EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022XC0405(04)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda ta’ speċifikazzjoni għal isem fis-settur tal-inbid imsemmija fl-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2022/C 150/07

C/2022/2102

ĠU C 150, 5.4.2022, p. 57–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 150/57


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda ta’ speċifikazzjoni għal isem fis-settur tal-inbid imsemmija fl-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(2022/C 150/07)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien xahrejn mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

TALBA GĦAL EMENDA FL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT

“Sicilia”

PDO-IT-A0801-AM03

Data tal-applikazzjoni: 4.7.2017

1.   Regoli applikabbli għall-emenda

L-Artikolu 105 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 – Emenda mhux minuri

2.   Deskrizzjoni u raġunijiet għall-emenda

2.1.   Deskrizzjoni tal-inbejjed

a)

Fir-rigward tat-tipi diġà koperti mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, għandhom jiġu prodotti wkoll il-verżjonijiet li ġejjin:

Bianco bit-termini Passito, Superiore u Riserva;

Rosso bit-terminu Passito;

Inzolia bit-termini Vendemmia Tardiva [ħsad tardiv], Superiore u Riserva;

Grillo bit-termini Vendemmia Tardiva, Passito, Superiore u Riserva u Grillo Spumante;

Chardonnay bit-termini Vendemmia Tardiva, Passito, Superiore u Riserva u Chardonnay Spumante;

Catarratto bit-termini Vendemmia Tardiva, Passito, Superiore u Riserva u Catarratto Spumante;

Carricante Spumante;

Fiano bit-terminu Riserva;

Viognier bit-terminu Riserva;

Sauvignon bit-terminu Riserva;

Pinot Grigio Spumante;

Nero d’Avola bit-termini Vendemmia Tardiva, Passito u Riserva, Nero d’Avola Rosato u Nero d’Avola Spumante;

Perricone bit-terminu Vendemmia Tardiva u Perricone Rosato;

Frappato Rosato u Frappato Spumante;

Nerello Mascalese Rosato u Nerello Mascalese Spumante;

Cabernet Franc Rosato;

Merlot bit-terminu Riserva u Merlot Rosato;

Cabernet Sauvignon bit-terminu Riserva u Cabernet Sauvignon Rosato;

Syrah bit-termini Vendemmia Tardiva, Passito u Riserva u Syrah Rosato;

Pinot Nero bit-terminu Riserva, Pinot Nero Rosato u Pinot Nero Spumante.

b)

Ġew inklużi tipi ġodda bl-indikazzjoni tal-varjetajiet tad-dwieli Moscato, Vermentino, Zibibbo, Petit Verdot u Sangiovese, f’bosta verżjonijiet:

Moscato Bianco inkluż bit-termini Vendemmia Tardiva u Passito u Moscato Bianco Spumante;

Vermentino;

Zibibbo inkluż Zibibbo Spumante;

Petit Verdot inkluż bit-terminu Riserva;

Sangiovese inkluż Sangiovese Rosato.

c)

Ġew inklużi tipi ġodda bl-indikazzjoni ta’ żewġ varjetajiet tad-dwieli tal-istess kulur ta’ dawk li diġà jintużaw fit-tipi ta’ varjetà waħda, minbarra l-varjetajiet aromatiċi.

Id-DOC “Sicilia” tirrappreżenta ż-żona kollha tal-vitikultura tar-reġjun u l-għan huwa li tingħata importanza lill-produzzjoni kollha tal-inbid, speċjalment il-varjetajiet tad-dwieli indiġeni, l-ewwel fosthom il-varjetà indiġena Zibibbo, kif ukoll dawk ta’ interess nazzjonali li diġà jitkabbru b’mod mifrux, bħall-varjetajiet ta’ Moscato, li diġà qed jintużaw bħala varjetajiet tad-dwieli ewlenin fit-taħlita ta’ varjetajiet għall-inbid Spumante Bianco, waħedhom jew flimkien ma’ varjetajiet oħra sa 50 %. Barra minn hekk, huma koperti tipi bl-indikazzjonijiet tal-varjetajiet il-ġodda Vermentino, Petit Verdot u Sangiovese, li huma ta’ interess produttiv u kummerċjali kbir. Din id-deċiżjoni ttieħdet wara li saru testijiet intensivi tul is-snin li jinvolvu firxa wiesgħa ta’ varjetajiet tad-dwieli magħmula adattati għall-kultivazzjoni fir-reġjun ta’ Sqallija. Bis-saħħa tal-livell tal-kwalità li jilħqu dawn l-inbejjed, tal-ħiliet tal-operaturi u tat-tiġdid tat-teknoloġiji, dawk il-varjetajiet ingħataw aktar valur fid-DOC “Sicilia”, ħaġa li ppermettiet li tiġi offruta firxa wiesgħa ta’ prodotti fis-suq fid-diversi kategoriji koperti.

Din l-emenda tikkonċerna t-taqsima 1.4 tad-Dokument Uniku u l-Artikoli 1, 2 u 6 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

2.2.   Deskrizzjoni tal-inbejjed

a)

Id-deskrizzjoni tal-inbejjed inbidlet f’waħda aktar konċiża u sempliċi u dawn ġew organizzati skont il-kategorija tal-inbid minflok skont il-grupp/it-tip tal-inbid. Id-deskrizzjoni tal-inbejjed saret ukoll aktar dettaljata u nżiedet dikjarazzjoni ġenerali li tispeċifika li fejn it-taqsimiet rilevanti ma jindikaw l-ebda ċifra, il-valuri huma mid-definizzjoni tagħhom il-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti.

Bid-deskrizzjoni tal-karatteristiċi tal-inbejjed ġodda introdotti, il-bidla fil-parametri deskrittivi għal għadd ta’ tipi diġà koperti u l-organizzazzjoni mill-ġdid tat-test skont il-kategoriji tal-inbid, huwa possibbli li jiġi ssimplifikat id-Dokument Uniku u tingħata deskrizzjoni aktar ċara u konċiża tal-karatteristiċi tal-inbejjed tad-DOC “Sicilia”.

Din l-emenda tikkonċerna t-taqsima 1.4 tad-Dokument Uniku.

b)

Tħassar l-Artikolu 6(3) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott dwar is-setgħa tal-Ministeru li joħroġ digriet li jemenda l-aċidità totali u l-estratt minimu mingħajr zokkor.

Din l-emenda hija meħtieġa peress li d-dispożizzjoni ma għadhiex tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar l-emendi għall-Ispeċifikazzjonijiet tal-Prodott.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

2.3.   Inbejjed ta’ żewġ varjetajiet

Tħassret il-lista tat-tipi ta’ nbid ta’ żewġ varjetajiet bid-diversi taħlitiet ta’ varjetajiet tad-dwieli.

Minflokha, ġie speċifikat li d-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata “Sicilia” tista’ tintuża wkoll għall-inbejjed b’indikazzjoni ta’ żewġ varjetajiet ta’ dwieli tal-istess kulur bħal dawk li diġà huma indikati fl-Artikolu (1) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott (fejn huma elenkati l-varjetajiet tad-dwieli li jintużaw għat-tipi ta’ varjetà waħda).

Tqies li huwa xieraq li t-test jiġi riformulat biex isir aktar konċiż u jiġi evitat li jiġu elenkati t-tipi kollha possibbli li jirriżultaw mill-għadd kbir ta’ taħlitiet ta’ varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid, u minflok issir referenza għall-possibbiltà li jitħalltu l-varjetajiet tad-dwieli permessi għat-tipi ta’ varjetà waħda.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikoli 1 u 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott iżda ma tikkonċernax id-Dokument Uniku.

2.4.   Bażi varjetali għall-inbid Bianco [abjad], Rosso [aħmar], Rosato [rożè] u Spumante Bianco [abjad spumanti]

Il-varjetajiet tad-dwieli li ġejjin inżiedu mat-taħlita ta’ varjetajiet tad-dwieli li jridu jikkostitwixxu 50 % tal-inbid:

Chardonnay għat-tipi Bianco;

Syrah għat-tipi Rosso u Rosato;

Nerello Mascalese għat-tip Spumante Bianco.

Wara l-ittestjar fit-tul, it-taħlita ewlenija tal-varjetajiet tlestiet għat-tipi msemmija, bl-inklużjoni tat-tliet varjetajiet ta’ hawn fuq, li jitkabbru b’mod mifrux fir-reġjun kollu (aktar minn 11 000 ettaru) u diġà jintużaw fil-produzzjoni ta’ nbejjed ta’ varjetà waħda.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott iżda ma tikkonċernax id-Dokument Uniku.

2.5.   Varjetajiet ewlenin tal-għeneb tal-inbid

Il-varjetajiet il-ġodda tad-dwieli Petit Verdot, Vermentino u Sangiovese huma inklużi fil-varjetajiet ewlenin tal-għeneb tal-inbid.

L-inklużjoni ta’ dawn il-varjetajiet tad-dwieli saret wara testijiet intensivi matul is-snin li jinvolvu l-firxa wiesgħa ta’ varjetajiet tad-dwieli li ġew adattati għall-kultivazzjoni fir-reġjun ta’ Sqallija u li diġà jistgħu jintużaw fit-taħlita tal-varjetajiet tad-dwieli, bħala parti mill-bażi varjetali ta’ 50 %, għall-inbejjed bojod, ħomor u rożè bażiċi mingħajr indikazzjoni tal-varjetà tad-dwieli. Għalhekk, l-intenzjoni hija li jiżdied il-profil ta’ dawn il-varjetajiet anke fl-inbejjed ta’ varjetà waħda u ta’ żewġ varjetajiet.

Din l-emenda tikkonċerna t-taqsima 1.7 tad-Dokument Uniku.

2.6.   Standards tal-vitikultura

a)

Ir-rendimenti massimi u l-qawwiet alkoħoliċi tat-tipi l-ġodda miżjuda msemmija fl-Artikolu 1 inżiedu mat-tabella fl-Artikolu 4(5) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

It-tabella ġiet aġġustata biex jitqiesu l-emendi fl-Artikolu 1.

Din l-emenda tikkonċerna t-taqsima 1.5.2 tad-Dokument Uniku (rendimenti massimi).

b)

It-tabella msemmija fil-punt a) ġiet emendata biex tirrifletti ż-żieda fir-rendimenti tat-tip “Sicilia” Grillo (minn 13 għal 14-il tunnellata għal kull ettaru), tat-tip “Sicilia” Nero d’Avola (minn 12 għal 14-il tunnellata għal kull ettaru) u tat-tip Nero d’Avola Spumante (minn 13 għal 14-il tunnellata għal kull ettaru).

Iż-żieda fir-rendimenti għal kull ettaru, għalkemm hija ta’ inqas minn 10 %, hija meħtieġa sabiex il-produzzjoni tiġi adattata għall-kapaċità reali tal-vinji eżistenti. Din tqis ir-rendimenti li nkisbu fiż-żona, abbażi tar-riżultati tat-testijiet imwettqa fir-rigward tat-tekniki tat-tkabbir u l-varjazzjonijiet fil-kundizzjonijiet tat-temp, u tiżgura li l-livell tal-kwalità jibqa’ l-istess.

Din l-emenda tikkonċerna t-taqsima 1.5.2 tad-Dokument Uniku (rendimenti massimi).

c)

Ġie speċifikat fl-Artikolu 4(5) tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott li, fir-rigward tal-produzzjoni massima għal kull ettaru u l-qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum tal-għeneb għall-inbejjed Bianco, Rosso, Rosato u Spumante tad-DOC “Sicilia”, għandha ssir referenza għal-limiti stabbiliti fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott għal kull varjetà użata.

Jeħtieġ li jiżdied il-paragrafu wara t-tabella sabiex jiffaċilita l-interpretazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

d)

Iddaħħlu erba’ paragrafi li jipprevedu li r-Reġjun, fuq talba tal-assoċjazzjoni tal-protezzjoni, u wara li jikkonsulta mal-organizzazzjonijiet professjonali, jista’: jistabbilixxi miżuri ta’ ġestjoni tal-produzzjoni fir-rigward tal-użi/l-għanijiet diversi tal-għeneb; jaġġusta l-limitu massimu tal-għeneb għal kull ettaru li jkun se jintuża; inaqqas ir-rendimenti permessi tal-għeneb u tal-inbid, u jżid, b’massimu ta’ 20 %, ir-rendiment massimu għal kull ettaru li jista’ jitwarrab għar-riżerva tal-ħsad.

Il-miżuri relatati mal-ġestjoni tal-produzzjoni jaqgħu taħt il-miżuri ta’ ġestjoni annwali għall-produzzjoni fil-kuntest tal-kundizzjonijiet tat-temp u tas-suq, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ (l-Artikoli 35 u 39 tal-Liġi Nru 238/2016). L-għan ta’ din l-emenda ma huwiex żieda definittiva fir-rendiment tal-għeneb u tal-inbid għal kull ettaru. Minflok, fi snin b’temp favorevoli, kull eċċess fir-rendiment tal-għeneb għal kull ettaru, sa eċċess massimu ta’ 20 %, għandu jintuża biex jiġu prodotti nbejjed bid-denominazzjoni (kif diġà permess mill-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott fis-seħħ), soġġett għal applikazzjoni mill-produtturi kkonċernati u deċiżjoni mir-Reġjun wara li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet tat-temp, il-kundizzjonijiet tekniċi/tal-produzzjoni u l-kundizzjonijiet tal-kwalità tal-għeneb. Fi kwalunkwe każ, f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija hawn fuq, din il-produzzjoni (massimu ta’ 20 %) għandha titqies bħala “riżerva tal-ħsad” li għandha tintuża fis-snin ta’ wara skont id-domanda tas-suq.

Din l-emenda ma taffettwax id-Dokument Uniku.

2.7.   Standards tal-produzzjoni tal-inbid - It-tnixxif tal-għeneb u r-rendimenti

a)

Il-metodi tat-tnixxif tal-għeneb ġew deskritti għat-tipi bit-termini tradizzjonali “Passito” u “Vendemmia Tardiva”. B’mod partikolari, ġew esklużi s-sistemi ta’ deumidifikazzjoni li jinvolvu l-użu tas-sħana.

Il-metodu tat-tnixxif tal-għeneb għat-tipi Passito u Vendemmia Tardiva ġie rregolat biex jipprovdi ċarezza lill-operaturi.

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-taqsima 1.5 tad-Dokument Uniku.

b)

It-tabella li turi r-rendimenti ġiet issupplimentata u r-rendiment massimu tal-inbid (hl/ha) żdied għat-tipi li ġejjin: Grillo inkluż Riserva, Grillo Spumante, Nero d’Avola inklużi Riserva, Nero d’Avola Rosato u Nero d’Avola Spumante.

It-tabella ġiet aġġustata biex jitqiesu l-emendi fl-Artikolu 1. Ir-rendiment massimu tal-inbid għal kull ettaru għall-varjetajiet tad-dwieli Grillo u Nero d’Avola huwa marbut maż-żieda fir-rendiment għal kull ettaru ta’ dawk il-varjetajiet.

Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

2.8.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid - L-ipproċessar f’inbid spumanti

Żdiedu l-metodi tal-ipproċessar tat-tip Spumanti. Ġie speċifikat li dan it-tip irid jinkiseb esklussivament permezz tal-fermentazzjoni naturali permezz tal-proċess Charmat jew permezz tal-metodu tradizzjonali ta’ fermentazzjoni sekondarja fil-flixkun, b’dan tal-aħħar jikkonċerna biss it-tipi Bianco u Rosato [rożè].

Peress li dan huwa nbid b’denominazzjoni ta’ oriġini rreġistrata, l-għan huwa li tiġi enfasizzata l-kwalità tal-prodott billi jiġi speċifikat il-metodu tal-produzzjoni.

Ir-referenza għal dawn il-prattiki enoloġiċi speċifiċi tikkonċerna t-taqsima 1.5 tad-Dokument Uniku.

2.9.   Ibbottiljar fiż-żona ġeografika demarkata

Inżied ir-rekwiżit li l-ibbottiljar isir fiż-żona tal-produzzjoni, li tikkorrispondi maż-żona amministrattiva kollha tar-reġjun ta’ Sqallija.

Ir-raġuni għal din id-dispożizzjoni, b’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, hija biex tinżamm il-kwalità u l-istima tal-inbejjed tad-DOC “Sicilia”, biex tiggarantixxi l-oriġini tagħhom u biex jiġu żgurati l-effikaċja u l-puntwalità tal-kontrolli rilevanti. Dawn il-kundizzjonijiet huma aktar żgurati meta l-ibbottiljar isir fiż-żona, peress li l-applikazzjoni tar-regoli tekniċi kollha dwar it-trasport u l-ibbottiljar u l-konformità magħhom ikunu fdati f’idejn l-azjendi agrikoli fiż-żona tal-produzzjoni. Barra minn hekk, is-sistema ta’ spezzjonijiet imħaddma mill-korp kompetenti, li l-operaturi huma soġġetti għaliha fl-istadji kollha tal-produzzjoni, hija aktar effettiva fiż-żona demarkata.

Madankollu, f’konformità mal-istess leġiżlazzjoni tal-UE u leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika, sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet akkwiżiti, jistgħu jingħataw awtorizzazzjonijiet individwali lil individwi jew lil kumpaniji li tradizzjonalment jibbottiljaw l-inbejjed barra miż-żona tal-produzzjoni demarkata, filwaqt li jiġi żgurat għadd limitat ta’ kumpaniji tal-ibbottiljar barra miż-żona, li jippermetti lill-korp kompetenti jippjana l-ispezzjonijiet tiegħu b’mod effiċjenti, anke b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ spezzjoni ta’ pajjiżi oħra, f’konformità mar-regoli tal-UE fis-seħħ.

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-taqsima 1.9 tad-Dokument Uniku.

2.10.   Tikkettar u preżentazzjoni

a)

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ referenza ġiet aġġornata fir-rigward tal-użu ta’ ismijiet ta’ postijiet addizzjonali biex jindikaw il-“Vigne” [vinji];

Din hija emenda formali li tirriżulta mill-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida dwar is-suġġett (il-Liġi Nru 238 tat-12 ta’ Diċembru 2016 li tistabbilixxi r-regoli dwar it-tkabbir tad-dwieli u l-produzzjoni u l-kummerċ tal-inbid).

b)

Inżied paragrafu dwar il-projbizzjoni fuq l-użu ta’ sinonimi tal-varjetà tad-dwieli Zibibbo għall-inbejjed “Sicilia” Zibibbo u “Sicilia” Zibibbo Spumante.

L-għan huwa li tingħata aktar protezzjoni lill-isem Zibibbo milli lil dak tas-sinonimi tiegħu, bħall-Moscato.

Din l-emenda tikkonċerna t-taqsima 1.9 tad-Dokument Uniku.

2.11.   Ippakkjar

Jistgħu jintużaw kontenituri tajbin għall-użu mal-ikel b’volumi ta’ bejn 2 u 6 litri, ħlief fil-każ tat-tipi Riserva, Vendemmia Tardiva, Superiore, Passito, Vigna u Spumante.

Biex il-produtturi jkollhom aktar libertà fl-użu ta’ kontenituri u l-metodi tal-issiġillar, inkluż dawk innovattivi, sabiex jipprovdu aktar għażliet biex iwieġbu għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi, u b’hekk itejbu l-opportunitajiet għall-kummerċjalizzazzjoni u għat-tqegħid ta’ prodotti DOC fis-swieq diversi kemm fl-UE kif ukoll internazzjonalment.

Din l-emenda tikkonċerna t-taqsima 1.9 tad-Dokument Uniku.

2.12.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta maż-żona ġeografika, f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE fis-seħħ, ġiet ifformulata mill-ġdid biex jitqiesu l-kategoriji tal-prodotti koperti.

Din l-emenda tikkonċerna t-taqsima 1.8 tad-Dokument Uniku.

2.13.   Referenzi għall-korp ta’ spezzjoni

Emenda formali. Il-leġiżlazzjoni ta’ referenza nazzjonali relatata mal-monitoraġġ u l-isem tal-korp ta’ kontroll ġiet aġġornata; inżied l-indirizz tal-posta elettronika tal-korp ta’ kontroll.

L-aġġornament huwa meħtieġ minħabba l-bidla fl-isem tal-korp ta’ kontroll u l-leġiżlazzjoni nazzjonali l-ġdida dwar it-tkabbir tad-dwieli u l-produzzjoni u l-kummerċ tal-inbid.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet għar-reġistrazzjoni

“Sicilia”

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP – Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

1.

Inbid

4.

Inbid spumanti

5.

Inbid spumanti ta’ kwalità

6.

Inbid spumanti aromatiku ta’ kwalità

15.

Inbid minn għeneb imqadded

16.

Inbid minn għeneb misjur iżżejjed

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

Kategorija tal-Inbid (1) - “Sicilia” Bianco u bl-indikazzjoni tal-varjetà tad-dwieli bojod

L-inbejjed bojod tad-DOP “Sicilia” fosthom Passito, Vendemmia Tardiva, Superiore u Riserva jiġu prodotti bil-varjetajiet tad-dwieli l-aktar rappreżentattivi taż-żona tal-produzzjoni, bħal Inzolia, Catarratto, Grillo, Grecanico u Chardonnay waħedhom jew flimkien, u jikkostitwixxu mill-inqas 50 % tat-total. Sabiex jinkiseb l-akbar valur minn din il-produzzjoni, dawn il-varjetajiet tad-dwieli, flimkien mat-tipi varjetali Carricante, Grecanico, Fiano, Damaschino, Viognier, Müller Thurgau, Sauvignon Blanc, Pinot Grigio, Moscato Bianco, Vermentino u Zibibbo, jintużaw għall-produzzjoni ta’ tipi ta’ varjetà waħda u ta’ żewġ varjetajiet u jirrappreżentaw il-firxa wiesgħa ta’ varjetajiet tad-dwieli li jikbru fuq il-gżira ta’ Sqallija.

Il-kulur ta’ dawn l-inbejjed ivarja minn isfar lewn it-tiben għal lewn id-deheb ftit jew wisq qawwi, b’riflessi eventwali fl-aħdar ċar. Fil-każ tal-Pinot Grigio, dan xi kultant jagħti anke fir-roża ftit jew wisq qawwi jew lewn ir-ram. L-aroma hija ġeneralment fina, eleganti, pjaċevoli, intensa, distintiva, karatteristika tal-frott, u persistenti, kultant bi ħjiel ta’ riħa ta’ fjuri jew aromatika.

It-togħma hija ekwilibrata, distintiva, pjaċevolment qawwija, armonjuża, b’palat qawwi u pjaċevoli b’kontenut ta’ zokkor li jvarja minn xott sa nofsu misjur.

Il-qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum tvarja mill-inqas bejn 11,50 % għat-tipi bażiċi, u 12 % għall-inbejjed Superiore, sa 12,50 % għall-inbejjed Riserva, filwaqt li l-inbejjed Passito u Vendemmia Tardiva għandhom mill-inqas 13 %.

Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

4,5 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

Kategorija: Inbid (1) - “Sicilia” Rosso anke bl-indikazzjoni tal-varjetà tal-għeneb iswed

L-inbejjed ħomor tad-DOP “Sicilia” fosthom Passito, Vendemmia Tardiva, Superiore, u Riserva, u l-inbejjed rożè, huma prodotti mill-aktar varjetajiet tad-dwieli rappreżentattivi taż-żona tal-produzzjoni, bħal Nero d’Avola, Frappato, Nerello Mascalese, Perricone u Syrah, waħedhom jew f’taħlita, u jikkostitwixxu mill-inqas 50 % tat-total. Sabiex jinkiseb l-akbar valur minn din il-produzzjoni, dawn il-varjetajiet tad-dwieli, flimkien mat-tipi varjetali Nerello Cappuccio, Cabernet Franc, Merlot, Cabernet Sauvignon, Syrah, Pinot Nero, Nocera, Mondeuse, Carignano, Alicante, Petit Verdot u Sangiovese, jintużaw għall-produzzjoni ta’ tipi ta’ varjetà waħda u ta’ żewġ varjetajiet u jirrappreżentaw il-kwantità kbira ta’ varjetajiet tad-dwieli li jikbru fil-gżira ta’ Sqallija.

Dawn l-inbejjed għandhom kulur li jvarja minn aħmar sa aħmar rubin u sal-granata jekk jitqaddmu bl-istess mod tal-verżjoni Riserva, il-kulur tal-inbejjed rożè ivarja fl-intensità tar-roża, u kultant ikollu sfumaturi lewn ir-ram.

L-aroma hija tipika tal-varjetajiet tad-dwieli li jintużaw. It-togħma tvarja minn xott sa nofsu misjur u tista’ tkun ħelwa fil-każ tal-inbejjed Passito u Vendemmia Tardiva.

Il-qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum tvarja minn 12 % għall-inbejjed ħomor u rożè bażiċi u għal dawk bl-indikazzjoni tal-varjetà tad-dwieli, sa 13 % għal uħud mill-inbejjed Riserva, bħal Nero d’Avola, u mill-inqas 13 % għall-inbejjed Passito u Vendemmia Tardiva. L-estratti minimi jvarjaw minn 22 g/l għall-inbid aħmar sa 24 g/l għal Nero d’Avola.

Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

4,5 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

Kategoriji: L-inbid Spumanti (4), l-inbid spumanti ta’ kwalità (5), l-inbid spumanti aromatiku ta’ kwalità (6)

L-inbejjed spumanti prodotti fil-bosta kategoriji għandhom kulur isfar lewn it-tiben ftit jew wisq qawwi fl-inbejjed bojod, kulur roża ftit jew wisq qawwi fl-inbejjed rożè, bi bżieżaq fini, bi ħjiel floreali jew tal-frott, u b’togħma friska. L-inbejjed huma aromatiċi, b’mod partikolari jekk jinkisbu minn varjetajiet tad-dwieli bħal Zibibbo u Moscato. Il-varjetajiet tad-dwieli li jintużaw jinkludu varjetajiet tal-għeneb abjad kemm indiġeni kif ukoll internazzjonali, jew varjetajiet tal-għeneb iswed li minnhom jinkiseb l-inbid abjad jew rożè permezz tal-fermentazzjoni mingħajr il-qxur. Jintuża l-proċess Charmat, u għall-inbejjed bojod u rożè bażiċi, jintuża wkoll il-metodu tradizzjonali.

Il-varjetajiet tad-dwieli li jintużaw huma dawk l-aktar rappreżentattivi taż-żona tal-produzzjoni, bħal Grillo, Chardonnay, Catarratto, Carricante, Grecanico, Pinot Grigio, Moscato, Zibibbo, Nero d’Avola, Frappato, Nerello Mascalese, u Pinot Nero, kemm ikkombinati flimkien kif ukoll bħala nbejjed ta’ varjetà waħda sabiex jinkiseb l-akbar valur mill-produzzjoni ta’ dawn il-varjetajiet billi jiġu indikati fuq it-tikketta. L-aroma hija tipika tal-varjetajiet tad-dwieli li jintużaw. It-togħma tvarja minn brut nature sa straxott sa ħelu fil-każ tal-Moscato u taż-Zibibbo Spumante. Il-qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum hija ta’: 10,50 % għall-Moscato u ż-Zibibbo Spumante, 11,50 % għat-tipi l-oħra kollha ħlief għat-tipi prodotti bil-metodu tradizzjonali, li jrid ikollhom minimu ta’ 12 %. L-estratt minimu mingħajr zokkor huwa: 15 g/l

Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

5 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

Kategoriji: Inbid miksub minn għeneb imqadded (15) u Inbid miksub minn għeneb misjur iżżejjed (16)

L-inbejjed ta’ din il-kategorija għandhom togħma li tvarja minn xott sa ħelu u l-kuluri minn isfar lewn it-tiben sa lewn id-deheb jew, jekk jiġu prodotti minn għeneb iswed, aħmar rubin li jagħti fil-granata jekk jitqaddmu. Għandhom aroma persistenti imma delikata, b’mod partikolari jekk jintużaw varjetajiet aromatiċi bħall-Moscato u Zibibbo, b’bilanċ tajjeb bejn l-aċidità u l-ħlewwa, u ħjiel ta’ frott jew ħjiel floreali skont il-varjetajiet tad-dwieli li jintużaw. Wara l-ħsad l-għeneb jitnixxef fuq twapet, jew fuq kannizzati, f’ċestuni jew f’kontenituri apposta f’ambjenti adattati, inkella jitħalla jsir fuq id-dwieli. Dan iwassal għal akkumulazzjoni ta’ zokkrijiet u konċentrazzjoni tal-estratti eċċellenti, b’valuri, fl-inbejjed prodotti, ta’ mill-inqas 28 g/l għall-Passito Bianco u 32 g/l għall-Passito Rosso. Għall-Passito Bianco l-qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum hija ta’ 16 %, 11 % alkoħol proprju, filwaqt li għall-Passito Rosso l-minimu hu ta’ 17 %, 12 % alkoħol proprju.

Kull parametru analitiku li ma jidhirx fit-tabella ta’ hawn taħt jikkonforma mal-limiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE.

Karatteristiċi analitiċi

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

4 grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

a.   Prattiki enoloġiċi essenzjali

Metodi ta’ pproċessar f’inbid spumanti

Prattika enoloġika speċifika

It-tip Spumante jrid jinkiseb esklussivament permezz tal-fermentazzjoni naturali bl-użu tal-proċess Charmat jew bl-użu tal-metodu tradizzjonali ta’ fermentazzjoni sekondarja fil-flixkun. Dan tal-aħħar jikkonċerna biss it-tipi Bianco u Rosato/Rożè.

Tnixxif tal-għeneb

Prattika enoloġika speċifika

It-tipi Vendemmia Tardiva u Passito jridu jiġu prodotti billi l-għeneb jitħalla jinxef fuq il-pjanta jew, wara l-ħsad, billi jitqiegħed fuq twapet, fuq kannizzati, f’ċestuni jew f’kontenituri apposta f’ambjenti adattati. Dan jista’ jsir bl-għajnuna ta’ sistemi ta’ kundizzjonar tal-ambjent, sakemm dawn joperaw f’temperaturi simili għal dawk li jinsabu fil-proċessi tradizzjonali tat-tnixxif tal-għeneb, minbarra fil-każ ta’ sistemi ta’ deumidifikazzjoni li jaħdmu bl-użu tas-sħana.

b.   Rendimenti massimi għal kull ettaru

“Sicilia” Bianco inklużi r-Riserva u s-“Sicilia” bl-indikazzjoni tal-varjetà tal-għeneb abjad inkluż ir-Riserva

13 000 kg għeneb għal kull ettaru

“Sicilia” Spumante Bianco inkluż bl-indikazzjoni tal-varjetà tal-għeneb abjad

13 000 kg għeneb għal kull ettaru

“Sicilia” Grillo inkluż is-Spumante u r-Riserva u “Sicilia” Nero d’Avola inklużi r-Riserva, ir-Rosato u s-Spumante

14 000 kg għeneb għal kull ettaru

“Sicilia” Spumante bl-indikazzjoni tal-varjetajiet tad-dwieli Frappato, Nerello Mascalese u Pinot Nero

13 000 kg għeneb għal kull ettaru

“Sicilia” Bianco Superiore u bl-indikazzjoni tal-varjetà tal-għeneb abjad bit-terminu Superiore

10 000 kg għeneb għal kull ettaru

“Sicilia” Rosso, Rosato u Riserva inklużi dawk bl-indikazzjoni tal-varjetà tal-għeneb iswed

12 000 kg għeneb għal kull ettaru

“Sicilia” Bianco u Rosso bit-terminu Passito jew Vendemmia Tardiva inklużi dawk bl-indikazzjoni tal-varjetajiet tal-għeneb abjad jew iswed

8 000 kg għeneb għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taż-żona demarkata

Iż-żona tal-produzzjoni tal-għeneb maħsub għall-produzzjoni tal-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “Sicilia” tinkludi t-territorju amministrattiv kollu tar-Reġjun ta’ Sqallija.

7.   Varjetà jew varjetajiet tad-dwieli li minnhom jinkiseb l-inbid / jinkisbu l-inbejjed

 

Vermentino B.

 

Zibibbo B.

 

Alicante N.

 

Frappato N.

 

Müller Thurgau B.

 

Nerello Cappuccio N.

 

Perricone N.

 

Pinot Nero N.

 

Sangiovese N.

 

Sauvignon B.

 

Syrah N.

 

Viognier B.

 

Cabernet Franc N. - Cabernet

 

Cabernet Sauvignon N. - Cabernet

 

Calabrese N. - Nero d’Avola N.

 

Carignano N.

 

Carricante B.

 

Ansonica B. - Inzolia

 

Petit Verdot N

 

Merlot N.

 

Mondeuse N.

 

Moscato Bianco B. - Moscato

 

Nerello Mascalese N.

 

Nocera N.

 

Grecanico Dorato B. - Grecanico

 

Grillo B.

 

Catarratto Bianco Comune B. - Catarratto

 

Catarratto Bianco Lucido B. - Catarratto

 

Chardonnay B.

 

Damaschino B.

 

Fiano B.

 

Pinot Grigio - Pinot

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Rabta mal-ambjent

Iż-żona ġeografika demarkata tinkludi t-territorju amministrattiv kollu tar-reġjun ta’ Sqallija.

Sqallija hija reġjun b’waħda mill-eqdem tradizzjonijiet tal-produzzjoni tal-inbid fid-dinja kif jintwera mir-relikwi arkeoloġiċi u d-diversi sorsi letterarji Griegi u Latini li jirreferu għall-inbejjed Sqallin magħrufin. Sa minn żmien il-Feniċi (mis-seklu 9 sas-seklu 4 QK) il-kummerċ taż-żejt u l-inbid jidher mill-preżenza ta’ anfori użati għat-trasport, u minn tipi oħra ta’ ċeramiki. L-eċċellenza tal-vinji kienet evidenti fi żmien li għexu l-Griegi fiż-żona (mis-seklu 8 sas-seklu 3 QK), meta l-Griegi introduċew għadd ta’ varjetajiet tad-dwieli bħal Grecanico, li għadha titkabbar sal-lum. Matul id-dominju tar-Rumani (mis-seklu 3 QK sas-seklu 5 WK), b’mod partikolari fiż-żmien ta’ Ċesri fil-Gallja, hija kkonfermata l-preżenza tal-inbid Sqalli.

Minkejja li l-Koran jipprojbixxi l-użu tal-alkoħol, matul id-dominju tal-Musulmani (827-1061) kien ikkultivat l-għeneb tal-mejda u fil-gżira ta’ Pantelleria kienet introdotta l-varjetà “Zebib” (illum magħrufa bħala Zibibbo jew Moscato di Alexandria), li nġarret mill-Capo Zebib fl-Afrika faċċata tal-gżira ta’ Pantelleria.

Ir-rabta maż-żona ġeografika demarkata tad-DOC “Sicilia” hija bbażata fuq il-karatteristiċi tal-ħamrija, tal-klima u tal-pajsaġġ speċifiċi taż-żona ġeografika demarkata.

Iż-żona tat-Tramuntana hija b’mod predominanti muntanjuża, u fil-partijiet ċentrali, tan-Nofsinhar u tal-Lbiċ hemm l-għoljiet. Iż-żona tax-Xlokk hija qortin tipiku u l-Lvant ta’ Sqallija huwa vulkaniku. Iż-żoni ċatti huma kkonċentrati l-aktar fiż-żoni kostali.

Madankollu, il-biċċa l-kbira tad-dwieli jinsabu fiż-żoni bl-għoljiet li, f’termini tal-esponiment u l-pożizzjoni, huma adattati b’mod partikolari għat-tkabbir tad-dwieli, jiġifieri huma ambjenti xemxin ħafna fejn hemm biżżejjed riħ u dawn jipprovdu l-aħjar kundizzjonijiet għat-tkabbir tal-pjanti, u jiżguraw is-saħħa tal-għeneb u jippermettu l-produzzjoni ta’ nbejjed ta’ kwalità tajba ħafna. Għalhekk, il-klima Mediterranja, li hija xemxija, bi sjuf sħan u niexfa, iżda biż-żiffiet, tippermetti li l-għeneb jissajjar sew u tiffavorixxi l-akkumulazzjoni taz-zokkrijiet u l-konċentrazzjoni tal-estratti, filwaqt li l-meded tat-temperatura varjabbli u l-kwalità minerali rikka tal-ħamrija jagħtu noti ta’ freskezza u aċidità. Dawn il-fatturi kollha jwasslu għall-produzzjoni ta’ nbejjed li, fid-diversi kategoriji, huma dejjem qawwija iżda bbilanċjati u armonjużi.

Il-forom ta’ tħarriġ tad-dwieli huma b’mod ewlieni dawk tradizzjonali, b’espansjoni limitata u li jvarjaw fiż-żoni diversi tal-gżira fejn jiġi prodott l-inbid - bejn il-metodu tradizzjonali “alberello” [ikkultivati f’forma ta’ arbuxelli] li għadu jintuża fiż-żoni kostali tal-provinċja ta’ Trapani, sal-metodu aktar mifrux tal-kannizzati baxxi bil-kurdun permanenti jew rinnovabbli - jew forom espansivi f’ċerti widien fertili interni.

It-territorju vast tad-DOC “Sicilia” jippermetti l-produzzjoni ta’ nbejjed minn għeneb ta’ varjetajiet kemm indiġeni kif ukoll mhux indiġeni, jew internazzjonali, u għalhekk jistgħu joffru firxa wiesgħa ta’ prodotti fil-kategoriji diversi previsti tal-inbid.

Kategorija: Inbid (1)

Din il-kategorija tinkludi firxa wiesgħa ta’ tipi ta’ nbid:

Ħomor, rożè u bojod, inklużi l-Passito, il-Vendemmia Tardiva u r-Riserva. Il-varjetajiet ta’ għeneb li jintużaw huma kemm dawk indiġeni ta’ preġju kbir bħall-Inzolia, il-Catarratto u l-Grillo; din tal-aħħar toriġina minn inkroċju bejn il-Catarratto u ż-Zibibbo, kif ukoll dawk mhux indiġeni, bħax-Chardonnay, il-Müller Thurgau u s-Sauvignon. Anke fil-produzzjoni tal-inbid aħmar, il-produzzjoni tal-inbejjed Sqallija hija waħda mill-aktar magħrufa, miksuba minn varjetajiet indiġeni, b’mod partikolari n-Nero d’Avola, il-Frappato u n-Nerello Mascalese, u minn varjetajiet mhux indiġeni bħall-Cabernet Sauvignon, il-Merlot, u s-Syrah. Il-protagonista indubitabbli ta’ dan il-kurrent il-ġdid hu n-Nero d’Avola, li anke mħallat ma’ varjetajiet oħra jirnexxilu jikkaratterizza u joħroġ l-oriġinalità tal-inbid Sqalli, mhux biss mil-lat ta’ kuluru, iżda anke għaliex lill-inbid jagħtih pekuljarjetà attribwibbli għall-aromi u t-togħmiet Mediterranji.

Mil-lat analitiku u organolettiku, dawn it-tipi kollha ta’ nbid jippreżentaw karatteristiċi kimiċi u fiżiċi bbilanċjati li jikkontribwixxu għall-bilanċ tat-togħma. It-tipi kollha għandhom aromi pjaċevoli, armonjużi, distintivi u eleganti, xi kultant bi ħjiel ta’ frott, fjuri u veġetali, tipiċi tal-varjetajiet tal-għeneb li jintużaw biex jipproduċuhom.

L-inbejjed bojod għandhom kulur li jvarja minn isfar lewn it-tiben ftit jew wisq qawwi jew isfar qawwi, filwaqt li l-inbejjed ħomor huma ta’ kulur aħmar rubin ftit jew wisq qawwi bi sfumaturi eventwali fil-vjola, u bit-tqaddim jagħti fil-granata. Dawn huma kollha nbejjed bilanċjati, bi struttura u kontenut ta’ alkoħol tajjeb. L-istorja qadima tal-produzzjoni tal-inbid f’dan it-territorju, attestata minn diversi dokumenti, hija l-prova ġenerali u fundamentali tar-rabta u l-interazzjoni mill-qrib li teżisti bejn il-fatturi umani u l-kwalità u l-karatteristiċi speċifiċi tal-inbejjed tad-DOC “Sicilia”. F’din iż-żona partikolari, minn ġenerazzjoni għal oħra, tul is-sekli, tgħaddew it-tekniki tradizzjonali tal-kultivazzjoni tad-dwieli u enoloġiċi, li ttejbu u ġew irfinati fiż-żminijiet moderni bis-saħħa tal-avvanzi ċari li saru fix-xjenza u t-teknoloġija. Huwa permezz ta’ dan li l-inbejjed tad-DOP Sicilia kisbu r-reputazzjoni tagħhom.

L-inbid Spumanti (4), l-inbid spumanti ta’ kwalità (5), l-inbid spumanti aromatiku ta’ kwalità (6)

L-inbejjed spumanti prodotti huma ta’ kulur isfar lewn it-tiben ftit jew wisq qawwi fl-inbejjed bojod, roża ftit jew wisq qawwi fl-inbejjed rożè, anke b’riflessi ta’ lewn ir-ram għall-Pinot Grigio, bi bżieżaq fini, b’noti floreali u tal-frott, u huma rinfreskanti, bis-saħħa tar-rikkezza tal-minerali fil-ħamrija, tal-klima Mediterranja, u tal-flutwazzjoni tat-temperaturi. L-inbejjed huma aromatiċi, b’mod partikolari jekk jinkisbu minn varjetajiet tad-dwieli bħal Zibibbo u Moscato. Il-varjetajiet tad-dwieli li jintużaw jinkludu kemm varjetajiet indiġeni kif ukoll oħrajn internazzjonali. Jintuża l-proċess Charmat fejn il-varjetà tad-dwieli tkun indikata fuq it-tikketta, filwaqt li jista’ jintuża wkoll il-metodu tradizzjonali ta’ fermentazzjoni sekondarja fil-flixkun għat-tipi Bianco u Rosato.

Kategoriji: Inbid miksub minn għeneb imqadded (15) u Inbid miksub minn għeneb misjur iżżejjed (16)

Il-klima Mediterranja, li hija xemxija, bi sjuf sħan u niexfa, iżda b’żiffiet, b’meded ta’ temperatura varjabbli, tippermetti li l-għeneb jissajjar sew u jibqa’ f’saħħtu. Wara l-ħsad l-għeneb jitnixxef fuq twapet, jew fuq kannizzati, f’ċestuni jew f’kontenituri apposta f’ambjenti adattati, inkella jitħalla jsir fuq id-dwieli. Dan iwassal għal akkumulazzjoni eċċellenti ta’ zokkrijiet u konċentrazzjoni ta’ estratti. L-inbejjed ifuħu, b’mod partikolari jekk jintużaw il-varjetajiet tal-Moscato u Zibibbo. Għandhom togħma li tvarja minn xott sa ħelu u kuluri li jvarjaw minn isfar lewn it-tiben sa lewn id-deheb, kultant jagħti fl-ambra, u rwejjaħ persistenti iżda delikati, b’bilanċ bejn l-aċidità u l-ħlewwa, u ħjiel ta’ frott jew floreali skont il-varjetajiet ta’ għeneb li jintużaw.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli

Ibbottiljar fiż-żona ġeografika demarkata

Qafas legali:

Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit ieħor:

Ibbottiljar fiż-żona ġeografika demarkata

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

L-ibbottiljar irid isir fit-territorju amministrattiv tar-reġjun ta’ Sqallija.

Ir-raġuni għal din id-dispożizzjoni, b’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea, hija biex tinżamm il-kwalità u l-istima tal-inbejjed tad-DOC “Sicilia”, biex tiggarantixxi l-oriġini tagħhom u biex jiġu żgurati l-effikaċja u l-puntwalità tal-kontrolli rilevanti. Dawn il-kundizzjonijiet huma aktar żgurati meta l-ibbottiljar isir fiż-żona, peress li l-applikazzjoni tar-regoli tekniċi kollha dwar it-trasport u l-ibbottiljar u l-konformità magħhom ikunu fdati f’idejn l-azjendi agrikoli fiż-żona tal-produzzjoni.

Barra minn hekk, is-sistema ta’ spezzjonijiet imħaddma mill-korp kompetenti, li l-operaturi huma soġġetti għaliha fl-istadji kollha tal-produzzjoni, hija aktar effettiva fiż-żona demarkata.

Madankollu, b’konformità mal-istess leġiżlazzjoni tal-UE u mal-leġiżlazzjoni nazzjonali speċifika, sabiex jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet akkwiżiti, jistgħu jingħataw awtorizzazzjonijiet individwali lil individwi jew lil kumpaniji li tradizzjonalment jibbottiljaw l-inbejjed barra miż-żona tal-produzzjoni demarkata, filwaqt li jiġi żgurat għadd limitat ta’ kumpaniji tal-ibbottiljar barra miż-żona, li jippermetti lill-korp kompetenti jippjana l-ispezzjonijiet tiegħu b’mod effiċjenti, anke b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ spezzjoni ta’ pajjiżi oħra, b’konformità mar-regoli tal-UE fis-seħħ.

Tikkettar - indikazzjoni tal-varjetà tad-dwieli

Qafas legali:

Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit ieħor:

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

Fit-tikkettar u l-preżentazzjoni tat-tipi ta’ nbid “Sicilia” Zibibbo u “Sicilia” Zibibbo Spumante, l-użu tas-sinonimi uffiċjali rikonoxxuti tal-varjetà tad-dwieli Zibibbo huwa pprojbit.

Ippakkjar

Qafas legali:

Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali

Tip ta’ rekwiżit ieħor:

Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar

Deskrizzjoni tal-kundizzjoni:

L-inbejjed tad-denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata “Sicilia” jridu jiġu rilaxxati għall-konsum f’kontenituri tal-ħġieġ b’volum nominali massimu ta’ 3 litri. Din ir-restrizzjoni teskludi l-fliexken tradizzjonali ta’ Bordeaux, Bourgogne u tawwalija u rqaq, li jistgħu jilħqu kapaċità massima ta’ 18-il litru.

Barra minn hekk, jistgħu jintużaw kontenituri tajbin għall-użu mal-ikel b’kapaċità ta’ mhux inqas minn 2 litri u mhux aktar minn 6 litri, ħlief fil-każ tat-tipi Riserva, Vendemmia Tardiva, Superiore, Passito, Vigna u Spumante.

Jistgħu jintużaw metodi ta’ ssiġillar tal-fliexken awtorizzati mil-leġiżlazzjoni tal-UE u nazzjonali, minbarra l-kapsuni.

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/14441


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.


Top