijiet u d-dokumenti.

(110)

Huwa xieraq li jitnaqqsu l-piżijiet u l-ispejjeż amministrattivi u li tiġi prevista flessibbiltà fis-sistema f'ċirkostanzi fejn ir-rekwiżiti tat-traċċabbiltà jistgħu jinkisbu b'mezzi oħra minbarra dawk stabbiliti f'dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE rigward derogi mir-rekwiżiti ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni.

(111)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implementazzjoni tas-sistema ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni u t-traċċabbiltà, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għal bażijiet tad-data, il-mezzi ta' identifikazzjoni, id-dokumenti u l-formati, u l-iskadenzi.

(112)

Għodda importanti għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' marda trasmissibbli tal-annimali hija l-użu ta' restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta' annimali u prodotti li jistgħu jittrasmettu dik il-marda. Madankollu, ir-restrizzjoni tal-moviment ta' annimali u prodotti jista' jkollha impatt ekonomiku qawwi u tista' tfixkel it-tħaddim tas-suq intern. Tali restrizzjonijiet għandhom għalhekk jiġu applikati biss fejn ikun meħtieġ u b'mod proporzjonat għar-riskji involuti. Dan l-approċċ huwa konformi mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim MSF u l-istandards internazzjonali tal-OIE.

(113)

Ir-rekwiżiti ġenerali stabbiliti f'dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-movimenti kollha tal-annimali, bħall-projbizzjoni tal-moviment ta' annimali minn stabbiliment fejn hemm mortalità anormali jew sintomi oħra ta' mard b'kawża indeterminata jew rekwiżiti għall-prevenzjoni tal-mard matul it-trasport.

(114)

Il-qafas leġislattiv, li attwalment huwa stabbilit fil-leġislazzjoni tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali, għall-moviment ta' annimali terrestri u prodotti jistabbilixxi regoli armonizzati primarjament għal tali movimenti bejn l-Istati Membri, filwaqt li jħalli f'idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw ir-rekwiżiti meħtieġa għall-moviment fi ħdan it-territorju tagħhom. Paragun bejn is-sitwazzjoni attwali u opzjoni fejn ir-regoli dwar il-movimenti fi ħdan l-Istati Membri jkunu armonizzati fil-livell tal-Unjoni wkoll ġie stipulat fid-dettall fil-valutazzjoni tal-impatt għall-adozzjoni ta' dan ir-Regolament. Ġie konkluż li l-approċċ attwali għandu jinżamm, peress li l-armonizzazzjoni sħiħa tal-movimenti kollha tkun kumplessa ħafna u l-benefiċċji f'termini tal-faċilitazzjoni tal-movimenti bejn l-Istati Membri ma jissuperawx l-impatt negattiv li dan jista' jkollu fuq l-abbiltà li jiġi kkontrollat il-mard.

(115)

Għal annimali li jiġu mċaqalqa bejn l-Istati Membri, għandu japplika sett ta' rekwiżiti bażiċi tas-saħħa tal-annimali. B'mod partikolari, l-annimali ma għandhomx jiġu mċaqalqa minn stabbilimenti b'mortalità anormali jew b'sinjali ta' mard b'kawża mhux magħrufa. Madankollu, il-mortalitajiet, anke jekk anormali, li huma marbutin ma' proċeduri xjentifiċi awtorizzati skont id-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19) u li mhumiex ta' oriġini infettiva marbuta mal-mard elenkat, ma għandhomx ikunu raġuni għall-prevenzjoni tal-moviment ta' annimali maħsuba għal għanijiet xjentifiċi.

(116)

Madankollu, dan ir-Regolament għandu jipprevedi flessibbiltà sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment ta' speċijiet u kategoriji ta' annimali terrestri li huma ta' riskju baxx f'termini tat-tixrid tal-mard elenkat bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, aktar possibbiltajiet għal derogi għandhom jiġu previsti f'każijiet fejn l-Istati Membri jew l-operaturi jimplimentaw b'suċċess miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju alternattivi bħal livelli għoljin ta' bijosigurtà u sistemi ta' sorveljanza effettivi.

(117)

L-ungulati u t-tjur huma gruppi ta' speċijiet ta' annimali ta' sinifikat ekonomiku għoli u huma soġġetti għal rekwiżiti speċifiċi ta' moviment skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni adottati qabel dan ir-Regolament, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE (20), id-Direttiva tal-Kunsill 91/68/KEE (21), id-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE (22), id-Direttiva tal-Kunsill 2009/158/KE (23) u, parzjalment, id-Direttiva 92/65/KEE. Ir-regoli ewlenin li jirregolaw il-moviment tal-annimali ta' dawk l-ispeċijiet għandhom jiġu stabbiliti f'dan ir-Regolament. Ir-rekwiżiti dettaljati li fil-parti l-kbira jiddependu mill-mard li jista' jiġi trasmess minn speċijiet jew kategoriji differenti ta' annimali għandhom ikunu regolati f'atti sussegwenti tal-Kummissjoni, filwaqt li jittieħed kont tal-ispeċifiċitajiet tal-mard, l-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali inkwistjoni.

(118)

Peress li l-operazzjonijiet ta' assemblaġġ għall-ungulati u t-tjur joħolqu riskju partikolarment għoli ta' mard, jixraq li jiġi limitat in-numru ta' operazzjonijiet li jistgħu jitwettqu f'moviment wieħed bejn l-Istati Membri, u li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi f'dan ir-Regolament biex tiġi protetta s-saħħa tal-annimali involuti u jiġi pprevenut it-tixrid ta' mard trasmissibbli tal-annimali. Dawk l-operazzjonijiet ta' assemblaġġ normalment iseħħu fi stabbiliment approvat għal dak il-fini, jew, meta jkun permess minn Stat Membru tal-oriġini, l-ewwel operazzjoni ta' assemblaġġ, fuq mezz wieħed ta' trasport bħal trakk, permezz tal-ġbir tal-annimali minn postijiet differenti f'dak l-Istat Membru.

(119)

Skont il-mard elenkat u l-ispeċijiet elenkati kkonċernati, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti speċifiċi tas-saħħa tal-annimali għal ċerti speċijiet tal-annimali minbarra l-ungulati u t-tjur miżmuma. Regoli għal dawn l-ispeċijiet kienu wkoll stabbiliti fil-qafas legali applikabbli qabel dan ir-Regolament u b'mod partikolari fid-Direttiva 92/65/KEE. Dik id-Direttiva tistabbilixxi regoli speċifiċi għall-moviment ta' speċijiet ta' annimali inklużi n-naħal, il-bagħal tan-naħal, ix-xadini, il-klieb u l-qtates u dan ir-Regolament għandu għalhekk jipprovdi bażi legali għall-adozzjoni ta' atti delegati u ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu regoli speċifiċi ta' moviment għal dawk l-ispeċijiet tal-annimali.

(120)

L-istabbilimenti konfinati, li s-soltu jintużaw għaż-żamma ta' annimali tal-laboratorju jew annimali tal-ġonna żooloġiċi, normalment jinvolvu livell għoli ta' bijosigurtà u status ta' saħħa favorevoli u kkontrollat sew, u jkunu soġġetti għal inqas movimenti jew għal movimenti biss fi ħdan iċ-ċirkwiti magħluqa ta' dawk l-istabbilimenti. L-istatus ta' stabbilimenti konfinati, li għalihom l-operaturi jistgħu japplikaw fuq bażi volontarja, iddaħħal l-ewwel darba fid-Direttiva 92/65/KEE, li tistabbilixxi regoli u r-rekwiżiti ta' approvazzjoni u r-rekwiżiti ta' moviment għal korpi, istituti u ċentri approvati. Is-sistema stabbilita hemmhekk tippermetti li dawk l-istabbilimenti jiskambjaw annimali bejniethom b'inqas rekwiżiti ta' moviment, u fl-istess ħin tipprovdi garanziji ta' saħħa fiċ-ċirkwit tal-istabbilimenti konfinati. B'konsegwenza, din ġiet ġeneralment aċċettata mill-operaturi, u tintuża bħala għażla volontarja. Huwa għalhekk xieraq li f'dan ir-Regolament jinżamm il-kunċett ta' stabbilimenti konfinati kif ukoll li jiġu stabbiliti regoli għall-moviment bejn dawk l-istabbilimenti.

(121)

Għal għanijiet xjentifiċi, bħar-riċerka jew finijiet dijanjostiċi, u b'mod partikolari għal dawk awtorizzati skont id-Direttiva 2010/63/UE, jista' jkun meħtieġ li jiġu mċaqalqa annimali li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ġenerali tas-saħħa tal-annimali stabbiliti f'dan ir-Regolament u li jirrappreżentaw riskju ogħla għas-saħħa tal-annimali. Dawk it-tipi ta' movimenti ma għandhomx ikunu pprojbiti jew ristretti mingħajr raġuni minn dan ir-Regolament, għax dan jista' jimpedixxi attivitajiet ta' riċerka awtorizzati u jdewwem il-progress xjentifiku. Madankollu, huwa essenzjali li jiġu stabbiliti regoli f'dan ir-Regolament biex jiġi żgurat li l-movimenti ta' dawk l-annimali jsir b'mod sikur.

(122)

Ix-xejriet ta' moviment tal-annimali taċ-ċirku, l-annimali miżmuma fil-ġonna żoologiċi, l-annimali maħsuba għal wirjiet u ċerti annimali oħra ta' spiss jiddevjaw mix-xejriet ta' moviment ta' speċijiet miżmuma oħra. Fl-adattament tar-regoli tal-Unjoni dwar il-movimenti tal-annimali għandha tingħata konsiderazzjoni speċifika lil tali annimali, b'kont meħud tar-riskji speċifiċi u l-miżuri alternattivi ta' mitigazzjoni tar-riskju.

(123)

Sabiex jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi msemmija fil-premessi minn 112 sa 122 ta' dan ir-Regolament, is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi delegata lill-Kummissjoni, fir-rigward ta' miżuri ta' prevenzjoni kontra l-mard fl-operazzjonijiet tat-trasport, regoli speċifiċi dwar il-moviment ta' ċerti speċijiet ta' annimali u ċ-ċirkostanzi speċjali, bħal operazzjonijiet ta' assemblaġġ jew konsenji rifjutati, u rekwiżiti speċjali jew derogi għal tipi oħra ta' movimenti, bħal moviment għal għanijiet xjentifiċi.

(124)

Sabiex tiġi żgurata l-possibbiltà li jiġu applikati regoli speċjali dwar il-movimenti, meta r-regoli konswetudinali dwar il-moviment ma jkunux biżżejjed jew adegwati biex jillimitaw it-tixrid ta' ċerta marda, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi regoli speċjali ta' moviment għal perijodu limitat ta' żmien.

(125)

Il-movimenti ta' annimali terrestri miżmuma bejn l-Istati Membri għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti applikabbli għal tali movimenti. Fil-każ ta' annimali ta' speċijiet li jippreżentaw riskju tas-saħħa jew li huma ta' importanza ekonomika akbar, dawn għandhom jiġu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali maħruġ mill-awtorità kompetenti.

(126)

Sakemm ikun teknikament, prattikament u finanzjarjament vijabbli, għandu jsir użu mill-iżviluppi teknoloġiċi sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi fuq l-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni u n-notifika billi tintuża t-teknoloġija tal-informatika biex tissostitwixxi d-dokumenti kartaċji u jiġu ffaċilitati l-proċeduri ta' notifika, u billi tintuża tali teknoloġija kemm jista' jkun għal finijiet multipli.

(127)

F'każijiet fejn ma hemmx il-ħtieġa li jinħareġ ċertifikat tas-saħħa tal-annimali mill-awtorità kompetenti, operatur li jġorr l-annimali lejn Stat Membru ieħor għandu joħroġ dokument ta' awtodikjarazzjoni li jikkonferma li l-annimali jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' moviment stabbiliti f'dan ir-Regolament.

(128)

Sabiex jiġi żgurat li l-objettivi msemmija fil-premessi 125, 126 u 127 ta' dan ir-Regolament jinkisbu, il-Kummissjoni għandha tiġi delegata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE, fir-rigward tar-regoli dwar il-kontenut taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali, l-obbligi ta' informazzjoni, tad-derogi mir-rekwiżiti taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa tal-annimali, tar-regoli speċifiċi ta' ċertifikazzjoni, u tal-obbligi tal-veterinarji uffiċjali li jwettqu kontrolli adegwati qabel l-iffirmar ta' ċertifikat tas-saħħa tal-annimali.

(129)

In-notifika tal-movimenti ta' annimali u prodotti ġerminali bejn l-Istati Membri, u f'xi każijiet fi ħdan it-territorji nazzjonali tal-Istati Membri, hija essenzjali sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-annimali u tal-prodotti ġerminali kkonċernati, fejn dawn il-movimenti jistgħu jkunu marbuta ma' riskju ta' tixrid ta' mard trasmissibbli tal-annimali. Tali movimenti għandhom għalhekk jiġu nnotifikati u rreġistrati permezz ta' sistema kompjuterizzata veterinarja integrata (“TRACES”). Is-Sistema TRACES tintegra fi struttura unika s-sistemi kompjuterizzati previsti fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 90/425/KEE u fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (24) rispettivament, abbażi tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2003/24/KE (25) u 2004/292/KE (26).

(130)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament dwar iċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa tal-annimali u n-notifika ta' moviment, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw il-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali, id-dokumenti ta' awtodikjarazzjoni, il-formati u l-iskadenzi għan-notifika ta' moviment kemm għall-annimali terrestri kif ukoll dawk akkwatiċi, il-prodotti ġerminali u fejn rilevanti wkoll, il-prodotti li joriġinaw mill-annimali.

(131)

In-natura speċifika tal-movimenti tal-annimali domestiċi tirrappreżenta riskju għas-saħħa tal-annimali li jiddevja b'mod sinifikanti minn dak ta' annimali miżmuma oħra. Regoli speċifiċi, iżda inqas stretti, għal tali movimenti għandhom għalhekk jiġu stabbiliti f'dan ir-Regolament. Dawn ir-regoli inqas stretti, madankollu, huma ġġustifikati biss jekk l-annimal domestiku jkun qiegħed ġenwinament jakkumpanja lil sidu matul il-moviment tiegħu, jew fi żmien perijodu limitat wara dan, u jekk mhux aktar minn ħames annimali domestiċi kif imsemmi fil-Parti A tal-Anness I jiċċaqalqu flimkien ma' sidhom fl-istess mument. Sabiex jiġi żgurat li l-annimali domestiċi ma joħolqux riskju sinifikanti għat-tixrid ta' mard trasmissibbli tal-annimali, u sabiex jiġu ċċarati s-sitwazzjonijiet eċċezzjonali li fihom jista' jkun hemm aktar minn ħames annimali domestiċi li jakkumpanjaw lil sidhom, jew meta l-annimal domestiku għandu jiġi mċaqlaq f'perijodu ta' żmien itwal qabel jew wara ma jiċċaqlaq is-sid, il-Kummissjoni għandha tiġi delegata s-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE fir-rigward ta' regoli dettaljati dwar il-moviment ta' dawk l-annimali. Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali stabbiliti f'dan ir-Regolament li jikkonċernaw il-movimenti tal-annimali domestiċi, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi regoli dwar il-prevenzjoni tal-mard u l-miżuri ta' kontroll li għandhom jittieħdu għal tali movimenti.

(132)

L-annimali selvaġġi jistgħu għal raġunijiet varji jirrappreżentaw riskju għas-saħħa tal-annimali u dik pubblika, pereżempju, jekk ikunu mċaqalqa lejn stabbiliment jew minn ambjent għal ieħor. Jistgħu jkollhom jittieħdu miżuri preventivi adegwati għall-moviment ta' dawk l-annimali sabiex jiġi evitat it-tixrid ta' mard trasmissibbli tal-annimali. Sabiex jiġi żgurat li l-annimali selvaġġi ma joħolqux riskju sinifikanti għat-tixrid ta' mard trasmissibbli tal-annimali, il-Kummissjoni għandha tiġi delegata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tar-rekwiżiti addizzjonali dwar il-moviment tal-annimali terrestri selvaġġi.

(133)

Il-prodotti ġerminali jistgħu jirrappreżentaw riskju simili tat-tixrid ta' mard trasmissibbli tal-annimali għal annimali ħajjin. Barra minn hekk, hemm xi speċifiċitajiet fil-produzzjoni tagħhom, li huma relatati ma' domandi għoljin ta' saħħa għall-annimali tat-trobbija u li jitolbu rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali aktar stretti jew speċifiċi li jikkonċernaw lill-annimali donaturi. Sabiex jiġu żgurati l-movimenti sikuri ta' prodotti ġerminali, biex jinżamm l-istandard għoli mistenni tas-saħħa tagħhom u biex jittieħed kont ta' ċerti użi speċifiċi ta' tali prodotti, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE, fir-rigward tar-rekwiżiti dettaljati għall-moviment ta' prodotti ġerminali ta' ċerti speċijiet tal-annimali, rekwiżiti speċjali applikabbli għal, pereżempju, il-moviment tagħhom għal għanijiet xjentifiċi, u derogi mill-obbligu ta' ċertifikazzjoni dwar is-saħħa tal-annimali.

(134)

Il-prodotti li joriġinaw mill-annimali jistgħu jirrappreżentaw riskju ta' tixrid ta' mard trasmissibbli tal-annimali. Ir-rekwiżiti ta' sikurezza għal prodotti li joriġinaw mill-annimali stabbiliti fil-leġislazzjoni tal-Unjoni jiżguraw prassi ta' iġjene tajba u jnaqqsu r-riskji għas-saħħa tal-annimali ta' tali prodotti. Madankollu, għal ċerti tipi ta' prodotti, għandhom jiġu stabbiliti f'dan ir-Regolament miżuri speċifiċi dwar is-saħħa tal-annimali, bħal kontroll tal-mard u miżuri ta' emerġenza sabiex jiżguraw li l-prodotti li joriġinaw mill-annimali ma jxerrdux mard tal-annimali. Sabiex jiġu żgurati l-movimenti sikuri ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali f'dawn il-każijiet partikolari, il-Kummissjoni għandha tiġi delegata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE, fir-rigward tal-istabbiliment ta' regoli dettaljati għal movimenti ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali b'rabta mal-miżuri ta' kontroll tal-mard mittieħda, l-obbligi fir-rigward taċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa tal-annimali u d-derogi minn dawk ir-regoli fejn ir-riskju involut fit-tali movimenti u l-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju fis-seħħ hekk jippermettu.

(135)

Meta l-Istati Membri jieħdu miżuri nazzjonali fir-rigward tal-movimenti ta' annimali u ta' prodotti ġerminali jew jiddeċiedu li jieħdu miżuri nazzjonali biex jiġi limitat l-impatt ta' mard trasmissibbli tal-annimali minbarra l-mard elenkat fit-territorju tagħhom, dawk il-miżuri nazzjonali ma għandhomx jinterferixxu mar-regoli dwar is-suq intern stabbiliti fil-leġislazzjoni tal-Unjoni. Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit il-qafas għal tali miżuri nazzjonali u li jiġi żgurat li jibqgħu fil-limiti permessi skont il-liġi tal-Unjoni.

(136)

Ir-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni ta' stabbilimenti tal-akkwakultura huma meħtieġa sabiex jippermettu lill-awtorità kompetenti twettaq sorveljanza xierqa u biex jipprevjenu, jikkontrollaw u jeradikaw il-mard trasmissibbli tal-annimali. Id-Direttiva 2006/88/KE teħtieġ li jiġu awtorizzati l-istabbilimenti kollha li jċaqalqu l-annimali akkwatiċi. Dik is-sistema ta' awtorizzazzjoni għandha tinżamm taħt dan ir-Regolament, minkejja l-fatt li, f'xi lingwi uffiċjali tal-Unjoni, dan ir-Regolament juża termini differenti biex jirreferi għas-sistema ta' awtorizzazzjoni minn dawk użati fid-Direttiva 2006/88/KE.

(137)

Il-qtil u l-ipproċessar ta' annimali tal-akkwakultura li huma soġġetti għal miżuri ta' kontroll tal-mard jistgħu jxerrdu mard trasmissibbli tal-annimali, pereżempju bħala riżultat tal-iskarigu mill-istabbilimenti ta' ipproċessar ta' effluwenti li jkun fihom patoġeni. Huwa għalhekk meħtieġ li jiġu approvati stabbilimenti tal-ipproċessar li jissodisfaw il-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskji għal tali operazzjonijiet ta' qtil u pproċessar. Dan ir-Regolament għandu għalhekk jipprevedi l-approvazzjoni ta' stabbilimenti għall-kontroll tal-mard tal-ikel akkwatiku.

(138)

Sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà lill-pubbliku ta' informazzjoni aġġornata dwar stabbilimenti approvati u reġistrati, l-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi u żżomm reġistru ta' tali stabbilimenti. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE, fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fir-reġistri għall-istabbilimenti tal-akkwakultura u fir-rekwiżiti taż-żamma ta' rekords għal stabbilimenti u trasportaturi tal-akkwakultura.

(139)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni ta' stabbilimenti tal-akkwakultura u l-istabbilimenti għall-kontroll tal-mard tal-ikel akkwatiku, iż-żamma tar-rekords u r-reġistri tal-istabbilimenti, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw l-obbligi ta' informazzjoni, derogi u regoli ta' implimentazzjoni oħra f'dak ir-rigward.

(140)

Peress li mhux fattibbli fil-biċċa l-kbira tal-każijiet li jiġu identifikati individwalment l-annimali akkwatiċi, iż-żamma ta' reġistri mill-istabbilimenti tal-akkwakultura, mill-istabbilimenti għall-kontroll tal-mard tal-ikel akkwatiku u mit-trasportaturi huwa għodda essenzjali biex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-annimali akkwatiċi. Ir-reġistri jservu wkoll ta' għodda siewja għas-sorveljanza tas-sitwazzjoni tas-saħħa tal-istabbilimenti.

(141)

Bħal fil-każ ta' annimali terrestri, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti regoli armonizzati dwar il-moviment tal-annimali akkwatiċi, inklużi regoli dwar iċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa tal-annimali u n-notifika dwar il-movimenti.

(142)

Id-Direttiva 2006/88/KE tistabbilixxi regoli dwar il-movimenti tal-annimali akkwatiċi li japplikaw b'mod indaqs għal movimenti fi ħdan u bejn l-Istati Membri. Il-fattur determinanti ewlieni fir-rigward tar-regoli dwar il-moviment tal-annimali akkwatiċi huwa l-istatus tas-saħħa, fir-rigward ta' mard elenkat, tal-Istat Membru, iż-żoni u l-kompartimenti tad-destinazzjoni.

(143)

Madankollu, id-Direttiva 2006/88/KE teskludi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha l-annimali akkwatiċi selvaġġi miġbura jew maqbuda biex jiddaħħlu direttament fil-katina alimentari. B'kuntrast ma' dan, dan ir-Regolament iżommhom taħt il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, iżda jeskludihom mid-definizzjoni ta' annimali tal-akkwakultura. Għalhekk, dan għandu jipprevedi miżuri possibbli fir-rigward ta' tali annimali akkwatiċi fejn, b'kont meħud tal-proporzjonalità tagħhom, tali miżuri huma ġustifikati mir-riskji involuti.

(144)

Konsegwentement, il-prinċipju spjegat fil-premessa 142 għandu japplika wkoll għal movimenti ta' annimali akkwatiċi li mhumiex definiti bħala annimali tal-akkwakultura, iżda huma koperti mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Dan japplika, b'mod partikolari, għal annimali akkwatiċi bi status ta' saħħa li jirriżulta pożittiv għal mard mhux magħruf jew ikkonfermat, irrispettivament mill-użu finali li jsir minnhom. Peress li l-movimenti ta' annimali akkwatiċi selvaġġi ħajjin bi status ta' saħħa li jirriżulta pożittiv għal mard mhux magħruf jew ikkonfermat u maħsuba għall-konsum mill-bniedem jistgħu wkoll joħolqu riskju ta' tixrid tal-mard elenkat jew emerġenti, l-istess sistema ta' regoli għandha tapplika għalihom ukoll. Dan jinkludi dawk l-annimali akkwatiċi selvaġġi, miġbura jew maqbuda għall-konsum mill-bniedem, li jiġu mċaqalqa u li jinżammu temporanjament sakemm jinqatlu.

(145)

Madankollu, għandhom jiġu evitati restrizzjonijiet sproporzjonati għall-movimenti u piżijiet amministrattivi bla bżonn għall-istabbilimenti u l-operaturi involuti fis-settur tas-sajd kummerċjali. Konsegwentement, f'każijiet fejn tali annimali akkwatiċi selvaġġi ħajjin ikunu maħsuba għall-konsum mill-bniedem, ir-regoli inkwistjoni għandhom fil-prinċipju japplikaw biss għal movimenti ta' annimali akkwatiċi selvaġġi ħajjin li jippreżentaw riskju sinifikanti ta' tixrid ta' mard elenkat jew emerġenti fi Stati Membri, żoni jew kompartimenti li ġew iddikjarati ħielsa minn ċertu mard elenkat jew li huma soġġetti għal programmi ta' eradikazzjoni fir-rigward ta' dak il-mard.

(146)

Bil-għan li l-Istati Membri jiġu inkoraġġuti jtejbu l-istatus ta' saħħa tal-popolazzjonijiet akkwatiċi tagħhom, f'dan ir-Regolament għandhom jiġu introdotti ċerti aġġustamenti u iktar flessibbiltà.

(147)

Sabiex jiġi żgurat il-kontroll tal-moviment tal-annimali akkwatiċi, il-Kummissjoni għandha tiġi delegata s-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE, fir-rigward tal-miżuri ta' prevenzjoni kontra l-mard applikabbli għat-trasport, ir-regoli speċifiċi applikabbli għall-movimenti ta' ċerti kategoriji ta' annimali akkwatiċi għal għanijiet differenti, ir-rekwiżiti speċifiċi jew id-derogi fir-rigward ta' ċerti tipi ta' movimenti, bħall-movimenti għal għanijiet xjentifiċi, u rekwiżiti addizzjonali għall-movimenti ta' annimali akkwatiċi selvaġġi.

(148)

Sabiex tiġi żgurata l-possibbiltà ta' derogi temporanji u rekwiżiti speċifiċi għal movimenti ta' annimali akkwatiċi, meta r-regoli dwar il-moviment stabbiliti f'dan ir-Regolament ma jkunux suffiċjenti jew xierqa biex irażżnu t-tixrid ta' marda partikolari elenkat, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi regoli ta' moviment speċjali jew derogi għal perijodu limitat ta' żmien.

(149)

Il-produzzjoni tal-akkwakultura fl-Unjoni hija varjata ħafna fir-rigward tal-ispeċijiet u s-sistemi ta' produzzjoni, u din id-diversifikazzjoni qiegħda tiżdied b'mod rapidu. Dan jista' jeħtieġ l-adozzjoni fil-livell tal-Istati Membri ta' miżuri nazzjonali li jikkonċernaw il-mard minbarra dawk meqjusa bħala mard elenkat f'konformità ma' dan ir-Regolament. Madankollu, tali miżuri nazzjonali għandhom ikunu ġustifikati, meħtieġa u proporzjonati għall-għanijiet li għandhom jinkisbu. Barra minn hekk, ma għandhomx jaffettwaw il-movimenti bejn l-Istati Membri sakemm dan ma jkunux meħtieġa sabiex tiġi pprevenuta l-introduzzjoni tal-mard jew biex jiġi kkontrollat it-tixrid tiegħu. Miżuri nazzjonali li jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri għandhom jiġu approvati u riveduti regolarment fil-livell tal-Unjoni.

(150)

Bħalissa, il-mard elenkat jikkonċerna sa punt limitat ħafna l-ispeċijiet tal-annimali minbarra dawk definiti minn dan ir-Regolament bħala speċijiet terrestri u akkwatiċi, bħar-rettili, l-amfibji, l-insetti u oħrajn. Għalhekk mhuwiex xieraq li jkun meħtieġ li d-dispożizzjonijiet kollha ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal dawk l-ispeċijiet ta' annimali. Madankollu, jekk marda li tikkonċerna speċijiet minbarra speċijiet terrestri u akkwatiċi tiġi elenkata, ir-rekwiżiti rilevanti tas-saħħa tal-annimali ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal dawk l-ispeċijiet, sabiex jiġi żgurat li jittieħdu miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard adegwati u proporzjonati.

(151)

Sabiex tiġi żgurata l-possibbiltà li jiġu stabbiliti regoli ta' moviment għal dawk l-annimali li mhumiex definiti bħala terrestri jew annimali akkwatiċi minn dan ir-Regolament, u dawk il-prodotti ġerminali u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali derivati minn tali annimali, meta jkun hemm riskju li jiġġustifika dan, il-Kummissjoni għandha tiġi delegata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE, fir-rigward tar-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni ta' stabbilimenti, iż-żamma tar-rekords u r-reġistri, l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni u r-rekwiżiti tat-traċċabbiltà fil-moviment, iċ-ċertifikazzjoni u l-awtodikjarazzjoni tas-saħħa tal-annimali u l-obbligi ta' notifika dwar il-moviment fir-rigward ta' annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali derivati minn dawk l-ispeċijiet.

(152)

Kull meta jkun meħtieġ sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għal dawk il-prodotti ġerminali u speċijiet oħrajn ta' annimali u prodotti li joriġinaw mill-annimali derivati minnhom, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi regoli dettaljati dwar dawk ir-rekwiżiti.

(153)

Sabiex tiġi prevenuta l-introduzzjoni ta' mard elenkat u mard emerġenti fi ħdan l-Unjoni, jeħtieġ li jkun hemm regoli effiċjenti dwar id-dħul fl-Unjoni ta' annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali li jistgħu jittrasmettu tali mard.

(154)

Sabiex jiggarantixxi l-istatus ta' saħħa tal-Unjoni, dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw movimenti ta' annimali u prodotti fl-Unjoni. Għaldaqstant, jixraq li, bil-għan li dak l-istatus ma jiġix ipperikolat, li jiġu imposti kondizzjonijiet għad-dħul ta' annimali u prodotti fl-Unjoni li mhumiex inqas stretti minn dawk applikabbli għal movimenti fi ħdan l-Unjoni.

(155)

Sabiex jiġi żgurat li l-annimali, il-prodotti ġerminali u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali minn pajjiżi terzi jew territorji jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li jipprovdu garanziji ekwivalenti għal dawk previsti fil-leġislazzjoni tal-Unjoni, huwa essenzjali li dawn ikunu soġġetti għal kontrolli xierqa mill-awtorità kompetenti mill-pajjiż jew it-territorju terz li minnu jiġu esportati lejn l-Unjoni. Fejn rilevanti, l-istatus tas-saħħa ta' pajjiż terz jew territorju tal-oriġini għandu jiġi vverifikat qabel ma jiġi aċċettat id-dħul fl-Unjoni ta' tali annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali. Konsegwentement, il-pajjiżi terzi u t-territorji li jistgħu juru li jissodisfaw l-istandards tas-saħħa tal-annimali għad-dħul tal-annimali u l-prodotti fi ħdan l-Unjoni biss għandhom ikunu eliġibbli li jesportawhom lejn l-Unjoni u jiġu elenkati għal dak l-għan.

(156)

Għal ċerti speċijiet u kategoriji ta' annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali, il-listi tal-Unjoni ta' pajjiżi terzi u territorji li minnhom huwa permess id-dħul fi ħdan l-Unjoni ma ġewx stabbiliti f'atti tal-Unjoni adottati qabel id-data tal-adozzjoni ta' dan ir-Regolament. F'dawk il-każijiet, u sakemm jiġu adottati r-regoli skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom ikunu permessi jiddeterminaw minn liema pajjiżi u territorji dawk l-annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali jistgħu jitħallew jidħlu fit-territorju tagħhom. Meta jiddeterminaw dan, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont tal-kriterji stabbiliti f'dan ir-Regolament għal-listi tal-Unjoni ta' pajjiżi terzi u territorji.

(157)

Sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni previsti f'dan ir-Regolament jiġu mħarsa, u li jkunu konformi mal-prinċipji tal-Kodiċijiet tal-OIE, l-annimali, il-prodotti ġerminali u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali kollha li jidħlu fl-Unjoni għandhom jiġu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa tal-annimali maħruġ mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz jew territorju tal-oriġini li jikkonferma li r-rekwiżiti kollha tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni huma mħarsa. Madankollu, devjazzjoni minn din ir-regola għandha tiġi permessa għal prodotti li jippreżentaw riskju baxx għas-saħħa tal-annimali.

(158)

Iċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali jistgħu jkunu jgħoddu waħedhom, iżda ħafna drabi il-leġislazzjoni tal-Unjoni tirrikjedi ċertifikazzjoni għal għanijiet oħra, pereżempju sabiex jiġi ċċertifikat il-konformità mar-rekwiżiti tas-saħħa pubblika jew tal-benessri tal-annimali jew tal-prodotti. Dan għandu jittieħed kont tiegħu. Sabiex il-piżijiet u l-ispejjeż amministrattivi jitnaqqsu kemm jista' jkun, dawk iċ-ċertifikati dwar is-saħħa tal-annimali għandhom jitħallew jinkludu wkoll l-informazzjoni meħtieġa minn leġislazzjoni oħra tal-Unjoni dwar is-sikurezza alimentari u tal-għalf u l-benessri tal-annimali.

(159)

Il-mard jista' jinfirex permezz ta' mezzi oħra minbarra l-annimali, il-prodotti ġerminali, il-prodotti li joriġinaw mill-annimali u l-prodotti sekondarji u l-prodotti derivati mill-annimali. Pereżempju, il-vetturi, il-kontenituri tat-trasport, il-ħuxlief, it-tiben, il-prodotti tal-pjanti, u l-materjali li setgħu ġew f'kuntatt ma' annimali u tagħmir infettati jistgħu wkoll ixerrdu l-mard. Fejn meħtieġ, għandhom jittieħdu miżuri li jipprevjenu t-trasmissjoni tal-mard permezz tat-tali mezzi.

(160)

Sabiex jiġi żgurat livell xieraq ta' dettall għar-rekwiżiti dwar id-dħul fl-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tiġi delegata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE, fir-rigward ta' regoli li jissupplimentaw ir-regoli għall-approvazzjoni ta' stabbilimenti f'pajjiżi terzi u territorji u d-derogi, ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta' konsenji minn pajjiżi terzi u territorji u r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għal aġenti tal-mard, materjali oħra, il-mezzi tat-trasport u t-tagħmir li jistgħu jittrasmettu mard tal-annimali.

(161)

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni ta' konsenji ta' annimali, il-prodotti ġerminali u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi regoli, fost l-oħrajn, dwar il-lista ta' pajjiżi terzi u territorji li minnhom huwa permess id-dħul fl-Unjoni ta' annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali u dwar il-kontenuti u l-format tal-mudelli taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali.

(162)

L-esperjenza tal-imgħoddi wriet li meta tifqigħa ta' marda serja sseħħ fl-Istati Membri jew f'pajjiżi terzi jew territorji li minnhom jidħlu annimali u prodotti fl-Unjoni, il-miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għandhom jittieħdu b'mod immedjat biex tiġi impedita l-introduzzjoni tagħha u tiġi limitata t-tixrid tagħha. Tali emerġenza tista' tinvolvi mard elenkat, mard emerġenti jew xi perikoli oħra għas-saħħa tal-annimali. F'dak il-kuntest, għandu jkun ċar liema miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard previsti f'dan ir-Regolament jistgħu jintużaw f'każ ta' okkorrenza ta' marda jew periklu elenkat jew emerġenti. F'dawn il-każijiet kollha, huwa essenzjali li l-miżuri jkunu jistgħu jittieħdu fi żmien qasir ħafna u mingħajr ebda dewmien. Peress li t-tali miżuri jirrestrinġu l-moviment ġewwa jew lejn l-Unjoni dawn għandhom jiġu implimentati fil-livell tal-Unjoni kull meta jkun possibbli.

(163)

Sabiex tiġi żgurata reazzjoni effettiva u malajr għal riskji emerġenti, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni biex tistabbilixxi miżuri ta' emerġenza.

(164)

Il-Kummissjoni għandha tadotta minnufih atti ta' implimentazzjoni applikabbli f'każijiet debitament ġustifikati relatati, fost l-oħrajn, miżuri rigward mard emerġenti, l-istokkjar, il-forniment, il-ħżin, il-konsenja u proċeduri oħra tal-banek tal-Unjoni għall-antiġeni, il-vaċċini u r-reaġenti dijanjostiċi, l-istabbiliment ta' miżuri speċjali ta' kontroll tal-mard u derogi għal perijodu limitat ta' żmien, regoli speċjali dwar il-movimenti għall-annimali terrestri u akkwatiċi li japplikaw għal perijodu ta' żmien limitat, miżuri ta' emerġenza, u l-elenkar ta' pajjiżi terzi u territorji għall-finijiet tad-dħul fl-Unjoni.

(165)

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli ġenerali u speċifiċi għall-prevenzjoni u l-kontroll ta' mard trasmissibbli tal-annimali u jiżgura approċċ armonizzat għas-saħħa tal-annimali madwar l-Unjoni. F'ċerti oqsma, bħar-responsabbiltajiet ġenerali għas-saħħa tal-annimali, in-notifika, is-sorveljanza, ir-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni jew it-traċċabbiltà, l-Istati Membri għandhom jitħallew jew jitħeġġew japplikaw miżuri nazzjonali addizzjonali jew aktar stretti. Madankollu, tali miżuri nazzjonali għandhom jiġu permessi biss jekk ma jikkompromettux l-objettivi marbutin mas-saħħa tal-annimali stipulati f'dan ir-Regolament u mhumiex inkonsistenti mar-regoli stabbiliti hawnhekk, u dment li dawn ma jtellfux il-movimenti ta' annimali u prodotti bejn l-Istati Membri, sakemm dan ma jkunx meħtieġ sabiex tiġi prevenuta l-introduzzjoni tal-mard, jew biex jiġi kkontrollat it-tixrid tiegħu.

(166)

Il-miżuri nazzjonali msemmija fil-premessa 165 għandhom jiġu soġġetti għal proċedura ta' notifika simplifikata sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv. L-esperjenza wriet li l-proċedura ta' notifika ġenerali stabbilita fid-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27) kienu għodda importanti li ggwidaw u tejbu l-kwalità tar-regolamenti tekniċi nazzjonali — f'termini ta' żieda fit-trasparenza, leġġibbiltà u effikaċja, f'oqsma mhux armonizzati jew parzjalment armonizzati. Huwa għalhekk xieraq li tkun tapplika dik il-proċedura ta' notifika ġenerali.

(167)

Bħalissa, ir-regoli tal-Unjoni dwar is-saħħa tal-annimali huma stabbiliti fl-atti li ġejjin tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u fl-atti sussegwenti tal-Kummissjoni adottati skonthom:

 

Direttiva 64/432/KEE, Direttiva tal-Kunsill 77/391/KEE (28), Direttiva tal-Kunsill 78/52/KEE (29), Direttiva tal-Kunsill 80/1095/KEE (30), Direttiva tal-Kunsill 82/894/KEE (31), Direttiva tal-Kunsill 88/407/KEE (32), Direttiva tal-Kunsill 89/556/KEE (33), Direttiva tal-Kunsill 90/429/KEE (34),

 

Direttiva 91/68/KEE, Deċiżjoni tal-Kunsill 91/666/KEE (35), Direttiva tal-Kunsill 92/35/KEE (36), Direttiva 92/65/KEE, Direttiva tal-Kunsill 92/66/KEE (37), Direttiva tal-Kunsill 92/118/KEE (38), Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE (39), Deċiżjoni tal-Kunsill 95/410/KE (40), Direttiva tal-Kunsill 2000/75/KE (41), Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/258/KE (42), Direttiva tal-Kunsill 2001/89/KE (43),

 

Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE (44), Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE (45), Direttiva tal-Kunsill 2003/85/KE (46), Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 (47), Direttiva tal-Kunsill 2004/68/KE (48), Direttiva tal-Kunsill 2005/94/KE (49), Direttiva tal-Kunsill 2006/88/KE, Direttiva tal-Kunsill 2008/71/KE (50), Direttiva 2009/156/KE, Direttiva 2009/158/KE Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (51).

(168)

Dan ir-Regolament jipprevedi r-regoli dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali bovini, filwaqt li r-regoli dwar it-tikkettar taċ-ċanga jibqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tiegħu. Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (52) jipprevedi r-regoli dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' annimali bovini u dwar it-tikkettar taċ-ċanga. Dan għandu għalhekk jiġi emendat sabiex id-dispożizzjonijiet tiegħu dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' annimali bovini jitħassru filwaqt li jkunu jridu jibqgħu fis-seħħ dawk id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-tikkettar taċ-ċanga kellha tibqa' fis-seħħ.

(169)

Bil-għan li tkun iggarantita l-affidabbiltà tal-arranġamenti previsti fir-Regolamenti eżistenti li jistabbilixxu sistemi għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' annimali bovini, ovini u kaprini, dik il-leġislazzjoni teħtieġ li l-Istati Membri jwettqu miżuri ta' kontroll adegwati u effiċjenti. Dawn il-miżuri ta' kontroll uffiċjali adegwati u effiċjenti għandhom ukoll jinżammu fil-futur. Bħala parti mill-pakkett ta' proposti dwar “Regoli aktar intelliġenti għal ikel aktar sikur”, dan ir-Regolament ma jipprevedix dispożizzjonijiet dwar il-kontrolli uffiċjali peress li dawk ir-regoli għandhom jiġu previsti fil-qafas tal-leġislazzjoni orizzontali proposta dwar il-kontrolli uffiċjali. Madankollu, anke jekk ir-regoli orizzontali ġodda proposti dwar il-kontrolli uffiċjali ma jidħlux fis-seħħ fl-istess mument bħar-Regolament, ir-regoli orizzontali eżistenti dwar il-kontrolli uffiċjali jippermettu li l-Kummissjoni tiżgura livell ekwivalenti ta' kontroll.

(170)

Ir-regoli stabbiliti fl-atti leġislattivi msemmija fil-premessa 167 għandhom jiġu sostitwiti b'dan ir-Regolament u b'atti sussegwenti tal-Kummissjoni li jiġu adottati skont dan ir-Regolament. Għaldaqstant, għandhom jiġu revokati dawk l-atti leġislattivi. Madankollu, biex tiġi żgurata ċ-ċarezza ġuridika u jiġi evitat li jkun hemm lakuna ġuridika, qabelxejn it-tħassir għandu jsir effettiv biss meta l-atti delegati u ta' implimentazzjoni rilevanti jiġu adottati skont dan ir-Regolament. Għalhekk jeħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tiddetermina d-dati meta għandu jsir effettiv it-tħassir ta' dawk l-atti leġislattivi, filwaqt li l-leġislatur għandu jistabbilixxi l-iskadenza.

(171)

L-atti tal-Kunsill li ġejjin fil-qasam tas-saħħa tal-annimali ma għadhomx validi u għandhom jitħassru b'mod espliċitu fl-interess taċ-ċarezza tal-leġislazzjoni tal-Unjoni: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 78/642/KEE (53), id-Direttiva tal-Kunsill 79/110/KEE (54), id-Direttiva tal-Kunsill 81/6/KEE (55), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/455/KEE (56), id-Direttiva tal-Kunsill 90/423/KEE (57), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/678/KEE (58), id-Direttiva tal-Kunsill 92/36/KEE (59), id-Direttiva tal-Kunsill 98/99/KE (60).

(172)

Ir-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament ma għandhomx japplikaw qabel ma jkunu ġew adottati mill-Kummissjoni l-atti delegati u ta' implimentazzjoni ewlenin skont dan ir-Regolament, filwaqt li jitħalla perijodu ta' 24 xahar bejn l-adozzjoni tal-atti ewlenin sad-data meta jibdew japplikaw, b'hekk jippermetti lill-Istati Membri u l-operaturi jadattaw għar-regoli l-ġodda b'mod dovut. Barra minn hekk, jixraq li jiġi previst perijodu ta' mill-inqas 36 xahar biex il-Kummissjoni telabora r-regoli l-ġodda.

(173)

Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali dwar l-applikazzjoni ta' regoli dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali u l-miżuri ta' kontroll tal-mard għal ċertu mard tal-annimali u żoonożi, il-Kummissjoni għandha tiġi delegata s-setgħa li tadotta atti f'konformità mal-Artikolu 290 TFUE fir-rigward tad-data li fiha r-Regolament (KE) Nru 21/2004 u d-Direttivi 92/66/KEE, 2000/75/KE, 2001/89/KE, 2002/60/KE, 2003/85/KE, 2005/94/KE u 2008/71/KE ma jibqgħux japplikaw, filwaqt li skadenza f'dak ir-rigward għandha tiġi stabbilita f'dan ir-Regolament.

(174)

Skont l-approċċ preventiv lejn is-saħħa tal-annimali li qed jiġi promoss minn dan ir-Regolament, il-miżuri speċjali li jikkonċernaw is-salmonella li applikaw għall-annimali ħajjin mibgħuta l-Finlandja u l-Isvezja qabel l-20 ta' April 2016 għandhom ikomplu japplikaw u għaldaqstant għandu jiġi emendat r-Regolament (KE) Nru 2160/2003.

(175)

Minħabba l-adozzjoni reċenti tar-Regolament (UE) Nru 576/2013, ikun xieraq li jitħalla perijodu transizzjonali twil qabel ma jibdew japplikaw ir-regoli korrispondenti stipulati f'dan ir-Regolament.

(176)

Is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti f'dan ir-Regolament għandhom jitħaddmu f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (61).

(177)

Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Il-Kummissjoni, meta tħejji u tfassal atti ta' delega, għandha tiżgura t-trasmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(178)

Dan ir-Regolament ma għandux joħloq piż amministrattiv sproporzjonat jew impatt ekonomiku għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Skont dan ir-Regolament, abbażi ta' konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, ittieħed kont tas-sitwazzjoni speċjali tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Ma ġietx ikkunsidrata deroga universali potenzjali mir-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament għat-tali intrapriżi, fid-dawl tal-objettivi tal-politika pubblika li tiġi protetta s-saħħa tal-annimali u s-saħħa pubblika. Madankollu, għadd ta' derogi għal tali intrapriżi għandhom jiġu previsti fir-rigward tar-rekwiżiti differenti ta' dan ir-Regolament, filwaqt li jittieħed kont tar-riskji involuti.

(179)

Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stabbiliti r-regoli tas-saħħa tal-annimali, tal-prodotti ġerminali, il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, il-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati sa fejn dawn ma jkunux koperti minn regoli speċifiċi f'leġislazzjoni oħra tal-Unjoni, u materjal ieħor li jista' jkun involut fit-tixrid ta' mard trasmissibbli tal-annimali, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni permezz ta' qafas legali komuni u koordinat għas-saħħa tal-annimali, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

PARTI I

REGOLI ĠENERALI

KAPITOLU I

Suġġett, għan, kamp ta' applikazzjoni u definizzjonijiet

Artikolu 1

Suġġett u għan

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard tal-annimali li hu trasmess lill-annimali jew lill-bnedmin.

Dawk ir-regoli jipprevedu:

(a)

il-prijoritizzazzjoni u l-kategorizzazzjoni ta' mard li hu ta' tħassib għall-Unjoni u l-istabbiliment tar-responsabbiltajiet għas-saħħa tal-annimali (Parti I: l-Artikoli 1 sa 17);

(b)

l-iskoperta bikrija, in-notifika u r-rapportar ta' mard, is-sorveljanza, il-programmi ta' eradikazzjoni u l-istatus ta' ħelsien minn mard (Parti II: l-Artikoli 18 sa 42);

(c)

għarfien dwar il-mard, tħejjija u kontroll (Parti III: l-Artikoli 43 sa 83);

(d)

ir-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni tal-istabbilimenti u t-trasportaturi, il-movimenti u t-traċċabbiltà ta' annimali, prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali fl-Unjoni (Parti IV: l-Artikoli 84 sa 228;) u (l-Parti: VI l-Artikoli 244 sa 248 u 252 sa 256);

(e)

id-dħul ta' annimali, prodotti ġerminali, u prodotti li joriġinaw mill-annimali fl-Unjoni u l-esportazzjoni ta' tali konsenji mill-Unjoni (Parti V: l-Artikoli 229 sa 243; u l-Parti VI:l-Artikoli 244 sa 246 u 252 sa 256);

(f)

moviment mhux kummerċjali ta' annimali domestiċi lejn Stat Membru minn Stat Membru ieħor jew minn pajjiż terz jew territorju, (Parti VI:l-Artikoli 244 sa 256);

(g)

il-miżuri ta' emerġenza li għandhom jittieħdu fil-każ ta' sitwazzjoni ta' emerġenza ta' mard (Parti VII: l-Artikoli 257 sa 262).

2.   Ir-regoli msemmijin fil-paragrafu 1:

(a)

għandhom l-għan li jiżguraw:

(i)

saħħa mtejba tal-annimali biex tappoġġa produzzjoni agrikola u ta' akkwakultura sostenibbli fl-Unjoni;

(ii)

il-funzjonament effettiv tas-suq intern;

(iii)

tnaqqis fl-effetti negattivi fuq is-saħħa tal-annimali, is-saħħa pubblika u l-ambjent ta':

ċertu mard;

il-miżuri meħuda għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard;

(b)

b'kont meħud ta':

(i)

ir-relazzjoni bejn is-saħħa tal-annimali u:

is-saħħa pubblika;

l-ambjent, inklużi l-bijodiversità u riżorsi ġenetiċi ta' siewja, kif ukoll l-impatt tat-tibdil fil-klima;

is-sikurezza alimentari u tal-għalf;

il-benessri tal-annimali, inkluż l-evitar ta' kwalunkwe uġigħ, dwejjaq jew tbatija li jistgħu jiġu evitati;

ir-reżistenza antimikrobika;

is-sigurtà alimentari;

(ii)

il-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali, kulturali u ambjentali li jinqalgħu mill-applikazzjoni ta' miżuri ta' kontroll u prevenzjoni tal-mard;

(iii)

standards internazzjonali rilevanti.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal:

(a)

annimali miżmuma u selvaġġi;

(b)

prodotti ġerminali;

(c)

prodotti li joriġinaw mill-annimali;

(d)

prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati mill-annimali, mingħajr ħsara għar-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1069/2009;

(e)

faċilitajiet, mezzi ta' trasport, tagħmir u l-mogħdijiet l-oħra kollha ta' infezzjoni u materjal involut jew potenzjalment involut fit-tixrid ta' mard tal-annimali trasmissibbli.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-mard trasmissibbli, fosthom iż-żoonożi, mingħajr preġudizzju għar-regoli stabbiliti fi:

(a)

id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE;

(b)

ir-Regolament (KE) Nru 999/2001;

(c)

id-Direttiva 2003/99/KE;

(d)

ir-Regolament (KE) Nru 2160/2003.

Artikolu 3

Kamp ta' applikazzjoni tal-Partijiet IV, Vu VI

1.   It-Titolu I tal-Parti IV (l-Artikoli 84 sa 171) għandu japplika għal:

(a)

annimali terrestri, u annimali li mhumiex annimali terrestri imma li jistgħu jgħaddu l-mard li jaffettwa lill-annimali terrestri;

(b)

prodotti ġerminali minn annimali terrestri;

(c)

prodotti li joriġinaw mill-annimali terrestri.

2.   It-Titolu II tal-Parti IV (l-Artikoli 172 sa 226) għandu japplika għal:

(a)

annimali akkwatiċi, u annimali li mhumiex annimali akkwatiċi imma li jistgħu jgħaddu l-mard li jaffettwa lill-annimali akkwatiċi;

(b)

prodotti li joriġinaw mill-annimali minn annimali akkwatiċi.

3.   It-Titolu III tal-Parti IV (l-Artikoli 227 u 228) għandu japplika għal:

(a)

annimali oħra;

(b)

prodotti ġerminali u prodotti li joriġinaw mill-annimali li jkunu ġejjin mill-annimali l-oħra msemmija fil-punt (a).

4.   Il-Partijiet IV u V ma għandhomx japplikaw għal movimenti mhux kummerċjali ta' annimali domestiċi kif imsemmi fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu jew għal movimenti mhux kummerċjali ta' annimali domestiċi fi ħdan Stat Membru.

5.   Il-movimenti ta' annimali domestiċi, minbarra movimenti mhux kummerċjali, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fil-Partijiet IV u V.

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264 rigward l-adattamenti li huma meħtieġa sabiex tiġi żgurata li l-Partijiet IV u V huma applikati b'mod korrett għall-annimali domestiċi, b'mod partikolari biex jittieħed kont tal-fatt li l-annimali domestiċi jinżammu fl-unitajiet domestiċi minn dawk li jżommu l-annimali domestiċi.

6.   Il-Parti VI għandha tapplika biss għal movimenti mhux kummerċjali ta' annimali domestiċi li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 245 u 246 fir-rigward tan-numru massimu ta' annimali li jistgħu jakkumpanjaw lil sidhom u n-numru massimu ta' jiem li jgħaddu bejn il-moviment tas-sid u l-moviment tal-annimal.

Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

'annimali' tfisser annimali vertebrati jew invertebrati;

(2)

'annimali terrestri' tfisser għasafar, mammiferi terrestri, naħal u bagħal tan-naħal;

(3)

'annimali akkwatiċi' tfisser annimali tal-ispeċijiet li ġejjin, fl-istadji kollha tal-ħajja, inklużi l-bajd, l-isperma u l-gameti:

(a)

ħut li jappartjeni għas-superklassi Agnatha u l-klassijiet Chondrichthyes, Sarcopterygii u Actinopterygii;

(b)

molluski akkwatiċi li jappartjenu għall-filu Mollusca;

(c)

krustaċji akkwatiċi li jappartjenu għas-subfilu Crustacea;

(4)

'annimali oħra' tfisser annimali ta' speċijiet minbarra dawk li jaqaw taħt id-definizzjoni ta' annimali terrestri jew akkwatiċi;

(5)

'annimali miżmuma' tfisser annimali li jinżammu mill-bnedmin, inkluż, fil-każ ta' annimali akkwatiċi, annimali tal-akkwakultura;

(6)

'akkwakultura' tfisser iż-żamma ta' annimali akkwatiċi fejn l-annimali jibqgħu l-proprjetà ta' persuna fiżika jew ġuridika waħda jew aktar matul l-istadji kollha tat-trobbija jew tal-kultivazzjoni, sa u inkluż il-ħsad, minbarra l-ħsad jew l-qbid għall-iskopijiet ta' konsum mill-bniedem ta' annimali akkwatiċi selvaġġi li huma sussegwentement temporanjament miżmuma fl-istennija għall-qatla mingħajr ma jkunu mitmugħa;

(7)

'annimali tal-akkwakultura' tfisser kwalunkwe annimal akkwatiku soġġett għall-akkwakultura,

(8)

'annimali selvaġġi' tfisser annimali mhux miżmuma;

(9)

'tjur tal-irziezet' tfisser għasafar li huma mrobbija jew miżmuma f'kaptività għal:

(a)

il-produzzjoni ta':

(i)

laħam;

(ii)

bajd għall-konsum;

(iii)

prodotti oħra;

(b)

provvisti għat-tgħammir mill-ġdid tat-tjur tal-kaċċa;

(c)

għall-għan ta' tgħammir ta' għasafar użati għat-tipi ta' produzzjoni msemmija fil-punti (a) u (b);

(10)

'għasafar miżmuma fil-magħluq' tfisser kwalunkwe għasfur minbarra tjur tal-irziezet li jinżamm fil-magħluq għal kwalunkwe raġuni oħra minbarra dawk imsemmija fil-punt (9), inklużi dawk li jinżammu għal wirjiet, tlielaq, esibizzjonijiet, kompetizzjonijiet, tgħammir jew bejgħ;

(11)

'annimal domestiku' tfisser annimal tal-ispeċijiet elenkati fl-Anness I li jinżamm għal skopijiet privati mhux kummerċjali;

(12)

'dak li jżomm annimal domestiku' tfisser persuna fiżika, u tista' tinkludi sid l-annimal domestiku li jżomm annimal domestiku;

(13)

'sid l-annimal domestiku' tfisser persuna fiżika li hija indikata bħala s-sid fid-dokument tal-identifikazzjoni msemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 247, il-punt (c) tal-Artikolu 248(2), il-punt (c) tal-Artikolu 249(1) u l-punt (c) tal-Artikolu 250(2);

(14)

'moviment mhux kummerċjali' tfisser kwalunkwe moviment ta' annimal domestiku li jkun qed jakkumpanja lil sidu u li

(a)

ma għandux bħala l-għan tiegħu l-bejgħ jew xi forma oħra tat-trasferiment tas-sjieda tal-annimal domestiku kkonċernat; u

(b)

hu parti mill-moviment ta' sid l-annimal domestiku:

(i)

jew taħt ir-responsabbiltà diretta tiegħu; jew

(ii)

taħt ir-responsabbiltà ta' persuna awtorizzata, fil-każ fejn l-annimal domestiku jiġi fiżikament separat minn sidu;

(15)

'persuna awtorizzata' tfisser kwalunkwe persuna fiżika li għandha awtorizzazzjoni bil-miktub minn sid l-annimal domestiku biex twettaq il-moviment mhux kummerċjali tal-annimal domestiku f'isem sidu;

(16)

'marda' tfisser l-okkorrenza ta' infezzjonijiet u infestazzjonijiet fl-annimali, b'manifestazzjonijiet kliniċi jew patoloġiċi jew mingħajrhom, ikkawżati minn aġent tal-mard wieħed jew aktar;

(17)

'aġent tal-marda' tfisser patoġenu trasmissibbli lill-annimali jew lill-bnedmin li kapaċi jikkawża marda fl-annimali;

(18)

'mard elenkat' tfisser il-mard elenkat skont l-Artikolu 5(1);

(19)

'profil ta' mard' tfisser il-kriterji ta' marda li hemm referenza dwarha fil-punt (a) tal-Artikolu 7;

(20)

'speċi elenkati' tfisser speċi ta' annimal jew il-grupp ta' speċi ta' annimal elenkati f'konformità mal-Artikolu 8(2), jew, fil-każ ta' mard emerġenti, speċi ta' annimali jew grupp ta' speċi ta' annimali li jissodisfa l-kriterji għall-ispeċi elenkati stabbiliti fl-Artikolu 8(2);

(21)

'periklu' tfisser aġent tal-marda fi, jew kondizzjoni ta' annimal jew prodott bil-potenzjal ta' effett negattiv fuq is-saħħa tal-bnedmin jew tal-annimali;

(22)

'riskju' tfisser il-probabbiltà tal-okkorrenza u l-kobor probabbli tal-konsegwenzi bijoloġiċi u ekonomiċi ta' effett negattiv fuq is-saħħa tal-annimali jew is-saħħa pubblika;

(23)

'bijosigurtà' tfisser it-total tal-ġestjoni u l-miżuri fiżiċi maħsuba biex jitnaqqas ir-riskju tal-introduzzjoni, l-iżvilupp u t-tixrid ta' mard lejn l-UE, minnha u fi ħdanha:

(a)

f'popolazzjoni tal-annimali, jew

(b)

fi stabbiliment, żona, kompartiment, mezzi ta' trasport jew kwalunkwe faċilità, bini jew post ieħor;

(24)

'operatur' tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, li jkollha annimali jew prodotti taħt ir-responsabbiltà tagħha, inkluż għal perijodu ta' żmien limitat, iżda eskluż min iżomm l-annimali domestiċi u l-veterinarji;

(25)

'trasportatur' tfisser operatur li jittrasporta annimali f'ismu stess, jew f'isem parti terza;

(26)

'professjonist tal-annimali' tfisser persuna fiżika jew ġuridika, relatata f'sens ta' okkupazzjoni ma' annimali jew prodotti, minbarra l-operaturi jew il-veterinarji;

(27)

'stabbiliment' tfisser kwalunkwe post, struttura, jew fil-każ ta' biedja fil-beraħ, kwalunkwe ambjent jew post, fejn jinżammu l-annimali jew il-prodotti ġerminali, fuq bażi temporanja jew permanenti, bl-eċċezzjoni ta':

(a)

unitajiet domestiċi fejn jinżammu l-annimali domestiċi;

(b)

prattiki jew kliniċi veterinarji;

(28)

'prodotti ġerminali' tfisser:

(a)

semen, ooċiti u embrijuni intenzjonati għar-riproduzzjoni artifiċjali;

(b)

bajd għat-tfaqqis;

(29)

'prodotti li joriġinaw mill-annimali' tfisser:

(a)

ikel li joriġina mill-annimali, inkluż l-għasel u d-demm;

(b)

molluski bivalvi ħajjin, ekinodermi ħajjin, tunikati ħajjin u gastropodi marini ħajjin maħsuba għall-konsum mill-bniedem; u

(c)

annimali oħra minbarra dawk imsemmija f'punt (b) maħsuba biex jiġu ppreparati biex jiġu mgħoddija ħajjin lill-konsumatur finali;

(30)

'prodotti sekondarji tal-annimali' tfisser iġsma sħaħ jew partijiet ta' annimali, prodotti li joriġinaw mill-annimali jew prodotti oħra miksuba minn annimali, li mhumiex maħsuba għall-konsum mill-bniedem, ħlief il-prodotti ġerminali;

(31)

'prodotti derivati' tfisser prodotti miksuba minn trattament, trasformazzjoni jew stadju fi proċessar wieħed jew aktar ta' prodotti sekondarji tal-annimali;

(32)

'prodotti' tfisser:

(a)

prodotti ġerminali;

(b)

prodotti li joriġinaw mill-annimali;

(c)

prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati;

(33)

'kontroll uffiċjali' tfisser kwalunkwe forma ta' kontroll imwettaq minn awtorità kompetenti bil-għan li tiġi vverifikata l-konformità ma' dan ir-Regolament;

(34)

'status tas-saħħa' tfisser l-istatus tal-mard fir-rigward tal-mard elenkat rilevanti għall-ispeċi partikolari elenkata fir-rigward ta':

(a)

annimal;

(b)

annimali fi ħdan:

(i)

unità epidemjoloġika;

(ii)

stabbiliment;

(iii)

żona;

(iv)

kompartiment;

(iv)

Stat Membru;

(vi)

pajjiż terz jew territorju;

(35)

'żona' tfisser:

(a)

għall-annimali terrestri, żona ta' Stat Membru, pajjiż terz jew territorju b'delimitazzjoni ġeografika preċiża, li fiha subpopolazzjoni ta' annimali bi status tas-saħħa distint fir-rigward ta' xi marda speċifika jew mard speċifiku soġġett għal sorveljanza xierqa, il-kontroll tal-mard u miżuri ta' bijosigurtà;

(b)

għal annimali akkwatiċi sistema idroloġika kontigwa bi status tas-saħħa distint fir-rigward ta' xi marda speċifika jew mard speċifiku li jifforma żona li hija msemmija f'wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)

maqbad ta' ilma fl-intier tiegħu mill-għajn tal-passaġġ tal-ilma sal-estwarju jew lag;

(ii)

aktar minn maqbad ta' ilma wieħed;

(iii)

parti ta' maqbad tal-ilma mill-għajn tal-passaġġ tal-ilma sa ostaklu li jimpedixxi l-introduzzjoni ta' xi marda jew mard speċifiku;

(iv)

parti minn żona kostali b'delimitazzjoni ġeografika preċiża;

(v)

estwarju b'delimitazzjoni ġeografika preċiża;

(36)

'maqbad tal-ilma' tfisser żona jew baċir ta' art imdawra b'karatteristiċi naturali bħal għoljiet u muntanji, fejn jgħaddi minnhom il-fluss kollu tal-ilma li jnixxi;

(37)

'kompartiment' tfisser subpopolazzjoni ta' annimali li jinsabu fi stabbiliment wieħed jew aktar u, fil-każ ta' annimali akkwatiċi, fi stabbiliment wieħed jew aktar tal-akkwakultura, taħt sistema komuni ta' ġestjoni tal-bijosigurtà bi status tas-saħħa distint fir-rigward ta' xi marda speċifika jew mard speċifiku soġġett għal sorveljanza xierqa, kontroll tal-mard u miżuri ta' bijosigurtà;

(38)

'kwarantina' tfisser iż-żamma ta' annimali f'iżolament mingħajr ebda kuntatt dirett jew indirett ma' annimali barra mill-unità epidemjoloġika, bil-għan li jkun żgurat li ma jkun hemm l-ebda tixrid ta' waħda jew aktar mill-mard speċifikat waqt li l-annimali f'iżolament ikunu qed jiġu osservati għal tul ta' żmien speċifikat u, jekk xieraq, ittestjati u trattati;

(39)

'unità epidemjoloġika' tfisser grupp ta' annimali bl-istess probabbiltà ta' esponiment għal aġent tal-marda;

(40)

'tifqigħa' tfisser l-okkorrenza kkonfermata b'mod uffiċjali ta' marda elenkata jew marda emerġenti f'annimal wieħed jew aktar fi stabbiliment jew post ieħor fejn jinżammu jew jinsabu l-annimali;

(41)

'żona ristretta' tfisser żona li fiha restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta' ċerti annimali jew prodotti u miżuri oħra ta' kontroll tal-mard huma applikati, bil-għan li jiġi evitat it-tixrid ta' xi marda partikolari f'oqsma fejn m'huma applikati l-ebda restrizzjonijiet; żona ristretta tista', fejn rilevanti, tinkludi żoni ta' protezzjoni u sorveljanza;

(42)

'żona ta' protezzjoni' tfisser żona madwar u li tinkludi l-post ta' tifqigħa ta' mard, fejn miżuri ta' kontroll tal-mard huma applikati sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-mard minn dik iż-żona;

(43)

'żona ta' sorveljanza' tfisser żona li hi stabbilita madwar iż-żona ta' protezzjoni, u fejn xi miżuri ta' kontroll tal-mard huma applikati sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-mard miż-żona ta' protezzjoni;

(44)

'bajd tat-tifqis' tfisser bajd, li jkunu biedu t-tjur tal-irziezet fil-magħluqjew l-għasafar miżmuma, maħsuba għall-inkubazzjoni;

(45)

'annimali ungulati' tfisser l-annimali elenkati fl-Anness III;

(46)

'stabbiliment ta' prodott ġerminali' tfisser:

(a)

f'dak li jirrigwarda s-semen, stabbiliment fejn jinġabar, jiġi prodott, jiġi pproċessat jew maħżun is-semen;

(b)

fir-rigward ta' ooċiti u embrijuni, grupp ta' professjonisti jew struttura taħt is-superviżjoni ta' tim ta' veterinarji kompetenti li jwettqu l-ġbir, il-produzzjoni, l-ipproċessar u l-ħżin ta' ooċiti u embrijuni;

(c)

fir-rigward ta' bajd għat-tifqis, mafqas;

(47)

'mafqas' tfisser stabbiliment li jiġbor, jaħżen, jinkuba u jfaqqas il-bajd għall-provvista ta':

(a)

bajd għat-tfaqqis;

(b)

flieles ta' ġurnata jew il-flieles li jkunu għadhom kemm faqqsu ta' speċi oħra;

(48)

'stabbiliment konfinat' tfisser kwalunkwe stabbiliment permanenti, ġeografikament limitat, maħluq fuq bażi volontarja u approvat għall-iskop ta' movimenti, fejn l-annimali huma:

(a)

miżmuma jew imrobbija għall-finijiet ta' wirjiet, edukazzjoni, ħarsien tal-ispeċi jew riċerka;

(b)

konfinati u separati mill-ambjent ta' madwar;

(c)

soġġetti għal sorveljanza tas-saħħa tal-annimali u miżuri fil-qasam tal-bijosigurtà;

(49)

'operazzjoni tal-immuntar' tfisser il-ġbir f'daqqa ta' annimali terrestri miżmuma minn aktar minn stabbiliment wieħed għal perijodu iqsar mill-perijodu ta' residenza meħtieġa għall-ispeċi tal-annimali kkonċernati;

(50)

'perijodu ta' residenza' tfisser il-perijodu minimu meħtieġ sabiex jiġi żgurat li annimal li jkun ġie introdott fi stabbiliment ma jkunx fi status ta' saħħa anqas mill-annimali f'dak l-istabbiliment;

(51)

'TRACES' tfisser is-sistema kompjuterizzata veterinarja integrata b'arkitettura unika prevista fid-Deċiżjonijiet 2003/24/KE u 2004/292/KE;

(52)

'stabbiliment għall-kontroll tal-mard tal-ikel akkwatiku' tfisser negozju tal-ikel approvat skont l-Artikolu 179;

(53)

'veterinarju uffiċjali' tfisser veterinarju awtorizzat mill-awtorità kompetenti u kwalifikat b'mod xieraq biex iwettaq attivitajiet uffiċjali skont dan ir-Regolament;

(54)

'veterinarju uffiċjali f'pajjiż terz jew territorju' tfisser veterinarju f'pajjiż terz jew territorju li jikkorrispondi għal veterinarju uffiċjali kif imsemmi fil-punt (53);

(55)

'awtorità kompetenti' tfisser l-awtorità veterinarja ċentrali ta' Stat Membru responsabbli għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali u ta' kwalunkwe attività uffiċjali oħra, skont dan ir-Regolament jew kwalunkwe awtorità oħra li lilha tkun iddelegata dik ir-responsabbiltà;

(56)

'awtorità kompetenti ta' pajjiż terz jew territorju' tfisser awtorità f'pajjiż terz jew territorju li tikkorrispondi għall-awtoritajiet kompetenti msemmijin fil-punt (55).

KAPITOLU 2

Mard elenkat u mard emerġenti u speċijiet elenkati

Artikolu 5

Elenkar tal-mard

1.   Ir-regoli speċifiċi dwar il-mard intiżi għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard, previsti f'dan ir-Regolament għandhom japplikaw għal:

(a)

il-mard elenkat li ġej:

i)

il-marda tal-lsien u d-dwiefer;

ii)

id-deni klassiku tal-ħnieżer;

iii)

id-deni Afrikan tal-ħnieżer;

iv)

influwenza tat-tjur b'patoġenità għolja;

v)

il-marda Afrikana taż-żwiemel; u

b)

il-mard elenkat li jinsab fil-lista fl-Anness II.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264 dwar l-emendi għal-lista msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

3.   Marda għandha tiġi inkluża fil-lista msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, jekk tkun ġiet ivvalutata skont l-Artikolu 7 u tissodisfa:

(a)

il-kriterji kollha li ġejjin:

(i)

l-evidenza xjentifika tindika li l-marda hi trasmissibbli;

(ii)

l-ispeċijiet tal-annimali huma jew suxxettibbli għall-marda jew inkella vetturi u kompartimenti tiegħu, jeżistu fl-Unjoni;

(iii)

il-marda tikkawża effetti negattivi fuq is-saħħa tal-annimali jew tippreżenta riskju għas-saħħa pubblika minħabba n-natura żoonotika tagħha;

(iv)

hemm disponibbli għodod dijanjostiċi għall-marda; u

(v)

il-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskji u fejn rilevanti, is-sorveljanza tal-mard, huma effettivi u proporzjonati għar-riskji li tippreżenta l-marda fl-Unjoni; u

(b)

'tissodisfa tal-anqas wieħed mill-kriterji li ġejjin:.

(i)

il-marda tikkawża jew tista' tikkawża effetti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-annimali fl-Unjoni, jew tippreżenta jew tista' tippreżenta riskju sinifikanti għas-saħħa pubblika minħabba n-natura żoonotika tagħha;

(ii)

l-aġent tal-marda jkun żviluppa reżistenza għat-trattamenti u joħloq periklu sinifikanti għas-saħħa pubblika u/jew għas-saħħa tal-annimali fl-Unjoni;

(iii)

il-marda tikkawża jew tista' tikkawża impatt ekonomiku negattiv sinifikanti li jaffettwa l-produzzjoni fis-settur tal-agrikoltura jew tal-akkwakultura fl-Unjoni;

(iv)

il-marda għandha l-potenzjal li tiġġenera kriżi jew l-aġent tal-marda jista' jintuża għall-fini ta' bijoterroriżmu; jew

(v)

il-marda għandha jew jista' jkollha impatt negattiv sinifikanti fuq l-ambjent, inkluż il-bijodiversità tal-Unjoni.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264 dwar it-tneħħija ta' marda mil-lista msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu meta dik il-marda ma tibqax tissodisfa l-kriterji previsti fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

5.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-elenkar ta' kull marda fid-dawl ta' data xjentifika sinifikanti li tkun għadha kif saret disponibbli.

Artikolu 6

Mard emerġenti

1.   Ir-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għandhom japplikaw għal mard emerġenti kif previst f'dan ir-Regolament.

2.   Marda, li mhix marda elenkata, għandha titqies li hija marda emerġenti ('marda emerġenti') sakemm din għandha l-potenzjal li tissodisfa l-kriterji għall-elenkar tal-mard previsti fl-Artikolu 5(3) u:

(a)

tirriżulta mill-evoluzzjoni jew bidla ta' aġent tal-marda eżistenti;

(b)

hija marda magħrufa li qed tinxtered f'żona ġeografika, speċi jew popolazzjoni ġdida;

(c)

tiġi dijanjostikata għall-ewwel darba fl-Unjoni; jew

(d)

hija kkawżata minn aġent tal-marda mhux magħruf jew li ma kienx magħruf preċedentement.

3.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tieħu l-miżuri meħtieġa dwar marda emerġenti li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

4.   Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza debitament ġustifikati relatati ma' mard li jirrappreżenta riskju emerġenti b'impatt sinifikanti ħafna, il-Kummissjoni għandha tadotta minnufih atti ta' implimentazzjoni applikabbli f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 266(3).

5.   Kwalunkwe obbligu fuq l-operaturi fir-rigward ta' marda emerġenti, kif stabbilit f'dan ir-Regolament, għandu japplika biss jekk il-Kummissjoni tkun adottat att ta' implimentazzjoni għal dik il-marda skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu jew jekk il-marda tkun koperta minn pjan ta' kontinġenza skont l-Artikolu 43.

Artikolu 7

Parametri ta' valutazzjoni għall-elenkar tal-mard

Il-Kummissjoni għandha tuża l-parametri ta' valutazzjoni li ġejjin biex tiddetermina jekk il-marda tissodisfax il-kondizzjonijiet li jeħtieġuha tiġi elenkata skont l-Artikolu 5(2):

(a)

il-profil tal-marda, li għandu jinkludi dan li ġej:

(i)

l-ispeċi tal-annimali milquta mill-marda;

(ii)

il-morbidità u r-rati tal-mortalità tal-marda f'popolazzjonijiet tal-annimali;

(iii)

il-karattru żoonetiku tal-marda;

(iv)

ir-reżistenza għat-trattamenti, inkluża r-reżistenza antimikrobika;

(v)

il-persistenza tal-marda f'popolazzjoni tal-annimali jew fl-ambjent;

(vi)

ir-rotot u l-veloċità ta' trasmissjoni tal-marda bejn l-annimali u meta rilevanti bejn l-annimali u l-bnedmin;

(vii)

l-assenza jew il-preżenza u d-distribuzzjoni tal-marda fl-Unjoni, u, fejn il-marda ma tkunx preżenti fl-Unjoni, ir-riskju tal-introduzzjoni tagħha fl-Unjoni;

(viii)

l-eżistenza ta' għodod dijanjostiċi u ta' kontroll tal-mard;

(b)

l-impatt tal-marda fuq:

(i)

il-produzzjoni agrikola u tal-akkwakultura u partijiet oħra tal-ekonomija, fir-rigward ta':

il-livell tal-preżenza tal-marda fl-Unjoni;

it-telf ta' produzzjoni minħabba marda;

telf ieħor;

(ii)

is-saħħa tal-bniedem, fir-rigward ta':

it-trasmissibbiltà bejn l-annimali u l-bnedmin;

it-trasmissibbiltà bejn il-bnedmin;

is-severità ta' forom tal-marda fil-bniedem;

id-disponibbiltà ta' prevenzjoni effettiva jew trattament mediku fil-bnedmin;

(iii)

il-benessri tal-annimali;

(iv)

il-bijodiversità u l-ambjent;

(c)

il-potenzjal tagħha li tiġġenera sitwazzjoni ta' kriżi u l-użu potenzjali tagħha għall-bijoterroriżmu;

(d)

il-fattibbiltà, id-disponibbiltà u l-effettività tal-miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li ġejjin:

(i)

għodod u kapaċitajiet dijanjostiċi;

(ii)

tilqim;

(iii)

trattamenti mediċi;

(iv)

miżuri ta' bijosigurtà;

(v)

restrizzjonijiet fuq il-moviment ta' annimali u prodotti;

(vi)

qtil tal-annimali;

(vii)

ir-rimi ta' karkassi u ta' prodotti sekondarji tal-annimali oħra rilevanti;

(e)

l-impatt ta' miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard, fir-rigward ta':

(i)

l-ispejjeż diretti u indiretti tas-setturi milquta u l-ekonomija inġenerali;

(ii)

l-aċċettazzjoni tagħhom mis-soċjetà;

(iii)

il-benessri tas-subpopolazzjonijiet milquta ta' annimali miżmuma u selvaġġi;

(iv)

l-ambjent u l-bijodiversità.

Artikolu 8

Elenkar tal-ispeċijiet

1.   Ir-regoli speċifiċi dwar il-mard fil-każ tal-mard elenkat previst f'dan ir-Regolament u r-regoli adottati skont dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-ispeċijiet elenkati.

2.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi lista ta' speċijiet, kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu li jissodisfaw il-kriterji mniżżla fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

Dik il-lista għandha tinkludi dawk l-ispeċi tal-annimali jew gruppi ta' speċi tal-annimali, li jippreżentaw riskju konsiderevoli għat-tixrid ta' mard speċifiku elenkat, abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(a)

is-suxxettibbiltà ta' popolazzjoni tal-annimali f'riskju;

(b)

it-tul ta' żmien tal-perijodu ta' inkubazzjoni u dak infettiv tal-annimali kkonċernati;

(c)

il-kapaċità ta' dawk l-annimali li jġorru dak il-mard speċifiku.

3.   L-ispeċijiet tal-annimali jew il-gruppi ta' speċijiet tal-annimali għandhom jiżdiedu mal-lista, jekk dawn huma affettwati jew jekk huma ta' riskju għat-tixrid ta' mard elenkat speċifiku minħabba li:

(a)

huma suxxettibbli għall-marda elenkata speċifika jew l-evidenza xjentifika tindika li x'aktarx li huma suxxettibbli; jew

(b)

huma speċijiet ta' vetturi jew kompartimenti għal dik il-marda, jew l-evidenza xjentifika tindika li x'aktarx li għandhom dan ir-rwol.

4.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tneħħi l-ispeċijiet tal-annimali jew il-gruppi ta' speċijiet tal-annimali mil-lista meta:

(a)

il-marda elenkata rilevanti, li b'rabta magħha tkun ġiet elenkata l-ispeċi tal-annimali jew il-grupp tal-ispeċi tal-annimali kkonċernati, tkun tneħħiet mil-lista ta' mard; jew

(b)

evidenza xjentifika tindika li l-ispeċijiet jew il-gruppi ta' speċijiet ikkonċernati ma għadhomx jissodisfaw il-kriterji stipulati fil-paragrafu 3.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

Artikolu 9

Regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li għandhom jiġu applikati għal kategoriji differenti ta' mard elenkat

1.   Ir-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard għandhom japplikaw għal mard elenkat kif ġej:

(a)

Fir-rigward ta' mard elenkat li normalment ma jseħħx fl-Unjoni, u li għalih iridu jittieħdu miżuri ta' eradikazzjoni immedjati hekk kif jiġi skopert, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin, fejn rilevanti:

(i)

ir-regoli għal għarfien u tħejjija għall-mard previsti fit-Titolu I tal-Parti III (l-Artikoli 43 sa 52);

(ii)

il-miżuri ta' kontroll tal-mard previsti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu II tal-Parti III; (l-Artikoli 53 sa 71); u

(iii)

ir-regoli għal kompartimentalizzazzjoni previsti fl-Artikolu 37(1).

Għal dak il-mard elenkat, għandhom japplikaw ukoll, fejn rilevanti, il-miżuri msemmija fil-punt (b), kif adatt, kif ukoll fil-punti (d) u (e).

(b)

Fir-rigward ta' mard elenkat li għandu jiġi kkontrollat fl-Istati Membri kollha bil-għan tal-eradikazzjoni tiegħu kullimkien fl-Unjoni, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin, fejn rilevanti:

(i)

ir-regoli għal programmi obbligatorji ta' eradikazzjoni previsti fl-Artikolu 31(1);

(ii)

ir-regoli għal Stati Membri u żoni ħielsa minn mard previsti fl-Artikolu 36;

(iii)

ir-regoli għal kompartimentalizzazzjoni previsti fl-Artikolu 37(2); u

(iv)

il-miżuri għall-kontroll tal-mard previsti fl-Artikoli 72 sa 75, l-Artikoli 77 sa 79 u l-Artikoli 81 u 83.

Għal dak il-mard elenkat, għandhom japplikaw ukoll il-miżuri msemmija fil-punti (d) u (e), fejn rilevanti.

(c)

Fir-rigward ta' mard elenkat li huwa ta' rilevanza għal xi wħud mill-Istati Membri u li għalih huma meħtieġa miżuri biex iwaqqfuh milli jinfirex għal partijiet tal-Unjoni li huma uffiċjalment ħielsa mill-mard jew li għandhom programmi ta' eradikazzjoni għall-marda kkonċernata elenkata, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin, fejn rilevanti:

(i)

ir-regoli għal eradikazzjoni fakultattiva previsti fl-Artikolu 31(2);

(ii)

ir-regoli għal Stati Membri u żoni ħielsa minn mard previsti fl-Artikolu 36;

(iii)

ir-regoli għal kompartimentalizzazzjoni previsti fl-Artikolu 37(2); u

(iv)

ir-regoli għal miżuri ta' kontroll tal-mard previsti fl-Artikoli 76, 77, 78, 80, 82 u 83.

Għal dak il-mard elenkat, għandhom japplikaw ukoll il-miżuri msemmija fil-punti (d) u (e), fejn rilevanti.

(d)

Fir-rigward ta' mard elenkat li għalih huma meħtieġa miżuri biex iwaqqfuh milli jinfirex minħabba d-dħul tiegħu fl-Unjoni jew moviment bejn l-Istati Membri,ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw, kif rilevanti:

(i)

ir-regoli għal moviment fl-Unjoni previst fil-Kapitoli 3 sa 6 tat-Titolu I (l-Artikoli 124 sa169), il-Kapitoli 2 u 3 tat-Titolu II tal-Parti IV (l-Artikoli 191 sa 225) u l-Kapitoli 2 u 3 tal-Parti VI (l-Artikoli 247 sa 251); u

(ii)

ir-regoli għal dħul fl-Unjoni u l-esportazzjoni mill-Unjoni previsti fil-Parti V (l-Artikoli 229 sa 243).

Il-mard elenkat imsemmi fil-punti (a), (b) u (c) għandu wkoll jitqies bħala mard elenkat skont dan il-punt, kif ukoll dawk imsemmija fil-punt (e), fejn ir-riskju li tippreżenta l-marda inkwistjoni jista' jiġi mitigat b'mod effettiv u proporzjonat permezz ta' miżuri fir-rigward tal-movimenti ta' annimali u prodotti.

(e)

Fir-rigward ta' mard elenkat li għalih tinħtieġ sorveljanza fl-Unjoni, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin, fejn rilevanti:

(i)

ir-regoli għan-notifika u r-rapportar previsti fil-Kapitolu I tal-Parti II (l-Artikoli 18 sa 23);u

(ii)

ir-regoli għas-sorveljanza previsti fil-Kapitolu 2 tal-Parti II (l-Artikoli 24 sa 30).

Il-mard elenkat imsemmi fil-punti (a), (b) u (c) għandu wkoll jitqies bħala mard elenkat skont dan il-punt.

2.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tiddetermina l-applikazzjoni ta' regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard imsemmija fil-paragrafu 1 għall-mard elenkat rispettiv abbażi tal-kriterji stipulati fl-Anness IV, inkluż fid-dawl ta' data xjentifika sinifikanti li tkun għadha kif saret disponibbli.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

3.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, timmodifika l-applikazzjoni tar-regoli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard imsemmija fil-paragrafu 2 għall-mard elenkat rispettiv meta l-marda inkwistjoni ma tkunx għadha tissodisfa l-kriterji previsti fit-Taqsima rilevanti tal-Anness IV, inkluż fid-dawl ta' data xjentifika sinifikanti li tkun għadha kif saret disponibbli.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

4.   Għal raġunijiet imperattivi debitament ġustifikati ta' urġenza relatati ma' mard elenkat li jirrappreżenta riskju emerġenti b'impatt sinifikattivament għoli, il-Kummissjoni għandha tadotta minnufih atti ta' implimentazzjoni applikabbli f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 266(3).

KAPITOLU 3

Responsabbiltajiet għas-saħħa tal-annimali

Taqsima 1

Operaturi, professjonisti tal-annimali u dawk li jżommu l-annimali domestiċi

Artikolu 10

Responsabbiltajiet għas-saħħa tal-annimali u miżuri ta' bijosigurtà

1.   L-operaturi għandhom:

(a)

b'rabta mal-annimali miżmuma u l-prodotti taħt ir-responsabbiltà tagħhom, ikunu responsabbli għal:

(i)

is-saħħa tal-annimali miżmuma;

(ii)

użu prudenti u responsabbli tal-mediċini veterinarji, mingħajr preġudizzju għar-rwol u r-responsabbiltà tal-veterinarji,

(iii)

il-minimizzar tar-riskju tat-tixrid tal-mard;

(iv)

trobbija tajba tal-annimali;

(b)

fejn xieraq, jieħdu tali miżuri ta' bijosigurtà b'rabta mal-annimali, u l-prodotti miżmuma taħt ir-responsabbiltà tagħhom, kif inhuma adattati għal:

(i)

l-ispeċijiet u l-kategoriji ta' annimali u prodotti miżmuma;

(ii)

it-tip ta' produzzjoni; u

(iii)

ir-riskji involuti, b'kont meħud ta':

il-post ġeografiku u l-kondizzjonijiet klimatiċi; u

iċ-ċirkostanzi u l-prattiki lokali;

(c)

fejn adatt, jieħdu miżuri ta' bijosigurtà b'rabta mal-annimali selvaġġi.

2.   Il-professjonisti tal-annimali għandhom jieħdu azzjoni biex jiġi minimizzat ir-riskju ta' tixrid ta' mard fil-kuntest tar-relazzjoni tax-xogħol tagħhom mal-annimali u l-prodotti.

3.   Il-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu japplika wkoll għal min iżomm l-annimali domestiċi.

4.   Il-miżuri ta' bijosigurtà msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom jiġu implimentati, kif adatt, permezz ta':

(a)

miżuri għall-protezzjoni fiżika, li jistgħu jinkludu:

(i)

ħitan li jagħlqu, ċnut, soqfa, xbieki, kif adatt;

(ii)

it-tindif, id-diżinfezzjoni u l-kontroll ta' insetti u rodituri;

(iii)

fil-każ ta' annimali akkwatiċi, fejn adatt:

miżuri dwar il-provvista u l-iskariku tal-ilma;

barrieri naturali jew artifiċjali għal kanali tal-ilma fil-qrib li ma jħallux lill-annimali akkwatiċi milli jidħlu jew joħorġu mill-istabbiliment ikkonċernat, inkluż miżuri kontra l-għargħar jew l-infiltrazzjoni tal-ilma minn kanali tal-ilma fil-qrib;

(b)

miżuri ta' ġestjoni, li jistgħu jinkludu:

(i)

proċeduri għad-dħul ġewwa stabbiliment għal annimali, prodotti, vetturi u persuni u l-ħruġ minnhom;

(ii)

proċeduri għall-użu tat-tagħmir;

(iii)

kondizzjonijiet għall-moviment ibbażati fuq ir-riskji involuti;

(iv)

kondizzjonijiet għall-introduzzjoni ta' annimali jew prodotti fl-istabbiliment;

(v)

kwarantina, iżolament jew separazzjoni ta' annimali morda jew li jkunu għadhom kif ġew introdotti;

(vi)

sistema għar-rimi sikur ta' annimali mejta u prodotti sekondarji oħrajn tal-annimali.

5.   L-operaturi, il-professjonisti tal-annimali u dawk li jżommu l-annimali domestiċi għandhom jikkooperaw mal-awtorità kompetenti u l-veterinarji fl-applikazzjoni ta' miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard previsti f'dan ir-Regolament.

6.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi rekwiżiti minimi meħtieġa għall-applikazzjoni uniformi ta' dan l-Artikolu.

Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jirriflettu l-kwistjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

Artikolu 11

Għarfien tas-saħħa tal-annimali

1.   L-operaturi u l-professjonisti tal-annimali għandu jkollhom għarfien adegwat dwar:

(a)

il-mard tal-annimali, inkluż dak li huwa trasmissibbli lill-bnedmin;

(b)

il-prinċipji ta' bijosigurtà;

(c)

l-interazzjoni bejn is-saħħa tal-annimali, il-benessri tal-annimali u s-saħħa tal-bniedem;

(d)

prattiki tajba marbutin mat-trobbija tal-annimali għall-ispeċijiet tal-annimali taħt il-kura tagħhom;

(e)

reżistenza għat-trattamenti, inkluż ir-reżistenza antimikrobika, u l-implikazzjonijiet tagħha.

2.   Il-kontenut u l-livell ta' għarfien meħtieġa skont il-paragrafu 1 għandhom jiddependu minn:

(a)

l-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali jew il-prodotti miżmuma taħt ir-responsabbiltà tal-operaturi u l-professjonisti tal-annimali kkonċernati u n-natura tar-relazzjoni tax-xogħol tagħhom ma' dawk l-annimali jew il-prodotti;

(b)

it-tip ta' produzzjoni;

(c)

il-kompiti mwettqa.

3.   L-għarfien previst fil-paragrafu 1 għandu jinkiseb f'wieħed minn dawn il-modi li ġejjin:

(a)

esperjenza professjonali jew taħriġ;

(b)

programmi eżistenti f'setturi agrikoli jew tal-akkwakultura li huma rilevanti għas-saħħa tal-annimali;

(c)

edukazzjoni formali;

(d)

esperjenza oħra jew taħriġ ieħor li jirriżulta fl-istess livell ta' għarfien bħal dak kopert fil-punti (a), (b) jew (c).

4.   L-operaturi li jbiegħu jew b'xi mod ieħor jittrasferixxu s-sjieda ta' annimali domestiċi futuri għandhom jipprovdu informazzjoni bażika lil dak li ser iżomm l-annimal domestiku fil-futur, rigward il-materji msemmija fil-paragrafu 1, fejn rilevanti għall-annimal domestiku inkwistjoni.

Taqsima 2

Veterinarji u professjonisti tas-saħħa tal-annimali akkwatiċi

Artikolu 12

Responsabbiltajiet ta' veterinarji u professjonisti tas-saħħa tal-annimali akkwatiċi

1.   Il-veterinarji għandhom fil-qadi tal-attivitajiet tagħhom li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament:

(a)

jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jipprevjenu l-introduzzjoni, l-iżvilupp u t-tixrid ta' mard;

(b)

jieħdu azzjoni biex jiżguraw l-iskoperta bikrija tal-mard billi jwettqu dijanjosi kif suppost u dijanjosi differenzjali sabiex tiġi eskluża jew ikkonfermata marda;

(c)

ikollhom rwol attiv:

(i)

biex iqajmu kuxjenza dwar is-saħħa tal-annimali, u għarfien dwar l-interazzjoni bejn is-saħħa tal-annimali, il-benessri tal-annimali u s-saħħa tal-bniedem;

(ii)

fil-prevenzjoni tal-mard;

(iii)

fl-iskoperta bikrija ta', u reazzjoni rapida għal mard;

(iv)

biex iqajmu kuxjenza dwar ir-reżistenza għat-trattamenti, inkluż ir-reżistenza antimikrobika, u l-implikazzjonijiet tagħha;

(d)

il-kooperazzjoni mal-awtorità kompetenti, l-operaturi, professjonisti tal-annimali u dawk li jżommu l-annimali domestiċi fl-applikazzjoni ta' miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard previsti f'dan ir-Regolament.

2.   Il-professjonisti tas-saħħa tal-annimali akkwatiċi jistgħu jwettqu attivitajiet li jingħataw lill-veterinarji skont dan ir-Regolament b'rabta mal-annimali akkwatiċi, dment li dawn ikunu awtorizzati li jagħmlu dan mill-Istat Membru kkonċernat skont il-liġi nazzjonali tiegħu. F'dak il-każ, il-paragrafu 1 għandu japplika għal dawk il-professjonisti tas-saħħa tal-annimali akkwatiċi.

3.   Il-veterinarji u l-professjonisti tas-saħħa tal-annimali akkwatiċi għandhom iżommu u jiżviluppaw il-kapaċitajiet professjonali tagħhom b'rabta mal-oqsma ta' attivitajiet tagħhom li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament.

Taqsima 3

Stati Membri

Artikolu 13

Responsabbiltajiet tal-Istati Membri

1.   Sabiex jiżguraw li l-awtorità kompetenti għas-saħħa tal-annimali għandha l-kapaċità li tieħu l-miżuri meħtieġa u xierqa, u sabiex twettaq l-attivitajiet, kif meħtieġ minn dan ir-Regolament, kull Stat Membru għandu, fil-livell amministrattiv adatt, jiżgura li l-awtorità kompetenti jkollha:

(a)

persunal kwalifikat, faċilitajiet, tagħmir, riżorsi finanzjarji u ta' organizzazzjoni effettivi li tkopri t-territorju kollu tal-Istat Membru;

(b)

aċċess għal laboratorji li jkollhom il-persunal kwalifikat, faċilitajiet, tagħmir u riżorsi finanzjarji meħtieġa biex tkun żgurata d-dijanjosi preċiża u rapida u d-dijanjosi differenzjali tal-mard elenkat u l-mard emerġenti;

(c)

veterinarji suffiċjentement imħarrġa involuti fit-twettiq tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 12.

2.   L-Istati Membri għandhom iħeġġu lill-operaturi u l-professjonisti tal-annimali biex jakkwistaw, iżommu u jiżviluppaw għarfien adegwat dwar is-saħħa tal-annimali kif previst fl-Artikolu 11 permezz ta' programmi rilevanti f'setturi agrikoli jew tal-akkwakultura jew bl-edukazzjoni formali.

Artikolu 14

Delega minn awtorità kompetenti ta' attivitajiet uffiċjali

1.   L-awtorità kompetenti tista' tiddelega waħda jew aktar mill-attivitajiet li ġejjin lil veterinarji li mhumiex veterinarji uffiċjali:

(a)

l-applikazzjoni prattika ta' miżuri taħt il-programmi ta' eradikazzjoni kif previst fl-Artikolu 32;

(b)

l-appoġġ għall-awtorità kompetenti fit-twettiq ta' sorveljanza kif previst fl-Artikolu 26 jew fir-rigward tal-programmi ta' sorveljanza kif previst fl-Artikolu 28;

(c)

l-attivitajiet marbuta ma':

(i)

kuxjenza dwar il-mard, tħejjija u kontroll kif previst fil-Parti III, dwar:

attivitajiet ta' teħid ta' kampjuni u l-implimentazzjoni ta' investigazzjonijiet u inkjesti epidemjoloġiċi fi ħdan il-qafas tal-Artikolu 54, il-punti (b) sa (g) tal-Artikolu 55(1), u l-Artikoli 57, 73, 74, 79 u 80 fil-każ tal-preżenza suspetta ta' marda, u kwalunkwe att ta' implimentazzjoni u ta' delega adottat skont dawk l-Artikoli;

it-twettiq ta' attivitajiet li jirrigwardaw miżuri ta' kontroll tal-mard fil-każ ta' tifqigħa tal-mard, fir-rigward tal-attivitajiet elenkati fl-Artikolu 61, il-punti (a), (b), (e), (f) u (i) tal-Artikolu 65(1), l-Artikolu 70(1), l-Artikoli 79 u 80, u l-Artikolu 81(1) u (2), u kwalunkwe att ta' implimentazzjoni u ta' delega adottat skont dawk l-Artikoli;

it-twettiq ta' tilqim ta' emerġenza skont l-Artikolu 69;

(ii)

ir-reġistrazzjoni, l-approvazzjoni, it-traċċabbiltà u l-movimenti kif previst fil-Parti IV;

(iii)

il-ħruġ u mili ta' dokumenti ta' identifikazzjoni għal annimali domestiċi kif previst fil-punt (c) tal-Artikolu 247, il-punt (c) tal-Artikolu 248(2), il-punt (c) tal-Artikolu 249(1) u l-punt (c) tal-Artikolu 250(2);

(iv)

l-applikazzjoni u l-użu ta' mezzi ta' identifikazzjoni kif imsemmi fil-punt (a)(ii) tal-Artikolu 252(1).

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li persuni fiżiċi jew ġuridiċi jiġu awtorizzati biex iwettqu l-attivitajiet imsemmija fil-punti (a), (b) u (c)(i), (ii) u (iv) tal-paragrafu 1 għal kompiti identifikati speċifikament li dawk il-persuni jkollhom biżżejjed għarfien speċifiku dwarhom. F'dak l-każ, il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u r-responsabbiltajiet stipulati fl-Artikolu 12 għandhom japplikaw għal dawk il-persuni.

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264, rigward attivitajiet oħra li jistgħu jiġu delegati lill-veterinarji flimkien ma' dawk previsti fil-paragrafu 1, u, kif xieraq, li tippreskrivi ċ-ċirkostanzi u l-kondizzjonijiet meħtieġa għal tali delega.

Il-Kummissjoni għandha tqis in-natura ta' dawk l-attivitajiet u tal-istandards internazzjonali rilevanti meta tadotta dawk l-atti delegati.

Artikolu 15

Informazzjoni pubblika

Fejn ikun hemm raġunijiet ġustifikabbli ta' suspett li l-annimali jew il-prodotti li joriġinaw mill-Unjoni jew li jidħlu minn barra l-Unjoni jistgħu jippreżentaw riskju, l-awtorità kompetenti għandha tieħu l-passi xierqa biex tinforma lill-pubbliku dwar in-natura tar-riskju u l-miżuri li jkunu ser jittieħdu jew li dalwaqt ser jittieħdu biex jiġi skansat jew ikkontrollat dak ir-riskju, b'kont meħud tan-natura, is-serjetà u l-firxa ta' dak ir-riskju u l-interess pubbliku li dan jiġi infurmat.

Taqsima 4

Laboratorji, faċilitajiet u persuni fiżiċi u ġuridiċi oħrajn li jkollhom x'jaqsmu ma' aġenti tal-mard, tilqim u prodotti bijoloġiċi oħra

Artikolu 16

L-obbligi ta' laboratorji, faċilitajiet u oħrajn li jkollhom x'jaqsmu ma' aġenti tal-mard, tilqim u prodotti bijoloġiċi oħra

1.   Il-laboratorji, faċilitajiet u persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħrajn li jkollhom x'jaqsmu ma' aġenti tal-mard għall-iskop ta' riċerka, edukazzjoni, dijanjosi jew produzzjoni ta' tilqim u prodotti bijoloġiċi oħrajn għandhom, filwaqt li jiġu kkunsidrati kwalunkwe standards internazzjonali rilevanti:

(a)

jieħdu miżuri xierqa ta' bijosigurtà, bijosigurtà u bijokonteniment biex jipprevjenu l-ħrib tal-aġenti tal-mard u l-kuntatt sussegwenti tagħhom ma' annimali barra l-laboratorju jew faċilità oħra li jkollha x'taqsam ma' aġenti tal-mard għal dawk l-iskopijiet;

(b)

jiżguraw li l-moviment ta' aġenti tal-mard, tilqim u prodotti bijoloġiċi oħrajn bejn il-laboratorji jew faċilitajiet oħra ma jagħtix lok għal riskju tat-tixrid ta' mard elenkat u emerġenti.

2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264 dwar miżuri ta' sikurezza għall-prevenzjoni u l-kontroll ta' mard elenkat u emerġenti fir-rigward ta' laboratorji, faċilitajiet u persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra li jkollhom x'jaqsmu mal-aġenti tal-mard, tilqim u prodotti bijoloġiċi oħrajn f'dak li għandu x'jaqsam ma':

(a)

miżuri ta' bijosigurtà, bijosikurezza u bijokonteniment;

(b)

rekwiżiti ta' ġarr għal aġenti tal-mard, tilqim u prodotti bijoloġiċi oħrajn.

Artikolu 17

Laboratorji għas-saħħa tal-annimali

1.   Il-laboratorji uffiċjali għas-saħħa tal-annimali, li jikkonsistu mil-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni, il-laboratorji ta' referenza nazzjonali u l-laboratorji uffiċjali għas-saħħa tal-annimali, għandhom, fl-eżerċizzju tal-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħhom, jikkooperaw fi ħdan netwerk ta' laboratorji tal-Unjoni għas-saħħa tal-annimali.

2.   Il-laboratorji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkooperaw taħt il-koordinazzjoni tal-laboratorji ta' referenza tal-Unjoni, biex jiżguraw li s-sorveljanza, in-notifika u r-rapportar tal-mard, il-programmi ta' eradikazzjoni, id-definizzjoni ta' status ħieles minn mard, u l-movimenti ta' annimali u prodotti fl-Unjoni, id-dħul tagħhom fl-Unjoni u l-esportazzjoni tagħhom lejn pajjiżi terzi jew territorji, kif previst f'dan ir-Regolament, inkunu bbażati fuq analiżijiet, testijiet u dijanjosi tal-laboratorju li jkunu affidabbli, solidi u skont l-aħħar innovazzjonijiet teknoloġiċi.

3.   Ir-riżultati u r-rapporti pprovduti mil-laboratorji uffiċjali għandhom ikunu soġġetti għall-prinċipji ta' segretezza u kunfidenzjalità professjonali u l-obbligu ta' notifika lill-awtorità kompetenti li tkun ħatrithom, irrispettivament mill-persuna fiżika jew ġuridika li tkun talbet l-analiżijiet, it-testijiet jew id-dijanjosi.

4.   F'każ li laboratorju uffiċjali f'wieħed mill-Istati Membri jwettaq analiżijiet dijanjostiċi fuq kampjuni minn annimali li joriġinaw minn Stat Membru ieħor, dak il-laboratorju uffiċjali għandu jinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li minnu jkunu oriġinaw il-kampjuni:

(a)

immedjatament bi kwalunkwe riżultat li jindika s-suspett jew l-identifikazzjoni ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1);

(b)

mingħajr dewmien mhux dovut, bi kwalunkwe riżultat li jindika s-suspett jew l-identifikazzjoni ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 9(1) minbarra dawk imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1).

PARTI II

NOTIFIKA U RAPPORTAR TAL-MARD, SORVELJANZA, PROGRAMMI TA' ERADIKAZZJONI, STATUS TA' ĦELSIEN MINN MARD

KAPITOLU 1

Notifika u rapportar tal-mard

Artikolu 18

Notifika fl-Istati Membri

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li operaturi u persuni fiżiċi jew ġuridiċi rilevanti oħra:

(a)

jinnotifikaw immedjatament lill-awtorità kompetenti fejn ikun hemm kwalunkwe raġuni biex wieħed jissusspetta l-preżenza fl-annimali ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1), jew fejn tiġi skoperta l-preżenza ta' tali marda fl-annimali;

(b)

hekk kif ikun prattiku, jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti fejn ikun hemm kwalunkwe raġuni biex wieħed jissusspetta l-preżenza fl-annimali ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 9(1), minbarra dawk imsemmijin fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1), jew fejn tiġi skoperta l-preżenza ta' tali marda fl-annimali.

(c)

jinnotifikaw lill-veterinarju f'każ ta' mortalità mhux normali u sinjali oħrajn ta' mard serju jew tnaqqis sinifikanti fir-rati ta' produzzjoni b'kawża indeterminata, biex titwettaq iktar investigazzjoni, inkluż it-teħid ta' kampjuni għal eżami fil-laboratorju meta dan ikun meħtieġ skont is-sitwazzjoni.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li n-notifiki previsti fil-punt (c) tal-paragrafu 1 jistgħu jiġu mgħoddija lill-awtorità kompetenti.

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264 dwar:

(a)

kriterji sabiex jiġi determinat jekk seħħewx iċ-ċirkostanzi li jeħtieġu n-notifika deskritta fil-punt (c) tal-paragrafu 1;

(b)

regoli dettaljati għal aktar investigazzjoni kif previst fil-punt (c) tal-paragrafu 1.

Artikolu 19

Notifika lill-Unjoni

1.   L-Istati Membri għandhom javżaw minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe tifqigħa ta' mard elenkat kif imsemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 9(1) li għalihom notifika immedjata hija meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni f'waqtha tal-miżuri meħtieġa għall-ġestjoni tar-riskju, filwaqt li jqisu l-profil tal-marda.

2.   In-notifika prevista fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja dwar it-tifqigħa:

(a)

l-aġent tal-marda u, fejn relevanti, is-sottotip;

(b)

id-dati rilevanti, b'mod partikolari dawk meta ġiet issusspettata u meta ġiet ikkonfermata t-tifqigħa;

(c)

it-tip u l-post tat-tifqigħa;

(d)

kwalunkwe tifqigħa relatata;

(e)

l-annimali involuti fit-tifqigħa;

(f)

kwalunkwe miżura ta' kontroll tal-mard meħuda f'relazzjoni mat-tifqigħa;

(g)

l-oriġini magħrufa jew possibbli tal-marda elenkata;

(h)

il-metodi ta' dijanjosi użati.

Artikolu 20

Rapportar lill-Unjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra informazzjoni dwar mard elenkat imsemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 9(1) li għalih:

(a)

mhijiex meħtieġa notifika immedjata ta' tifqigħa skont l-Artikolu 19(1);

(b)

notifika immedjata ta' tifqigħa tkun meħtieġa skont l-Artikolu 19(1), iżda tinħtieġ informazzjoni addizzjonali biex tiġi rrappurtata lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar:

(i)

sorveljanza f'konformità mar-regoli stipulati f'att ta' implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 30;

(ii)

programm ta' eradikazzjoni skont ir-regoli stabbiliti f'att ta' implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 35.

2.   Ir-rapporti previsti fil-paragrafu 1 għandhom jinkludi l-informazzjoni dwar:

(a)

l-iskoperta tal-mard elenkat imsemmi fil-paragrafu 1;

(b)

ir-riżultati tas-sorveljanza meta jkunu meħtieġa skont ir-regoli adottati skont il-punt (d)(ii) tal-Artikolu 29 jew il-punt (b)(ii) tal-Artikolu 30(1);

(c)

ir-riżultati tal-programmi ta' sorveljanza meta meħtieġa skont l-Artikolu 28(3) u r-regoli adottati skont il-punt (d)(ii) tal-Artikolu 29 jew il-punt (b)(ii) tal-Artikolu 30(1);

(d)

programmi ta' eradikazzjoni meta meħtieġ skont l-Artikolu 34 u r-regoli stabbiliti f'att ta' implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 35.

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264 rigward dispożizzjonijiet li jissupplimentaw ir-rekwiżiti tal-paragrafu 2 u r-rapportar dwar kwistjonijiet oħra li jirrigwardaw is-sorveljanza u l-programmi ta' eradikazzjoni fejn meħtieġ sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effiċjenti tar-regoli dwar il-prevenzjoni tal-mard u tar-regoli dwar il-kontroll tal-mard stipulati f'dan ir-Regolament.

Artikolu 21

Reġjuni ta' notifika u rapportar

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu reġjuni ta' notifika u rapportar għall-fini tan-notifika u r-rapportar previsti fl-Artikoli 19 u 20.

Artikolu 22

Sistema ta' informazzjoni kompjuterizzata għan-notifika lill-Unjoni u r-rapportar ta' mard mill-Unjoni

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tamministra sistema ta' informazzjoni kompjuterizzata għat-tħaddim tal-mekkaniżmi u l-għodod għar-rekwiżiti tan-notifika u r-rapportar previsti fl-Artikoli 19, 20 u 21.

Artikolu 23

Setgħat ta' implimentazzjoni rigward in-notifika fl-Unjoni u r-rapportar fl-Unjoni u s-sistema ta' informazzjoni kompjuterizzata

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi r-regoli għar-rekwiżiti tan-notifika u r-rapportar u s-sistema ta' informazzjoni kompjuterizzata previsti fl-Artikoli 19 sa 22 fir-rigward ta':

(a)

dak il-mard elenkat imsemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 9(1) li għandu jkun soġġett għal notifika immedjata mill-Istati Membri kif ukoll il-miżuri meħtieġa relatati man-notifika, skont l-Artikolu 19;

(b)

l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri fir-rapportar previst fl-Artikolu 20;

(c)

proċeduri għall-istabbiliment u l-użu ta' sistema ta' informazzjoni kompjuterizzata prevista fl-Artikolu 22 u l-miżuri transizzjonali għall-migrazzjoni tad-data u l-informazzjoni minn sistemi eżistenti għas-sistema l-ġdida u l-operabbiltà sħiħa tagħha;

(d)

il-format u l-istruttura tad-data li tiddaħħal fis-sistema ta' informazzjoni kompjuterizzata prevista fl-Artikolu 22;

(e)

l-iskadenzi u l-frekwenzi tan-notifika u r-rapportar previsti fl-Artikoli 19 u 20, li għandhom isiru fi żminijiet u frekwenzi li jiżguraw it-trasparenza u l-applikazzjoni f'waqtha tal-miżuri meħtieġa għall-ġestjoni tar-riskji, abbażi tal-profil tal-marda u t-tip ta' tifqigħa.

(f)

l-elenkar tar-reġjuni ta' notifika u rapportar previsti fl-Artikolu 21.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

KAPITOLU 2

Sorveljanza

Artikolu 24

L-obbligu tal-operaturi fir-rigward tas-sorveljanza

Għall-iskop li tiġi identifikata l-preżenza tal-mard elenkat u mard emerġenti, l-operaturi għandhom:

(a)

josservaw is-saħħa u l-imġiba tal-annimali taħt ir-responsabbiltà tagħhom;

(b)

josservaw kwalunkwe bidla fil-parametri tal-produzzjoni normali fl-istabbilimenti, l-annimali jew il-prodotti ġerminali taħt ir-responsabbiltà tagħhom li jafu jagħtu lok għal suspett li ġew ikkawżati minn xi marda elenkata jew emerġenti;

(c)

ifittxu sinjali ta' mortalità mhux normali u sinjali oħrajn ta' mard serju fl-annimali taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

Artikolu 25

Viżti tas-saħħa tal-annimali

1.   L-operaturi għandhom jiżguraw li l-istabbilimenti taħt ir-responsabbiltà tagħhom jirċievu l-viżti tas-saħħa tal-annimali minn veterinarju meta hu xieraq minħabba r-riskji maħluqa mill-istabbiliment inkwistjoni, filwaqt li jitqiesu:

(a)

it-tip ta' stabbiliment;

(b)

l-ispeċi u l-kategoriji ta' annimali miżmuma fl-istabbiliment;

(c)

is-sitwazzjoni epidemjoloġika fiż-żona jew ir-reġjun fir-rigward tal-mard elenkat u emerġenti li jkunu suxxettibbli għalih l-annimali fl-istabbiliment;

(d)

kwalunkwe tip ta' sorveljanza oħra rilevanti, jew kontrolli uffiċjali li l-annimali miżmuma u t-tip ta' stabbiliment huma suġġetti għalihom.

Tali viżti tas-saħħa tal-annimali għandhom isiru fi frekwenzi li huma proporzjonati mar-riskju impost mill-istabbiliment ikkonċernat.

Dawn jistgħu jiġu kkombinati ma' viżti għal skopijiet oħra.

2.   Il-viżti tas-saħħa tal-annimali previsti fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mwettqa għall-fini tal-prevenzjoni tal-mard, b'mod partikolari permezz ta':

(a)

l-għoti ta' pariri lill-operatur ikkonċernat fuq kwistjonijiet ta' bijosigurtà u kwistjonijiet oħrajn tas-saħħa tal-annimali, skont kif ikun rilevanti għat-tip ta' stabbiliment u l-ispeċi u l-kategoriji ta' annimali miżmuma fl-istabbiliment.

(b)

l-iskoperta ta' sinjali li jindikaw l-okkorrenza ta' mard elenkat jew mard emerġenti, u informazzjoni dwarhom;

3.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi rekwiżiti minimi meħtieġa għall-applikazzjoni uniformi ta' dan l-Artikolu.

Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

Artikolu 26

Obbligu ta' sorveljanza tal-awtorità kompetenti

1.   L-awtorità kompetenti għandha twettaq sorveljanza biex tiskopri l-preżenza ta' mard elenkat kif imsemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 9(1) u mard emerġenti rilevanti.

2.   Is-sorveljanza għandha tkun imfassla b'mod li tiżgura l-iskoperta f'waqtha tal-preżenza ta' mard elenkat imsemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 9(1) u mard emerġenti permezz tal-ġbir, it-tqabbil u l-analiżi ta' informazzjoni rilevanti dwar is-sitwazzjoni tal-marda.

3.   L-awtorità kompetenti għandha, kull meta possibbli u xieraq, tagħmel użu mir-riżultati tas-sorveljanza mwettqa mill-operaturi u l-informazzjoni miksuba permezz tal-viżti tas-saħħa tal-annimali skont l-Artikoli 24 u 25, rispettivament.

4   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li s-sorveljanza tissodisfa r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 27 u fi kwalunkwe regola adottata skont il-punt (a) tal-Artikolu 29.

5.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-informazzjoni li tinkiseb permezz tas-sorveljanza prevista fil-paragrafu 1 tinġabar u tintuża b'mod effettiv u effiċjenti.

Artikolu 27

Metodoloġija, frekwenza u intensità tas-sorveljanza

It-tfassil, il-mezzi, il-metodi dijanjostiċi, il-frekwenza, l-intensità, il-popolazzjoni tal-annimali fil-mira, u t-teħid ta' kampjuni għas-sorveljanza previsti fl-Artikolu 26 għandhom ikunu xierqa u proporzjonati mal-objettivi tas-sorveljanza, b'konsiderazzjoni ta':

(a)

il-profil tal-marda;

(b)

il-fatturi ta' riskju involuti;

(c)

l-istatus tas-saħħa:

(i)

fl-Istat Membru, fiż-żona jew fil-kompartiment tiegħu soġġett għas-sorveljanza;

(ii)

fl-Istati Membri u fil-pajjiżi jew fit-territorji terzi, li jew għandhom fruntiera ma' dak l-Istat Membru, żona jew kompartiment tiegħu, jew li minnu l-annimali u l-prodotti jidħlu hemmhekk;

(d)

is-sorveljanza mwettqa mill-operaturi skont l-Artikolu 24, inklużi l-viżti tas-saħħa tal-annimali kif imsemmi fl-Artikolu 25, jew minn awtoritajiet pubbliċi oħra.

Artikolu 28

Programmi ta' sorveljanza tal-Unjoni

1.   L-awtorità kompetenti għandha twettaq is-sorveljanza kif previst fl-Artikolu 26(1) fil-qafas ta' programm ta' sorveljanza, meta marda tkun rilevanti għall-Unjoni f'konformità mal-punt (c) tal-Artikolu 29.

2.   L-Istati Membri li jistabbilixxu programm ta' sorveljanza skont il-paragrafu 1 għandhom jippreżentawh lill-Kummissjoni.

3.   L-Istati Membri li jimplimentaw programm ta' sorveljanza skont il-paragrafu 1 għandhom jissottomettu rapporti regolari dwar ir-riżultati tal-implimentazzjoni ta' dak il-programm lill-Kummissjoni.

Artikolu 29

Delega tas-setgħat

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264:

(a)

it-tfassil, il-mezzi, il-metodi dijanjostiċi, il-frekwenza, l-intensità, il-popolazzjoni tal-annimali fil-mira, u t-teħid ta' kampjuni għas-sorveljanza kif previsti fl-Artikolu 27;

(b)

il-kriterji għall-konferma uffiċjali u definizzjonijiet tal-każi ta' mard elenkat kif imsemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 9(1) u, fejn rilevanti, ta' mard emerġenti;

(c)

il-kriterji użati biex tiġi stabbilita r-rilevanza ta' marda li għandha tkun soġġetta għal programm ta' sorveljanza rilevanti għall-Unjoni għall-finijiet tal-punt (a) tal-Artikolu 30(1), b'kont meħud tal-profil tal-marda u tal-fatturi ta' riskju involuti;

(d)

rekwiżiti għal programmi ta' sorveljanza kif previst fl-Artikolu 28(1) rigward:

(i)

il-kontenut ta' programmi ta' sorveljanza;

(ii)

l-informazzjoni li għandha tkun inkluża fis-sottomissjoni ta' programmi ta' sorveljanza skont l-Artikolu 28(2) u r-rapporti regolari skont l-Artikolu 28(3);

(iii)

il-perijodu ta' applikazzjoni tal-programmi ta' sorveljanza.

Artikolu 30

Setgħat ta' implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistipula r-rekwiżiti li jikkonċernaw is-sorveljanza u l-programmi ta' sorveljanza kif previst fl-Artikoli 26 u 28 u fir-regoli adottati skont l-Artikolu 29, rigward:

(a)

l-istabbiliment ta' liema mard elenkat imsemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 9(1) għandu jkun soġġett għal programmi ta' sorveljanza f'konformità mal-Artikolu 28, inkluż l-ambitu ġeografiku ta' tali programmi;

(b)

il-format u l-proċedura għal:

(i)

il-preżentazzjoni ta' dawk il-programmi ta' sorveljanza għal informazzjoni lill-Kummissjoni u lil Stati Membri oħra;

(ii)

ir-rapportar lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati tas-sorveljanza.

2.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi l-kriterji li għandhom jintużaw għall-evalwazzjoni tal-programmi ta' sorveljanza msemmija fl-Artikolu 28.

3.   L-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

KAPITOLU 3

Programmi ta' eradikazzjoni

Artikolu 31

Programmi ta' eradikazzjoni obbligatorji u fakultattivi

1.   L-Istati Membri li mhumiex ħielsa, jew mhux magħrufa bħala ħielsa, minn waħda jew aktar mill-mard elenkat imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 9(1) fit-territorju tagħhom, jew f'żoni jew f'kompartimenti minnhom, għandhom:

(a)

jistabbilixxu programm għall-eradikazzjoni ta' dik il-marda elenkata, jew turija ta' ħelsien minnha, li għandu jitwettaq fil-popolazzjonijiet tal-annimali kkonċernati minn dik il-marda u li jkopru l-partijiet rilevanti tat-territorju tagħhom jew żoni jew kompartimenti rilevanti tagħhom ('programm obbligatorju ta' eradikazzjoni'), li għandu japplika sakemm il-kondizzjonijiet għall-għoti ta' status ta' ħelsien minn mard fit-territorju tal-Istat Membru jew żona kkonċernati, kif previst fl-Artikolu 36(1), jew kompartiment, kif previst fl-Artikolu 37(2), huma sodisfatti;

(b)

jippreżentaw l-abbozz tal-programm obbligatorju ta' eradikazzjoni lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni.

2.   L-Istati Membri li mhumiex ħielsa, jew mhux magħrufa bħala ħielsa, minn waħda jew aktar mill-mard elenkat imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 9(1) u li jiddeċiedu li jistabbilixxu programm għall-eradikazzjoni ta' dik il-marda elenkata, biex jitwettaq fil-popolazzjonijiet tal-annimali milquta mill-marda inkwistjoni u li jkopru l-partijiet rilevanti tat-territorju tagħhom jew iż-żoni tagħhom jew kompartimenti minnhom (“il-programm ta' eradikazzjoni fakultattiv”), għandhom jippreżenta abbozz ta' dak il-programm lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni, meta l-Istat Membru ikkonċernat jitlob ir-rikonoxximent, fl-Unjoni, tal-garanziji tas-saħħa tal-annimali fir-rigward tal-marda inkwistjoni għal movimenti ta' annimali jew prodotti.

Tali programm ta' eradikazzjoni fakultattiv għandu japplika sakemm:

(a)

jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet għall-għoti ta' status ta' ħelsien minn mard fit-territorju tal-Istat Membru jew żona kkonċernati, kif previst fl-Artikolu 36(1), jew il-kompartiment, kif previst fl-Artikolu 37(2); jew

(b)

jiġi stabbilit li l-kondizzjonijiet li għall-għoti ta' status ta' ħelsien minn mard ma jistgħux jiġu sodisfatti u li l-programm ma jibqax jissodisfa l-għan tiegħu; jew

(c)

l-Istat Membru kkonċernat jirtira l-programm.

3.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tapprova:

(a)

abbozz ta' programmi obbligatorji ta' eradikazzjoni sottomessi għall-approvazzjoni tagħha skont il-paragrafu 1;

(b)

abbozz ta' programmi ta' eradikazzjoni fakultattivi ppreżentati għall-approvazzjoni tagħha skont il-paragrafu 2,

jekk il-kondizzjonijiet stipulati f'dan il-Kapitolu jiġu ssodisfati.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

4.   Għal raġunijiet imperattivi debitament ġustifikati ta' urġenza relatati ma' mard elenkat li jirrappreżenta riskju li għandu impatt sinifikanti għoli, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni applikabbli b'mod immedjat previsti fil-punt (a) tal-paragrafu (3) ta' dan l-Artikolu skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 266(3).

Il-Kummissjoni tista', għal raġunijiet debitament ġustifikati, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tapprova emenda proposta mill-Istat Membru kkonċernat jew tirtira l-approvazzjoni ta' programmi ta' eradikazzjoni approvati skont il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu. Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

5.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264 dwar:

(a)

l-istrateġiji għall-kontroll tal-mard, miri intermedji u finali għal mard speċifiku, u perijodu ta' applikazzjoni ta' programmi ta' eradikazzjoni;

(b)

derogi mir-rekwiżit għall-preżentazzjoni ta' programmi ta' eradikazzjoni għall-approvazzjoni, kif previst fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u fil-paragrafu 2 tiegħu, fejn tali approvazzjoni ma tkunx neċessarja minħabba l-adozzjoni ta' regoli dwar dawk il-programmi skont l-Artikoli 32(2) u 35;

(c)

l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar derogi mir-rekwiżit għal approvazzjoni ta' programmi ta' eradikazzjoni kif previsti fil-punt (b) ta' dan il-paragrafu.

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264 biex temenda jew ittemm regoli adottati skont il-punt (b) ta' dan il-paragrafu.

Artikolu 32

Miżuri taħt programmi ta' eradikazzjoni obbligatorji u fakultattivi

1.   Il-programmi ta' eradikazzjoni għandhom jikkonsistu f'tal-anqas dawn il-miżuri li ġejjin:

(a)

miżuri ta' kontroll tal-mard biex jinqered l-aġent tal-marda minn stabbilimenti, kompartimenti u żoni fejn tfaqqa' marda u sabiex ma jerġax ikun hemm infezzjoni;

(b)

sorveljanza li għandha titwettaq f'konformità mar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 26 sa 30 li turi:

(i)

l-effettività tal-miżuri ta' kontroll tal-mard previsti f'punt (a);

(ii)

il-ħelsien mill-marda elenkata;

(c)

il-miżuri ta' kontroll tal-mard li għandhom jittieħdu fil-każ ta' riżultati ta' sorveljanza pożittivi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264 fir-rigward tal-elementi li ġejjin biex tiġi żgurata l-effettività tal-programmi ta' eradikazzjoni:

(a)

miżuri ta' kontroll tal-mard kif previsti fil-punt (a) tal-paragrafu 1;

(b)

miżuri ta' kontroll tal-mard li għandhom jittieħdu biex tiġi evitata infezzjoni mill-ġdid tal-popolazzjoni tal-annimali fil-mira bil-marda inkwistjoni fi stabbilimenti, żoni u kompartimenti;

(c)

it-tfassil, il-mezzi, il-metodi dijanjostiċi, il-frekwenza, l-intensità, il-popolazzjoni tal-annimali fil-mira, u t-teħid ta' kampjuni għas-sorveljanza;

(d)

il-miżuri ta' kontroll tal-mard li għandhom jittieħdu fil-każ ta' riżultati ta' sorveljanza pożittivi għall-marda elenkata kif previst fil-punt (c) tal-paragrafu 1;

(e)

kriterji għat-tilqim, fejn rilevanti u adatt għall-mard jew speċi inkwistjoni.

Artikolu 33

Il-kontenut tal-programmi ta' eradikazzjoni obbligatorji u fakultattivi ppreżentati għall-approvazzjoni lill-Kummissjoni

L-Istati Membri għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja f'applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta' programmi ta' eradikazzjoni obbligatorji u fakultattivi ppreżentati lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 31(1) u (2):

(a)

deskrizzjoni tas-sitwazzjoni epidemjoloġika tal-marda elenkata koperta mill-programm ta' eradikazzjoni obbligatorju jew fakultattiv inkwistjoni;

(b)

deskrizzjoni u demarkazzjoni taż-żona ġeografika u amministrattiva jew tal-kompartiment kopert mill-programm ta' eradikazzjoni;

(c)

deskrizzjoni tal-miżuri ta' kontroll tal-mard tal-programm ta' eradikazzjoni kif previst fl-Artikolu 32(1) u fir-regoli adottati skont l-Artikolu 32(2);

(d)

deskrizzjoni tal-organizzazzjoni, is-superviżjoni u r-rwoli tal-partijiet involuti fil-programm ta' eradikazzjoni;

(e)

it-tul ta' żmien stmat tal-programm ta' eradikazzjoni;

(f)

il-miri intermedji ta', u l-istrateġiji ta' kontroll tal-mard għall-implimentazzjoni, tal-programm ta' eradikazzjoni.

Artikolu 34

Rapportar

Stati Membri li jimplimentaw il-programmi ta' eradikazzjoni għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni:

(a)

rapporti li permezz tagħhom il-Kummissjoni tkun tista' timmonitorja l-kisba tal-miri intermedji tal-programmi ta' eradikazzjoni li jkunu għaddejjin kif imsemmi fil-punt (f) tal-Artikolu 33;

(b)

rapport finali wara t-tlestija tal-programm ta' eradikazzjoni inkwistjoni.

Artikolu 35

Setgħat ta' implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandha permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw l-informazzjoni, il-format u r-rekwiżiti proċedurali previsti fl-Artikoli 31 sa 34 fir-rigward ta':

(a)

is-sottomissjoni ta' abbozzi ta' programmi ta' eradikazzjoni obbligatorji u abbozzi ta' programmi ta' eradikazzjoni fakultattivi għall-approvazzjoni;

(b)

l-indikaturi tal-prestazzjoni;

(c)

ir-rapportar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar ir-riżultati tal-implimentazzjoni ta' programmi ta' eradikazzjoni obbligatorji jew fakultattivi.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

KAPITOLU 4

Status ta' ħelsien minn mard

Artikolu 36

Stati Membri u żoni ħielsa minn mard

1.   Stat Membru jista' japplika għand il-Kummissjoni għall-approvazzjoni ta' status ta' ħelsien minn mard għal waħda jew aktar mill-mard elenkat imsemmi fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 9(1) għal waħda jew aktar mill-ispeċijiet ta' annimali rilevanti għat-territorju kollu tiegħu jew għal waħda jew aktar miż-żoni tiegħu sakemm waħda jew aktar minn dawn il-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu sodisfatti:

(a)

l-ebda speċi elenkata għall-marda koperta mill-applikazzjoni għal status ta' ħelsien minn mard ma hija preżenti f'xi parti mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, jew fiż-żona jew żoni rilevanti koperti mill-applikazzjoni;

(b)

l-aġent tal-marda huwa magħruf li ma jistax jgħix fit-territorju kollu tal-Istat Membru, jew fiż-żona jew żoni rilevanti koperti mill-applikazzjoni, skont il-kriterji msemmija fil-punt (a)(ii) tal-Artikolu 39;

(c)

f'każ ta' mard elenkat trasmess biss minn organiżmi li jġorru l-mikrobu (vetturi), l-ebda wieħed mill-vetturi ma jkun preżenti, jew huwa magħruf li ma jistgħux jgħixu fit-territorju kollu tal-Istat Membru, jew fiż-żona jew żoni rilevanti koperti mill-applikazzjoni, skont il-kriterji msemmija fil-punt (a)(ii) tal-Artikolu 39;

(d)

ħelsien minn mard elenkat ikun intwera permezz ta':

(i)

programm ta' eradikazzjoni konformi mar-regoli stipulati fl-Artikolu 32(1) u r-regoli adottati skont il-paragrafu 2 ta' dak l-Artikolu; jew

(ii)

data storika u ta' sorveljanza.

2.   L-applikazzjonijiet mill-Istati Membri għal status ta' ħelsien minn mard għandha tinkludi evidenza li turi li l-kondizzjonijiet għal status ta' ħelsien minn mard stabbiliti fil-paragrafu 1 huma sodisfatti.

3.   Stat Membru jista', f'ċerti każijiet speċifiċi, japplika lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni ta' status ta' ħelsien minn mard għal waħda jew aktar mill-mard elenkati msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1), u b'mod partikolari għall-approvazzjoni ta' status ta' mingħajr tilqim għat-territorju kollu, jew għal żona waħda jew aktar minnu, dment li jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ħelsien minn mard elenkat ikun intwera permezz ta':

(i)

programm ta' eradikazzjoni li jikkonforma mar-regoli li jinsabu fl-Artikolu 32(1) u r-regoli adottati skont il-paragrafu 2 ta' dak l-Artikolu; jew

(ii)

data storika u ta' sorveljanza;

(b)

ikun intwera li t-tilqim kontra l-marda jwassal għal spejjeż li jkunu jeċċedu lil dawk li jirriżultaw miż-żamma tal-ħelsien minn mard mingħajr tilqim.

4.   Il-Kummissjoni għandha tapprova, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, soġġetta għal emendi fejn meħtieġ, l-applikazzjonijiet mill-Istati Membri għal status ta' ħelsien minn mard jew status ta' mingħajr tilqim meta jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 u, fejn rilevanti, il-paragrafu 3.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

Artikolu 37

Kompartimenti

1.   Stat Membru jista' japplika għand il-Kummissjoni għar-rikonoxximent ta' status ta' ħelsien minn mard ta' kompartimenti għall-mard elenkat imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1), u għall-protezzjoni tal-istatus ta' ħelsien minn mard ta' tali kompartiment fil-każ ta' tifqigħa ta' waħda jew aktar minn dak il-mard elenkat fit-territorju tiegħu, sakemm:

(a)

l-introduzzjoni tal-marda jew mard elenkat koperti mill-applikazzjoni tista' tiġi evitata b'mod effettiv fil-livell ta' kompartiment, billi jitqies il-profil tal-mard;

(b)

il-kompartiment kopert mill-applikazzjoni jkun suġġett għal sistema unika ta' ġestjoni komuni tal-bijosigurtà mfassla biex jiġi żgurat l-istatus ta' ħelsien minn mard tal-istabbilimenti kollha li jiffurmaw parti minnu; u

(c)

il-kompartiment kopert mill-applikazzjoni jkun ġie approvata mill-awtorità kompetenti għall-finijiet ta' movimenti ta' annimali u l-prodotti tagħhom f'konformità ma':

(i)

l-Artikoli 99 u 100 fil-każ ta' kompartimenti li jżommu annimali terrestri u prodotti tagħhom;

(ii)

l-Artikoli 183 u 184 fil-każ ta' kompartimenti li jżommu annimali tal-akkwakultura u prodotti tagħhom.

2.   Stat Membru jista' japplika għand il-Kummissjoni għar-rikonoxximent ta' status ta' ħelsien minn mard ta' kompartimenti għal waħda jew aktar mill-mard elenkat imsemmi fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 9(1), bil-kondizzjoni li:

(a)

l-introduzzjoni tal-marda jew mard elenkat koperti mill-applikazzjoni tista' tiġi evitata b'mod effettiv fil-livell ta' kompartiment, billi jitqies il-profil tal-mard;

(b)

ikunu mħarsa waħda jew aktar mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)

jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 36(1);

(ii)

l-istabbilimenti tal-kompartiment kopert mill-applikazzjoni bdew jew komplew l-attivitajiet tagħhom u jkunu stabbilixxew sistema komuni ta' ġestjoni tal-bijosigurtà mfassla biex jiġi żgurat il-ħelsien minn mard ta' dak il-kompartiment;

(c)

il-kompartiment kopert mill-applikazzjoni jkun soġġett għal sistema unika u komuni ta' ġestjoni tal-bijosigurtà mfassla biex jiġi żgurat l-istatus ta' ħelsien minn mard tal-istabbilimenti kollha li jiffurmaw parti minnu; u

(d)

il-kompartiment kopert mill-applikazzjoni jkun ġie approvata mill-awtorità kompetenti għall-finijiet ta' movimenti ta' annimali u l-prodotti tagħhom f'konformità ma':

(i)

l-Artikoli 99 u 100 fil-każ ta' kompartimenti li jżommu annimali terrestri u prodotti tagħhom;

(ii)

l-Artikoli 183 u 184 fil-każ ta' kompartimenti li jżommu annimali tal-akkwakultura u prodotti tagħhom.

3.   L-applikazzjonijiet mill-Istati Membri għar-rikonoxximent ta' status ta' ħelsien minn mard ta' kompartimenti bi qbil mal-paragrafi 1 u 2 għandhom jinkludu evidenza li turi li l-kondizzjonijiet stabbiliti f'dawk il-paragrafi huma sodisfatti.

4.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni

(a)

tirrikonoxxi, soġġett għal emendi fejn meħtieġ, l-istatus ta' ħelsien minn mard ta' kompartimenti, meta jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 jew il-paragrafu 2 u fil-paragrafu 3;

(b)

tiddetermina għal liema fost il-mard elenkat imsemmi fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 9(1), jistgħu jkunu stabbiliti l-kompartimenti ħielsa minn mard.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

5.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264 dwar dispożizzjonijiet li jissupplimentaw dawk li jinsabu f'dan l-Artikolu, dwar:

(a)

ir-rekwiżiti għar-rikonoxximent ta' status ta' ħelsien minn mard ta' kompartimenti kif previst fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu, abbażi tal-profil ta' mard elenkat imsemmi fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 9(1), li jirrigwarda mill-inqas:

(i)

ir-riżultati tas-sorveljanza u l-evidenza oħra meħtieġa biex jissostanzjaw il-ħelsien minn mard;

(ii)

miżuri ta' bijosigurtà;

(b)

ir-regoli dettaljati għall-approvazzjoni mill-awtorità kompetenti ta' status ta' ħelsien minn mard ta' kompartimenti kif previst fil-paragrafi 1 u 2; u

(c)

regoli dwar kompartimenti li jinsabu fit-territorju ta' aktar minn Stat Membru wieħed.

Artikolu 38

Listi tal-Istati Membri, iż-żoni jew il-kompartimenti ħielsa minn mard

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi u jżomm lista aġġornata tat-territorju jew iż-żoni tiegħu bi status ta' ħelsien minn mard kif previst fl-Artikolu 36(1) u (3), u tal-kompartimenti tiegħu bi status, ta' ħelsien minn mard kif previst fl-Artikolu 37(1) u (2), fejn applikabbli.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu dawn il-listi disponibbli pubblikament. Il-Kummissjoni għandha tassisti lill-Istati Membri biex jagħmlu l-informazzjoni li tinsab f'dawk il-listi disponibbli għall-pubbliku billi tipprovdi fuq il-paġna tagħha tal-Internet il-links għall-paġni ta' informazzjoni bbażati fuq l-Internet tal-Istati Membri.

Artikolu 39

Delega tas-setgħat li tikkonċerna l-istatus ta' ħelsien minn mard tal-Istati Membri u ż-żoni

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264 dwar:

(a)

regoli dettaljati għall-istatus ta' ħelsien minn mard tal-Istati Membri u ż-żoni tiegħu, abbażi ta l-profili differenti ta' mard, li jikkonċernaw:

(i)

il-kriterji li għandhom jintużaw biex jissostanzjaw asserzjoni mill-Istati Membri li l-ebda speċi elenkata ma tkun preżenti jew kapaċi li ssalva fit-territorju tagħhom u l-evidenza meħtieġa sabiex tissostanzja tali asserzjoni, kif previst fil-punt (a) tal-Artikolu 36(1);

(ii)

il-kriterji li għandhom jintużaw, u l-evidenza meħtieġa, biex jissostanzjaw asserzjonijiet li aġent jew vettur tal-marda mhux kapaċi li jsalva, kif previst fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 36(1);

(iii)

il-kriterji li għandhom jintużaw, u l-kondizzjonijiet li għandhom jiġu applikati, biex jiddeterminaw l-ħelsien minn mard inkwistjoni, kif imsemmi fil-punt (d) tal-Artikolu 36(1);

(iv)

ir-riżultati tas-sorveljanza u l-evidenza oħra meħtieġa biex jissostanzjaw il-ħelsien minn mard;

(v)

miżuri ta' bijosigurtà;

(vi)

restrizzjonijiet u kondizzjonijiet għat-tilqim fl-Istati Membri u ż-żoni tagħhom ħielsa minn mard;

(vii)

l-istabbiliment ta' żoni li jifirdu ż-żoni ħielsa minn mard jew iż-żoni taħt programm ta' eradikazzjoni miż-żoni ristretti (“żoni ta' lqugħ”);

(viii)

żoni li jinsabu fit-territorju ta' aktar minn Stat Membru wieħed;

(b)

derogi mir-rekwiżit għal approvazzjoni mill-Kummissjoni ta' status ta' ħelsien minn mard għal waħda jew aktar mill-mard elenkat imsemmi fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 9(1), kif stipulat fl-Artikolu 36(1), fejn din l-approvazzjoni ma tkunx neċessarja minħabba li kienu ġew stabbiliti regoli dettaljati għall-ħelsien minn mard f'regoli adottati skont il-punt (a) ta' dan l-Artikolu;

(c)

l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra biex tissostanzja dikjarazzjonijiet ta' status ta' ħelsien minn mard, mingħajr l-adozzjoni ta' att ta' implimentazzjoni f'konformità mal-Artikolu 36(4), kif previst fil-punt (b) ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 40

Setgħat ta' implimentazzjoni

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi rekwiżiti dettaljati dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra biex tissostanzja dikjarazzjonijiet ta' status ta' ħelsien minn mard ta' territorji, żoni u kompartimenti f'konformità mal-Artikoli 36 sa 39, u l-format u l-proċeduri għal:

(a)

l-applikazzjonijiet għar-rikonoxximent ta' status ta' ħelsien minn mard fit-territorju kollu tal-Istat Membru kkonċernat, jew f'żoni u kompartimenti minnhom;

(b)

l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar Stati Membri ħielsa minn mard, jew żoni u kompartimenti minnhom.

Dawn l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

Artikolu 41

Iż-żamma ta' status ta' ħelsien minn mard

1.   L-Istati Membri għandhom iżommu l-istatus ta' ħelsien minn mard għat-territorji tagħhom, jew iż-żoni tagħhom jew kompartimenti minnhom biss dment li:

(a)

il-kondizzjonijiet għal status ta' ħelsien minn mard stabbiliti fl-Artikolu 36(1) u l-Artikolu 37(1) u (2), u r-regoli stabbiliti skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu u l-Artikolu 39, jibqgħu jiġu sodisfatti;

(b)

filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 27, titwettaq sorveljanza biex tivverifika li territorju, żona jew kompartiment ikkonċernat jibqa' ħieles mill-marda elenkata li għaliha kienet ġiet approvata jew rikonoxxuta bi status ta' ħelsien minn mard;

(c)

huma applikati restrizzjonijiet fuq il-movimenti tal-annimali, u, fejn rilevanti, il-prodotti derivati minnhom, ta' speċi elenkati għall-marda elenkata li għalihom kien approvat jew rikonoxxut l-istatus ta' ħelsien minn mard, f'territorju, żona jew kompartiment ikkonċernat, f'konformità mar-regoli stabbiliti fil-Partijiet IV u V;

(d)

jiġu applikati miżuri oħrajn ta' bijosigurtà għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni tal-marda elenkata li għaliha jkun ġie approvat jew rikonoxxut bi status ta' ħelsien minn mard.

2.   Stat Membru għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni jekk ma jibqgħux jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għaż-żamma tal-istatus ta' ħelsien mill-mard.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264 dwar il-kondizzjonijiet li ġejjin biex jinżamm l-istatus ta' ħelsien minn mard:

(a)

sorveljanza kif previst fil-punt (b) tal-paragrafu 1;

(b)

miżuri ta' bijosigurtà kif previst fil-punt (d) tal-paragrafu 1.

Artikolu 42

Sospensjoni, irtirar u r-restawr ta' status ta' ħelsien minn mard

1.   Fejn Stat Membru jsir jaf, jew ikollu raġuni biex jissuspetta, li jkun hemm ksur ta' xi waħda mill-kondizzjonijiet biex jinżamm l-istatus tiegħu bħala Stat Membru ħieles minn mard, jew ta' żona jew kompartiment tiegħu, dan għandu minnufih:

(a)

fejn rilevanti, skont ir-riskju, jissospendi jew jirrestrinġi l-movimenti tal-ispeċi elenkati, għall-marda elenkata li għaliha ġie approvat jew rikonoxxut bi status ta' ħelsien minn mard, lejn Stati Membri oħra, żoni jew kompartimenti bi status ogħla tas-saħħa fir-rigward ta' dik il-marda elenkata;

(b)

fejn rilevanti għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-mard elenkat li għalih l-istatus ta' ħelsien minn mard ikun ġie approvat jew rikonoxxut, japplikaw il-miżuri ta' kontroll tal-mard previsti fit-Titolu II tal-Parti III.

2.   Il-miżuri previsti fil-paragrafu 1 għandhom jitneħħew fejn investigazzjoni ulterjuri tikkonferma li:

(a)

ma sarx il-ksur suspettat; jew

(b)

il-ksur suspettat ma kellux impatt sinifikanti u l-Istat Membru kkonċernat jista' jipprovdi assigurazzjonijiet li l-kondizzjonijiet biex iżomm l-istatus tiegħu ta' ħelsien minn mard jerġgħu ġew sodisfatti.

3.   Fejn investigazzjoni ulterjuri mill-Istat Membru kkonċernat tikkonferma li tkun feġġet il-marda elenkata li għaliha jkun inkiseb l-istatus ta' ħelsien mill-mard jew li jkun seħħ ksur sinifikanti ieħor tal-kondizzjonijiet għaż-żamma ta' status ta' ħelsien minn mard kif imsemmi fl-Artikolu 41(1), jew fejn hemm probabbiltà sinifikanti li dan ikun seħħ, l-Istat Membru għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni dwar dan.

4.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tirtira mingħajr dewmien mhux dovut l-approvazzjoni ta' status ta' ħelsien minn mard ta' Stat Membru jew żona mogħti skont l-Artikolu 36(4) jew ir-rikonoxximent ta' status ta' ħelsien minn mard ta' kompartiment mogħti skont l-Artikolu 37(4) wara li tinkiseb l-informazzjoni mingħand l-Istat Membru kkonċernat li l-kondizzjonijiet biex jinżamm l-istatus ta' ħelsien minn mard ma għadhomx sodisfatti.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

5.   Għal raġunijiet imperattivi debitament ġustifikati ta' urġenza estrema, meta l-marda elenkata msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu tinfirex b'mod rapidu, u toħloq riskju ta' impatt għoli sinifikanti fuq is-saħħa tal-annimali jew is-saħħa pubblika, l-ekonomija jew is-soċjetà, il-Kummissjoni għandha tadotta minnufih atti ta' implimentazzjoni applikabbli f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 266(3).

6.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264 dwar dispożizzjonijiet li jissupplimentaw ir-regoli għas-sospensjoni, l-irtirar u r-restawr ta' status ta' ħelsien minn mard stipulati fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu.

PARTI III

KUXJENZA, TĦEJJIJA U KONTROLL TAL-MARD

TITOLU I

KUXJENZA U TĦEJJIJA GĦALL-MARD

KAPITOLU 1

Pjanijiet ta' kontinġenza u eżerċizzji ta' simulazzjoni

Artikolu 43

Pjanijiet ta' kontinġenza

1.   L-Istati Membri għandhom, wara li jikkonsultaw kif adatt lill-esperti u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, ifasslu u jżommu aġġornati pjanijiet ta' kontinġenza u fejn meħtieġ manwali ta' struzzjonijiet dettaljati li jistabbilixxu l-miżuri li jridu jittieħdu fl-Istat Membru kkonċernat fil-każ tal-okkorrenza ta' marda elenkata msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) jew, skont il-każ, ta' marda emerġenti, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' għarfien dwar il-mard u ta' tħejjija u l-kapaċità li jitnieda rispons rapidu.

2.   Dawk il-pjanijiet ta' kontinġenza u, fejn applikabbli, il-manwali ta' struzzjonijiet dettaljati għandhom ikopru tal-anqas il-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

l-istabbiliment ta' katina ta' kmand fi ħdan l-awtorità kompetenti u ma' awtoritajiet pubbliċi oħra biex jiġi żgurat li tittieħed deċiżjoni rapida u effettiva fil-livell ta' Stat Membru, dak reġjonali jew lokali;

(b)

il-qafas għall-kooperazzjoni bejn l-awtorità kompetenti u l-awtoritajiet pubbliċi l-oħra u l-partijiet ikkonċernati rilevanti involuti, biex jiżguraw li l-azzjonijiet jittieħdu b'mod koerenti u koordinat;

(c)

aċċess għal:

(i)

faċilitajiet;

(ii)

laboratorji;

(iii)

tagħmir;

(iv)

persunal;

(v)

fondi ta' emerġenza;

(vi)

il-materjal u r-riżorsi l-oħra xierqa kollha meħtieġa għall-eradikazzjoni rapida u effiċjenti tal-mard elenkat imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) jew ta' mard emerġenti;

(d)

id-disponibbiltà taċ-ċentri u l-gruppi li ġejjin bil-ħiliet esperti meħtieġa biex jassistu lill-awtorità kompetenti:

(i)

ċentru ċentrali funzjonali għall-kontroll tal-mard;

(ii)

ċentri reġjonali u lokali ta' kontroll tal-mard, kif adatt għas-sitwazzjoni amministrattiva u ġeografika tal-Istat Membru kkonċernat;

(iii)

gruppi ta' esperti operattivi;

(e)

l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' kontroll tal-mard previsti fil-Kapitolu 1 tat-Titolu II għall-mard elenkat imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) u għal mard emerġenti;

(f)

dispożizzjonijiet dwar tilqim ta' emerġenza, fejn xieraq;

(g)

prinċipji għad-demarkazzjoni ġeografika taż-żoni ristretti stabbiliti mill-awtorità kompetenti f'konformità mal-Artikolu 64(1);

(h)

koordinazzjoni ma' Stati Membri ġirien u pajjiżi terzi u territorji ġirien, fejn adatt.

Artikolu 44

Setgħat implimentattivi għal pjanijiet ta' kontinġenza

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi miżuri meħtieġa li jikkonċernaw l-implimentazzjoni fl-Istati Membri tal-pjanijiet ta' kontinġenza previsti fl-Artikolu 43(1).

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

Artikolu 45

Eżerċizzji ta' simulazzjoni

1.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-eżerċizzji ta' simulazzjoni dwar il-pjanijiet ta' kontinġenza previsti fl-Artikolu 43(1) jitwettqu regolarment jew f'intervalli xierqa:

(a)

biex jiġi żgurat livell għoli ta' kuxjenza tal-mard u ta' tħejjija u l-kapaċità li jitnieda rispons rapidu fl-Istat Membru kkonċernat;

(b)

biex tiġi verifikata l-funzjonalità ta' dawk il-pjanijiet ta' kontinġenza.

2.   Fejn ikun fattibbli u xieraq, għandhom jitwettqu eżerċizzji ta' simulazzjoni b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri ġirien u pajjiżi terzi u territorji ġirien.

3.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, fuq talba, rapport dwar ir-riżultati ewlenin tal-eżerċizzji ta' simulazzjoni mwettqa.

4.   Meta jkun xieraq u meħtieġ, il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistipula regoli rigward l-implimentazzjoni prattika ta' eżerċizzji ta' simulazzjoni fl-Istati Membri relatati ma':

(a)

il-frekwenzi ta' eżerċizzji ta' simulazzjoni;

(b)

eżerċizzji ta' simulazzjoni li jkopru aktar minn marda elenkata waħda msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1).

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

KAPITOLU 2

L-użu ta' prodotti mediċinali veterinarji għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard

Artikolu 46

L-użu ta' prodotti mediċinali veterinarji għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard

1.   L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri li jikkonċernaw l-użu ta' prodotti mediċinali veterinarji għal mard elenkat, biex tiġi żgurata l-prevenzjoni jew il-kontroll bl-aktar mod effiċjenti ta' dak il-mard, dment li dawn il-miżuri jkunu xierqa jew meħtieġa.

Dawk il-miżuri jistgħu jkopru dawn li ġejjin:

(a)

projbizzjonijiet u restrizzjonijiet fuq l-użu ta' prodotti mediċinali veterinarji;

(b)

l-użu obbligatorju ta' prodotti mediċinali veterinarji.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-kriterji li ġejjin inkonsiderazzjoni biex jiġi determinat jekk għandhomx jintużaw jew le l-prodotti mediċinali veterinarji, u kif għandhom jintużaw, bħala miżuri ta' prevenzjoni u kontroll ta' marda elenkata speċifika:

(a)

il-profil tal-marda;

(b)

id-distribuzzjoni tal-marda elenkati fi:

(i)

l-Istat Membru kkonċernat;

(ii)

l-Unjoni;

(iii)

fejn rilevanti, pajjiżi terzi u territorji ġirien;

(iv)

il-pajjiżi terzi u territorji minn fejn l-annimali u l-prodotti jinġiebu fl-Unjoni;

(c)

id-disponibbiltà u l-effiċjenza tal-prodotti mediċinali veterinarji inkwistjoni, u r-riskji marbuta magħhom;

(d)

id-disponibbiltà ta' testijiet dijanjostiċi għall-identifikazzjoni ta' infezzjonijiet fl-annimali ttrattati bil-prodotti mediċinali veterinarji kkonċernati;

(e)

l-impatt ekonomiku, soċjali, tal-benessri tal-annimali u ambjentali tal-użu tal-prodotti mediċinali veterinarji kkonċernati meta mqabbla ma' strateġiji oħra disponibbli għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard.

3.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri preventivi xierqa dwar l-użu ta' prodotti mediċinali veterinarji għal studji xjentifiċi jew għall-għanijiet ta' żvilupp u ttestjar tagħhom f'kondizzjonijiet kontrollati biex titħares is-saħħa tal-annimali u dik pubblika.

Artikolu 47

Delega tas-setgħat għall-użu ta' prodotti mediċinali veterinarji

1.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264 fir-rigward ta' dak li jista' jikkostitwixxi miżuri adatti u meħtieġa kif stipulat fl-Artikolu 46, fir-rigward ta':

(a)

projbizzjonijiet u restrizzjonijiet fuq l-użu ta' prodotti mediċinali veterinarji;

(b)

kondizzjonijiet speċifiċi għall-użu ta' prodotti mediċinali veterinarji għal marda elenkata speċifika;

(c)

miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju għall-prevenzjoni tat-tixrid ta' mard elenkat permezz ta' annimali trattati bi prodotti mediċinali veterinarji jew prodotti minn dawn l-annimali;

(d)

sorveljanza għal mard elenkat speċifiku wara l-użu ta' tilqim u prodotti mediċinali veterinarji oħra.

2.   Il-Kummissjoni għandha tqis il-kriterji stipulati fl-Artikolu 46(2) meta jiġu stabbiliti r-regoli previsti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

3.   Meta fil-każ ta' riskji emerġenti, raġunijiet imperattivi ta' urġenza jkunu jirrikjedu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 265 għandha tapplika għar-regoli adottati skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

KAPITOLU 3

Banek tal-antiġeni, it-tilqim u r-reaġenti dijanjostiċi

Artikolu 48

L-istabbiliment ta' banek tal-Unjoni tal-antiġeni, it-tilqim u r-reaġenti dijanjostiċi

1.   Għall-mard elenkat imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) li għalih it-tilqim mhuwiex ipprojbit minn att delegat li ġie adottat skont l-Artikolu 47, il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi u tkun responsabbli għall-ġestjoni ta' banek tal-Unjoni tal-antiġeni, it-tilqim u r-reaġenti dijanjostiċi għall-ħżin u s-sostituzzjoni ta' ħażniet ta' wieħed jew aktar minn fost il-prodotti bijoloġiċi li ġejjin:

(a)

antiġeni;

(b)

tilqim;

(c)

materjal ta' propagazzjoni prinċipali tat-tilqim;

(d)

reaġenti dijanjostiċi.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-bank tal-Unjoni tal-antiġeni, it-tilqim u r-reaġenti dijanjostiċi previst fil-paragrafu 1:

(a)

jaħżen biżżejjed ħażniet tat-tip xieraq ta' antiġeni, tilqim, materjal ta' propagazzjoni prinċipali tat-tilqim u reaġenti dijanjostiċi għall-mard elenkat speċifiku inkwistjoni, b'kont meħud tal-bżonnijiet tal-Istati Membri stmati fil-kuntest tal-pjanijiet ta' kontinġenza previsti fl-Artikolu 43(1);

(b)

jirċievi provvisti regolari u sostituzzjonijiet f'waqthom ta' antiġeni, tilqim, materjal ta' propagazzjoni prinċipali tat-tilqim u reaġenti dijanjostiċi;

(c)

jinżamm u jitmexxa f'konformità mal-istandards u r-rekwiżiti adatti ta' bijosigurtà, bijosikurezza u bijokonteniment stipulati fl-Artikolu 16(1) u f'konformità ma' atti delegati adottati skont l-Artikolu 16(2);

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264 dwar:

(a)

l-immaniġġjar, il-ħżin u s-sostituzzjoni ta' ħażniet tal-banek tal-Unjoni ta' antiġeni, tilqim u reaġenti dijanjostiċi kif previst fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu;

(b)

ir-rekwiżiti ta' bijosigurtà, bijosikurezza u bijokonteniment għat-tħaddim ta' dawk il-banek filwaqt li jiġu rispettati r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 16(1) u b'kont meħud tal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 16(2).

Artikolu 49

Aċċess għall-banek tal-Unjoni tal-antiġeni, it-tilqim u r-reaġenti dijanjostiċi

1.   Il-Kummissjoni għandha, fuq talba, tipprevedi l-konsenja tal-prodotti bijoloġiċi msemmija fl-Artikolu 48(1) mill-banek tal-Unjoni tal-antiġeni, it-tilqim u r-reaġenti dijanjostiċi, bil-kondizzjoni li l-ħażniet ikunu disponibbli, għal:

(a)

l-ewwel nett, l-Istati Membri; u

(b)

pajjiżi terzi jew territorji, sakemm tali konsenja hija primarjament maħsuba għall-prevenzjoni tat-tixrid ta' mard fl-Unjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha,fil-każ tad-disponibbiltà limitata ta' ħażniet, tagħti prijorità għall-aċċess għall-ħażniet li għandhom jiġu kkonsenjati skont il-paragrafu 1 abbażi ta':

(a)

iċ-ċirkostanzi tal-mard li taħthom tkun saret it-talba;

(b)

l-eżistenza ta' bank nazzjonali tal-antiġeni, it-tilqim u r-reaġenti dijanjostiċi fl-Istat Membru jew il-pajjiż terz jew territorju li jagħmel it-talba;

(c)

l-eżistenza ta' miżuri tal-Unjoni għal tilqim obbligatorju stabbiliti fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 47.

Artikolu 50

Setgħat ta' implimentazzjoni rigward il-banek tal-Unjoni tal-antiġeni, it-tilqim u r-reaġenti dijanjostiċi

1.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli għall-banek tal-Unjoni tal-antiġeni, it-tilqim u r-reaġenti dijanjostiċi li jispeċifikaw għall-prodotti bijoloġiċi msemmija fl-Artikolu 48(1):

(a)

liema minn dawk prodotti bijoloġiċi għandhom jiġu inklużi fil-banek tal-Unjoni tal-antiġeni, it-tilqim u r-reaġenti dijanjostiċi u għal-liema mard elenkat imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1);

(b)

it-tipi ta' dawk l-prodotti bijoloġiċi li għandhom ikunu inklużi fil-banek tal-Unjoni tal-antiġeni, it-tilqim u r-reaġenti dijanjostiċi u f'liema kwantitajiet għal kull marda elenkata speċifika msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1), li għaliha jeżisti l-bank inkwistjoni;

(c)

ir-rekwiżiti li jikkonċernaw il-provvista, il-ħżin u s-sostituzzjoni ta' dawk il-prodotti bijoloġiċi;

(d)

it-twassil ta' dawk il-prodotti bijoloġiċi mill-banek tal-Unjoni tal-antiġeni, it-tilqim u r-reaġenti dijanjostiċi lill-Istati Membri u lil pajjiżi terzi u territorji;

(e)

ir-rekwiżiti proċedurali u tekniċi għall-inklużjoni ta' dawk il-prodotti bijoloġiċi fil-banek tal-Unjoni tal-antiġeni, it-tilqim u r-reaġenti dijanjostiċi u biex jintalab l-aċċess għalihom.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

2.   Għal raġunijiet imperattivi debitament ġustifikati ta' urġenza relatati ma' xi marda elenkata msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) li joħolqu riskju għoli ta' impatt sinifikanti, il-Kummissjoni għandha tadotta minnufih atti ta' implimentazzjoni applikabbli f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 266(3).

Artikolu 51

Il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni rigward il-banek tal-Unjoni tal-antiġeni, it-tilqim u r-reaġenti dijanjostiċi

L-informazzjoni dwar il-kwantitajiet u s-sottotipi ta' prodotti bijoloġiċi msemmija fl-Artikolu 48(1) maħżuna fil-banek tal-Unjoni tal-antiġeni, it-tilqim u r-reaġenti dijanjostiċi għandha tiġi trattata mill-Kummissjoni bħala informazzjoni klassifikata u ma għandhiex tiġi ppubblikata.

Artikolu 52

Banek nazzjonali tal-antiġeni, il-vaċċini u r-reaġenti dijanjostiċi

1.   Stati Membri li stabbilixxew banek nazzjonali tal-antiġeni, it-tilqim u r-reaġenti dijanjostiċi għall-mard elenkat imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) li għalihom jeżistu banek tal-Unjoni tal-antiġeni, it-tilqim u r-reaġenti dijanjostiċi, għandhom jiżguraw li l-banek nazzjonali tagħhom tal-antiġeni, it-tilqim u r-reaġenti dijanjostiċi huma konformi mar-rekwiżiti tal-bijosigurtà, il-bijosikurezza u l-bijokonteniment stipulati fil-punt (a) tal-Artikolu 16(1) u fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 16(2) u l-punt (b) tal-Artikolu 48(3).

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b'informazzjoni aġġornata dwar:

(a)

l-eżistenza jew l-istabbiliment tal-banek nazzjonali tal-antiġeni, it-tilqim u r-reaġenti dijanjostiċi msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

it-tipi ta' antiġeni, tilqim, materjal ta' propagazzjoni prinċipali tat-tilqim u reaġenti dijanjostiċi u l-kwantitajiet tagħhom miżmuma f'dawn il-banek;

(c)

kwalunkwe bidla fl-operat ta' tali banek.

Dik l-informazzjoni għandha tiġi trattata mill-Kummissjoni bħala informazzjoni klassifikata u ma għandhiex tiġi ppubblikata.

3.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli li jispeċifikaw il-kontenut, il-frekwenza u l-format tas-sottomissjoni tal-informazzjoni prevista fil-paragrafu 2.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

TITOLU II

MIŻURI TA' KONTROLL TAL-MARD

KAPITOLU 1

Miżuri ta' kontroll tal-mard għal mard elenkat kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1)

Taqsima 1

Miżuri ta' kontroll tal-mard fil-każ ta' suspett ta' marda elenkata f'annimali miżmuma

Artikolu 53

Obbligi għall-operaturi u persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati rilevanti oħra

1.   F'każ ta' suspett ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) f'annimali miżmuma, minbarra li jikkonformaw mal-obbligu tan-notifika stipulat fl-Artikolu 18(1) u sakemm ikun hemm kwalunkwe miżura ta' kontroll tal-mard li qed tittieħed mill-awtorità kompetenti f'konformità mal-Artikoli 54(1) u 55(1), l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-operaturi u persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati rilevanti oħra jieħdu l-miżuri xierqa ta' kontroll tal-mard previsti fil-punti (c), (d) u (e) tal-Artikolu 55(1) biex jipprevjenu t-tixrid ta' dik il-marda elenkata mill-annimali, l-istabbilimenti u l-postijiet milquta taħt ir-responsabbiltà tagħhom għal annimali oħra mhux affettwati jew għal bnedmin.

2.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 264 dwar regoli dettaljati li jissupplimentaw il-miżuri ta' kontroll tal-mard kif previst fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 54

L-investigazzjoni mill-awtorità kompetenti fil-każ ta' suspett ta' marda elenkata

1.   F'każ ta' suspett ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) f'annimali miżmuma, l-awtorità kompetenti għandha twettaq mingħajr dewmien investigazzjoni biex tikkonferma jew teskludi l-preżenza ta' dik il-marda elenkata.

2.   Għall-iskop tal-investigazzjoni prevista fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha, meta xieraq, tiżgura li:

(a)

il-veterinarji uffiċjali jwettqu analiżi klinika ta' kampjun rappreżentattiv tal-annimali miżmuma tal-ispeċijiet elenkati għall-marda elenkata inkwistjoni;

(b)

veterinarji uffiċjali jieħdu kampjuni xierqa minn dawk l-annimali miżmuma tal-ispeċi elenkata u kampjuni oħrajn għal eżami f'laboratorji identifikati għal dak l-għan mill-awtorità kompetenti;

(c)

tali laboratorji identifikati jwettqu analiżijiet biex tiġi kkonfermata jew eskluża l-preżenza tal-marda elenkata inkwistjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264 dwar regoli dettaljati li jissupplimentaw ir-regoli għall-investigazzjonijiet minn awtoritajiet kompetenti kif prevista fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 55

Miżuri preliminari ta' kontroll tal-mard minn awtoritajiet kompetenti

1.   L-awtorità kompetenti għandha, f'każ li tissuspetta l-preżenza ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) f'annimali miżmuma twettaq dawn il-miżuri ta' kontroll tal-mard preliminari, soġġett għar-rekwiżiti nazzjonali biex jinkiseb aċċess għal residenzi privati, sakemm joħorġu r-riżultati tal-investigazzjoni prevista fl-Artikolu 54(1) u jitwettqu l-miżuri ta' kontroll tal-mard previsti fl-Artikolu 61(1):

(a)

tissoġġetta l-istabbiliment, in-negozju tal-ikel u l-għalf jew stabbiliment tal-prodotti sekondarji tal-annimali kkonċernat, jew kwalunkwe post ieħor fejn hemm suspett li seħħet il-marda, inklużi dawk il-postijiet fejn tista' tkun oriġinat il-marda ssuspettata, għal sorveljanza uffiċjali;

(b)

tiġbor inventarju:

(i)

tal-annimali miżmuma fl-istabbiliment, negozju tal-ikel u l-għalf, jew stabbiliment tal-prodotti sekondarji tal-annimali kkonċernat, jew fi kwalunkwe post ieħor;

(ii)

tal-prodotti f'dak l-istabbiliment, negozju tal-ikel u l-għalf, jew stabbiliment tal-prodotti sekondarji tal-annimali, jew fi kwalunkwe post ieħor, fejn rilevanti għat-tixrid ta' dik il-marda elenkata;

(c)

tiżgura li jiġu applikati miżuri ta' bijosigurtà xierqa biex jiġi evitat it-tixrid ta' dak l-aġent tal-mard elenkat fost annimali oħra jew fost il-bnedmin;

(d)

fejn xieraq li tevita t-tixrid ulterjuri tal-aġent tal-marda, tiżgura li l-annimali miżmuma tal-ispeċi elenkata għal dik il-marda elenkata jkunu iżolati, u li jkunu evitati milli jiġu f'kuntatt ma' organiżmi selvaġġi;

(e)

tirrestrinġi l-movimenti tal-annimali miżmuma, prodotti u, jekk xieraq, persuni, vetturi u kwalunkwe materjal jew mezzi oħra li permezz tagħhom seta' xxerred l-aġent tal-marda lejn jew mill-istabbiliment, negozji tal-ikel u l-għalf, jew stabbiliment tal-prodotti sekondarji tal-annimali, jew minn kwalunkwe post ieħor fejn dik il-marda elenkata tkun suspettata, sa fejn hu meħtieġ biex tiġi evitata l-firxa tagħha;

(f)

tieħu kwalunkwe miżura oħra meħtieġa ta' kontroll tal-mard, filwaqt li tqis il-miżuri ta' kontroll tal-mard previsti fit-Taqsima 4 ta' dan il-Kapitolu, dwar:

(i)

l-applikazzjoni tal-investigazzjoni mill-awtorità kompetenti prevista fl-Artikolu 54(1) u l-miżuri ta' kontroll tal-mard previsti fil-punti minn (a) sa (d) ta' dan il-paragrafu għal stabbilimenti oħra, negozji tal-ikel u l-għalf, jew stabbilimenti tal-prodotti sekondarji tal-annimali, jew għal kwalunkwe post ieħor;

(ii)

l-istabbiliment ta' kwalunkwe żona ristretta temporanja li hija opportuna, b'kont meħud tal-profil tal-marda;

(g)

tibda l-inkjesta epidemjoloġika prevista fl-Artikolu 57(1).

2.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264 dwar regoli dettaljati li jissupplimentaw dawk stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fir-rigward tal-miżuri speċifiċi u dettaljati ta' kontroll tal-mard li għandhom jittieħdu skont il-marda elenkata msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1), abbażi tar-riskji involuti għal:

(a)

l-ispeċi jew il-kategorija tal-annimali kkonċernati;

(b)

it-tip ta' produzzjoni kkonċernat.

Artikolu 56

Reviżjoni u estensjoni ta' miżuri ta' kontroll tal-mard preliminari

Il-miżuri ta' kontroll tal-mard previsti fl-Artikolu 55(1) għandhom ikunu:

(a)

riveduti mill-awtorità kompetenti, kif xieraq, wara r-riżultati ta':

(i)

id-dikjarazzjoni prevista fl-Artikolu 54(1);

(ii)

l-inkjesta epidemjoloġika prevista fl-Artikolu 57(1);

(b)

estiża ulterjorment f'lokalitajiet oħra kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 55(1), fejn meħtieġ.

Taqsima 2

Inkjesta epidemjoloġika

Artikolu 57

Inkjesta epidemjoloġika

1.   L-awtorità kompetenti għandha twettaq inkjesta epidemjoloġika fil-każ tal- konferma ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) fl-annimali.

2.   L-inkjesta epidemjoloġika prevista fil-paragrafu 1 għandha timmira li:

(a)

tidentifika l-oriġini probabbli tal-marda elenkata inkwistjoni u l-mezzi tal-firxa tagħha;

(b)

tikkalkula t-tul ta' żmien probabbli li l-marda elenkata ilha preżenti;

(c)

tidentifika l-istabbilimenti u l-unitajiet epidemjoloġiċi fih, in-negozji tal-ikel u l-għalf jew l-istabbilimenti tal-prodotti sekondarji tal-annimali, jew postijiet oħra, fejn annimali ta' speċi elenkati għall-marka elenkata suspettata setgħu ġew infettati, infestati jew ikkontaminati;

(d)

tikseb informazzjoni dwar il-movimenti ta' annimali miżmuma, persuni, prodotti, vetturi, kwalunkwe materjal jew mezzi oħra li permezz tagħhom seta' inxtered l-aġent tal-marda matul il-perijodu rilevanti ta' qabel in-notifika tas-suspett jew il-konferma tal-marda elenkata;

(e)

tikseb informazzjoni dwar kif x'aktarx inxterdet il-marda elenkata fl-ambjent tal-madwar, inkluż il-preżenza u d-distribuzzjoni tal-vetturi tal-marda.

Taqsima 3

Konferma tal-mard fl-annimali miżmuma

Artikolu 58

Konferma uffiċjali mill-awtorità kompetenti ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1)

1.   L-awtorità kompetenti għandha tibbaża konferma uffiċjali ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) fuq l-informazzjoni li ġejja:

(a)

ir-riżultati tal-analiżijiet kliniċi u tal-laboratorju previsti fl-Artikolu 54(2);

(b)

ir-riżultati preliminari jew finali tal-inkjesta epidemjoloġika prevista fl-Artikolu 57(1);

(c)

data epidemjoloġika disponibbli oħra.

2.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 264 dwar ir-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti għall-konferma uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 59

It-tneħħija ta' miżuri preliminari ta' kontroll tal-mard fejn il-preżenza tal-marda elenkata tkun ġiet eliminata

L-awtorità kompetenti għandha tkompli tapplika l-miżuri preliminari ta' kontroll tal-mard previsti fl-Artikolu 55(1) u l-Artikolu 56 sakemm il-preżenza tal-marda elenkata inkwistjoni, kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) tkun ġiet eliminata abbażi tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 58(1) jew ir-regoli adottati skont l-Artikolu 58(2).

Taqsima 4

Miżuri ta' kontroll tal-mard fil-każ tal-konferma ta' marda f'annimali miżmuma

Artikolu 60

Miżuri immedjati ta' kontroll tal-mard li għandhom jittieħdu mill-awtorità kompetenti

Fil-każ ta' konferma uffiċjali skont l-Artikolu 58(1) ta' tifqigħa ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) f'annimali miżmuma, l-awtorità kompetenti għandha minnufih:

(a)

tiddikjara l-istabbiliment, negozju tal-ikel jew tal-għalf, stabbiliment tal-prodotti sekondarji tal-annimali jew kwalunkwe post ieħor affettwat bħala uffiċjalment infettat b'dik il-marda elenkata;

(b)

tistabbilixxi żona ristretta kif xieraq għal dik il-marda elenkata;

(c)

timplimenta l-pjan ta' kontinġenza previst fl-Artikolu 43(1) biex tiġi żgurata koordinazzjoni sħiħa tal-miżuri ta' kontroll tal-mard.

Artikolu 61

Stabbilimenti affettwati u postijiet oħra

1.   Fil-każ ta' tifqigħa ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) f'annimali miżmuma, l-awtorità kompetenti għandha minnufih tieħu waħda jew aktar minn dawn il-miżuri ta' kontroll tal-mard li ġejjin, soġġett għal rekwiżiti nazzjonali għall-kisba ta' aċċess għal residenzi privati, fi stabbiliment, negozju tal-ikel jew tal-għalf, stabbiliment tal-prodotti sekondarji tal-annimali, jew kwalunkwe post ieħor imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 60, sabiex tiġi evitata l-firxa ulterjuri ta' dik il-marda elenkata:

(a)

l-impożizzjoni ta' restrizzjonijiet fuq il-moviment ta' persuni, annimali, prodotti, vetturi jew kwalunkwe materjal jew sustanza oħra li jistgħu jiġu kkontaminati u li jistgħu jikkontribwixxu għat-tixrid tal-marda elenkata;

(b)

il-qtil u r-rimi jew it-tbiċċir ta' annimali li setgħu ġew ikkontaminati jew li jikkontribwixxu għat-tixrid tal-marda elenkata;

(c)

il-qerda, l-ipproċessar, it-trasformazzjoni jew it-trattament ta' prodotti, għalf, jew kwalunkwe sustanza oħra, jew it-trattament ta' tagħmir, mezzi ta' trasport, pjanti jew prodotti tal-pjanti, jew ilma li setgħu ġew ikkontaminati, kif xieraq biex jiġi żgurat li kwalunkwe aġent tal-marda jew vettur tal-aġent tal-marda jinqered;

(d)

it-tilqim jew it-trattament bi prodotti mediċinali veterinarji oħra ta' annimali miżmuma f'konformità mal-Artikolu 46(1) u l-Artikolu 69 u kwalunkwe att delegat adottat skont l-Artikolu 47;

(e)

l-iżolament, il-kwarantina jew it-trattament ta' annimali u prodotti li x'aktarx huma kkontaminati u li jikkontribwixxu għat-tixrid tal-marda elenkata;

(f)

it-tindif, id-diżinfezzjoni, il-kontroll ta' insetti u rodituri, jew miżuri ta' bijosigurtà meħtieġa oħrajn li għandhom jiġu applikati għall-istabbiliment, in-negozju tal-ikel jew tal-għalf, l-istabbiliment tal-prodotti sekondarji tal-annimali, jew postijiet oħrajn affettwat biex jiġi mminimizzat ir-riskju li tinxtered il-marda elenkata;

(g)

it-teħid ta' għadd suffiċjenti ta' kampjuni xierqa meħtieġa biex titwettaq l-inkjesta epidemjoloġika prevista fl-Artikolu 57(1);

(h)

l-analiżi tal-kampjuni fil-laboratorju;

(i)

kwalunkwe miżura oħra xierqa.

2.   Meta jiġi ddeterminat liema miżuri ta' kontroll tal-mard previsti fil-paragrafu 1 jixraq li jittieħdu, l-awtorità kompetenti għandha tqis dan li ġej:

(a)

il-profil tal-marda;

(b)

it-tip ta' produzzjoni, u l-unitajiet epidemjoloġiċi fi ħdan l-istabbiliment, in-negozju tal-ikel jew tal-għalf, l-istabbiliment tal-prodotti sekondarji tal-annimali jew xi post ieħor affettwat.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tawtorizza biss ir-ripopolament tal-istabbiliment ikkonċernat, jew ta' kwalunkwe post ieħor, meta:

(a)

ikunu ġew ikkompletati b'suċċess il-miżuri xierqa ta' kontroll tal-mard u l-analiżijiet fil-laboratorju kollha previsti fil-paragrafu 1;

(b)

ikun għadda perijodu ta' żmien biżżejjed biex tiġi evitata l-kontaminazzjoni mill-ġdid tal-istabbiliment, in-negozju tal-ikel jew tal-għalf, l-istabbiliment tal-prodotti sekondarji tal-annimali jew xi post ieħor affettwat mill-marda elenkata li tkun ikkawżat t-tifqigħa msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 62

Stabbilimenti u postijiet marbutin epidemjoloġikament

1.   L-awtorità kompetenti għandha testendi l-miżuri ta' kontroll tal-mard previsti fl-Artikolu 61(1) għal stabbilimenti oħra, unitajiet epidemjoloġiċi fihom, negozji tal-ikel jew tal-għalf jew stabbilimenti tal-prodotti sekondarji tal-annimali, jew kwalunkwe post ieħor, jew mezzi ta' trasport fejn mill-inkjesta epidemjoloġika prevista fl-Artikolu 57(1) jew ir-riżultati ta' investigazzjonijiet kliniċi jew tal-laboratorju jew data epidemjoloġika oħra ikun hemm lok ta' suspett ta' tixrid lejn, minn jew permezz tagħhom tal-marda elenkata msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) li fir-rigward tagħha jkunu ttieħdu tali miżuri.

2.   Jekk l-inkjesta epidemjoloġika prevista fl-Artikolu 57(1) turi li l-oriġini probabbli tal-marda elenkata msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) hija Stat Membru ieħor, jew jekk huwa probabbli li dik il-marda elenkata tkun inxterdet lejn Stat Membru ieħor, l-awtorità kompetenti għandha tinforma lil dak l-Istat Membru u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien.

3.   F'każ li jseħħ wieħed mill-avvenimenti msemmija fil-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri differenti għandhom jikkooperaw f'inkjesta epidemjoloġika ulterjuri u fl-applikazzjoni tal-miżuri ta' kontroll tal-marda.

Artikolu 63

Delega tas-setgħa fir-rigward ta' miżuri ta' kontroll tal-mard fi stabbilimenti u postijiet affettwati u marbutin epidemjoloġikament u f'postijiet oħra

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 264 rigward ir-regoli dettaljati dwar il-miżuri ta' kontroll tal-mard li għandhom jittieħdu mill-awtorità kompetenti f'konformità mal-Artikoli 61 u 62 fi stabbilimenti, negozji tal-ikel jew tal-għalf jew stabbilimenti u postijiet tal-prodotti sekondarji tal-annimali affettwati u marbutin epidemjoloġikament, u f'postijiet oħra fir-rigward ta' kwalunkwe marda msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1), inklużi regoli dwar liema miżuri ta' kontroll tal-mard imsemmija fl-Artikolu 61(1) għandhom jiġu applikati fir-rigward ta' kull marda elenkata.

Dawk ir-regoli dettaljati għandhom ikopru l-materji li ġejjin:

(a)

il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti għal miżuri ta' kontroll tal-mard, previsti fil-punti (a) sa (e) tal-Artikolu 61(1);

(b)

il-proċeduri għat-tindif, id-diżinfezzjoni, il-kontroll ta' insetti u rodituri, jew kwalunkwe miżura ta' bijosigurtà meħtieġa oħra kif previst fil-punt (f) tal-Artikolu 61(1), li tispeċifika, fejn adatt, l-użu tal-prodotti bijoċidali għal dawk il-finijiet;

(c)

il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti għat-teħid ta' kampjuni u l-analiżijiet fil-laboratorju kif previst fil-punti (g) u (h) tal-Artikolu 61(1);

(d)

il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti dettaljati fir-rigwad tar-ripopolament kif previst fl-Artikolu 61(3);

(e)

it-twettiq tal-miżuri meħtieġa ta' kontroll tal-mard previsti fl-Artikolu 62 fl-istabbilimenti, f'postijiet oħra u f'mezzi ta' trasport marbutin epidemjoloġikament.

Artikolu 64

Stabbiliment ta' żoni ristretti mill-awtorità kompetenti

1.   L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi żona ristretta kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 60 madwar l-istabbiliment, in-negozju tal-ikel jew tal-għalf, l-istabbiliment tal-prodotti sekondarji tal-annimali jew xi post ieħor affettwat fejn tkun seħħet it-tifqigħa tal-marda elenkata kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) f'annimali miżmuma, fejn xieraq b'kont meħud ta':

(a)

il-profil tal-marda;

(b)

is-sitwazzjoni ġeografika taż-żona ristretta;

(c)

il-fatturi ekoloġiċi u idroloġiċi taż-żona ristretta;

(d)

il-kondizzjonijiet meteoroloġiċi;

(e)

il-preżenza, id-distribuzzjoni u t-tip ta' vetturi fiż-żona ristretta;

(f)

ir-riżultati tal-inkjesta epidemjoloġika prevista fl-Artikolu 57(1) u studji oħrajn li jkunu twettqu u d-data epidemjoloġika;

(g)

ir-riżultati tat-testijiet tal-laboratorju;

(h)

il-miżuri applikati għall-kontroll tal-marda;

(i)

fatturi epidemjoloġiċi rilevanti oħra.

Iż-żona ristretta għandha tinkludi, fejn xieraq, żona ta' protezzjoni u sorveljanza ta' daqs u konfigurazzjoni definiti.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tevalwa u tanalizza s-sitwazzjoni kontinwament u, fejn xieraq sabiex jiġi evitat it-tixrid tal-mard elenkat imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1), għandha:

(a)

tadatta d-demarkazzjonijiet taż-żona ristretta;

(b)

tistabbilixxi żoni ristretti addizzjonali.

3.   Fejn żoni ristretti kif previst fil-paragrafu 1 ikunu jinsabu fit-territorju ta' aktar minn Stat Membru wieħed, l-awtoritajiet kompetenti ta' dawk l-Istati Membri għandhom jikkooperaw biex jistabbilixxuhom.

4.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 264 rigward ir-regoli dettaljati għall-istabbiliment u l-modifika ta' żoni ristretti, inklużi żoni ta' protezzjoni jew sorveljanza.

Artikolu 65

Miżuri ta' kontroll tal-mard f'żoni ristretti

1.   L-awtorità kompetenti għandha tiżgura li, soġġetta għal rekwiżiti nazzjonali għall-kisba ta' aċċess għal residenzi privati, tittieħed waħda jew aktar minn dawn il-miżuri ta' kontroll tal-mard fiż-żona ristretta kkonċernata, sabiex jiġi evitat it-tixrid ulterjuri ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1):

(a)

l-identifikazzjoni stabbilimenti, negozji tal-ikel jew tal-għalf, stabbilimenti tal-prodotti sekondarji tal-annimali jew postijiet oħrajn fejn jinżammu annimali ta' speċijiet elenkati għal dik il-marda elenkata;

(b)

żjarat fl-istabbilimenti, in-negozji tal-ikel jew tal-għalf, l-istabbilimenti tal-prodotti sekondarji tal-annimali jew postijiet oħrajn fejn jinżammu annimali ta' speċijiet elenkati għal dik il-marda elenkata, u fejn meħtieġ, l-eżami, it-teħid ta' kampjuni u l-analiżi tal-kampjuni fil-laboratorju;

(c)

l-impożizzjoni ta' kondizzjonijiet għall-moviment ta' persuni, annimali, prodotti, għalf, vetturi u kwalunkwe materjal jew sustanza oħra li jistgħu jkunu kkontaminati jew jikkontribwixxu għat-tixrid ta' dik il-marda elenkata fi ħdan iż-żona ristretta u minnhom u t-trasport li jgħaddi miż-żona ristretta;

(d)

ir-rekwiżiti ta' bijosigurtà għal:

(i)

il-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali;

(ii)

il-ġbir u r-rimi ta' prodotti sekondarji tal-annimali;

(iii)

il-ġbir, il-ħżin u t-trattament ta' prodotti ġerminali;

(e)

it-tilqim u t-trattament bi prodotti mediċinali veterinarji oħra ta' annimali miżmuma f'konformità mal-Artikolu 46(1) u kwalunkwe att delegat adottat skont l-Artikolu 47;

(f)

it-tindif, id-diżinfezzjoni, il-kontroll ta' insetti u rodituri, jew miżuri ta' bijosigurtà meħtieġa oħrajn;

(g)

l-identifikazzjoni jew fejn rilevanti, l-approvazzjoni ta' stabbiliment ta' negozju tal-ikel għall-iskopijiet ta' tbiċċir ta' annimali jew it-trattament ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali li joriġinaw minn żona ristretta;

(h)

l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà ta' rekwiżiti għall-moviment ta' annimali, il-prodotti ġerminali jew prodotti li joriġinaw mill-annimali;

(i)

miżuri ta' bijosigurtà u miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju oħra meħtieġa sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun ir-riskju ta' tixrid ta' dik il-marda elenkata.

2.   L-awtorità kompetenti għandha:

(a)

tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tinforma b'mod sħiħ il-persuni fiż-żona ristretta dwar ir-restrizzjonijiet fis-seħħ u n-natura tal-miżuri ta' kontroll tal-marda;

(b)

timponi l-obbligi meħtieġa fuq l-operaturi meħtieġa sabiex tiġi evitata l-firxa ulterjuri tal-marda elenkata inkwistjoni.

3.   Meta jiġi deċiż liema miżuri ta' kontroll tal-mard previsti fil-paragrafu 1 għandhom jittieħdu, l-awtorità kompetenti għandha tqis dan li ġej:

(a)

il-profil tal-marda;

(b)

it-tipi ta' produzzjoni;

(c)

il-fattibbiltà, id-disponibbiltà u l-effettività ta' dawk il-miżuri ta' kontroll tal-mard.

Artikolu 66

Obbligi tal-operaturi rigward movimenti f'żoni ristretti

1.   F'żoni ristretti kif previst fl-Artikolu 64(1), l-operaturi għandhom biss iċaqalqu l-annimali u l-prodotti miżmuma bil-permess tal-awtorità kompetenti u f'konformità ma' kwalunkwe struzzjoni mogħtija minn dik l-awtorità.

2.   L-operaturi li jżommu annimali u prodotti f'żona ristretta kif previst fl-Artikolu 64(1) għandhom jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti l-intenzjoni li jċaqalqu l-annimali u l-prodotti miżmuma ġewwa ż-żona ristretta inkwistjoni jew barra. Dment li l-awtorità kompetenti tkun imponiet obbligi ta' notifika skont il-punt (b) tal-Artikolu 65(2), l-operaturi kkonċernati għandhom jinnotifikaw f'konformità ma' dawk l-obbligi.

Artikolu 67

Delega tas-setgħat li jikkonċernaw il-miżuri ta' kontroll tal-mard f'żoni ristretti

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264, rigward ir-regoli dettaljati dwar il-miżuri ta' kontroll tal-mard li għandhom jittieħdu f'żoni ristretti kif previst fl-Artikolu 65(1) għal kull marda elenkata msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1), inklużi regoli dwar liema miżuri ta' kontroll tal-mard imsemmija fl-Artikolu 65(1) għandhom jiġu applikati fil-każ ta' kull marda elenkata.

Dawk ir-regoli dettaljati għandhom ikopru l-materji li ġejjin:

(a)

il-kondizzjonijiet u r-rekwiżiti għal miżuri ta' kontroll tal-mard, previsti fil-punti (a), (c), (d), (e), (g), (h) u (i) tal-Artikolu 65(1);

(b)

il-proċeduri għat-tindif, id-diżinfezzjoni, il-kontroll ta' insetti u rodituri, jew kwalunkwe miżura ta' bijosigurtà meħtieġa oħra kif previst fil-punt (f) tal-Artikolu 65(1), li tispeċifika, fejn adatt, l-użu tal-prodotti bijoċidali għal dawk il-finijiet;

(c)

is-sorveljanza meħtieġa li għandha ssir wara l-applikazzjoni tal-miżuri ta' kontroll tal-mard u l-analiżijiet fil-laboratorju previsti fil-punt (b) tal-Artikolu 65(1);

(d)

miżuri speċifiċi oħra ta' kontroll tal-mard biex jiġi limitat it-tixrid ta' mard elenkat speċifiku kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1).

Artikolu 68

Miżuri għaż-żamma ta' kontroll tal-mard f'żoni ristretti u atti delegati

1.   L-awtorità kompetenti għandha tkompli tapplika l-miżuri ta' kontroll tal-mard previsti f'din it-Taqsima sakemm jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ikunu twettqu l-miżuri ta' kontroll tal-mard li jkunu adatti għall-marda elenkata msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) li għalihom huma jkunu ġew applikati;

(b)

tkun twettqet kif adatt l-aħħar tindifa, diżinfezzjoni, il-kontroll ta' insetti u rodituri, jew miżuri ta' bijosigurtà meħtieġa oħrajn fil-każ ta':

(i)

il-marda elenkata msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) li għaliha jkunu ġew applikati l-miżuri ta' kontroll tal-mard;

(ii)

l-ispeċijiet affettwati tal-annimali miżmuma;

(iii)

it-tip ta' produzzjoni;

(c)

tkun twettqet sorveljanza kif adatt għall-marda elenkata msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) li għaliha jkunu ġew applikati l-miżuri ta' kontroll tal-mard, u għat-tip ta' stabbiliment jew post ikkonċernat fiż-żona ristretta li tissostanzja l-eradikazzjoni ta' dik il-marda elenkata.

2.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264 rigward ir-regoli dettaljati dwar il-miżuri ta' kontroll tal-mard li għandhom jittieħdu mill-awtorità kompetenti, kif previst fil-paragrafu 1 b'rabta ma':

(a)

il-proċeduri finali għat-tindif, id-diżinfezzjoni, il-kontroll ta' insetti u rodituri, jew kwalunkwe miżura ta' bijosigurtà meħtieġa oħra u, fejn adatt, l-użu tal-prodotti bijoċidali għal dawk il-finijiet;

(b)

id-disinn, il-mezzi, il-metodi, il-frekwenza, l-intensità, il-popolazzjoni tal-annimali fil-mira u l-mudelli tat-teħid ta' kampjuni għas-sorveljanza bil-għan li jerġa' jinkiseb status ta' ħelsien mill-mard wara t-tifqigħa tal-marda;

(c)

ir-ripopolament taż-żona ristretta kkonċernata wara li jiġu kkompletati l-miżuri ta' kontroll tal-mard previsti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, b'kont meħud tal-kondizzjonijiet għar-ripopolament previsti fl-Artikolu 61(3).

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264 rigward ir-regoli dettaljati għall-miżuri ta' kontroll tal-mard li għandhom jittieħdu mill-awtorità kompetenti kif previst fil-paragrafu 1, b'rabta ma' miżuri oħrajn ta' kontroll tal-mard meħtieġa sabiex jerġa' jinkiseb l-istatus ta' ħelsien mill-mard.

Artikolu 69

Tilqim ta' emerġenza

1.   Fejn rilevanti għall-kontroll effettiv ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) li għaliha japplikaw il-miżuri ta' kontroll tal-mard, l-awtorità kompetenti tista':

(a)

tiżviluppa pjan ta' tilqim;

(b)

tistabbilixxi żoni tat-tilqim.

2.   Meta tkun qed tiddeċiedi dwar il-pjan tat-tilqim u l-istabbiliment taż-żoni ta' tilqim kif previst fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha tqis dan li ġej:

(a)

ir-rekwiżiti għal tilqim ta' emerġenza stipulati fil-pjanijiet ta' kontinġenza previsti fl-Artikolu 43;

(b)

ir-rekwiżiti għall-użu ta' vaċċini kif previst fl-Artikolu 46(1) u kwalunkwe att delegat adottat skont l-Artikolu 47.

3.   Iż-żoni tat-tilqim kif previst fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti fir-rigward tal-miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju biex jiġi evitat it-tixrid ta' mard elenkat u dwar sorveljanza kif stabbilit fi kwalunkwe att delegat adottat f'konformità mal-punti (c) u (d) tal-Artikolu 47(1).

Taqsima 5

Annimali selvaġġi

Artikolu 70

Annimali selvaġġi

1.   Fejn l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru affettwat tissuspetta jew tikkonferma uffiċjalment il-preżenza ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) f'annimali selvaġġi, din għandha:

(a)

twettaq, fejn rilevanti għal dik il-marda partikolari elenkata, sorveljanza fil-popolazzjoni tal-annimali selvaġġi;

(b)

tieħu l-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-marda.

2.   Il-miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-marda previsti fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jistgħu jinkludu waħda mill-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 53 sa 69 jew aktar u għandhom jikkunsidraw il-profil tal-marda u l-annimali selvaġġi affettwati u r-riskju ta' trasmissjoni ta' mard lil annimali u bnedmin.

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264 dwar:

(a)

kriterji u proċeduri għas-sorveljanza skont il-punt (a) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu f'każ ta' konferma uffiċjali ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1), f'konformità mal-Artikolu 27;

(b)

regoli dettaljati li jissupplimentaw il-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard li għandhom jittieħdu skont il-punt (b) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu fil-każ ta' konferma uffiċjali ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1).

Meta tadotta dawk l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-profil tal-marda u l-ispeċijiet elenkati għall-marda elenkata msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Taqsima 6

Miżuri addizzjonali ta' kontroll tal-mard mill-Istati Membri, koordinazzjoni mill-Kummissjoni u regoli speċjali temporanji ta' kontroll tal-mard

Artikolu 71

Miżuri addizzjonali ta' kontroll tal-mard, koordinazzjoni ta' miżuri u regoli speċjali temporanji ta' kontroll tal-mard li jikkonċernaw it-Taqsimiet 1 sa 5 (Artikoli 53 sa 70)

1.   L-Istati Membri jistgħu jieħdu miżuri ta' kontroll tal-mard addizzjonali għal dawk previsti fl-Artikolu 55, l-Artikolu 61(1), l-Artikolu 62, l-Artikolu 65(1) u (2) u l-Artikolu 68(1) u fi kwalunkwe att delegat adottat skont l-Artikolu 63, l-Artikolu 67 u l-Artikolu 68(2), dment li dawn il-miżuri jirrispettaw ir-regoli stabbiliti f'dan ir-Regolament u jkunu meħtieġa u proporzjonati biex jiġi kkontrollat it-tixrid ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1), b'kont meħud ta':

(a)

iċ-ċirkostanzi epidemjoloġiċi partikolari;

(b)

it-tip ta' stabbilimenti, postijiet u produzzjoni oħra kkonċernati;

(c)

l-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali involuti;

(d)

il-kondizzjonijiet ekonomiċi jew soċjali.

2.   L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mingħajr dewmien dwar:

(a)

il-miżuri ta' kontroll tal-mard meħuda mill-awtorità kompetenti tagħhom kif previst fl-Artikoli 58, 59, 61, 62, 64 u 65, l-Artikolu 68(1), l-Artikolu 69 u l-Artikolu 70(1) u (2) u fi kwalunkwe att delegat adottat skont l-Artikoli 63 u 67 u l-Artikolu 68(2) u 70(3);

(b)

kwalunkwe miżura oħra ta' kontroll tal-marda meħuda minnhom kif previst fil-paragrafu 1.

3.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina s-sitwazzjoni tal-mard u l-miżuri ta' kontroll tal-mard meħuda mill-awtorità kompetenti u kwalunkwe miżura oħra ta' kontroll tal-mard meħuda mill-Istat Membru kkonċernat, f'konformità ma' dan il-Kapitolu u tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi miżuri speċjali għall-kontroll tal-mard għal perijodu ta' żmien limitat, skont kondizzjonijiet xierqa għas-sitwazzjoni epidemjoloġika, fejn:

(a)

jirriżulta li dawk il-miżuri ta' kontroll tal-mard mhumiex adatti għas-sitwazzjoni epidemjoloġika;

(b)

il-marda elenkata msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 9(1) tkun tidher li qed tinxtered minkejja l-miżuri ta' kontroll tal-mard meħuda f'konformità ma' dan il-Kapitolu.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

4.   Għal raġunijiet imperattivi ta' urġenza debitament ġustifikati relatati ma' mard li jirrappreżenta riskju emerġenti ta' impatt sinifikanti ħafna, il-Kummissjoni għandha tadotta minnufih atti ta' implimentazzjoni applikabbli f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 266(3).

KAPITOLU 2

Miżuri għall-kontroll tal-mard għal mard elenkat kif imsemmi fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 9(1)

Taqsima 1

Miżuri ta' kontroll tal-mard fil-każ ta' suspett ta' mard f'annimali miżmuma

Artikolu 72

Obbligi għall-operaturi u persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati rilevanti oħra b'rabta mal-mard elenkat kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 9(1)

1.   Fil-każ ta' suspett ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 9(1) f'annimali miżmuma, minbarra li jikkonformaw mal-obbligu tan-notifika stipulat fl-Artikolu 18(1) u sakemm tittieħed kwalunkwe miżura ta' kontroll tal-mard mill-awtorità kompetenti f'konformità mal-Artikolu 74(1), l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri li jiżguraw li l-operaturi u persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati rilevanti oħra jieħdu l-miżuri għall-kontroll tal-mard kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 74(1) u fi kwalunkwe att delegat adottat skont l-Artikolu 74(4), biex jipprevjenu t-tixrid ta' dik il-marda elenkata mill-annimali, l-istabbilimenti u postijiet oħrajn affettwati taħt ir-responsabbiltà tagħhom lejn annimali mhux affettwati jew bnedmin oħrajn.

2.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 264 dwar regoli dettaljati li jissupplimentaw il-miżuri ta' kontroll tal-mard kif previst fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 73

Investigazzjoni mill-awtorità kompetenti fil-każ ta' suspett ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 9(1)

1.   Fil-każ ta' suspett ta' marda elenkata kif msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 9(1) f'annimali miżmuma, l-awtorità kompetenti għandha twettaq mingħajr dewmien investigazzjoni biex tikkonferma jew teskludi l-preżenza ta' dik il-marda elenkata.

2.   Għall-fini tal-investigazzjoni prevista fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li:

(a)

il-veterinarji uffiċjali jwettqu analiżi klinika ta' kampjun rappreżentattiv tal-annimali miżmuma tal-ispeċijiet elenkati għall-marda elenkata inkwistjoni;

(b)

il-veterinarji uffiċjali jieħdu kampjuni xierqa minn dawk l-annimali miżmuma tal-ispeċijiet elenkati u kampjuni oħrajn għal analiżi fil-laboratorji identifikati għal dak l-għan mill-awtorità kompetenti;

(c)

tali laboratorji identifikati jwettqu analiżijiet biex tiġi kkonfermata jew eskluża l-preżenza tal-marda elenkata inkwistjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264 dwar regoli dettaljati li jissupplimentaw ir-regoli għal investigazzjonijiet kif previstf fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 74

Miżuri preliminari ta' kontroll tal-mard mill-awtorità kompetenti għal mard elenkat kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 9(1)

1.   F'każ fejn l-awtorità kompetenti jkollha suspett ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 9(1) f'annimali miżmuma, hi għandha twettaq il-miżuri preliminari ta' kontroll tal-mard, soġġett għal rekwiżiti nazzjonali biex jinkiseb aċċess għal residenzi privati, sakemm joħorġu r-riżultati tal-investigazzjoni prevista fl-Artikolu 73(1) u jitwettqu l-miżuri ta' kontroll tal-mard previsti fl-Artikolu 79:

(a)

tapplika l-miżuri ta' kontroll tal-mard biex tillimita t-tixrid ta' dik il-marda elenkata mit-territorju, l-istabbiliment, in-negozju tal-ikel jew tal-għalf jew l-istabbiliment tal-prodotti sekondarji tal-annimali, jew kwalunkwe post ieħor affettwat;

(b)

tibda, fejn meħtieġ, inkjesta epidemjoloġika, b'kont meħud tar-regoli għal din l-inkjesta stipulati fl-Artikolu 57(1).

2.   Minbarra l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti tista', f'każijiet imsemmija f'dak il-paragrafu, tieħu miżuri preliminari addizzjonali ta' kontroll tal-mard, dment li dawk il-miżuri jirrispettaw id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni.

3.   Il-miżuri preliminari ta' kontroll tal-mard previsti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu xierqa u proporzjonati għar-riskju li jirriżulta mill-marda elenkata inkwistjoni, b'kont meħud ta' dan li ġej:

(a)

il-profil tal-marda;

(b)

l-annimali miżmuma affettwati;

(c)

l-istat ta' saħħa tal-Istat Membru, iż-żona, il-kompartiment jew l-istabbiliment li fih ikun hemm suspett tal-marda elenkata;

(d)

il-miżuri preliminari ta' kontroll tal-mard previsti fl-Artikolu 55(1) u l-Artikolu 56 u fi kwalunkwe att delegat adottat skont l-Artikolu 55(2).

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 264 fir-rigward tar-regoli għall-mard elenkat kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 9(1) li jissupplimentaw dawk stabbiliti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, filwaqt li jittieħed kont tal-materji msemmija fil-paragrafu 3, fir-rigward ta':

(a)

il-miżuri preliminari ta' kontroll tal-mard li għandhom jittieħdu biex jiġi evitat it-tixrid tal-marda elenkata, kif previst fil-punt (a) tal-paragrafu 1;

(b)

l-applikazzjoni tal-miżuri preliminari ta' kontroll tal-mard previsti fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għal stabbilimenti, unitajiet epidemjoloġiċi fihom, negozji tal-ikel jew tal-għalf jew stabbilimenti tal-prodotti sekondarji tal-annimali jew postijiet oħrajn;

(c)

l-istabbiliment ta' żoni ristretti temporanji, li huma xierqa fid-dawl tal-profil tal-marda.

Artikolu 75

Rieżami u estensjoni tal-miżuri preliminari ta' kontroll tal-mard għal mard elenkat kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 9(1)

Il-miżuri ta' kontroll tal-mard previsti fl-Artikolu 74(1) għandhom jiġu:

(a)

rieżaminati mill-awtorità kompetenti, kif xieraq, wara s-sejbiet tal-investigazzjoni prevista fl-Artikolu 73(1) u, fejn rilevanti, l-inkjesta epidemjoloġika prevista fil-punt (b) tal-Artikolu 74(1);

(b)

estiżi ulterjorment għal postijiet oħra, kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 74(4) fejn meħtieġ.

Artikolu 76

Obbligi ta' operaturi u persuni fiżiċi u ġuridiċi rilevanti oħrajn u miżuri li għandhom jittieħdu mill-awtorità kompetenti fil-każ ta' suspett ta' mard elenkat kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 9(1)

1.   Fil-każ ta' suspett ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 9(1) fi Stat Membru li jkun għażel programm ta' eradikazzjoni li jkopri l-partijiet rilevanti tat-territorju tiegħu jew żoni jew kompartimenti minnhom, kif previst fl-Artikolu 31(2), dak l-Istat Membru għandu jieħu miżuri biex jiżgura li l-operaturi u persuni fiżiċi u ġuridiċi oħrajn rilevanti kkonċernati jieħdu miżuri xierqa kif previst fl-Artikolu 72(1), sakemm tittieħed kwalunkwe miżura ta' kontroll tal-mard mill-awtorità kompetenti f'konformità mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.

2.   Fil-każ fejn l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru li jkun għażel li jeradika l-marda elenkata kif imsemmi fil-paragrafu 1, tissuspetta l-marda inkwistjoni f'annimali miżmuma, hi għandha:

(a)

twettaq mingħajr dewmien, investigazzjoni biex tikkonferma jew teskludi l-preżenza ta' dik il-marda elenkata f'konformità mal-Artikolu 73(1) u (2);

(b)

sakemm joħorġu r-riżultati tal-investigazzjoni prevista fil-punt (a) u jitwettqu l-miżuri ta' kontroll tal-mard f'konformità mal-Artikolu 80(1), twettaq il-miżuri preliminari ta' kontroll tal-mard previsti fl-Artikolu 74(1) u (2).

3.   L-awtorità kompetenti għandha tirrieżamina u testendi l-miżuri preliminari ta' kontroll tal-mard imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2, f'konformità mal-Artikolu 75.

4.   Il-paragrafi 1, 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom japplikaw ukoll għal Stati Membri jew żoni li jkunu kisbu status ta' ħelsien minn mard, sabiex iżommu dan l-istatus, f'konformità mal-Artikolu 36, jew għal kompartimenti f'konformità mal-Artikolu 37(2).

5..   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 264 dwar regoli dettaljati li jissupplimentaw ir-regoli fir-rigward ta':

(a)

miżuri ta' kontroll tal-mard previsti fil-paragrafu 1;

(b)

l-investigazzjoni prevista fil-punt (a) tal-paragrafu 2;

(c)

il-miżuri preliminari ta' kontroll tal-mard li għandhom jittieħdu biex jiġi evitat it-tixrid tal-marda elenkata, kif previst fil-punt (b) tal-paragrafu 2.

Taqsima 2

Konferma tal-mard fl-annimali miżmuma

Artikolu 77

Konferma uffiċjali tal-marda mill-awtorità kompetenti

1.   L-awtorità kompetenti għandha tibbaża l-konferma uffiċjali ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (b) jew (c) tal-Artikolu 9(1) fuq l-informazzjoni li ġejja:

(a)

ir-riżultati tal-analiżijiet kliniċi u tal-laboratorju previsti fl-Artikolu 73(2);

(b)

l-inkjesta epidemjoloġika prevista fil-punt (b) tal-Artikolu 74(1), fejn rilevanti;

(c)

data epidemjoloġika disponibbli oħra.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 264 dwar ir-rekwiżiti li għandhom jiġu sodisfatti għall-konferma uffiċjali msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 78

Tneħħija tal-miżuri preliminari ta' kontroll tal-mard meta l-okkorrenza ta' marda tiġi eskluża

L-awtorità kompetenti għandha tkompli tapplika l-miżuri preliminari ta' kontroll tal-mard previsti fl-Artikolu 74(1), l-Artikolu 75 u l-punt (b) tal-Artikolu 76(2) sakemm tiġi eskluża l-preżenza tal-mard elenkat inkwistjoni f'konformità mal-Artikolu 77(1) u kwalunkwe regola adottata skont l-Artikolu 77(2).

Taqsima 3

Miżuri ta' kontroll tal-mard fil-każ tal-konferma ta' marda f'annimali miżmuma

Artikolu 79

Miżuri ta' kontroll tal-mard mill-awtorità kompetenti għall-mard elenkat kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 9(1)

Fil-każ ta' konferma uffiċjali f'konformità mal-Artikolu 77(1) ta' tifqigħa ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 9(1) f'annimali miżmuma, l-awtorità kompetenti għandha, fi Stat Membru, żona jew kompartiment, skont x'ikun rilevanti għal dik it-tifqigħa:

(a)

tapplika l-miżuri ta' kontroll tal-mard stabbiliti fil-programm obbligatorju ta' eradikazzjoni previst fl-Artikolu 31(1) għal dik il-marda elenkata; jew

(b)

fejn l-Istat Membru jew iż-żona, jew kompartiment, ikun kiseb status ta' ħelsien mill-mard f'konformità mal-Artikolu 36 jew mal-Artikolu 37 rispettivament:

(i)

tieħu waħda jew iktar mill-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 53 sa 69 b'mod proporzjonat għar-riskju li jirriżulta mill-mard elenkat inkwistjoni, u

(ii)

fejn ikun meħtieġ, tibda l-programm obbligatorju ta' eradikazzjoni għal dik il-marda elenkata.

Artikolu 80

Miżuri ta' kontroll tal-mard li għandhom jittieħdu mill-awtorità kompetenti għall-mard elenkat imsemmi fl-Artikolu 9(1)(c)

1.   Fil-każ ta' konferma uffiċjali skont l-Artikolu 77(1) ta' tifqigħa ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 9(1) f'annimali miżmuma fi Stat Membru li jkun għażel programm ta' eradikazzjoni li jkopri l-partijiet rilevanti tat-territorju tiegħu jew żoni jew kompartimenti minnhom, kif previst fl-Artikolu 31(2), skont x'ikun rilevanti għal dik il-marda elenkata u dik it-tifqigħa, l-awtorità kompetenti għandha tapplika l-miżuri ta' kontroll tal-mard stabbiliti fil-programm fakultattiv ta' eradikazzjoni.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tieħu miżuri ta' kontroll tal-mard addizzjonali previsti fil-paragrafu 1 li jistgħu jinkludu waħda jew iktar mill-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 53 sa 69 u għandhom ikunu proporzjonati għar-riskju li jirriżulta mill-marda elenkata inkwistjoni, u għandha tikkunsidra:

(a)

il-profil tal-marda;

(b)

l-annimali miżmuma affettwati;

(c)

l-impatti ekonomiċi u soċjali.

3.   Fil-każ ta' konferma uffiċjali skont l-Artikolu 77(1) ta' tifqigħa ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 9(1) f'annimali miżmuma fi Stat Membru, żona jew kompartiment li jkun kiseb l-istatus ta' ħelsien mill-mard skont l-Artikolu 36 jew l-Artikolu 37, u sabiex jinżamm dan l-istatus, l-awtorità kompetenti għandha tieħu waħda mill-miżuri jew aktar stabbiliti fl-Artikoli 53 sa 69. Il-miżuri previsti għandhom ikunu proporzjonati għar-riskju li ġġib magħha l-marda elenkata inkwistjoni u għandhom jieħdu kont ta':

(a)

il-profil tal-marda;

(b)

l-annimali miżmuma affettwati;

(c)

l-impatti ekonomiċi u soċjali.

Taqsima 4

Annimali selvaġġi

Artikolu 81

Miżuri ta' kontroll tal-mard għal mard elenkat kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 9(1) f'annimali selvaġġi

Fil-każ fejn l-awtorità kompetenti ta' Stat Membru affettwat tissuspetta jew tikkonferma uffiċjalment it-tifqigħa ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 9(1) f'annimali selvaġġi, hi għandha, fit-territorju kollu tagħha, jew fl-erja jew fiż-żona kkonċernata, skont x'ikun rilevanti għal dik it-tifqigħa:

(a)

tapplika l-miżuri ta' kontroll tal-mard stabbiliti fil-programm obbligatorju ta' eradikazzjoni previst fl-Artikolu 30(1) għal dik il-marda elenkata; jew

(b)

tibda programm obbligatorju ta' eradikazzjoni, meta l-programm ta' eradikazzjoni previst fl-Artikolu 31(1) għal dik il-marda elenkata ma jkunx għadu ġie applikat minħabba l-assenza ta' dik il-marda jew il-ħelsien minnha preċedentement, u jekk il-miżuri għall-annimali selvaġġi jkunu meħtieġa sabiex jiġi kkontrollat u evitat it-tixrid ta' dik il-marda.

Artikolu 82

Miżuri ta' kontroll tal-mard għal mard elenkat kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 9(1) f'annimali selvaġġi

1.   Fil-każ li awtorità kompetenti tissuspetta jew tikkonferma uffiċjalment xi marda elenkata kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 9(1) f'annimali selvaġġi u l-Istat Membru affettwat ikun għażel li jeradika l-marda inkwistjoni, u dment li jkunu previsti miżuri għal annimali selvaġġi fil-programm fakultattiv ta' eradikazzjoni previst fl-Artikolu 31(2) għal dik il-marda elenkata, l-awtorità kompetenti għandha tapplika l-miżuri ta' kontroll tal-mard stabbiliti f'dak il-programm ta' eradikazzjoni fakultattiv fit-territorju kollu tal-Istat Membru, fl-erja jew fiż-żona kkonċernati, skont xi jkun rilevanti għal dak is-suspett jew dik il-konferma uffiċjali.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tieħu miżuri ta' kontroll tal-mard addizzjonali previsti fil-paragrafu 1, li jistgħu jinkludu waħda jew iktar mill-miżuri stabbiliti fl-Artikolu 53 sa 69 u għandhom ikunu proporzjonati għar-riskju li jirriżulta mill-marda elenkata inkwistjoni, u għandha tikkunsidra:

(a)

il-profil tal-marda;

(b)

l-annimali selvaġġi affettwati u r-riskju ta' trasmissjoni ta' mard lil annimali u bnedmin; u

(c)

l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

3.   Fil-każ ta' konferma uffiċjali ta' tifqigħa ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 9(1) f'annimali selvaġġi fi Stat Membru, żona jew kompartiment li jkun kiseb l-istatus ta' ħelsien mill-mard skont l-Artikolu 36 jew l-Artikolu 37, u sabiex jinżamm dan l-istatus, l-awtorità kompetenti għandha tieħu waħda mill-miżuri jew aktar stabbiliti fl-Artikoli 53 sa 69. Il-miżuri previsti għandhom ikunu proporzjonati għar-riskju li ġġib magħha l-marda elenkata inkwistjoni u għandhom jieħdu kont ta':

(a)

il-profil tal-marda;

(b)

l-annimali selvaġġi affettwati u r-riskju ta' trasmissjoni ta' mard lil annimali u bnedmin;

(c)

ir-rilevanza tal-preżenza tal-marda f'annimali selvaġġi fir-rigward tal-istat ta' saħħa tal-annimali miżmuma; u

(d)

l-impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali.

Taqsima 5

Koordinazzjoni mill-Kummissjoni u regoli speċjali temporanji għall-kontroll tal-mard

Artikolu 83

Koordinazzjoni ta' miżuri mill-Kummissjoni u regoli speċjali temporanji rigward it-Taqsimiet 1 sa 4

1.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bi:

(a)

miżuri ta' kontroll tal-mard meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom f'konformità mal-Artikoli 77(1), 78, 79 u 81 u ma' kwalunkwe att delegat adottat skont l-Artikolu 77(2) fir-rigward ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 9(1);

(b)

miżuri ta' kontroll tal-mard meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom, konformità mal-Artikoli 77(1), 78, 80(1) u 82 u ma' kwalunkwe att delegat adottat skont l-Artikolu 77(2) fir-rigward ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (c) tal-Artikolu 9(1).

2.   Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina s-sitwazzjoni tal-marda u l-miżuri ta' kontroll tal-marda meħuda mill-awtorità kompetenti f'konformità ma' dan il-Kapitolu u tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli speċjali għal miżuri ta' kontroll tal-mard għal perijodu limitat ta' żmien fir-rigward ta' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (b) jew fil-punt (c) tal-Artikolu 9(1), skont kondizzjonijiet xierqa għas-sitwazzjoni epidemjoloġika, fejn:

(a)

jirriżulta li dawk il-miżuri ta' kontroll tal-mard meħuda mill-awtorità kompetenti inkwistjoni mhumiex adatti għas-sitwazzjoni epidemjoloġika;

(b)

dik il-marda elenkata tidher li qed tinxtered minkejja l-miżuri ta' kontroll tal-marda meħuda f'konformità ma' dan il-Kapitolu, fejn rilevanti.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

3.   Għal raġunijiet ta' urġenza importanti ferm u debitament ġustifikati relatati ma' marda elenkata kif imsemmi fil-punt (b) jew fil-punt (c) tal-Artikolu 9(1) li tirrappreżenta riskju emerġenti ta' impatt sinifikanti ħafna, il-Kummissjoni għandha minnufih tadotta atti ta' implimentazzjoni applikabbli f'konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 266(3).

PARTI IV

REĠISTRAZZJONI, APPROVAZZJONI, TRAĊĊABBILTÀ U MOVIMENTI

TITOLU I

ANNIMALI TERRESTRI, PRODOTTI ĠERMINALI U PRODOTTI LI JORIĠINAW MILL-ANNIMALI TERRESTRI

KAPITOLU 1

Reġistrazzjoni, approvazzjoni, żamma ta' rekords u reġistri

Taqsima 1

Reġistrazzjoni ta' stabbilimenti u ċerti tipi ta' operaturi

Artikolu 84

Obbligu tal-operaturi li jirreġistraw l-istabbilimenti

1.   L-operaturi ta' stabbilimenti li jżommu l-annimali terrestri jew li jiġbru, jipproduċi, jipproċessaw jew jaħżnu prodotti ġerminali, għandhom, bil-għan li l-istabbilimenti tagħhom jiġu reġistrati f'konformità mal-Artikolu 93, qabel ma jibdew dawn l-attivitajiet:

(a)

jinformaw lill-awtorità kompetenti bi kwalunkwe stabbiliment ta' dan it-tip li jkun taħt ir-responsabbiltà tagħhom;

(b)

jipprovdu lill-awtorità kompetenti bl-informazzjoni li ġejja:

(i)

l-isem u l-indirizz tal-operatur ikkonċernat;

(ii)

il-post tal-istabbiliment u deskrizzjoni tal-faċilitajiet tiegħu;

(iii)

il-kategoriji, l-ispeċijiet u n-numri jew il-kwantitajiet ta' annimali terrestri miżmuma jew prodotti ġerminali li biħsiebhom iżommu fl-istabbiliment u l-kapaċità tal-istabbiliment;

(iv)

it-tip ta' stabbiliment; u

(v)

kwalunkwe aspett ieħor tal-istabbiliment li huwa rilevanti biex jiġi ddeterminat ir-riskju ppreżentat minnu.

2.   L-operaturi tal-istabbilimenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti bi:

(a)

kwalunkwe bidla fl-istabbiliment inkwistjoni rigward il-materji msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1;

(b)

kwalunkwe waqfien tal-attività mill-operatur jew l-istabbiliment ikkonċernat.

3.   L-istabbilimenti li huma soġġetti għall-approvazzjoni f'konformità mal-Artikolu 94(1) m'għandhomx ikunu meħtieġa jipprovdu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 85

Derogi mill-obbligu tal-operaturi li jirreġistraw l-istabbilimenti

B'deroga mill-Artikolu 84(1), l-Istati Membri jistgħu jeżentaw mir-rekwiżit ta' reġistrazzjoni, ċerti kategoriji ta' stabbilimenti li ma joħolqux riskju sinifikanti, kif previst f'att ta' implimentazzjoni adottat f'konformità mal-Artikolu 86(2). L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'tali eżenzjonijiet.

Artikolu 86

Setgħat ta' implimentazzjoni rigward l-obbligu tal-operaturi li jirreġistraw l-istabbilimenti

1.   Permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi regoli rigward l-informazzjoni li għandha tingħata mill-operaturi għall-fini tar-reġistrazzjoni tal-istabbilimenti kif previst fl-Artikolu 84(1), inklużi l-iskadenzi sa meta għandha tingħata din l-informazzjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli dwar it-tipi ta' stabbilimenti li jistgħu jiġu eżentati mir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 85, abbażi ta':

(a)

l-ispeċijiet, il-kategoriji u n-numri ta' annimali terrestri miżmuma u prodotti ġerminali fl-istabbiliment inkwistjoni u l-kapaċità ta' dak l-istabbiliment;

(b)

it-tip ta' stabbiliment; u

(c)

il-movimenti tal-annimali terrestri miżmuma jew tal-prodotti ġerminali li jidħlu jew joħorġu mill-istabbiliment.

3.   L-atti ta' implimentazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

Artikolu 87

Obbligi ta' reġistrazzjoni tat-trasportaturi ta' annimali ungulati miżmuma u atti delegati

1.   It-trasportaturi ta' annimali ungulati miżmuma involuti fit-trasport ta' dawk l-annimali bejn l-Istati Membri jew bejn Stat Membru u pajjiż terz għandhom, sabiex jiġu rreġistrati f'konformità mal-Artikolu 93, qabel dawn jibdew dawn l-attivitajiet:

(a)

jinformaw lill-awtorità kompetenti dwar l-attività tagħhom;

(b)

jipprovdu lil dik l-awtorità kompetenti b'informazzjoni dwar:

(i)

l-isem u l-indirizz tat-trasportatur ikkonċernat;

(ii)

il-kategoriji, l-ispeċijiet u n-numri ta' annimali ungulati miżmuma li għalihom huwa ppjanat it-trasport;

(iii)

it-tip ta' trasport;

(iv)

il-mezz tat-trasport.

2.   It-trasportaturi kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti bi:

(a)

kwalunkwe bidla rigward il-materji msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1;

(b)

kwalunkwe waqfien mill-attività tat-trasport.

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 264 fejn tissupplimenta r-regoli previsti fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, fejn teħtieġ lil tipi oħra ta' trasportaturi li l-attività ta' trasport tagħhom tippreżenta riskji speċifiċi u sinifikanti għal ċerti speċijiet jew kategoriji ta' annimali, li jipprovdu informazzjoni adegwata għall-finijiet li tiġi rreġistrata l-attività tagħhom.

Artikolu 88

Derogi mill-obbligu ta' reġistrazzjoni tat-trasportaturi tal-annimali ungulati miżmuma

B'deroga mill-Artikolu 87(1), l-Istati Membri jistgħu jeżentaw mill-obbligu ta' reġistrazzjoni ċerti kategoriji ta' trasportaturi li l-attività ta' trasport tagħhom ma toħloqx riskju sinifikanti, kif previst f'att ta' implimentazzjoni adottat f'konformità mal-Artikolu 89(2). L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'tali eżenzjonijiet.

Artikolu 89

Setgħat ta' implimentazzjoni rigward l-obbligu ta' reġistrazzjoni tat-trasportaturi

1.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli rigward l-informazzjoni li għandha tingħata mit-trasportaturi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-attività tagħhom, kif previst fl-Artikolu 87(1) u (3), inklużi l-iskadenzi sa meta għandha tingħata din l-informazzjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli dwar it-tipi ta' trasportaturi li jistgħu jiġu eżentati mir-rekwiżit tar-reġistrazzjoni minn Stati Membri f'konformità mal-Artikolu 86, abbażi ta':

(a)

id-distanzi tat-trasport ta' dawk l-annimali ungulati inkwistjoni; u

(b)

il-kategoriji, l-ispeċijiet u n-numru ta' annimali ungulati li jittrasportaw.

3.   L-atti ta' implimentazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

Artikolu 90

Obbligu ta' reġistrazzjoni tal-operaturi li jwettqu operazzjonijiet ta' assemblaġġ indipendentement mill-istabbiliment

1.   L-operaturi li jwettqu operazzjonijiet ta' assemblaġġ għal annimali ungulati u tjur miżmuma, indipendentement mill-istabbiliment, inkluż dawk li jixtru u jbiegħu l-annimali, bil-għan li jiġu rreġistrati f'konformità mal-Artikolu 93 u qabel ma jibdew l-attivitajiet tagħhom, għandhom jipprovdu l-informazzjoni li ġejja lill-awtorità kompetenti:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-operatur ikkonċernat;

(b)

l-ispeċijiet u l-kategoriji ta' annimali ungulati u tjur miżmuma koperti mill-attività tagħhom.

2.   L-operaturi kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti bi:

(a)

kwalunkwe bidla li tikkonċerna l-materji msemmija fil-paragrafu 1;

(b)

kwalunkwe waqfien tal-attività mill-operatur ikkonċernat.

Artikolu 91

Derogi mill-obbligu ta' reġistrazzjoni tal-operaturi li jwettqu operazzjonijiet ta' assemblaġġ

B'deroga mill-Artikolu 90(1), l-Istati Membri jistgħu jeżentaw ċerti kategoriji ta' operaturi li jwettqu operazzjonijiet ta' assemblaġġ li ma joħolqux riskju sinifikanti mir-rekwiżit ta' reġistrazzjoni, kif previst f'att ta' implimentazzjoni adottat f'konformità mal-Artikolu 92(2). L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b'tali eżenzjonijiet.

Artikolu 92

Setgħat ta' implimentazzjoni rigward l-obbligu ta' reġistrazzjoni tal-operaturi li jwettqu operazzjonijiet ta' assemblaġġ

1.   Permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi regoli rigward l-informazzjoni li għandha tingħata mill-operaturi għall-fini ta' reġistrazzjoni kif previst fl-Artikolu 90(1), inklużi l-iskadenzi sa meta għandha tingħata din l-informazzjoni.

2.   Permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi regoli rigward it-tipi ta' operaturi li jistgħu jkunu eżentati mir-rekwiżit ta' reġistrazzjoni minn Stati Membri f'konformità mal-Artikolu 91, dment li l-attività ta' tali operaturi ma toħloqx riskju sinifikanti u abbażi tal-ispeċijiet, il-kategoriji u n-numri ta' annimali terrestri miżmuma koperti mill-attività tagħhom.

3.   L-atti ta' implimentazzjoni msemmija f'dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

Artikolu 93

Obbligu tal-awtorità kompetenti rigward ir-reġistrazzjoni

Awtorità kompetenti għandha tirreġistra:

(a)

l-istabbilimenti fir-reġistru previst fl-Artikolu 101(1), meta l-operatur ikkonċernat ikun ipprovda l-informazzjoni meħtieġa f'konformità mal-Artikolu 84(1);

(b)

it-trasportaturi fir-reġistru previst fl-Artikolu 101(1), meta t-trasportatur ikkonċernat ikun ipprovda l-informazzjoni meħtieġa f'konformità mal-Artikolu 87(1) u (3);

(c)

l-operaturi li jwettqu operazzjonijiet ta' assemblaġġ indipendentement mill-istabbiliment, fir-reġistru previst fl-Artikolu 101(1), meta l-operatur ikkonċernat ikun ipprovda l-informazzjoni meħtieġa f'konformità mal-Artikolu 90(1).

L-awtorità kompetenti għandha tassenja numru ta' reġistrazzjoni uniku lil kull stabbiliment, trasportatur u operatur kif imsemmi fil-punti (a) sa (c) tal-ewwel paragrafu.

Taqsima 2

Approvazzjoni ta' ċerti tipi ta' stabbilimenti

Artikolu 94

Approvazzjoni ta' ċerti stabbilimenti u atti delegati

1.   L-operaturi tat-tipi ta' stabbilimenti li ġejjin għandhom japplikaw għand l-awtorità kompetenti għal approvazzjoni f'konformità mal-Artikolu 96(1) u ma għandhomx jibdew l-attivitajiet tagħhom sakemm l-istabbiliment tagħhom jkun ġie approvat f'konformità mal-Artikolu 97(1):

(a)

stabbilimenti għal operazzjonijiet ta' assemblaġġ tal-annimali ungulati u t-tjur minn fejn dawk l-annimali jiġu trasferiti lejn Stat Membru ieħor jew li jirċievu annimali minn Stat Membru ieħor;

(b)

stabbilimenti ta' prodotti ġerminali għal annimali bovini, porċini, ovini, kaprini u ekwini li minnhom il-prodotti ġerminali ta' dawk l-annimali jiġu trasferiti lejn Stat Membru ieħor;

(c)

imfaqas li minnhom il-bajd għat-tfaqqis jew it-tajr jiġu trasferiti lejn Stat Membru ieħor;

(d)

stabbilimenti li jżommu t-tjur li minnhom it-tjur maħsub għal finijiet esklużi t-tbiċċir jew il-bajd għat-tfaqqis jiġu trasferiti lejn Stat Membru ieħor;

(e)

kwalunkwe tip ieħor ta' stabbiliment għal annimali terrestri miżmuma li hu ta' theddida sinifikanti u li jeħtieġ li jiġi approvat f'konformità mar-regoli stabbiliti f'att delegat adottat f'konformità mal-punt (b) tal-paragrafu 3.

2.   L-operaturi għandhom itemmu attività fi stabbiliment kif imsemmi fil-paragrafu 1 meta:

(a)

l-awtorità kompetenti tirtira jew tissospendi l-approvazzjoni tagħha skont l-Artikolu 100(2); jew

(b)

fil-każ ta' approvazzjoni kondizzjonali, mogħtija f'konformità mal-Artikolu 99(3), l-istabbiliment inkwistjoni ma jikkonformax mar-rekwiżiti pendenti msemmija fl-Artikolu 99(3) u ma jiksibx l-approvazzjoni finali f'konformità mal-Artikolu 97(1).

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264 dwar:

(a)

derogi mir-rekwiżit għall-operaturi tat-tipi ta' stabbilimenti msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-paragrafu 1 li japplikaw għand l-awtorità kompetenti għal approvazzjoni, meta dawk l-istabbilimenti ma joħolqux riskju sinifikanti;

(b)

it-tipi ta' stabbilimenti li jridu jiġu approvati f'konformità mal-punt (e) tal-paragrafu 1;

(c)

regoli speċjali għall-waqfien ta' attivitajiet għall-istabbilimenti tal-prodotti ġerminali kif imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1.

4.   Meta tkun qed tadotta l-atti delegati kif previst fil-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tibbaża dawk l-atti fuq il-kriterji li ġejjin:

(a)

l-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali terrestri miżmuma jew il-prodotti ġerminali fi stabbiliment;

(b)

in-numru ta' speċijiet u n-numru ta' annimali terrestri miżmuma jew prodotti ġerminali miżmuma fi stabbiliment;

(c)

it-tip ta' stabbiliment u t-tip ta' produzzjoni; u

(d)

il-movimenti tal-annimali terrestri miżmuma jew il-prodotti ġerminali li jidħlu jew joħorġu minn dawk it-tipi ta' stabbilimenti.

Artikolu 95

Approvazzjoni ta' status ta' stabbilimenti konfinati

L-operaturi ta' stabbilimenti li jixtiequ jiksbu l-istatus ta' stabbiliment konfinat għandhom:

(a)

japplikaw għand l-awtorità kompetenti għal approvazzjoni skont l-Artikolu 96(1);

(b)

jittrasferixxu l-annimali miżmuma lejn l-istabbiliment tagħhom jew minnu f'konformità mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 137(1) u kwalunkwe att delegat adottat f'konformità mal-Artikolu 137(2) biss wara li l-istabbiliment tagħhom ikun kiseb approvazzjoni ta' dak l-istatus mill-awtorità kompetenti f'konformità mal-Artikoli 97 u 99.

Artikolu 96

Obbligu tal-operaturi li jipprovdu informazzjoni bil-ħsieb li jiksbu l-approvazzjoni u atti ta' implimentazzjoni

1.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-operaturi għall-approvazzjoni tal-istabbiliment tagħhom kif previst fl-Artikolu 94(1) u l-punt (a) tal-Artikolu 95, l-operaturi għandhom jipprovdu informazzjoni li ġejja lill-awtorità kompetenti:

(a)

l-isem u l-indirizz tal-operatur ikkonċernat;

(b)

il-post tal-istabbiliment ikkonċernat u deskrizzjoni tal-faċilitajiet tiegħu;

(c)

il-kategoriji, l-ispeċijiet u n-numru ta' annimali terrestri miżmuma jew prodotti ġerminali rilevanti għall-approvazzjoni miżmuma fl-istabbiliment;

(d)

it-tip ta' stabbiliment;

(e)

aspetti oħra tal-istabbiliment, relatati mal-ispeċifiċità tiegħu, li huma rilevanti biex jiġi ddeterminat ir-riskju, jekk hemm, ippreżentat minnu.

2.   L-operaturi tal-istabbilimenti kif imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinfurmaw lill-awtorità kompetenti bi:

(a)

kwalunkwe bidliet fl-istabbilimenti rigward il-materji msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1;

(b)

kwalunkwe waqfien tal-attività mill-operatur jew tal-istabbiliment ikkonċernat.

3.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli rigward l-informazzjoni li għandha tingħata mill-operaturi fl-applikazzjoni tagħhom għall-approvazzjoni tal-istabbiliment tagħhom f'konformità mal-paragrafu 1, u l-iskadenzi sa meta għandha tingħata l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u fil-punt (b) tal-paragrafu 2.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

Artikolu 97

Għoti ta' approvazzjoni u kondizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-istabbilimenti u atti delegati

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom biss japprovaw l-istabbilimenti kif previst fl-Artikolu 94(1) u fil-punt (a) tal-Artikolu 95 fejn dawn l-istabbilimenti:

(a)

jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin, fejn adatt, fir-rigward ta':

(i)

kwarantina, iżolament u miżuri oħrajn ta' bijosigurtà b'kont meħud tar-rekwiżiti previsti fil-punt (b) tal-Artikolu 10(1) u kwalunkwe regola adottata skont l-Artikolu 10(2);

(ii)

ir-rekwiżiti ta' sorveljanza kif previst fl-Artikolu 24 u, fejn rilevanti għat-tip ta' stabbiliment ikkonċernat u r-riskju involut, fl-Artikolu 25;

(iii)

iż-żamma ta' reġistri kif previst fl-Artikoli 102 u 103 u kwalunkwe regola adottata skont l-Artikoli 106 u 107;

(b)

ikollhom faċilitajiet u tagħmir li huma:

(i)

adegwati biex jitnaqqas ir-riskju tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' mard għal livell aċċettabbli, b'kont meħud tat-tip ta' stabbiliment ikkonċernat;

(ii)

ta' kapaċità adegwata għan-numru ta' annimali terrestri miżmuma jew għall-volum ta' prodotti ġerminali kkonċernati;

(c)

ma joħolqux riskju inaċċettabbli fir-rigward tat-tixrid tal-mard, b'kont meħud tal-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju li jkunu fis-seħħ;

(d)

ikollhom persunal imħarreġ b'mod adegwat għall-attività tal-istabbiliment ikkonċernat;

(e)

ikollhom stabbilita sistema li tippermetti lill-operatur ikkonċernat li juri lill-awtorità kompetenti l-konformità mal-punti (a) sa (d).

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 264 dwar:

(a)

kwarantina, iżolament u miżuri ta' bijosigurtà oħrajn kif imsemmi fil-punt (a)(i) tal-paragrafu 1;

(b)

is-sorveljanza kif imsemmi fil-punt (a)(ii) tal-paragrafu 1;

(c)

il-faċilitajiet u t-tagħmir kif imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1;

(d)

ir-responsabbiltajiet, il-kompetenza u t-taħriġ speċjalizzat tal-persunal u l-veterinarji kif previst fil-punt (d) tal-paragrafu 1 għall-attività ta' stabbilimenti ta' prodotti ġerminali u stabbilimenti għall-operazzjonijiet ta' assemblaġġ ta' annimali ungulati u tjur;

(e)

is-superviżjoni meħtieġa mill-awtorità kompetenti ta' stabbilimenti ta' prodotti ġerminali u stabbilimenti għall-operazzjonijiet ta' assemblaġġ ta' annimali ungulati u tjur.

3.   Meta l-Kummissjoni tistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu stabbiliti f'atti delegati li għandhom jiġu adottati skont il-paragrafu 2, hi għandha tibbaża dawk ir-regoli fuq il-kwistjonijiet li ġejjin:

(a)

ir-riskji ppreżentati minn kull tip ta' stabbiliment;

(b)

l-ispeċijiet u l-kategoriji ta' annimali terrestri miżmuma, rilevanti għall-approvazzjoni;

(c)

it-tip ta' produzzjoni kkonċernata;

(d)

ix-xejriet tal-moviment tipiku tat-tip ta' stabbiliment u l-ispeċijiet u l-kategoriji ta' annimali miżmuma f'dawk l-istabbilimenti.

Artikolu 98

Kamp ta' applikazzjoni tal-approvazzjoni tal-istabbilimenti

L-awtorità kompetenti għandha tispeċifika espressament fl-approvazzjoni ta' stabbiliment mogħtija skont l-Artikolu 97(1), wara applikazzjoni li tkun saret f'konformità mal-Artikolu 94(1) jew mal-punt (a) tal-Artikolu 95:

(a)

għal liema tipi ta' stabbilimenti msemmija fl-Artikolu 94(1) u l-Artikolu 95, u fir-regoli adottati skont il-punt (b) tal-Artikolu 94(3), tapplika l-approvazzjoni;

(b)

għal liema speċijiet u kategoriji ta' annimali terrestri miżmuma jew prodotti ġerminali ta' dawk l-ispeċijiet, tapplika l-approvazzjoni.

Artikolu 99

Proċeduri għall-għoti ta' approvazzjoni mill-awtorità kompetenti

1.   L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-operaturi meta japplikaw għall-approvazzjoni tal-istabbilimenti tagħhom f'konformità mal-Artikolu 94(1), l-Artikolu 95 jew l-Artikolu 96(1).

2.   Malli tiġi riċevuta applikazzjoni għall-approvazzjoni min-naħa tal-operatur, l-awtorità kompetenti għandha tagħmel żjara fuq il-post, f'konformità mal-Artikolu 94(1) jew il-punt (a) tal-Artikolu 95.

3.   Dment li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 97 u l-paragrafi (1) u (2) ta' dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti għandha tagħti l-approvazzjoni.

4.   Fejn stabbiliment ma jissodisfax ir-rekwiżiti kollha għall-approvazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 97, l-awtorità kompetenti tista' tagħti approvazzjoni kondizzjonali ta' stabbiliment jekk jidher, abbażi tal-applikazzjoni mill-operatur ikkonċernat u żjara sussegwenti fuq il-post kif previst fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, li l-istabbiliment jissodisfa r-rekwiżiti ewlenin kollha li jipprovdu biżżejjed garanziji li l-istabbiliment ma jirrappreżentax riskju sinifikanti.

5.   Fejn tkun ingħatat approvazzjoni kondizzjonali mill-awtorità kompetenti f'konformità mal-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, din għandha tagħti approvazzjoni sħiħa biss jekk jidher minn żjara oħra fuq il-post tal-istabbiliment, imwettqa fi żmien tliet xhur mid-data meta tkun ingħatat l-approvazzjoni kondizzjonali, jew mid-dokumentazzjoni pprovduta mill-operatur fi żmien tliet xhur minn dik id-data, li l-istabbiliment jissodisfa r-rekwiżiti kollha għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 97(1) u r-regoli adottati skont l-Artikolu 97(2).

Fejn iż-żjara fuq il-post jew id-dokumentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu juru li jkun sar progress ċar iżda li l-istabbiliment għadu ma jissodisfax dawk ir-rekwiżiti kollha, l-awtorità kompetenti tista' ttawwal l-approvazzjoni kondizzjonali. Madankollu, l-approvazzjoni kondizzjonali m'għandhiex tingħata għal perijodu totali ta' aktar minn sitt xhur.

Artikolu 100

Reviżjoni, sospensjoni u rtirar ta' approvazzjonijiet mill-awtorità kompetenti

1.   L-awtorità kompetenti għandha żżomm l-approvazzjonijiet tal-istabbilimenti li jkunu ngħataw f'konformità mal-Artikoli 97 u 99 taħt rieżami, skont intervalli opportuni bbażati fuq ir-riskju involut.

2.   Fejn awtorità kompetenti tidentifika nuqqasijiet serji fi stabbiliment fir-rigward tal-konformità mar-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 97(1) u r-regoli adottati skont l-Artikolu 97(2), u l-operatur ta' dak l-istabbiliment ma jistax jipprovdi garanziji adegwati li dawk in-nuqqasijiet ser jiġu eliminati, l-awtorità kompetenti għandha tibda proċeduri sabiex tirtira l-approvazzjoni tal-istabbiliment.

Madankollu, l-awtorità kompetenti tista' biss tissospendi, aktar milli tirtira, l-approvazzjoni ta' stabbiliment fejn l-operatur jista' jiggarantixxi li ser jelimina dawk in-nuqqasijiet f'perijodu ta' żmien raġonevoli.

3.   L-approvazzjoni għandha tingħata wara l-irtirar jew tingħata lura wara s-sospensjoni skont il-paragrafu 2 meta l-awtorità kompetenti tkun sodisfatta li l-istabbiliment jikkonforma kompletament mar-rekwiżiti kollha ta' dan ir-Regolament, li huma xierqa għal dak it-tip ta' stabbiliment.

Taqsima 3

Reġistri tal-awtorità kompetenti

Artikolu 101

Reġistri li għandhom jinżammu mill-awtorità kompetenti

1.   Kull awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornati reġistri ta':

(a)

l-istabbilimenti u l-operaturi kollha rreġistrati magħha skont l-Artikolu 93;

(b)

l-istabbilimenti kollha approvati minnha f'konformità mal-Artikoli 97 u 99.

Hi għandha tqiegħed ir-reġistru msemmi fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet kompetenti ta' Stati Membri oħra, dment li l-informazzjoni li tkun tinsab fihom tkun rilevanti għal movimenti ta' annimali terrestri miżmuma u prodotti ġerminali tagħhom bejn Stat Membru u ieħor.

Hi għandha tqiegħed ir-reġistru ta' stabbilimenti approvati msemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku dment li l-informazzjoni li tkun tinsab fih tkun rilevanti għall-movimenti ta' annimali terrestri miżmuma u prodotti ġerminali tagħhom bejn Stat Membru u ieħor.

2.   Fejn dan ikun xieraq u rilevanti, awtorità kompetenti tista' tikkombina r-reġistrazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu 1 u l-approvazzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu 1 ma' reġistrazzjoni għal finijiet oħra.

3.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 264 dwar l-informazzjoni dettaljata li għandha tiġi inkluża fir-reġistri previsti fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, u d-disponibbiltà lill-pubbliku tar-reġistru previst fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.

Taqsima 4

Żamma ta' reġistri

Artikolu 102

Obbligi ta' żamma ta' reġistri tal-operaturi ta' stabbilimenti għajr stabbilimenti ta' prodotti ġerminali

1.   L-operaturi ta' stabbilimenti soġġetti għar-rekwiżit ta' reġistrazzjoni f'konformità mal-Artikolu 93, jew l-approvazzjoni f'konformità mal-Artikolu 97(1), għandhom iżommu reġistri li fihom mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-ispeċijiet, il-kategoriji, in-numru u, fejn applikabbli, l-identifikazzjoni tal-annimali terrestri miżmuma li jinsabu fl-istabbiliment tagħhom;

(b)

il-movimenti tal-annimali terrestri miżmuma li jidħlu u jitilqu mill-istabbiliment tagħhom, filwaqt li jiddikjaraw, kif xieraq:

(i)

il-post tal-oriġini jew id-destinazzjoni tagħhom;

(ii)

id-data ta' dawn il-movimenti;

(c)

id-dokumenti li jeħtieġ li jakkumpanjaw l-annimali terrestri miżmuma li jaslu jew jitilqu mill-istabbiliment tagħhom f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 112, mal-punt (b) tal-Artikolu 113(1), mal-punt (c) tal-Artikolu 114(1), mal-punt (b) tal-Artikolu 115, mal-punt (b) tal-Artikolu 117, mal-Artikolu 143(1) u (2), mal-Artikolu 164(2) u ma' kwalunkwe regola adottata skont l-Artikoli 118 u 120 u l-punti (b) u (c) tal-Artikolu 144(1);

(d)

il-mortalità ta' annimali terrestri miżmuma fl-istabbiliment tagħhom;

(e)

il-miżuri ta' bijosigurtà, is-sorveljanza, it-trattamenti, ir-riżultati tat-testijiet u informazzjoni rilevanti oħra kif xieraq għal:

(i)

l-ispeċijiet u l-kategoriji ta' annimali terrestri miżmuma fl-istabbiliment;

(ii)

it-tip ta' produzzjoni;

(iii)

it-tip u d-daqs tal-istabbiliment;

(f)

ir-riżultati ta' kwalunkwe żjara marbuta mas-saħħa tal-annimali f'konformità mal-Artikolu 25(1).

Ir-reġistri għandhom jinżammu u jiġu mantnuti f'għamla kartaċja jew elettronika.

2.   L-istabbilimenti li jippreżentaw riskju baxx ta' tixrid ta' mard elenkat jew emerġenti jistgħu jiġu eżentati mill-Istat Membru kkonċernat mir-rekwiżit li jżommu reġistri bl-informazzjoni kollha jew parti minnha elenkata fil-paragrafu 1'.

3.   L-operaturi tal-istabbilimenti għandhom iżommu r-reġistri previsti fil-paragrafi 1 u 2 fl-istabbiliment tagħhom ikkonċernat u għandhom:

(a)

fuq talba, iqiegħduhom immedjatament għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti;

(b)

iżommuhom għal perijodu minimu li għandu jkun iffissat mill-awtorità kompetenti, li ma jistax ikun għal inqas minn tliet snin.

4.   B'deroga mill-paragrafu 3, l-operaturi jistgħu jiġu eżentati mill-obbligu li jżommu reġistri ta' ċerti kwistjonijiet jew kollha kemm huma previsti fil-paragrafu 1 meta l-operatur ikkonċernat:

(a)

ikollu aċċess għall-database kompjuterizzata msemmija fl-Artiklu 109 għall-ispeċijiet rilevanti u d-database tkun diġà fiha l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fir-reġistru; u

(b)

ikollu informazzjoni aġġornata mdaħħla direttament fid-database kompjuterizzata.

Artikolu 103

Obbligi ta' żamma ta' reġistri tal-istabbilimenti ta' prodotti ġerminali

1.   L-operaturi ta' stabbilimenti ta' prodotti ġerminali għandhom iżommu reġistri li fihom mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

ir-razza, l-età, l-identifikazzjoni u l-istat ta' saħħa tal-annimali donaturi li jintużaw għall-produzzjoni ta' prodotti ġerminali;

(b)

iż-żmien u l-post tal-ġbir, u l-ipproċessar u l-ħażna, ta' prodotti ġerminali miġbura, prodotti jew ipproċessati;

(c)

l-identifikazzjoni tal-prodotti ġerminali flimkien mad-dettalji tal-post tad-destinazzjoni tagħhom, jekk magħrufa;

(d)

id-dokumenti li jeħtieġ li jakkumpanjaw il-prodotti ġerminali li jaslu jew jitilqu mill-istabbiliment inkwistjoni f'konformità mal-Artikolu 162 u l-Artikolu 164(2) u kwalunkwe regola adottata skont l-Artikolu 162(3) u (4);

(e)

fejn rilevanti, ir-riżultati tat-testijiet kliniċi u tal-laboratorju;

(f)

it-tekniki tal-laboratorju li jintużaw.

2.   Stabbilimenti li jippreżentaw riskju baxx ta' tixrid ta' mard elenkat jew emerġenti jistgħu jiġu eżentati mill-Istat Membru kkonċernat mir-rekwiżit li jżommu reġistri bl-informazzjoni kollha jew parti minnha elenkata fil-paragrafu 1.

3.   L-operaturi ta' stabbilimenti ta' prodotti ġerminali għandhom iżommu r-reġistri previsti fil-paragrafi 1 u 2 fl-istabbiliment tagħhom u:

(a)

fuq talba, iqiegħduhom immedjatament għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti;

(b)

iżommuhom għal perijodu minimu li għandu jkun iffissat mill-awtorità kompetenti, li ma jistax ikun għal inqas minn tliet snin.

Artikolu 104

Obbligi ta' żamma ta' reġistri tat-trasportaturi

1.   It-trasportaturi għandhom iżommu reġistri li fihom mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-istabbilimenti li saritilhom żjara minnhom;

(b)

il-kategoriji, l-ispeċijiet u n-numri ta' annimali terrestri miżmuma trasportati minnhom;

(c)

it-tindif, id-diżinfezzjoni u d-diżinfestazzjoni tal-mezzi ta' trasport użati;

(d)

id-dettalji tad-dokumenti li jakkumpanjaw l-annimali inkwistjoni, inkluż in-numru tad-dokument tagħhom.

Ir-reġistri għandhom jinżammu f'għamla kartaċja jew elettronika.

2.   Trasportaturi li jippreżentaw riskju baxx ta' tixrid ta' mard elenkat jew emerġenti jistgħu jiġu eżentati mill-Istat Membru kkonċernat mir-rekwiżit li jżommu reġistri bl-informazzjoni kollha jew parti minnha elenkata fil-paragrafu 1.

3.   It-trasportaturi għandhom iżommu r-reġistri previsti fil-paragrafi 1 u 2:

(a)

b'tali mod li fuq talba, dawn jistgħu jitqiegħdu minnufih għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti;

(b)

għal perijodu minimu li għandu jkun iffissat mill-awtorità kompetenti, li ma jistax ikun għal inqas minn tliet snin.

Artikolu 105

Obbligi ta' żamma ta' reġistri ta' operaturi li jwettqu operazzjonijiet ta' assemblaġġ

1.   L-operaturi li jwettqu operazzjonijiet ta' assemblaġġ soġġetti għar-rekwiżit ta' reġistrazzjoni stipulat fl-Artikolu 93 għandhom iżommu reġistri li fihom mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-ispeċijiet, il-kategoriji, in-numri u l-identifikazzjoni ta' annimali terrestri miżmuma taħt ir-responsabbiltà tagħhom;

(b)

il-movimenti tal-annimali terrestri miżmuma taħt ir-responsabbiltà tagħhom, b'dikjarazzjoni fejn adatt ta':

(i)

il-post tal-oriġini u d-destinazzjoni tagħhom;

(ii)

id-data ta' dawn il-movimenti;

(c)

id-dokumenti li jeħtieġ li jakkumpanjaw lill-annimali terrestri miżmuma li jiġu trasferiti taħt ir-responsabbiltà tagħhom f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 112, mal-punt (b) tal-Artikolu 113(1), mal-punt (c) tal-Artikolu 114(1), mal-punt (b) tal-Artikolu 115, mal-punt (b) tal-Artikolu 117, mal-Artikolu 143(1) u (2), mal-Artikolu 164(2) u u kwalunkwe regola adottata skont l-Artikoli 118 u 120 u l-punti (b) u (c) tal-Artikolu 144(1);

(d)

il-mortalità tal-annimali terrestri miżmuma taħt ir-responsabbiltà tagħhom; u

(e)

il-miżuri ta' bijosigurtà, is-sorveljanza, it-trattamenti, ir-riżultati tat-testijiet u informazzjoni rilevanti oħra kif xieraq għall-ispeċijiet u l-kategoriji ta' annimali terrestri miżmuma taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

Ir-reġistri għandhom jinżammu f'forma elettronika.

2.   L-operaturi li jwettqu attivitajiet li jippreżentaw riskju baxx ta' tixrid ta' mard elenkat jew emerġenti jistgħu jiġu eżentati mill-Istat Membru kkonċernat mir-rekwiżit li jżommu reġistri bl-informazzjoni kollha jew parti minnha elenkata fil-paragrafu 1.

3.   L-operaturi għandhom:

(a)

fuq talba, iqiegħdu r-reġistri msemmija fil-paragrafu 1 għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti;

(b)

iżommu dawk ir-reġistri għal perijodu minimu li għandu jkun iffissat mill-awtorità kompetenti, li ma jistax ikun għal inqas minn tliet snin.

Artikolu 106

Delega tas-setgħat rigward iż-żamma ta' reġistri

1.   Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 264 dwar ir-regoli li jissupplimentaw ir-rekwiżiti taż-żamma ta' reġistri previsti fl-Artikoli 102, 103, 104 u 105, fir-rigward ta':

(a)

l-informazzjoni li għandha tiġi rreġistrata flimkien ma' dik prevista fl-Artikoli 102(1), 103(1), 104(1) u 105(1);

(b)

ir-rekwiżiti addizzjonali għaż-żamma tar-reġistri fir-rigward ta' prodotti ġerminali miġbura, prodotti jew ipproċessati fi stabbiliment ta' prodotti ġerminali wara li dak l-istabbiliment ikun waqqaf l-attivitajiet tiegħu.

2.   Meta tistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu stabbiliti fl-atti delegati kif previst fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tibbaża dawk ir-regoli fuq il-materji li ġejjin:

(a)

ir-riskji ppreżentati minn kull tip ta' stabbiliment jew attività;

(b)

l-ispeċijiet u l-kategoriji tal-annimali terrestri miżmuma jew il-prodotti ġerminali fl-istabbiliment ikkonċernat, jew trasportati lejn jew minn dak l-istabbiliment;

(c)

it-tip ta' produzzjoni fl-istabbiliment jew it-tip ta' attività;

(d)

ix-xejriet tipiċi tal-moviment u l-kategoriji tal-annimali kkonċernati;

(e)

in-numru ta' annimali terrestri miżmuma jew il-volum ta' prodotti ġerminali taħt ir-responsabbiltà tal-operatur ikkonċernat.

Artikolu 107

Setgħat ta' implimentazzjoni rigward eżenzjonijiet mir-rekwiżiti għaż-żamma ta' reġistri

Il-Kummissjoni tista', permezz ta' atti ta' implimentazzjoni, tistabbilixxi regoli rigward it-tipi ta' stabbilimenti u operaturi li jistgħu jkunu eżentati minn Stati Membri mir-rekwiżiti taż-żamma ta' reġistri previsti fl-Artikoli 102, 103, 104 u 105, fir-rigward ta':

(a)

l-istabbilimenti li jżommu, jew l-operaturi li jittrattaw jew jittrasportaw numru żgħir ta' annimali terrestri miżmuma jew volum żgħir jew numru żgħir ta' prodotti ġerminali;

(b)

speċijiet jew kategoriji ta' annimali terrestri miżmuma jew prodotti ġerminali.

Meta tadotta dawk l-atti ta' implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tibbaża dawk l-atti fuq il-kriterji stipulati fl-Artikolu 106(2).

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 266(2).

KAPITOLU 2

Rekwiżiti ta' traċċabbiltà tal-annimali terrestri miżmuma u l-prodotti ġerminali

Taqsima 1

Annimali terrestri miżmuma

Artikolu 108

Responsabbiltà tal-Istati Membri li jistabbilixxu sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali terrestri miżmuma

1.   L-Istati Membri għandu jkollhom fis-seħħ sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta' dawk l-ispeċijiet ta' annimali terrestri miżmuma li għalihom tkun meħtieġa sistema bħal din minn dan ir-Regolament u minn kwalunkwe regola adottata skontu. Din is-sistema għandha, fejn adatt, tipprevedi li jiġu rreġistrati l-movimenti ta' dawn l-annimali.

2.   Meta jistabbilixxu s-sistema msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw:

(a)

l-ispeċijiet jew il-kategoriji ta' annimali terrestri miżmuma kkonċernati;

(b)

ir-riskju maħluq minn dik l-ispeċi jew il-kategorija.

3.   Is-sistema prevista fil-paragrafu 1 għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

il-mezzi li jidentifikaw l-annimali terrestri miżmuma individwalment jew fi gruppi;

(b)

dokumenti ta' identifikazzjoni, dokumenti ta' moviment u dokumenti oħra għall-identifikazzjoni u t-traċċar tal-annimali terrestri miżmuma kif imsemmi fl-Artikolu 110;

(c)

reġistri aġġornati fl-istabbilimenti kif previst fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 102(1);

(d)

database kompjuterizzata tal-annimali terrestri miżmuma kif previst fl-Artikolu 109(1).

4.   Is-sistema prevista fil-paragrafu 1 għandha titfassal b'tali mod li din:

(a)

tiżgura l-applikazzjoni effiċjenti tal-miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard previsti f'dan ir-Regolament;

(b)

tiffaċilita t-traċċabbiltà tal-annimali terrestri miżmuma u l-movimenti tagħhom fi ħdan l-Istati Membri u bejniethom u d-dħul tagħhom fl-Unjoni;

(c)

tiżgura l-interoperabbiltà, l-integrazzjoni u l-kompatibbiltà effiċjenti tal-elementi ta' dik is-sistema;

(d)

tiżgura li s-sistema tiġi adattata, sa fejn adatt għal:

(i)

is-sistema ta' informazzjoni kompjuterizzata għan-notifikar u r-rappurtar tal-Unjoni previsti fl-Artikolu 22;

(ii)

TRACES;

(e)

tiżgura approċċ koerenti fir-rigward tal-ispeċijiet differenti tal-annimali koperti mis-sistema.

5.   L-Istati Membri jistgħu, meta xieraq:

(a)

Jużaw is-sistema prevista fil-paragrafu 1 b'mod sħiħ jew parzjalment għal finijiet minbarra dawk imsemmijin fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 4;

(b)

jintegraw id-dokumenti ta' identifikazzjoni, id-dokumenti ta' moviment u dokumenti oħra msemmija fl-Artikolu 110 maċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali jew id-dokument ta' awtodikjarazzjoni previsti fl-Artikolu 143(1) u (2) u l-Artikolu 151(1) u fi kwalunkwe regola adottata skont il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 144(1) u l-Artikolu 151(3) u (4);

(c)

jaħtru awtorità oħra jew jawtorizzaw lil korp ieħor jew lil persuna fiżika biex tiġi żgurata l-applikazzjoni prattika tas-sistema ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni prevista fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, inkluż il-ħruġ ta' dokumenti ta' identifikazzjoni u t-tfassil ta' mudelli kif previst fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 110(1).

Artikolu 109

Obbligu tal-Istati Membri li jistabbilixxu u jżommu database kompjuterizzata ta' annimali terrestri miżmuma

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu u jżommu database kompjuterizzata, tal-inqas għar-reġistrazzjoni ta':

(a)

l-informazzjoni li ġejja relatata ma' annimali miżmuma tal-ispeċi bovina:

(i)

l-identifikazzjoni individwali tagħhom kif previst fil-punt (a) tal-Artikolu 112;

(ii)

l-istabbilimenti li jżommuhom;

(iii)

il-movimenti tagħhom lejn u minn dawk l-istabbilimenti;

(b)

l-informazzjoni li ġejja relatata ma' annimali miżmuma tal-ispeċijiet ovini u kaprini:

(i)

informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tagħhom kif previst fil-punt (a) tal-Artikolu 113(1) u n-numru ta' annimali fl-istabbilimenti li jżommuhom;

(ii)

l-istabbilimenti li jżommuhom;

(iii)

il-movimenti tagħhom lejn u minn dawk l-istabbilimenti;

(c)

l-informazzjoni li ġejja relatata mal-annimali miżmuma tal-ispeċi porċina:

(i)

informazzjoni dwar l-identifikazzjoni tagħhom kif previst fl-Artikolu 115 u n-numru ta' annimali fl-istabbilimenti li jżommuhom;

(ii)

l-istabbilimenti li jżommuhom;

(iii)