Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022AE0552

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “a) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-istabbiliment ta’ Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali” (COM(2022) 27 final) u “b) Drittijiet u prinċipji diġitali” (opinjoni esploratorja)

    EESC 2022/00552

    ĠU C 365, 23.9.2022, p. 13–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    23.9.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 365/13


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “a) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-istabbiliment ta’ Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali għad-Deċennju Diġitali”

    (COM(2022) 27 final)

    u “b) Drittijiet u prinċipji diġitali”

    (opinjoni esploratorja)

    (2022/C 365/03)

    Relatur:

    Philip VON BROCKDORFF

    Korelatur:

    Violeta JELIĆ

    Konsultazzjoni

    (a)

    Kummissjoni Ewropea, 2.5.2022

    (b)

    Presidenza Ċeka, 26.1.2022

    Bażi legali

    (a)

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    (b)

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

    Adottata fis-sezzjoni

    1.6.2022

    Adottata fil-plenarja

    15.6.2022

    Sessjoni plenarja Nru

    570

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    181/0/2

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jirreferi għar-rabta qawwija bejn il-Perkors għad-Deċennju Diġitali u d-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali, bl-ewwel waħda tagħmel enfasi fuq miri kwantitattivi u tal-aħħar prinċipalment fuq miri kwalitattivi. Il-KESE jemmen li t-tnejn huma rilevanti ħafna biex jiffaċilitaw it-trasformazzjoni diġitali għas-soċjetà u l-ekonomija.

    1.2.

    Il-KESE jemmen li d-dikjarazzjoni għandha taħdem għall-iżvilupp sostenibbli kollu kemm hu. Is-suċċess tat-trasformazzjoni diġitali huwa taħlita ta’ benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali li jirriżultaw mill-kontribut tagħha għal aktar kompetittività, prosperità, impjiegi, benesseri u t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u b’emissjonijiet żero, flimkien mal-prevenzjoni u l-minimizzazzjoni tar-riskji mhux mixtieqa li tista’ ġġib magħha għas-soċjetà.

    1.3.

    Il-KESE jemmen li l-indirizzar tal-ħiliet diġitali, l-infrastruttura diġitali, in-negozju diġitali u s-servizzi pubbliċi diġitali huwa kruċjali biex jiġu appoġġjati l-irkupru ekonomiku u t-tkabbir fl-Ewropa, filwaqt li jiġi żgurat li l-progress isir f’konformità mad-drittijiet fundamentali u b’mod iċċentrat fuq il-bniedem u inklużiv, filwaqt li ħadd ma jitħalla jibqa’ lura. Il-KESE jirrakkomanda wkoll li jitqiesu l-konklużjonijiet tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa rigward it-trasformazzjoni diġitali.

    1.4.

    Għalkemm maħsuba biex isservi bħala impenn politiku sod, id-dikjarazzjoni ma taffettwax id-drittijiet legali attwali. Il-KESE jemmen li d-drittijiet diġitali jirriżultaw, u huma definiti minn, drittijiet fundamentali eżistenti, billi huma parti mill-valuri u l-prinċipji tal-UE, fejn drittijiet u libertajiet differenti jeżistu flimkien u fejn il-valuri jistabbilixxu wkoll limiti għal xulxin.

    1.5.

    Il-prinċipji u d-drittijiet differenti deskritti fl-abbozz tad-dikjarazzjoni huma f’ħafna modi sovrapposti, u t-taħlit tal-prinċipji u d-drittijiet jagħmilha diffiċli li wieħed jipperċepixxi l-essenza tal-kontenut. Għalhekk huwa assolutament meħtieġ li jiġi promoss il-fehim tat-tifsira prattika tagħhom. Dan japplika għan-negozji, il-ħaddiema, il-konsumaturi u l-popolazzjoni inġenerali.

    1.6.

    Il-valuri u d-drittijiet fundamentali tal-UE huma kruċjali mill-perspettiva kemm tan-nies individwali kif ukoll tan-negozji. Id-dikjarazzjoni għandha għalhekk tirrikonoxxi li l-biċċa l-kbira tagħhom, speċjalment l-SMEs, jiffaċċjaw bejn wieħed u ieħor l-istess sfidi bħan-nies individwali inġenerali biex jadattaw għad-dinja diġitali. Il-KESE jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-isfida li jiġi evitat distakk diġitali f’termini ta’ aċċess għas-servizzi pubbliċi u privati mill-popolazzjonijiet li qed jixjieħu u dawk rurali.

    1.7.

    Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-prinċipji tal-konnettività, il-ħiliet u s-sigurtà, li huma essenzjali kemm għan-nies individwali kif ukoll għan-negozji, kif ukoll għall-iżvilupp ekonomiku u soċjetali ġenerali. Il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna għamlitha saħansitra aktar viżibbli, u l-gwerra saħħet ukoll il-ħtieġa li jiġu żviluppati l-ħiliet tan-nies u l-mezzi biex tiġi rikonoxxuta u miġġielda d-diżinformazzjoni.

    1.8.

    Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-kejl u l-monitoraġġ tal-progress diġitali u jirrakkomanda li l-għodod f’dan il-qasam m’għandhomx jiġu mmultiplikati. L-objettivi tad-dikjarazzjoni jeħtieġ li jitkejlu permezz ta’ indikaturi konkreti fil-qafas tal-Perkors għad-Deċennju Diġitali, u r-rapport annwali dwar l-Istat tad-Deċennju Diġitali għandu jikkontribwixxi għas-Semestru Ewropew.

    1.9.

    Il-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku u li dan ikun ġust huma elementi li jaqdu rwol kruċjali fl-iżvilupp diġitali fl-UE. Il-KESE għalhekk jemmen li l-essenza tal-libertajiet fis-suq uniku għandha tiġi protetta bis-sħiħ. Il-fluss liberu tad-data u s-sjieda tad-data huma ta’ importanza dejjem akbar, peress li mhux biss jikkonċernaw is-suq uniku għad-data bħala tali, iżda għandhom ukoll rabta intrinsika mas-swieq tal-kapital, tal-oġġetti u tas-servizzi. Il-prinċipji relatati mal-innovazzjoni u l-proprjetà intellettwali u mal-libertà ta’ intrapriża għandhom jiġu rikonoxxuti wkoll fid-dikjarazzjoni.

    1.10.

    Is-suq uniku huwa wkoll xprun għall-UE biex twessa’ l-użu tas-swieq esterni u l-ktajjen tal-provvista u biex tkun attur globali influwenti u b’saħħtu. Id-dikjarazzjoni għandha għalhekk tiġi promossa b’mod attiv f’kuntest internazzjonali bl-użu ta’ firxa wiesgħa ta’ għodod, li jvarjaw minn ftehimiet globali stabbiliti mill-imsieħba soċjali f’kumpaniji multinazzjonali għal azzjoni diplomatika u kooperazzjoni fl-innovazzjoni, ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment u kundizzjonijiet ta’ finanzjament.

    2.   Kuntest

    2.1.

    Fl-aħħar diskors dwar l-Istat tal-Unjoni, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-Perkors għad-Deċennju Diġitali (1). Dan il-pjan għandu l-għan li jiddiġitalizza l-ħiliet, l-infrastruttura, in-negozji u s-servizzi pubbliċi, sabiex tinkiseb it-trasformazzjoni diġitali tas-soċjetà u tal-ekonomija tagħna sal-2030.

    2.2.

    Fl-istess waqt, il-Kummissjoni qed taħdem biex tiffinalizza l-proposta għal dikjarazzjoni konġunta dwar il-prinċipji diġitali mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni biex tiżgura li l-valuri u d-drittijiet Ewropej jitqiesu fl-ispazju diġitali. Dan se jippermetti lil kulħadd jibbenefika mill-possibbiltajiet offruti mit-teknoloġija diġitali, bħall-aċċess universali għall-Internet, l-algoritmi li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali permezz ta’ verifika regolari tal-algoritmi mwettqa minn partijiet terzi indipendenti, u ambjent online sikur u affidabbli.

    2.3.

    Sabiex jiġi żgurat li l-Ewropa timxi malajr lejn l-objettivi tad-Deċennju Diġitali, il-qafas ta’ governanza propost jipprevedi sistema ta’ monitoraġġ ibbażata fuq l-Indiċi tal-Ekonomija u s-Soċjetà Diġitali (DESI) imsaħħaħ, u r-rapport dwar l-Istat tad-Deċennju Diġitali se jservi bħala valutazzjoni annwali tat-trasformazzjoni diġitali fl-Ewropa. B’mod partikolari, ir-rapport se (i) jidentifika l-oqsma fejn hija meħtieġa aktar azzjoni; (ii) janalizza lakuni ta’ investiment jew lakuni oħra fir-riżorsi u jenfasizza l-azzjonijiet meħtieġa biex tiżdied is-sovranità diġitali tal-UE; u (iii) jivvaluta l-implimentazzjoni tal-proposti regolatorji rilevanti u l-azzjonijiet meħuda fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri. Ir-rapport se jipprovdi wkoll opportunità biex jittieħed kont tal-livell ta’ aderenza għall-prinċipji diġitali li se jiġu stabbiliti fid-dikjarazzjoni futura.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Il-KESE jqis il-Perkors għad-Deċennju Diġitali bħala żvilupp importanti biex tiġi appoġġjata t-trasformazzjoni diġitali fl-UE, billi jqis ix-xejriet aċċellerati u l-ħtiġijiet dejjem akbar għad-diġitalizzazzjoni, li ġew enfasizzati wkoll mill-pandemija. Il-ħtieġa li jingħalqu l-lakuni fil-kapaċitajiet diġitali tal-Ewropa tibqa’ kwistjoni, bħalma hija l-ħtieġa li jittieħed approċċ aktar unifikat kif ukoll li jsir investiment fi proġetti diġitali fuq skala kbira biex jinkisbu l-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni.

    3.2.

    Il-KESE jemmen li l-attenzjoni għall-ħiliet diġitali, l-infrastruttura, in-negozji u s-servizzi pubbliċi hija essenzjali biex jiġu appoġġjati l-irkupru ekonomiku u t-tkabbir fl-Ewropa, li huma essenzjali għat-titjib tal-introjtu, l-istandards tal-għajxien u l-kundizzjonijiet tax-xogħol. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-popolazzjoni li qed tixjieħ u rurali tal-UE biex jiġi żgurat li ma jibqgħux lura fit-trasformazzjoni diġitali.

    3.3.

    Barra minn hekk, trasformazzjoni diġitali ta’ suċċess se tpoġġi lill-Ewropa fuq quddiem nett tax-xejriet globali, filwaqt li tappoġġja l-kompetittività tagħha u tiffaċilita l-istabbiliment ta’ standards universali. Barra minn hekk, it-teknoloġiji diġitali huma element essenzjali biex l-UE tilħaq l-objettivi ta’ sostenibbiltà tal-Patt Ekoloġiku tagħha.

    3.4.

    Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni u l-Istati Membri ser jaħdmu flimkien mill-qrib biex jilħqu l-miri u l-objettivi tad-Deċennju Diġitali. Bħala l-ewwel pass, hekk kif tidħol fis-seħħ id-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-Perkors għad-Deċennju Diġitali, huma se jiddefinixxu b’mod konġunt it-trajettorji ’l quddiem fil-livell tal-UE għal kull wieħed mill-objettivi. Dawn it-trajettorji se jagħmluha possibbli li jiġi vvalutat il-progress lejn l-għanijiet.

    3.5.

    Il-KESE jirrikonoxxi li hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jinkludu t-trajettorji nazzjonali tagħhom fil-pjani direzzjonali strateġiċi diġitali, flimkien mal-politiki jew l-istrumenti attwali jew ippjanati li l-Istati Membri beħsiebhom jużaw. Naturalment, mhux l-objettivi kollha tad-Deċennju Diġitali jeħtieġu l-istess sforzi fl-Istati Membri kollha. Fil-fatt, uħud minnhom għamlu progress konsiderevoli. Barra minn hekk, diversi objettivi jitolbu sforz immirat min-naħa ta’ xi Stati Membri. Il-KESE jirrikonoxxi li l-kontribut potenzjali tal-Istati Membri għall-kisba tal-miri stabbiliti fil-livell tal-UE jvarja b’mod konsiderevoli f’xi każijiet, u dan għandu jitqies ukoll. B’rabta ma’ dan, il-KESE jappella għal indikaturi tal-prestazzjoni ewlenin konkreti fil-livell nazzjonali biex jiġi mmonitorjat il-progress u jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi.

    3.6.

    Il-KESE jistenna li dawn il-kunsiderazzjonijiet jiġu inklużi fir-rapport ta’ progress annwali tal-Kummissjoni dwar l-Istat tad-Deċennju Diġitali. F’dan ir-rigward, huwa jilqa’ l-impenn li fi żmien ħames xhur wara l-pubblikazzjoni tar-rapport, il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jikkooperaw mill-qrib biex jidentifikaw oqsma fejn il-progress mhuwiex biżżejjed u jaqblu dwar miżuri biex jiżguraw li l-miri jintlaħqu. Għal darb’ oħra, se jkun f’idejn l-Istati Membri li jadattaw il-pjani direzzjonali strateġiċi nazzjonali tagħhom biex iqisu r-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapport. Huwa essenzjali li jimpenjaw ruħhom li jieħdu azzjoni korrettiva u/jew jimplimentaw proġetti bħal proġetti multinazzjonali.

    3.7.

    Il-KESE jilqa’ wkoll l-għodod kollha ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet proposti biex jiġi żgurat li l-miżuri meħuda mill-Istati Membri jkunu biżżejjed biex isir progress lejn il-kisba tal-objettivi tad-Deċennju Diġitali. Dawn l-għodod, li jinkludu evalwazzjoni bejn il-pari, rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, azzjoni ulterjuri possibbli fil-livell tal-UE, kif ukoll djalogu mmirat jidhru promettenti ħafna f’termini ta’ effettività, jekk wieħed jassumi li jsir segwitu tar-rakkomandazzjonijiet kollha.

    3.8.

    Fir-rigward tar-rappurtar, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li l-objettivi tad-Deċennju Diġitali jintrabtu mas-Semestru Ewropew. L-aspetti diġitali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u l-monitoraġġ tal-progress fit-trasformazzjoni diġitali fl-UE huma ta’ importanza kritika, u l-KESE jappoġġja l-proposta li r-rapport annwali dwar L-Istat tad-Deċennju Diġitali għandu jikkontribwixxi għas-Semestru Ewropew. Il-kisba tal-objettivi tad-dikjarazzjoni għandha tiġi mmonitorjata b’indikaturi konkreti li jkejlu, pereżempju, il-progress fil-ħiliet diġitali vokazzjonali u l-ħiliet biex tiġi identifikata informazzjoni online falza, kif ukoll it-tnaqqis tad-distakk diġitali u l-appoġġ għal persuni mingħajr aċċess għal servizzi online. F’dan ir-rigward, iridu jitqiesu wkoll aspetti relatati mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

    3.9.

    Il-KESE jtenni l-pożizzjoni favorevoli tiegħu adottata f’Opinjoni relatata dwar proġetti multinazzjonali li huma proġetti fuq skala kbira li jappoġġjaw l-objettivi għat-trasformazzjoni diġitali tal-UE. Huwa rilevanti l-approċċ tat-twassil ta’ investimenti kkoordinati li jinvolvu mill-inqas tliet Stati Membri u, fejn adegwat, partijiet ikkonċernati pubbliċi jew tas-soċjetà ċivili kollha kemm huma (2).

    3.10.

    Dawn il-proġetti jappoġġjaw il-produttività u r-reżiljenza tal-ekonomija Ewropea u għalhekk huwa meħtieġ li jiġu pprovduti linji gwida ċari dwar kif il-fondi jistgħu jsiru disponibbli għal proġetti multinazzjonali. Sorsi possibbli ta’ finanzjament jinkludu taħlita ta’ finanzjament mill-UE u mill-Istati Membri. Min-naħa Ewropea, nistgħu nsemmu l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Programm Ewropa Diġitali, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Programm InvestEU, Orizzont Ewropa, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni. Madankollu, huwa mħeġġeġ bil-qawwa l-kontribut tal-Istati Membri għal proġetti multinazzjonali li l-KESE jqis essenzjali għal trasformazzjoni diġitali Ewropea aktar effettiva u kkoordinata.

    3.11.

    Il-KESE jemmen li l-vijabbiltà ta’ proġetti multinazzjonali għandha tiġi vvalutata regolarment u jilqa’ l-proposta li l-Kummissjoni se tagħti pariri u tipprovdi, fejn adegwat, gwida rilevanti biex tappoġġja l-implimentazzjoni ta’ proġetti multinazzjonali.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1.

    Il-proposti tal-Kummissjoni jipprovdu bażi u argument għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni biex ifasslu u jiffirmaw dikjarazzjoni konġunta. Skont il-KESE, dikjarazzjoni li tiġbor flimkien f’dokument wieħed prinċipji differenti relatati mat-trasformazzjoni diġitali tkun referenza utli fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-kumpass diġitali u l-Perkors għad-Deċennju Diġitali. Fl-aħjar każ, din id-dikjarazzjoni ssaħħaħ il-fiduċja tan-nies u tan-negozji. Dan jeħtieġ test u komunikazzjoni ċari u li jinftiehmu faċilment.

    4.2.

    Għalkemm ta’ natura politika u mhux legalment vinkolanti bħala tali, dikjarazzjoni bħal din isservi bħala referenza u gwida solida għal miżuri ta’ politika futuri. Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni, id-dikjarazzjoni ma taffettwax id-drittijiet legali attwali. Għalhekk, kwalunkwe miżura oħra bbażata fuqha għandha tqis kif dovut l-istrumenti legali eżistenti u strumenti oħra.

    4.3.

    Huwa importanti wkoll li jiġu msaħħa firxa wiesgħa ta’ strumenti u miżuri li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tad-dikjarazzjoni. Pereżempju, huwa assolutament meħtieġ li titqajjem kuxjenza dwar it-tifsira prattika tal-prinċipji u li jiġi promoss il-fehim tagħhom. Dan japplika għan-negozji, il-ħaddiema, il-konsumaturi u n-nies individwali inġenerali.

    4.4.

    Huwa raġonevoli li jintużaw il-mekkaniżmi eżistenti biex jiġi mmonitorjat kif il-prinċipji se jkunu u diġà qed jiġu implimentati fil-prattika. Il-mekkaniżmu ta’ governanza propost għall-Perkors għad-Deċennju Diġitali, bl-objettivi ġenerali tiegħu, huwa l-aktar rilevanti f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, huwa utli li tiġi monitorjata l-perċezzjoni tan-nies individwali permezz ta’ stħarriġ tal-Ewrobarometru.

    4.5.

    F’diversi Opinjonijiet preċedenti, il-KESE enfasizza l-importanza li t-trasformazzjoni diġitali ssir b’mod iċċentrat fuq il-bniedem, inklużiv u sostenibbli, u d-dikjarazzjoni tipprovdi referenza essenzjali għal dan il-għan. Ġew inklużi wkoll objettivi korrispondenti fil-Perkors għad-Deċennju Diġitali, u l-KESE jemmen li dawn jipprovdu qafas kwalitattiv għall-miri kwantitattivi stabbiliti f’dan id-dokument u dawk tal-Kumpass Diġitali (3).

    4.6.

    Il-prinċipji u d-drittijiet differenti deskritti fl-abbozz tad-dikjarazzjoni huma f’ħafna modi sovrapposti u kull wieħed minnhom għandu diversi aspetti, li wħud minnhom huma pjuttost dettaljati. Għaldaqstant, huwa diffiċli biex wieħed jipperċepixxi l-essenza tal-kontenut. It-taħlita ta’ prinċipji u drittijiet tkompli ċċajpar dan il-kontenut. Is-sett inizjali ta’ prinċipji diġitali mnedija mill-Kummissjoni għall-konsultazzjoni kien aktar ċar u aktar faċli biex jinftiehem u għalhekk approċċ preferibbli, filwaqt li jagħmel użu mill-elementi li jarrikkixxu l-konsultazzjoni.

    4.7.

    Il-KESE jemmen li d-drittijiet diġitali jirriżultaw mid-drittijiet fundamentali eżistenti u huma definiti minnhom. Dawn huma parti mill-valuri u l-prinċipji tal-UE, li jikkostitwixxu unità sħiħa f’diversi livelli u multidimensjonali, fejn jeżistu flimkien drittijiet u libertajiet differenti u fejn il-valuri jistabbilixxu wkoll limiti u jiżguraw bilanċ ġust. Dan huwa l-każ, pereżempju, tal-prinċipji tal-libertà tal-espressjoni u n-nondiskriminazzjoni fil-kuntest tad-diskors ta’ mibegħda, li huwa fenomenu li qed jiżdied fid-dinja online.

    4.8.

    Il-KESE jemmen li l-prinċipji diġitali għandhom iservu għal dak kollu li jfisser l-iżvilupp sostenibbli. Madankollu, il-prinċipju tas-sostenibbiltà fl-abbozz tad-dikjarazzjoni jidher li jirreferi primarjament għas-sostenibbiltà ambjentali, filwaqt li l-ħames prinċipji l-oħra jiffokaw primarjament fuq is-sostenibbiltà soċjali. Il-KESE jemmen li s-sostenibbiltà għandha tiġi kkunsidrata fl-iżvilupp u l-użu tat-teknoloġiji diġitali b’żewġ modi: billi jiġi minimizzat l-impatt dannuż tat-teknoloġiji u billi jiġi massimizzat l-impatt pożittiv tagħhom fuq l-ekonomija u s-soċjetà. Is-suċċess tat-trasformazzjoni diġitali b’hekk huwa taħlita ta’ benefiċċji ekonomiċi, soċjali u ambjentali li joriġinaw mill-kontribut tagħha għall-ħolqien ta’ kompetittività, prosperità, impjiegi u benesseri aħjar u għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju.

    4.9.

    Il-valuri u d-drittijiet fundamentali tal-UE huma kruċjali mill-perspettiva kemm tan-nies individwali kif ukoll tan-negozji. Il-biċċa l-kbira tal-aspetti inklużi fil-proġett huma rilevanti mhux biss għan-nies b’mod ġenerali, iżda wkoll għall-intraprendituri, inklużi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Id-dikjarazzjoni għandha għalhekk tirrikonoxxi li l-biċċa l-kbira tal-intrapriżi, speċjalment l-SMEs, jiffaċċjaw bejn wieħed u ieħor l-istess sfidi bħall-popolazzjoni inġenerali biex jadattaw għad-dinja diġitali.

    4.10.

    Il-KESE jemmen li għandha ssir aktar enfasi wkoll fuq it-tisħiħ tal-benefiċċji tat-trasformazzjoni diġitali, inkluża l-prosperità ekonomika. Dan jenfasizza l-importanza tal-prinċipji relatati mal-konnettività, il-ħiliet u s-sigurtà, li huma essenzjali għall-iżvilupp soċjoekonomiku. Minbarra dawk proposti fl-abbozz tad-dikjarazzjoni, il-prinċipji tal-innovazzjoni u tal-proprjetà intellettwali u l-libertà ta’ intrapriża huma ta’ importanza kbira għan-negozji fid-dinja diġitali u għandhom jiġu rikonoxxuti fid-dikjarazzjoni.

    4.11.

    Il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna enfasizzat l-importanza tal-funzjonament adegwat tal-konnessjonijiet diġitali u taċ-ċibersigurtà fil-livelli kollha u fis-setturi kollha tas-soċjetà, kif ukoll fil-konnessjonijiet internazzjonali. Hija saħħet ukoll il-ħtieġa li jiġu żviluppati l-ħiliet tan-nies u l-mezzi biex tiġi rikonoxxuta u miġġielda d-diżinformazzjoni.

    4.12.

    Il-KESE diġà enfasizza l-importanza tas-sovranità diġitali bħala pilastru ewlieni tal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-Ewropa u enfasizza wkoll li din is-sovranità diġitali trid tkun ibbażata fuq il-kompetittività globali, u fuq kooperazzjoni b’saħħitha bejn l-Istati Membri. Din hija prekundizzjoni essenzjali biex l-UE ssir punt ta’ riferiment fix-xena internazzjonali, inkluż fir-rigward tal-affidabbiltà tat-teknoloġiji diġitali. Fir-rigward tal-ospitar tad-data tal-Ewropej, b’mod partikolari, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jitlesta l-proġett tal-cloud Ewropew Gaia X, li għandu jrawwem il-fiduċja tal-popolazzjoni Ewropea, u b’hekk jippromovi l-fluss tad-data (4).

    4.13.

    Il-funzjonament bla xkiel u b’mod ġust tas-suq uniku jaqdi rwol kruċjali fl-iżvilupp diġitali fl-UE. Il-KESE għalhekk jemmen li l-essenza tal-libertajiet fis-suq uniku għandha tiġi protetta bis-sħiħ. Il-fluss liberu u s-sjieda tad-data qed isiru dejjem iktar importanti, peress li mhux biss jikkonċernaw is-suq uniku għad-data bħala tali, iżda għandhom ukoll rabta intrinsika mas-swieq tal-kapital, tal-oġġetti u tas-servizzi.

    4.14.

    Is-suq uniku huwa wkoll punt tat-tluq u xprun għall-UE biex twessa’ l-użu tas-swieq esterni u l-ktajjen tal-provvista u biex tkun attur globali influwenti u b’saħħtu. Id-dikjarazzjoni għandha għalhekk tiġi promossa b’mod attiv fil-kuntest internazzjonali. Filwaqt li l-valuri ma jistgħux jiġu “esportati”, l-UE għandha l-potenzjal li teżerċita influwenza globali bl-użu ta’ firxa wiesgħa ta’ għodod, minn ftehimiet globali stabbiliti mill-imsieħba soċjali f’kumpaniji multinazzjonali għal azzjoni diplomatika, kooperazzjoni fl-innovazzjoni, ftehimiet kummerċjali u ta’ investiment u kundizzjonijiet ta’ finanzjament. Dan japplika kemm għar-relazzjonijiet esterni bilaterali kif ukoll għal dawk multilaterali.

    Brussell, il-15 ta’ Ġunju 2022.

    Christa SCHWENG

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  COM(2021) 574 final.

    (2)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 ‘Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali’” (ĠU C 194, 12.5.2022, p. 87).

    (3)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 ‘Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali’” (ĠU C 194, 12.5.2022, p. 87).

    (4)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Programm ta’ Politika tal-2030 ‘Il-Perkors għad-Deċennju Diġitali’” (ĠU C 194, 12.5.2022, p. 87).


    Top