Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52024PC0480

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Ġermanja u lill-Italja fir-rigward ta’ għargħar li seħħ fl-2024

COM/2024/480 final

Brussell, 25.10.2024

COM(2024) 480 final

2024/0284(BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Ġermanja u lill-Italja fir-rigward ta’ għargħar li seħħ fl-2024


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Kuntest tal-proposta

Din id-deċiżjoni tkopri l-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-FSUE”) f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 1 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament FSUE”) b’ammont ta’ EUR 116 031 553 biex tingħata assistenza lill-Ġermanja u l-Italja fir-rigward tad-diżastru naturali (għargħar) li seħħ fl-2024.

Din il-mobilizzazzjoni hija akkumpanjata bid-Deċiżjoni Nru 14/2024 li tipproponi t-trasferiment tal-ammont ta’ EUR 116 031 553 mil-linja ta’ riżerva tar-Riżerva ta’ Solidarjetà Ewropea (Solidarity and Emergency Aid Reserve, minn hawn ’il quddiem “l-ESR”) lejn il-linja baġitarja operazzjonali tal-FSUE, kemm f’approprjazzjonijiet ta’ impenn kif ukoll ta’ pagament.

2.Informazzjoni u kundizzjonijiet

2.1Il-Ġermanja — diżastru maġġuri: għargħar fin-Nofsinhar tal-Ġermanja f’Mejju 2024

Fit-30 ta’ Mejju 2024, il-Ġermanja ntlaqtet minn xita torrenzjali li kkawżat għargħar estrem fin-Nofsinhar tal-Ġermanja fil-bidu ta’ Ġunju.

Sussegwentement, il-Ġermanja applikat għal assistenza finanzjarja mill-FSUE.

(1)Fl-20 ta’ Awwissu 2024, il-Ġermanja ppreżentat applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru wara l-għargħar ta’ fin-Nofsinhar tal-Ġermanja ta’ Mejju 2024.

(2)Il-Ġermanja applikat għal kontribuzzjoni mill-FSUE fi żmien l-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa wara li d-diżastru kkaġuna l-ewwel ħsara fit-30 ta’ Mejju 2024. L-applikazzjoni fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 4 tar-Regolament FSUE.

(3)Id-diżastru huwa ta’ oriġini naturali u għalhekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSUE.

(4)L-awtoritajiet Ġermaniżi jistmaw li l-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru tammonta għal EUR 4 139,9 miljun. Il-Kummissjoni aċċettat ammont ta’ EUR 4 131,6 miljun bħala ħsara diretta totali plawżibbli. Dan l-ammont jaqbeż il-limitu ta’ “diżastru naturali maġġuri” għall-Ġermanja ta’ EUR 3 biljun fi prezzijiet tal-2011, li huwa EUR 3,8 biljun fi prezzijiet tal-2024. Għalhekk, id-diżastru jikkwalifika bħala “diżastru naturali maġġuri” skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament FSUE.

(5)Il-ħsara diretta totali hija l-bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biss għal operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u ta’ rkupru kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament FSUE.

(6)Il-Ġermanja ma talbitx il-ħlas ta’ avvanz skont l-Artikolu 4a tar-Regolament FSUE.

(7)Fit-30 ta’ Mejju 2024, l-istati tal-Bavarja u Baden-Württemberg ntlaqtu minn xita torrenzjali li kkawżat għargħar estrem fin-Nofsinhar tal-Ġermanja fil-bidu ta’ Ġunju. Il-livelli tal-ilma f’ħafna postijiet qabżu l-ogħla livelli storiċi u ġie ddikjarat stat ta’ emerġenza fi 18-il distrett tal-Bavarja. Id-diżastru tal-għargħar wassal għal 6 fatalitajiet u l-falliment ta’ diversi digi fir-reġjun, li kellhom bżonn l-evakwazzjoni ta’ diversi muniċipalitajiet u bosta missjonijiet ta’ salvataġġ. L-ilmijiet tal-għargħar u l-fluss tal-fdalijiet għamlu ħsara lill-pontijiet, networks ferrovjarji u toroq, u ħallew impatt fuq l-ivvjaġġar fuq l-art fiż-żoni affettwati. Is-servizzi ferrovjarji ġew affettwati b’mod sever u f’każ wieħed ferrovija express li kienet qed iġġorr 185 passiġġier ġiet deraljata wara valanga.

(8)L-awtoritajiet Ġermaniżi ma talbux assistenza permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM, European Union Civil Protection Mechanism).

(9)Il-Ġermanja stmat li l-kost tal-operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament FSUE laħaq EUR 235 miljun u ppreżentat kostijiet maqsuma skont it-tip ta’ operazzjoni. L-akbar sehem tal-kost tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza jikkonċerna t-tiswija ta’ infrastruttura u impjanti fl-oqsma tal-enerġija, l-ilma, id-drenaġġ, it-telekomunikazzjoni, it-trasport, is-saħħa u l-edukazzjoni li jammonta għal EUR 132 miljun. It-tieni l-akbar sehem tal-kost jikkonċerna l-iżgurar ta’ infrastruttura preventiva u miżuri ta’ protezzjoni tal-wirt kulturali li jammonta għal EUR 72,9 miljun. It-tielet l-akbar sehem tal-kost jikkonċerna l-akkomodazzjoni temporanja u s-servizzi ta’ salvataġġ u jammonta għal EUR 27,5 miljun. Il-kostijiet li jikkonċernaw it-tindif taż-żona milquta mid-diżastru jammontaw għal EUR 2,6 miljun.

(10)Id-Direttiva 2007/60/KE 2 ġiet trasposta kompletament fil-Ġermanja bl-Att dwar il-Ġestjoni tal-Ilma. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Att isir fil-livell tal-Länder.

(11)Fid-data tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni l-Ġermanja ma kinitx soġġetta għal proċedimenti ta’ ksur dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatata man-natura tad-diżastru.

(12)L-awtoritajiet Ġermaniżi indikaw li l-ħsara assigurata hija primarjament għall-unitajiet domestiċi privati u għan-negozji, u li l-ħsara fis-settur pubbliku mhijiex koperta mill-assigurazzjoni. Għalhekk, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma indikaw l-ebda kopertura tal-assigurazzjoni tal-kost eliġibbli.

2.2L-Italja- diżastru reġjonali: għargħar fir-reġjun ta’ Valle d’Aosta

Fid-29 ta’ Ġunju 2024, l-Italja ġarrbet maltempati vjolenti li rriżultaw fit-tifjid ta’ xmajjar u nixxigħat fir-Reġjun Awtonomu ta’ Valle d’Aosta.

Sussegwentement, l-Italja applikat għal assistenza finanzjarja mill-FSUE.

(1)Fl-20 ta’ Settembru 2024, l-Italja ppreżentat applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE għall-finanzjament ta’ operazzjonijiet ta’ emerġenza u ta’ rkupru wara li seħħ l-għargħar fir-Reġjun tal-Italja ta’ Valle d’Aosta fid-29 ta’ Ġunju 2024.

(2)L-Italja applikat għal kontribuzzjoni mill-FSUE qabel ma għalqet l-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa wara li d-diżastru kkaġuna l-ewwel ħsara fid-29 ta’ Ġunju 2024. L-applikazzjoni fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 4 tar-Regolament FSUE.

(3)Id-diżastru huwa ta’ oriġini naturali u għalhekk jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-FSUE.

(4)L-applikazzjoni ppreżentat l-avveniment bħala “diżastru naturali reġjonali” kif stabbilit fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament FSUE, li huwa kwalunkwe diżastru naturali f’reġjun tal-livell NUTS 2 ta’ Stat eliġibbli li jirriżulta fi ħsara diretta li taqbeż il-1,5 % tal-prodott domestiku gross (PDG) ta’ dak ir-reġjun. L-awtoritajiet Taljani jistmaw li l-ħsara diretta totali kkawżata mid-diżastru hija ta’ EUR 158,39 miljun. Dan l-ammont jaqbeż il-limitu applikabbli indikat għal “diżastru reġjonali”, li huwa ta’ EUR 71,05 miljun għar-reġjun ta’ Valle d’Aosta fl-2024 3 .

(5)Il-ħsara diretta totali hija l-bażi għall-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tista’ tintuża biss għal operazzjonijiet essenzjali ta’ emerġenza u ta’ rkupru kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament FSUE.

(6)L-Italja ma talbitx il-ħlas ta’ avvanz skont l-Artikolu 4a tar-Regolament FSUE.

(7)Fid-29 ta’ Ġunju 2024, il-maltempati vjolenti ġabu magħhom xita sinifikanti li rriżultat fit-tifjid tax-xmajjar u tan-nixxigħat. L-għargħar torrenzjali kkawża ħsara estensiva lill-infrastruttura, tfixkil tas-servizzi u iżolament tal-komunitajiet fir-reġjun awtonomu ta’ Valle d’Aosta. 58 % tal-muniċipalitajiet fil-Valle d’Aosta ġew affettwati mill-għargħar. Iż-żona tal-art affettwata hija madwar 66 % tal-erja totali tal-art tar-reġjun. Fost l-aktar muniċipalitajiet affettwati kien hemm Aymavilles, Cogne u Valtournenche. Aktar minn 52 000 abitant u 4 800 negozju kienu affettwati direttament mid-diżastru.

(8)L-awtoritajiet Taljani ma talbux assistenza permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM). Madankollu, id-Dipartiment Taljan tal-Protezzjoni Ċivili żamm liċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tar-Reazzjoni f’każ ta’ Emerġenza (ERCC - Emergency Response Coordination Centre) tad-Direttorat Ġenerali għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej tal-Kummissjoni Ewropea aġġornat dwar il-progress tal-attivitajiet tal-ġestjoni tad-diżastri.

(9)L-Italja stmat li l-kost tal-operazzjonijiet eliġibbli skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament EUSF jilħaq EUR 39 miljun u ppreżentat kostijiet maqsuma skont it-tip ta’ operazzjoni. L-akbar sehem tal-kost tal-operazzjonijiet ta’ emerġenza jikkonċerna t-tiswija ta’ infrastruttura u impjanti fl-oqsma tal-enerġija, l-ilma, id-drenaġġ, it-telekomunikazzjoni, it-trasport, is-saħħa u l-edukazzjoni li jammonta għal EUR 26,3 miljun. It-tieni l-akbar sehem tal-kost jikkonċerna l-iżgurar ta’ infrastruttura preventiva u miżuri ta’ protezzjoni tal-wirt kulturali li jammonta għal EUR 10 miljun. It-tielet l-akbar sehem tal-kostijiet jikkonċerna t-tindif taż-żona milquta mid-diżastru li jammonta għal EUR 1,7 miljun. Il-kostijiet li jikkonċernaw l-akkomodazzjoni temporanja u s-servizzi ta’ salvataġġ jammontaw għal EUR 0,7 miljun. 

(10)L-Italja ttrasponiet id-Direttiva 2007/60/KE permezz tad-Digriet Leġiżlattiv tat-23 ta’ Frar 2010, n. 49, li jiddikjara li jeħtieġ li jiġu adottati mapep tal-periklu ta’ għargħar u mapep tar-riskju ta’ għargħar għal żoni identifikati skont l-istess biċċa leġiżlazzjoni. Barra minn hekk, qabel it-22 ta’ Diċembru 2015 ġie approvat pjan ta’ mmaniġġjar tar-riskju ta’ għargħar maqsum f’distretti tal-baċiri tax-xmajjar.

(11)Fid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni l-Italja ma kinitx suġġetta għal proċedimenti ta’ ksur dwar leġiżlazzjoni tal-Unjoni relatati man-natura tad-diżastru.

(12)L-awtoritajiet Taljani ma indikaw l-ebda kopertura tal-assigurazzjoni tal-kostijiet eliġibbli.

2,3Konklużjoni

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti hawn fuq u wara l-valutazzjoni tal-informazzjoni ppreżentata, il-Kummissjoni tikkonkludi li d-diżastri msemmija fl-applikazzjonijiet ippreżentati mill-Ġermanja u l-Italja jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament FSUE għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE.

3.Finanzjament

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2021–2027 4 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament QFP”), jipprevedi l-mobilizzazzjoni tal-FSUE fil-kuntest tar-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza (SEAR, Solidarity and Emergency Aid Reserve). Il-punt 10 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 5 (IIA) kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, jistabbilixxi l-modalitajiet għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE fil-kuntest tas-SEAR.

Billi s-solidarjetà kienet il-ġustifikazzjoni ewlenija għall-ħolqien tal-FSUE, il-Kummissjoni jidhrilha li l-għajnuna jenħtieġ li tkun progressiva. Konsegwentement, il-porzjon tal-ħsara li jaqbeż il-limitu ta’ “diżastru naturali maġġuri” għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE (jiġifieri 0,6 % tal-ING jew EUR 3 biljun bil-prezzijiet tal-2011, skont liema minnhom ikun l-iżgħar ammont, ara l-Artikolu 2(2) tar-Regolament FSUE) għandu jwassal għal intensità ta’ għajnuna ogħla mill-porzjon tal-ħsara taħt il-livell limitu. Dan ifisser li l-ammont ta’ għajnuna għal pajjiż milqut minn diżastru li jikkonforma mal-kundizzjonijiet għal “diżastru naturali maġġuri” jiġi kkalkulat billi jingħaddu żewġ ammonti: 2,5 % tal-ħsara diretta totali taħt il-limitu u 6 % għall-parti tal-ħsara diretta totali ’l fuq mil-limitu.

Ir-rata applikata għad-definizzjoni tal-ammonti ta’ għajnuna għal “diżastri naturali reġjonali”, li tibqa’ taħt il-limitu nazzjonali, hija ta’ 2,5 % tal-ħsara diretta totali. 

Il-metodoloġija biex tiġi kkalkulata l-għajnuna kienet imfassla fir-Rapport Annwali tal-2002-2003 dwar il-FSUE u ġiet aċċettata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi lill-awtorità tal-baġit biex timmobilizza l-ammonti li ġejjin għall-applikazzjonijiet tal-Ġermanja u l-Italja.

Diżastru

Ħsara diretta totali
(EUR)

Livell limitu applikat għal diżastru

(EUR)

2,5 % tal-ħsara diretta totali sal-livell limitu għal diżastru maġġuri
(EUR)

6 % tal-ħsara diretta ’l fuq mil-livell limitu għal diżastru maġġuri
(EUR)

2,5 % tal-ħsara diretta totali

(EUR)

Ammont totali tal-għajnuna proposta

(EUR)

Avvanz

(EUR)

Bilanċ li jrid jitħallas

(EUR)

Il-Ġermanja– għargħar (diżastru maġġuri)

4 131 673 024

3 880 820 000

97 020 500

15 051 181

MHUX APPLIKABBLI

112 071 681

MHUX APPLIKABBLI

112 071 681

L-Italja (Valle d’Aosta)– għargħar(diżastru reġjonali)

158 394 907

71 054 400

MHUX APPLIKABBLI

MHUX APPLIKABBLI

3 959 872

3 959 872

MHUX APPLIKABBLI

3 959 872

TOTAL

116 031 553

MHUX APPLIKABBLI

116 031 553

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2024/765 6 tad-29 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 qasam ir-Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza (SEAR) f’żewġ strumenti separati: ir-Riżerva ta’ Solidarjetà Ewropea u r-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza. Ir-Riżerva ta’ Solidarjetà Ewropea b’ammont annwali ta’ EUR 1 016 miljun (fi prezzijiet tal-2018, li jikkorrispondi għal EUR 1 144,2 miljun fi prezzijiet tal-2024) se tintuża għal assistenza b’rispons għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza koperti mill-FSUE.

F’konformità mal-Artikolu 3(7) tar-Regolament FSUE u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(2) tar-Regolament QFP, 25 % tal-allokazzjoni annwali tal-FSUE (jiġifieri EUR 286 miljun għall-2024) issir disponibbli fl-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena.

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 4a(4) tar-Regolament FSUE, l-ammont ta’ EUR 50 miljun diġà tniżżel fil-baġit ġenerali tal-UE tal-2024 (f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament) għall-pagament ta’ avvanzi possibbli.

Għalhekk, l-ammont massimu li jista’ jintuża mill-FSUE mill-allokazzjoni tar-Riżerva ta’ Solidarjetà Ewropea tal-2024 f’dan l-istadju, esklużi l-avvanzi, huwa ta’ EUR 297 420 718 li jippermetti li jiġu koperti l-ħtiġijiet ta’ pagament ta’ din il-mobilizzazzjoni.

Ammont disponibbli taħt il-FSUE fl-2024:

 

Allokazzjoni totali annwali tal-FSUE għall-2024 (inkluż is-segment tal-1 ta’ Ottubru)

1 144 181 018

Krediti riżervati għall-pagamenti tal-avvanz (-)

50 000 000

Ammont mobilizzat li jaqa’ taħt l-Ewwel Deċiżjoni ta’ Mobilizzazzjoni 7 (-)

796 760 300

Ammont disponibbli għall-Mobilizzazzjoni (minbarra l-avvanzi)

297 420 718

Ammont propost għall-mobilizzazzjoni li jaqa’ taħt it-Tieni Deċiżjoni ta’ Mobilizzazzjoni

116 031 553

Ammont li għadu disponibbli għall-pagamenti tal-avvanz

12 926 996

Ammont li jifdal għal applikazzjonijiet futuri (inkluż għall-pagamenti tal-avvanz)

194 316 161

Għal finijiet ta’ informazzjoni, fl-2024, mill-EUR 50 miljun li diġà jinsabu mniżżla fil-baġit ġenerali tal-UE għall-2024 għall-pagamenti tal-avvanz, il-Kummissjoni diġà ħallset avvanz lill-Greċja fir-rigward ta’ għargħar taċ-ċiklun “Daniel” li jammonta għal EUR 25 382 237 u avvanz lil Franza rigward l-għargħar fl-eks reġjun Nord-Pas-de-Calais li jammonta għal EUR 11 690 767. Għaldaqstant, l-ammont disponibbli li jifdal għall-avvanzi huwa ta’ EUR 12 926 996. Minbarra dan l-ammont, id-disponibbiltajiet li jifdal huma ta’ EUR 297 420 718, li jfisser li d-disponibbiltajiet totali li jifdal jammontaw għal EUR 310 347 714. Wara l-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ta’ Mobilizzazzjoni, id-disponibbiltajiet li jifdal se jammontaw għal EUR 194 316 161. F’konformità mal-Artikolu 9(2) tar-Regolament QFP, kwalunkwe porzjon tal-ammont annwali mhux użat fl-2024 jista’ jintuża fl-2025.

2024/0284 (BUD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Ġermanja u lill-Italja fir-rigward ta’ għargħar li seħħ fl-2024

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea 8 u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill Nru 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 9 , u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 10 (IIA) kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda, u b’mod partikolari l-punt 10 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (“il-Fond”) għandu l-għan li jippermetti lill-Unjoni tirrispondi b’mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza sabiex tintwera solidarjetà mal-popolazzjoni tar-reġjuni milquta minn diżastri naturali maġġuri jew reġjonali inkella minn emerġenza maġġuri tas-saħħa pubblika.

(2)Il-Fond ma għandux jaqbeż il-limiti massimi kif stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093, kif emendat mir-Regolament (UE, Euratom) 2024/765 11 .

(3)Fl-20 ta’ Awwissu 2024, il-Ġermanja ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond, wara l-għargħar fin-Nofsinhar tal-Ġermanja f’Mejju 2024.

(4)Fl-20 ta’ Settembru 2024, l-Italja ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-Fond wara l-għargħar fir-Reġjun Awtonomu ta’ Valle d’Aosta tal-Italja fid-29 ta’ Ġunju 2024.

(5)L-applikazzjonijiet imsemmija hawn fuq jissodisfaw ir-rekwiżiti sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002.

(6)Għalhekk il-Fond jenħtieġ li jiġi mobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja lill-Ġermanja u l-Italja.

(7)Sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, il-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi mobilizzat kif ġej f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament għal diżastri naturali:

(a)l-ammont ta’ EUR 112 071 681 għandu jingħata lill-Ġermanja fir-rigward tal-għargħar ta’ Mejju u Ġunju 2024.

(b)l-ammont ta’ EUR 3 959 872 għandu jingħata lill-Italja fir-rigward tal-għargħar tad-29 ta’ Ġunju 2024 fir-Reġjun Awtonomu ta’ Valle d’Aosta

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika minn … [id-data tal-adozzjoni tagħha] 12*.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President        Il-President

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/2012/oj) kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 661/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 143, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/661/oj) u bir-Regolament (UE) Nru 461/2020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 9, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/461/oj).
(2)    Id-Direttiva 2007/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar il-valutazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskji tal-għargħar, ĠU L 288, 6.11.2007, p. 27.
(3)    L-applikazzjoni tressqet fl-2024 u għalhekk il-limitu applikabbli huwa l-limitu tal-2024.
(4)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2093/oj.
(5)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2020/1222/oj.
(6)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2024/765 tad-29 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L, 2024/765, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/765/oj).
(7)    COM(2024) 325
(8)    ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2002/2012/oj.
(9)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/2093/oj.
(10)    ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 28, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_interinstit/2020/1222/oj.
(11)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2024/765 tad-29 ta’ Frar 2024 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L, 2024/765, 29.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/765/oj).
(12) *    Id-data għandha tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni f’Il-ĠU.
Top