Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023IP0116

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2023 dwar ir-riskju ta’ piena tal-mewt u eżekuzzjoni tal-kantant Yahaya Sharif Aminu għal blasfemija fin-Niġerja (2023/2650(RSP))

ĠU C, C/2023/451, 1.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/451/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/451/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje C


C/2023/451

1.12.2023

P9_TA(2023)0116

Ir-riskju ta' piena tal-mewt u eżekuzzjoni tal-kantant Yahaya Sharif Aminu għal blasfemija fin-Niġerja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' April 2023 dwar ir-riskju ta’ piena tal-mewt u eżekuzzjoni tal-kantant Yahaya Sharif Aminu għal blasfemija fin-Niġerja (2023/2650(RSP))

(C/2023/451)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fl-10 ta’ Awwissu 2020, il-kantant Niġerjan Yahaya Sharif-Aminu tressaq quddiem Qorti Suprema tax-Xarija fl-Istat ta’ Kano, fejn ġie pproċessat mingħajr rappreżentanza legali u ġie kkundannat għall-mewt permezz ta’ tgħalliq għall-allegata blasfemija f’kanzunetta li kkompona u kkondivida fuq il-media soċjali li allegatament kien fiha kummenti derogatorji rigward il-Profeta Muhammad;

B.

billi fil-21 ta’ Jannar 2021, il-Qorti Suprema fl-Istat ta’ Kano ordnat proċess ġdid abbażi ta’ irregolaritajiet proċedurali u fis-17 ta’ Awwissu 2022, il-Qorti tal-Appell, ikkonfermat il-kostituzzjonalità tad-dispożizzjonijiet dwar il-blasfemija fil-Kodiċi Penali tax-Xarija u affermat l-ordni ta’ proċess ġdid;

C.

billi f’Novembru 2022, Yahaya Sharif-Aminu ressaq appell quddiem il-Qorti Suprema kontra l-kundanna tiegħu, fejn argumenta li l-liġi dwar il-blasfemija skont il-Kodiċi Penali tax-Xarija tal-Istat ta’ Kano tikser direttament il-Kostituzzjoni tan-Niġerja u t-trattati internazzjonali vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi għadu l-ħabs;

D.

billi ħafna nies oħra sofrew ħsara minħabba l-liġijiet tan-Niġerja dwar il-blasfemija; billi fl-2022 l-istudenta Deborah Yakubu ġiet imħaġġra u msawta sal-mewt; billi Rhoda Jatau ġiet attakkata minn folla u għaddejja minn proċess kriminali mingħajr id-dritt għal pleġġ; billi l-umanista Mubarak Bala ġie kkundannat għal 24 sena ħabs;

E.

billi l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li n-Niġerja hija parti għalih, jillimita l-piena kapitali għall-aktar reati serji; billi minkejja dan, ix-Xarija, ipprattikata f’mill-inqas 12-il stat fit-Tramuntana tan-Niġerja, timponi l-piena tal-mewt għall-blasfemija;

F.

billi l-liġijiet dwar il-blasfemija fin-Niġerja jiksru l-impenji internazzjonali tagħha b’rabta mad-drittijiet tal-bniedem, il-Karta Afrikana u l-Kostituzzjoni Niġerjana;

1.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Niġerjani jeħilsu minnufih u mingħajr kundizzjonijiet lil Yahaya Sharif-Aminu, iwaqqgħu l-akkużi kollha kontrih u jiggarantixxu d-drittijiet tiegħu għal proċess kriminali ġust; jappella għall-ħelsien ta’ Rhoda Jatau, Mubarak Bala u oħrajn li jiffaċċjaw allegazzjonijiet ta’ blasfemija;

2.

Ifakkar li l-liġijiet dwar il-blasfemija jiksru b’mod ċar l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-ICCPR, u huma kontra l-Kostituzzjoni Niġerjana, li tiggarantixxi l-libertà reliġjuża u l-libertà tal-espressjoni;

3.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Niġerjani jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż kollu billi jiżguraw li l-liġi federali, statali u tax-Xarija ma jiċħdux il-protezzjoni tan-Niġerjani skont il-Kostituzzjoni nazzjonali u l-konvenzjonijiet internazzjonali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Niġerjani jirrevokaw il-liġijiet dwar il-blasfemija fil-livell federali u statali;

4.

Ifakkar li n-Niġerja għandha influwenza enormi fl-Afrika u d-dinja Musulmana u jisħaq li dan il-każ huwa opportunità bla preċedent biex titwitta t-triq lejn l-abolizzjoni tal-liġijiet dwar il-blasfemija;

5.

Iħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan jindirizza l-impunità li tiċċirkonda l-akkużi ta’ blasfemija;

6.

Ifakkar fl-isforzi internazzjonali biex tiġi abolita l-piena tal-mewt u jħeġġeġ lin-Niġerja tirtira minnufih l-użu tal-piena kapitali għall-blasfemija u tieħu passi lejn l-abolizzjoni sħiħa tagħha;

7.

Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, bħala sħab ewlenin għall-iżvilupp, biex iqajmu każijiet individwali, tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-liġijiet dwar il-blasfemija mal-awtoritajiet Niġerjani;

8.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-awtoritajiet Niġerjani u lill-istituzzjonijiet internazzjonali.

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/451/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)


Top