EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022AB0004

Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ Frar 2022 dwar proposta għal regolament li jistabbilixxi l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Ġlieda kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu (CON/2022/4) 2022/C 210/05

CON/2022/4

ĠU C 210, 25.5.2022, p. 5–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 210/5


OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta’ Frar 2022

dwar proposta għal regolament li jistabbilixxi l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Ġlieda kontra l-Finanzjament tat-Terroriżmu

(CON/2022/4)

(2022/C 210/05)

Introduzzjoni u bażi legali

Fl-20 ta’ Lulju 2021 il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) 1094/2010, (UE) 1095/2010 (1) (iktar ’il quddiem il-“KĦFAR”).

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jikkunsidra li r-regolament propost jaqa’ fl-ambitu ta’ kompetenza tiegħu, għalkemm ma ġiex ikkonsultat dwar ir-regolament propost. Għaldaqstant, huwa qed jeżerċita d-dritt tiegħu kif ipprovdut fit-tieni sentenza fl-Artikolu 127(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex jissottometti opinjoni lill-istituzzjonijiet xierqa tal-Unjoni Ewropea dwar materji fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu. Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat peress li l-KĦFAR fih dispożizzjonijiet li jaffettwaw il-kompiti tal-BĊE dwar is-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt l-Artikolu 127(6) tat-Trattat. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.

Osservazzjonijiet Ġenerali

1.   Ħarsa ġenerali u rimarki introduttorji

1.1.

Il-BĊE jilqa’ l-pakkett ta’ erba’ proposti leġiżlattivi, inkluż il-KĦFAR, ippubblikat mill-Kummissjoni fis-20 ta’ Lulju 2021, bil-għan li jissaħħu r-regoli tal-Unjoni dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (KĦF) u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu (KFT) (KĦF/KFT). Din l-Opinjoni tiffoka fuq il-KĦFAR. Opinjonijiet separati tal-BĊE jindirizzaw it-tliet komponenti li jifdal tal-pakkett leġiżlattiv – (a) il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu (2) (iktar ’il quddiem il-“KĦFR1”); (b) il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mekkaniżmi li għandhom jiddaħħlu fis-seħħ mill-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u t-tħassir tad-Direttiva (UE) 2015/849 (3) (iktar ’il quddiem il-“KĦFD6”); u (iii) il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u ċerti kripto-assi (riformulazzjoni) (4).

1.2.

Kif innutat qabel (5), il-BĊE jappoġġa bil-qawwa reġim tal-Unjoni li jiżgura li l-Istati Membri, l-awtoritajiet u l-korpi tal-Unjoni, kif ukoll l-entitajiet marbutin b’obbligu fl-UE, ikollhom għodod effettivi biex jiġġieldu l-użu ħażin tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni għall-ħasil tal-flus (ĦF) jew il-finanzjament tat-terroriżmu (FT). Il-BĊE esprima l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-istadju preċedenti tal-isforzi ta’ armonizzazzjoni (6), fejn il-mandat KĦF/KFT tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) ġie msaħħaħ, u jilqa’ l-iterazzjoni li jmiss tal-proċess fil-forma tat-twaqqif tal-Awtorità għall-Ġlieda Kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu (KĦFA).

1.3.

Il-kompitu ta’ superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fir-rigward tal-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet ta’ ĦF jew FT ma ngħatax lill-BĊE. L-Artikolu 127(6) tat-Trattat lanqas ma jippermetti li l-BĊE jingħata setgħat superviżorji tal-KĦF/KFT, peress li jillimita b’mod ċar il-kompiti superviżorji li jistgħu jiġu kkonferiti lill-BĊE għas-superviżjoni prudenzjali. Madankollu, l-eżiti tas-superviżjoni tal-KĦF/KFT huma importanti li jiġu kkunsidrati għat-twettiq tal-kompiti superviżorji prudenzjali tal-BĊE fejn il-BĊE jħaddem l-informazzjoni rċevuta fl-attivitajiet superviżorji prudenzjali rilevanti, inkluż fil-proċessi ta’ evalwazzjoni u reviżjoni superviżorja, valutazzjonijiet tal-adegwatezza tal-arranġamenti ta’ governanza tal-istituzzjonijiet, proċessi u mekkaniżmi, u valutazzjonijiet tal-adegwatezza tal-membri tal-korpi maniġerjali ta’ entitajiet taħt superviżjoni. Barra minn hekk, f’konformità mad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), is-superviżuri tal-KĦF/KFT tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji, is-superviżuri prudenzjali u l-unitajiet tal-intelligence finanzjarja (UIF) tal-Istati Membri huma meħtieġa jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin fil-kompetenzi rispettivi tagħhom u jipprovdu lil xulxin b’informazzjoni rilevanti għall-kompiti rispettivi tagħhom.

1.4.

Il-BĊE jinsab lest li jikkoopera mal-KĦFA u jikkontribwixxi għall-proċess leġiżlattiv, fost l-oħrajn, billi jikkondividi l-esperjenza tiegħu bħala awtorità superviżorja prudenzjali fil-livell tal-Unjoni, fejn din l-esperjenza tista’ tkun rilevanti għall-bini tas-superviżjoni tal-KĦF/KFT fil-livell tal-Unjoni.

1.5.

L-istabbiliment ta’ Awtorità tal-KĦF/KFT fil-livell tal-Unjoni huwa pass importanti lejn l-iżgurar ta’ applikazzjoni aktar armonizzata tar-rekwiżiti tal-KĦF/KFT tal-Unjoni madwar l-UE. Hija l-esperjenza tal-BĊE, sabiex awtorità superviżorja prudenzjali fil-livell tal-Unjoni tiffaċilita l-konverġenza tal-prattiki superviżorji f’għadd ta’ Stati Membri, li jeħtieġ li tingħata livell suffiċjenti ta’ responsabbiltà, kemm għas-superviżjoni diretta kif ukoll għas-sorveljanza superviżorja. Dawn ir-responsabbiltajiet għandhom ikunu akkumpanjati minn setgħat superviżorji adegwati. Il-KĦFAR jipprevedi li, minbarra s-setgħat superviżorji diretti, li se jiġu eżerċitati fuq grupp relattivament limitat ta’ entitajiet marbuta b’obbligu mill-bidu, il-KĦFA se twettaq valutazzjonijiet perjodiċi u reviżjonijiet bejn il-pari tal-awtoritajiet superviżorji finanzjarji u mhux finanzjarji tal-KĦF/KFT, rispettivament. Dan se jgħin lill-KĦFA tidentifika l-aħjar prattiki fil-livell nazzjonali, kemm biex tużahom fis-superviżjoni diretta tagħha stess, kif ukoll biex tirriflettihom fir-rakkomandazzjonijiet jew fi prodotti regolatorji oħra indirizzati lill-awtoritajiet tal-KĦF/KFT tal-Istati Membri individwali, li r-rappreżentanti tagħhom se jipparteċipaw ukoll fil-Bord Ġenerali tal-KĦFA. Livelli ogħla ta’ armonizzazzjoni u konsistenza fis-superviżjoni tal-KĦF/KFT se jkunu ta’ benefiċċju wkoll għas-superviżjoni prudenzjali.

Osservazzjonijiet speċifiċi

2.   Il-kamp ta’ applikazzjoni tas-superviżjoni diretta u indiretta tal-KĦFA

2.1.

Il-kriterji għall-identifikazzjoni tal-entitajiet marbutin b’obbligu magħżula li se jkunu taħt is-superviżjoni diretta tal-KĦFA (8) huma relattivament stretti, u d-dokumenti li jakkumpanjaw il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni jipprevedu li madwar 12 sa 20 entità marbuta b’obbligu biss se jissodisfaw dawn il-kriterji. Mhuwiex stmat kemm minn dawn l-entitajiet huma mistennija li jkunu istituzzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-BĊE skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (9). Għal entitajiet sorveljati sinifikanti (10) li huma taħt is-superviżjoni diretta tal-BĊE u li se jissodisfaw dawn il-kriterji, il-KĦFA se ssir il-kontroparti tal-BĊE għall-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni fis-superviżjoni ta’ kuljum, valutazzjonijiet tal-adegwatezza u l-“proċeduri komuni” (11), li jinkludu valutazzjonijiet tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjonijiet biex jinbeda in-negozju ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, l-irtirar ta’ tali awtorizzazzjonijiet u l-valutazzjoni ta’ akkwisti u likwidazzjonijiet ta’ parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti. Fejn entitajiet taħt superviżjoni inqas sinifikanti (12) (LSIs) jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-KĦFAR, il-kooperazzjoni bejn il-BĊE u l-AMLA tkun limitata għall-aspetti rilevanti tal-proċeduri komuni.

2.2.

Il-BĊE jieħu nota tal-ambitu limitat propost tas-superviżjoni diretta tal-KĦFA, fid-dawl tar-restrizzjonijiet baġitarji tal-proposta. Hija l-esperjenza tal-BĊE li huwa ta’ benefiċċju li jkun hemm ambitu wiesa’ ta’ superviżjoni diretta fil-livell tal-Unjoni u li jintgħażlu istituzzjonijiet li jsiru suġġetti għal superviżjoni diretta fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti. Il-BĊE għalhekk jappoġġa bil-qawwa l-emendar tal-kriterji għall-identifikazzjoni tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula, sabiex il-proċess jirriżulta f’grupp usa’ ta’ entitajiet marbuta b’obbligu li għandhom ikunu ssorveljati direttament mill-KĦFA li jistgħu jinkludu entitajiet marbuta b’obbligu li għandhom il-kwartieri ġenerali f’kull wieħed mill-Istati Membri u titrawwem kultura superviżorja komuni u konverġenza ta’ prattiki superviżorji KĦF/KFT. Dan inaqqas ukoll ir-riskju ta’ arbitraġġ. Fil-każ tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), dan l-għan ġie ffaċilitat mill-kriterji għall-għażla ta’ entitajiet superviżorji sinifikanti, fejn ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jeħtieġ li l-BĊE jwettaq kompiti superviżorji diretti fir-rigward tat-tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu l-aktar sinifikanti f’kull wieħed mill-Istati Membri parteċipanti, sakemm ma jkunx iġġustifikat minn ċirkostanzi partikolari (13). Meta wieħed iqis il-kriterji ta’ għażla relattivament stretti u bbażati fuq ir-riskju stabbiliti fil-KĦFAR, il-pubblikazzjoni tal-lista tal-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula, kif huwa previst fl-KĦFAR, tkun ekwivalenti għall-pubbliċità indiretta tal-istatus ta’ riskju għoli ta’ ĦF/FT tal-entitajiet sorveljata magħżula, li bħalissa hija informazzjoni kunfidenzjali kondiviża biss fost l-awtoritajiet rilevanti fuq bażi stretta ta’ bżonn li tkun taf. Kriterji oġġettivi bbażati fuq ir-riskju li ma jirriżultawx fl-iżvelar indirett ta’ tali informazzjoni superviżorja kunfidenzjali jistgħu jkunu preferibbli peress li ma jibagħtux sinjali mhux intenzjonati lis-swieq jew joħolqu riskju għar-reputazzjoni għall-entitajiet marbuta b’obbligu magħżula ssorveljati direttament mill-AMLA. Barra minn hekk, għandha tiżdied dispożizzjoni biex tiġi żgurata l-komunikazzjoni bejn l-KĦFA u s-superviżuri prudenzjali rilevanti fi ħdan l-Unjoni matul il-proċess ta’ valutazzjoni tal-entitajiet marbutin b’obbligu għall-għażla qabel ma tiġi ppubblikata l-lista ta’ entitajiet obbligati magħżula. Dan jippermetti lis-superviżuri prudenzjali janalizzaw minn qabel l-implikazzjonijiet prudenzjali possibbli tar-riskji assoċjati ma’ dawk l-entitajiet.

2.3.

Fir-rigward ta’ kważi l-entitajiet sorveljati sinifikanti u inqas sinifikanti kollha, il-kontropartijiet primarji tal-BĊE se jkomplu jkunu s-superviżuri nazzjonali tal-KĦF/KFT tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji u l-UIF. Il-BĊE osserva ċertu grad ta’ eteroġeneità fil-kontribut ipprovdut lill-BĊE mill-awtoritajiet superviżorji individwali tal-KĦF/KFT peress li l-kooperazzjoni sistematika bejn l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-KĦF/KFT u l-BĊE bdiet fl-2019, wara l-bidliet leġiżlattivi miġjuba bid-Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14). Dan jagħmilha aktar diffiċli biex l-eżiti tas-superviżjoni tal-KĦF/KFT jiġu kkunsidrati b’mod konsistenti f’kompiti superviżorji prudenzjali. F’dan ir-rigward il-BĊE jilqa’ r-rwol li l-KĦFA se jkollha fit-titjib tal-armonizzazzjoni tal-valutazzjonijiet tar-riskju tal-ĦF/FT u kompiti superviżorji oħra tal-KĦF/KFT imwettqa mill-awtoritajiet fl-Istati Membri. B’mod partikolari, fir-rigward tal-metodoloġija li għandha tiġi żviluppata mill-KĦFA għall-klassifikazzjoni tar-riskju inerenti u l-profili tar-riskju residwu ta’ entitajiet marbuta b’obbligu, huwa importanti li jinkiseb livell għoli ta’ armonizzazzjoni taż-żewġ metodoloġiji peress li se jkollhom impatt fuq il-konsistenza tal-kontribut li se jiġi rċevut u meqjus fis-superviżjoni prudenzjali.

2.4.

B’ħarsa ’l quddiem, bla ħsara għar-reviżjonijiet futuri tal-Kummissjoni previsti taħt l-KĦFAR (15), il-BĊE jilqa’ żieda fl-ambitu tal-kompiti superviżorji diretti tal-KĦFA biex ikopri subsett usa’ ta’ entitajiet li huma ssorveljati direttament mill-BĊE. Dan jista’ jkollu l-potenzjal li jinkseb livell ogħla ta’ konsistenza fil-valutazzjonijiet superviżorji KĦF/KFT ta’ tali istituzzjonijiet, u għalhekk jgħin ukoll biex ikompli jappoġġa s-superviżjoni prudenzjali li għaliha xi wħud minn dawk il-valutazzjonijiet iservu bħala kontribut.

3.   Kooperazzjoni bejn il-KĦFA u l-BĊE

3.1.

Il-KĦFAR jirregola l-kooperazzjoni bejn l-KĦFA u l-awtoritajiet mhux tal-KĦF/KFT (16). Il-BĊE jilqa’ l-fatt li t-terminu tal-aħħar ikopri erba’ tipi ta’ awtoritajiet, inkluż il-BĊE fir-rwol superviżorju prudenzjali tiegħu (17). Fir-rigward tal-iffaċilitar tal-iskambju tal-informazzjoni bejn il-KĦF/KFT u s-superviżuri prudenzjali, valur miżjud ewlieni tal-KĦFA jista’ tabilħaqq ikun il-possibbiltà sabiex tittejjeb il-kooperazzjoni attwali aktar milli ssir saff addizzjonali fl-iskambju tal-informazzjoni bejn awtoritajiet oħra. F’dan is-sens, għandu jiżdied dmir ġenerali għall-KĦFA biex jiġi żgurat użu proporzjonat u effiċjenti tal-għodod ta’ kooperazzjoni sabiex jiġu minimizzati l-piżijiet tar-rappurtar għall-awtoritajiet involuti fil-kooperazzjoni mas-superviżuri tal-KĦF/KFT permezz ta’ kanali multipli, inklużi iżda mhux limitati għal kulleġġi KĦF/KFT, id-database KĦF/KFT u ftehimiet ta’ kooperazzjoni.

3.2.

Il-KĦFAR jipprevedi li l-KĦFA għandha tikkoopera ma’ awtoritajiet mhux KĦF/KFT fejn meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tal-KĦFA (18). Din id-dispożizzjoni għandha tkun aktar ġenerali u r-referenza għall-kompiti tal-KĦFA għandha titneħħa. Minnha nnifisha, il-kooperazzjoni teħtieġ tikkunsidra l-kompiti tal-awtoritajiet parteċipanti kollha. Għalhekk, pereżempju, ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 (19) jirrikjedi li l-BĊE jikkoopera mal-awtoritajiet li jiffurmaw parti mis-Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja u d-Direttiva 2013/36/UE (20) teħtieġ li l-awtoritajiet tal-KĦF/KFT u s-superviżuri prudenzjali jaqsmu informazzjoni li hija rilevanti għall-kompiti tal-awtorità riċeventi, mingħajr ma jiġi kkunsidrat jekk tali kondiviżjoni tal-informazzjoni hijiex meħtieġa wkoll għat-twettiq tal-kompiti tal-awtorità li tipprovdi l-informazzjoni. Filwaqt li f’ħafna każijiet din il-ħtieġa tista’ tiġi identifikata, dan mhux dejjem ikun il-każ. Għalhekk huwa aktar xieraq li r-referenza għall-kompiti tal-KĦFA tiġi sostitwita b’referenza aktar ġenerali li tirrikjedi li l-KĦFA tikkoopera mal-awtoritajiet mhux tal-KĦF/KFT fil-limiti tal-mandat tagħha, sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet l-oħra kkonċernati jitolbu biss forom rilevanti ta’ kooperazzjoni. Dan huwa partikolarment minnu u huwa ta’ rilevanza partikolari għas-superviżuri prudenzjali bħall-BĊE minħabba l-obbligu tagħhom li jqisu l-kontribut superviżorju tal-KĦF/KFT fil-valutazzjonijiet prudenzjali tagħhom.

3.3.

Il-KĦFAR jirreferi għall-provvista ta’ informazzjoni mid-database tal-KĦF/KFT li l-KĦFA għandha tistabbilixxi skont il-KĦFAR (21). Il-BĊE jifhem li din id-database ġdida se tissostitwixxi d-dgħufijiet tad-database tal-KĦF/KFT li l-EBA kienet meħtieġa tibni skont ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22). Iż-żewġ databases jvarjaw f’diversi aspetti. Filwaqt li l-EBA kienet meħtieġa tipprovdi informazzjoni mid-database lis-superviżuri prudenzjali wkoll fuq inizjattiva tagħha stess (23), il-KĦFA hija meħtieġa biss li tagħmel dan fuq talba tas-superviżuri prudenzjali (24). Il-KĦFAR jenħtieġ li jiġi emendat biex jiġi żgurat li l-KĦFA tipprovdi informazzjoni wkoll fuq inizjattiva tagħha proprja, kemm lis-superviżuri tal-KĦF/KFT kif ukoll lis-superviżuri mhux KĦF/KFT. Jekk superviżur ma jkunx jaf bl-eżistenza tal-informazzjoni rilevanti, dan ma jkunx f’pożizzjoni li jitlob din l-informazzjoni skont il-KĦFAR (25).

3.4.

Fir-rigward tad-database tal-KĦF/KFT, il-KĦFAR jiddefinixxi t-tipi ta’ informazzjoni li s-superviżuri tal-KĦF/KFT għandhom jittrażmettu lid-databases (26), li ħafna minnhom jikkoinċidu ma’ informazzjoni li s-superviżuri tal-KĦF/KFT huma meħtieġa jaqsmu wkoll mas-superviżuri prudenzjali rilevanti skont l-Artikolu 117(5) tad-Direttiva 2013/36/UE. F’konformità mal-ispirtu tad-dispożizzjonijiet attwali dwar id-database ċentrali KĦF/KFT skont ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010, ċentru tad-data aktar aċċessibbli b’mod wiesa’ jista’ jipprovdi servizz ta’ valur fit-titjib tal-kooperazzjoni bejn is-superviżuri prudenzjali u l-mekkaniżmu superviżorju tal-KĦF/KFT, pereżempju billi wieħed jibni fuq soluzzjonijiet diġitali li huma diġà disponibbli għas-superviżuri tal-UE (eż. għall-kooperazzjoni bejn il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) u l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni). Din il-possibbiltà timminimizza d-duplikazzjoni u l-piż involut għas-superviżuri tal-KĦF/KFT li kieku jkollhom bżonn jaqsmu l-istess informazzjoni darbtejn, kemm mad-database taħt il-KĦFAR kif ukoll mas-superviżuri prudenzjali rilevanti skont l-Artikolu 117(5) tad-Direttiva 2013/36/UE.

3.5.

Il-KĦFAR jirrikjedi li s-superviżuri tal-KĦF/KFT jittrażmettu lid-database il-pariri pprovduti lil awtoritajiet “nazzjonali” oħra fir-rigward tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, l-irtirar tal-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni, u l-valutazzjonijiet ta’ kompetenza u idoneità tal-azzjonisti jew tal-membri tal-korp maniġerjali ta’ entitajiet marbutin b’obbligu individwali (27). Il-kelma “nazzjonali” jenħtieġ li titħassar, peress li s-superviżuri tal-KĦF/KFT se jipprovdu informazzjoni f’dan ir-rigward mhux biss lill-awtoritajiet nazzjonali, iżda wkoll lill-BĊE, skont id-Direttiva 2013/36/UE (28) u l-KĦFD6 (29).

3.6.

Il-KĦFAR jeħtieġ li l-KĦFA tikkonkludi memoranda ta’ qbil ma’ awtoritajiet mhux KĦF/KFT, fejn ikun meħtieġ (30). Il-kundizzjoni “fejn neċessarju” hija ta’ għajnuna, peress li diġà hemm diversi pjattaformi għall-kooperazzjoni bejn il-KĦF/KFT u s-superviżuri prudenzjali. Il-BĊE jikkoopera mas-superviżuri tal-KĦF/KFT tal-Istati Membri taż-Żona Ekonomika Ewropea wkoll taħt ftehim li l-BĊE ffirma fl-10 ta’ Jannar 2019 (31), skont id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32) (il-“Ftehim KĦF”). Il-Ftehim KĦF għandu aktar minn 50 firmatarju, peress li tipikament hemm aktar minn superviżur KĦF/KFT wieħed ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u finanzjarji f’kull wieħed mill-Istati Membri, u jippermetti kooperazzjoni bilaterali bejn il-BĊE u kull wieħed mis-superviżuri KĦF/KFT firmatarji. Minħabba n-natura bilaterali ta’ kooperazzjoni bħal din, u minħabba li s-superviżjoni fil-grupp kollu taħt id-Direttiva (UE) 2015/849 topera bl-użu ta’ prinċipji differenti għal superviżjoni konsolidata taħt id-Direttiva 2013/36/UE, il-Ftehim KĦF ma weriex li kien daqshekk f’waqtu u effiċjenti daqs għodod oħra li jippermettu kooperazzjoni multilaterali, bħall-kulleġġi KĦF/KFT. Anki għalkemm il-Ftehim KĦF jippermetti lill-KĦFA li tissieħeb mal-ftehim faċilment, u l-KĦFAR jippermetti lil KĦFA wkoll li tikkonkludi ftehim speċifiku bejn il-BĊE u l-KĦFA, il-BĊE jilqa’ l-fatt li il-KĦFAR jipprovdi l-flessibbiltà biex jiġi esplorat jekk dan ikunx meħtieġ minħabba d-disponibbiltà ta’ għodod oħra ta’ kooperazzjoni li jistgħu jippermettu kooperazzjoni multilaterali aktar effiċjenti, anki bil-ħsieb li l-KĦFA ssir aktar minn sempliċi attur addizzjonali fil-proċess ta’ skambju ta’ informazzjoni mal-BĊE.

3.7.

Il-KĦFAR jeħtieġ ukoll li l-KĦFA tiżgura kooperazzjoni effettiva u skambju ta’ informazzjoni bejn is-superviżuri finanzjarji kollha tal-KĦF/KFT fis-sistema superviżorja tal-KĦF/KFT u l-awtoritajiet rilevanti mhux tal-KĦF/KFT (33). Il-BĊE jilqa’ din id-dispożizzjoni, peress li f’dawn l-aħħar snin ġie stabbilit għadd kbir ta’ pjattaformi ta’ skambju ta’ informazzjoni għall-KĦF/KFT u s-superviżuri prudenzjali, li l-interazzjoni tagħhom mhijiex dejjem ċara. Pereżempju, l-awtoritajiet superviżorji msemmija hawn fuq huma meħtieġa jiskambjaw informazzjoni mhux biss direttament ma’ xulxin, iżda wkoll permezz tad-database tal-KĦF/KFT tal-EBA. Din id-dispożizzjoni dwar l-iżgurar ta’ kooperazzjoni effettiva jenħtieġ li tiġi estiża wkoll biex tinkludi l-UIF u s-superviżuri mhux finanzjarji tal-KĦF/KFT. L-UIF u s-superviżuri prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu diġà huma meħtieġa jikkooperaw skont id-Direttiva 2013/36/UE Peress li l-Bord Ġenerali tal-KĦFA jinkludi wkoll l-UIF tal-Istati Membri kollha, u peress li l-KĦFA hija meħtieġa topera l-mekkaniżmu ta’ appoġġ u koordinazzjoni tal-UIF (34), iż-żieda tal-UIF fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tidher ġustifikata. Fir-rigward tas-superviżuri mhux finanzjarji tal-KĦF/KFT, is-superviżuri prudenzjali jista’ jkollhom bżonn jikkooperaw magħhom jekk l-entitajiet marbutin b’obbligu mhux finanzjarji, pereżempju l-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, jiffurmaw parti mill-istess grupp bħall-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew finanzjarji. Fil-kuntest aktar ġenerali tal-kooperazzjoni mas-superviżuri mhux finanzjarji, u kif issuġġerit mill-BĊE f’opinjoni separata li tindirizza l-KĦFR1 u l-KĦFD6, jista’ jiġi introdott titjib ġenerali fil-permessi għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni għas-superviżuri tal-KĦF/KFT biex ikunu jistgħu jikkondividu l-informazzjoni ma’ firxa usa’ ta’ awtoritajiet oħra. Dan it-titjib awtomatikament jestendi, permezz tal-KĦFAR (35), il-permessi għall-KĦFA biex tikkondividi informazzjoni kunfidenzjali ma’ awtoritajiet oħra.

3.8.

Peress li jista’ jkun hemm prodotti regolatorji, bħal linji gwida jew standards tekniċi li huma indirizzati jew jaffettwaw kemm lis-superviżuri tal-KĦF/KFT kif ukoll lis-superviżuri prudenzjali jew awtoritajiet oħra, huwa importanti li l-KĦFA tikkoopera mal-EBA, mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u mal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) fl-iżvilupp ta’ dawn il-prodotti regolatorji. Ir-rekwiżit ta’ kooperazzjoni ġenerali biex l-KĦFA tikkoopera mal-EBA (36) jenħtieġ li jiġi emendat biex jinkludi referenza speċifika għall-kooperazzjoni fl-iżvilupp ta’ tali prodotti regolatorji, simili għall-kooperazzjoni bejn il-KĦFA u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, kif propost mill-Kummissjoni (37).

4.   Proċessi użati fis-superviżjoni diretta u indiretta

4.1.

B’mod simili għat-twettiq mill-BĊE tal-kompiti superviżorji prudenzjali tiegħu, huwa propost li l-KĦFA tuża timijiet superviżorji konġunti (TSK) fil-kompiti superviżorji diretti tagħha tal-KĦF/KFT. Il-KĦFAR jispeċifika li t-TSK tal-KĦFA se jikkonsistu kemm minn persunal tal-KĦFA kif ukoll minn persunal tas-superviżuri finanzjarji nazzjonali tal-KĦF/KFT, u li l-koordinatur tat-TSK se jkun “delegat” mill-KĦFA lis-superviżur finanzjarju nazzjonali tal-KĦF/KFT fl-Istat Membru fejn entità marbuta b’obbligu magħżula jkollha l-kwartieri ġenerali tagħha, bi qbil mas-superviżuri finanzjarji nazzjonali rilevanti tal-KĦF/KFT (38). Id-dokumenti ta’ akkumpanjament għall-proposta leġiżlattiva jsemmu wkoll li kważi l-persunal kollu tal-KĦFA li se jkun parti mit-TSK se jkun fiżikament ibbażat fl-Istati Membri. Il-BĊE jifhem f’dan il-kuntest li t-terminu “delegat” (39) għandu jinftiehem li jfisser li l-koordinatur tat-TSK se jkun membru tal-persunal tal-KĦFA, iżda li l-post tax-xogħol standard tiegħu/tagħha mhux se jkun fil-kwartieri ġenerali tal-KĦFA, iżda fl-Istat Membru fejn l-entità taħt superviżjoni għandha s-sede tagħha. It-terminu “delegat” għalhekk bl-ebda mod ma jfisser delega tas-setgħat tal-KĦFA lis-superviżur finanzjarju nazzjonali tal-KĦF/KFT jew lil kwalunkwe awtorità oħra fl-Istati Membri. Barra minn hekk, il-BĊE jinnota li l-KĦFAR tinkariga timijiet superviżorji konġunti kemm b’superviżjoni mhux fuq il-post kif ukoll bi spezzjonijiet fuq il-post.

4.2.

Il-BĊE jilqa’ l-allokazzjoni tas-setgħat superviżorji tat-teħid tad-deċiżjonijiet għal entitajiet marbutin b’obbligu magħżula lill-Bord Eżekuttiv tal-KĦFA bħala pass sinifikanti ’l quddiem fit-tisħiħ tas-superviżjoni tal-KĦF/KFT fl-UE. Barra minn hekk, filwaqt li jirrikonoxxi bis-sħiħ li s-superviżjoni tal-KĦF/KFT tista’ teħtieġ struttura differenti meta mqabbla mas-superviżjoni prudenzjali, il-BĊE jixtieq jaqsam l-esperjenza tiegħu mal-istruttura tat-TSK fi ħdan l-MSU. It-TSK tal-MSU jitmexxew ukoll minn koordinatur tat-TSK li dejjem ikun membru tal-persunal tal-BĊE. Madankollu, il-koordinatur tat-TSK huwa bbażat fis-sede tal-BĊE fi Frankfurt am Main, u mhux fil-livell tal-Istati Membri. Fir-rigward tal-membri l-oħra tat-TSK, dawn jinkludu kemm membri tal-persunal tal-BĊE kif ukoll membri tal-persunal tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti Il-membri tat-TSK li huma persunal tal-BĊE huma wkoll ibbażati fil-BĊE, u mhux fil-livell tal-Istati Membri. Mill-esperjenza tal-BĊE, dan jiffaċilita l-komunikazzjoni madwar l-istituzzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, u jikkontribwixxi b’mod pożittiv għall-bini ta’ kultura superviżorja komuni. Barra minn hekk, sabiex jiġi stimulat djalogu fi ħdan it-TSK dwar proċeduri superviżorji ottimali għal kull waħda mill-entitajiet taħt superviżjoni, bħala regola ġenerali, il-koordinatur tat-TSK fi ħdan l-MSU ma jiġix mill-pajjiż fejn il-bank taħt superviżjoni għandu l-kwartieri ġenerali tiegħu. Fl-aħħar nett, bħala prinċipju, il-koordinaturi tat-TSK jinħatru għal perjodu ta’ bejn 3 u 5 snin u huma mistennija li jalternaw fuq bażi regolari (meta wieħed iżomm f’moħħu li mhux il-membri kollha tat-TSK jistgħu jalternaw fl-istess ħin).

4.3.

Fir-rigward tal-konċentrazzjoni ta’ kompiti mhux fuq il-post u fuq il-post fl-istess tim, fl-esperjenza tal-BĊE funzjoni indipendenti ta’ spezzjoni fuq il-post flimkien ma’ djalogu regolari bejn timijiet mhux fuq il-post u fuq il-post jarrikkixxu l-kwalità tas-superviżjoni kontinwa tal-BĊE. Dan jiżgura b’mod partikolari li l-fehmiet tat-TSK iffurmati fuq il-bażi ta’ informazzjoni miksuba qabel ma jaffettwawx is-sejbiet tal-ispezzjonijiet fuq il-post. Kif iċċarat fil-Gwida tal-BĊE għall-ispezzjonijiet fuq il-post u l-investigazzjonijiet tal-mudell intern, l-ispezzjonijiet fuq il-post jikkomplementaw is-superviżjoni kontinwa. Il-BĊE jżomm għarfien fil-fond permanenti tal-istituzzjoni ta’ kreditu billi jwettaq superviżjoni mhux fuq il-post kontinwa, li tiddependi prinċipalment fuq l-informazzjoni rrapportata mill-istituzzjoni ta’ kreditu, u, permezz ta’ spezzjonijiet fuq il-post, il-BĊE jivverifika, fost affarijiet oħra, l-eżattezza tal-informazzjoni użata biex titwettaq is-superviżjoni kontinwa. It-tim ta’ spezzjoni fuq il-post, inkluż il-Kap tal-Missjoni, jaġixxi b’mod indipendenti mit-TSK, iżda f’kooperazzjoni miegħu. Ladarba d-deċiżjoni superviżorja biex titwettaq spezzjoni tkun ġiet adottata, l-implimentazzjoni tagħha tkun taħt ir-responsabbiltà unika tal-Kap tal-Missjoni, li huwa responsabbli għall-produzzjoni ta’ rapport li jinkludi s-sejbiet tat-tim ta’ spezzjoni. L-Artikolu 144 tar-Regolament Qafas tal-MSU jipprevedi li l-BĊE huwa responsabbli għall-istabbiliment u l-kompożizzjoni tat-timijiet ta’ spezzjoni bl-involviment tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (40) (ANK). It-tim ta’ spezzjoni jista’ jkun magħmul minn spetturi tal-BĊE, superviżuri impjegati mill-ANK tal-Istat Membru tal-entità ġuridika spezzjonata, u superviżuri minn ANK oħra, kif ukoll membri tat-TSK jew persuni oħra awtorizzati mill-BĊE. Irrispettivament mill-oriġini tagħhom, il-membri kollha tat-tim jaħdmu f’isem il-BĊE taħt ir-responsabbiltà tal-Kap tal-Missjoni. Membru tat-TSK ma jistax jinħatar Kap tal-Missjoni. Mill-esperjenza tal-BĊE, ir-riżorsi effettivi ta’ tim li jwettaq kemm kompiti superviżorji fuq il-post kif ukoll spezzjonijiet mhux fuq il-post jistgħu jkunu diffiċli wkoll; dak li jista’ jitqies bħala riżorsi suffiċjenti għal ta’ kuljum jista’ jirriżulta f’nuqqas ta’ persunal meta partijiet mit-tim jipparteċipaw fi spezzjoni fuq il-post (41). Barra minn hekk, l-involviment ta’ superviżuri ta’ diversi ANK f’timijiet ta’ spezzjoni fuq il-post wera li huwa kruċjali fl-iżvilupp ta’ approċċ komuni għal attivitajiet fuq il-post fi ħdan l-MSU.

4.4.

Il-KĦFAR jistabbilixxi s-setgħat superviżorji tal-KĦFA (42) lejn entitajiet marbutin b’obbligu magħżula taħt is-superviżjoni diretta tal-KĦFA, li jiżdiedu mas-setgħat superviżorji li se jkunu disponibbli għas-superviżuri nazzjonali kollha tal-KĦF/KFT skont l-KĦFD6 (43). Il-KĦFA se tkun tista’ titlob ukoll, permezz ta’ struzzjonijiet, lill-awtoritajiet superviżorji finanzjarji nazzjonali tal-KĦF/KFT biex jagħmlu użu mis-setgħat tagħhom, skont u f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dritt nazzjonali, fejn il-KĦFAR ma jagħtix tali setgħat lill-KĦFA. Dawn is-setgħat jikkoinċidu parzjalment mas-setgħat tal-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u b’mod aktar ġenerali mas-setgħat tas-superviżuri prudenzjali skont id-Direttiva 2013/36/UE, pereżempju, is-setgħa li jirrestrinġu jew jillimitaw in-negozju, l-operazzjonijiet jew in-netwerk ta’ entitajiet taħt superviżjoni (44), jew is-setgħa li jirrikjedu bidliet fil-korp maniġerjali tal-entità taħt superviżjoni (45). Diġà teżisti ċertu sovrapożizzjoni fis-setgħat superviżorji fir-rigward tas-setgħat tas-superviżuri tal-KĦF/KFT skont id-Direttiva (UE) 2015/849 u l-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ implimentazzjoni. Din is-sovrapożizzjoni fis-setgħat superviżorji teħtieġ kooperazzjoni bejn is-superviżuri prudenzjali u dawk tal-KĦF/KFT biex jiġu evitati kunflitti u konsegwenzi mhux intenzjonati, inkluża l-akkumulazzjoni mhux ikkoordinata ta’ miżuri superviżorji indirizzati lill-istess istituzzjoni ta’ kreditu. Il-BĊE jinsab lest li jikkoopera mal-KĦFA kif ukoll mas-superviżuri nazzjonali tal-KĦF/KFT f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi żgurat li, qabel ma jiġu imposti sanzjonijiet u miżuri amministrattivi fuq entitajiet marbutin b’obbligu li huma soġġetti għal superviżjoni wkoll minn awtoritajiet oħra, il-KĦFA tikkoordina l-azzjonijiet superviżorji tagħha mal-awtoritajiet rilevanti l-oħra, u b’mod partikolari mas-superviżuri prudenzjali rilevanti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fejn dawk l-azzjonijiet superviżorji jaffettwaw lil tali istituzzjonijiet. F’opinjoni separata li tindirizza l-KĦFD6, il-BĊE għalhekk jissuġġerixxi li l-KĦFD6 tiġi emendata biex tillimita l-effetti mhux mixtieqa tal-eżerċizzju potenzjalment mhux ikkoordinat tas-setgħat superviżorji fir-rigward tal-istess entità marbuta b’obbligu. Wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-KĦFR1, il-KĦFD6 u l-KĦFAR (46), il-BĊE jifhem li dan ir-rekwiżit ta’ koordinazzjoni stabbilit fil-KĦFD6 japplika kemm għas-superviżuri nazzjonali tal-KĦF/KFT kif ukoll għall-KĦFA.

4.5.

Rigward ir-rwol superviżorju indirett tal-KĦFA, il-BĊE jilqa’ l-proposta li l-KĦFA tiġi fdata bil-kompitu ta’ superviżjoni indiretta ta’ entitajiet marbutin b’obbligu mhux magħżula, peress li din se tikkontribwixxi għall-konverġenza superviżorja, u tippermetti wkoll lill-KĦFA titlob superviżur finanzjarju nazzjonali tal-KĦF/KFT biex jieħu azzjoni superviżorja f’ċirkostanzi eċċezzjonali. F’każijiet iddefiniti b’mod ċar, il-KĦFAR jippermetti wkoll lill-KĦFA titlob lill-Kummissjoni tawtorizza trasferiment tas-setgħat superviżorji fuq entità marbuta b’obbligu mhux magħżula minn superviżur finanzjarju nazzjonali tal-KĦF/KFT lill-KĦFA (47). Il-KĦFA tista’ tagħmel tali talba lill-Kummissjoni biss jekk is-superviżur nazzjonali tal-KĦF/KFT ma jikkonformax ma’ talba mill-KĦFA biex jadotta deċiżjoni indirizzata lil entità marbuta b’obbligu. Għalkemm jista’ jkun hemm każijiet fil-prattika fejn kemm is-superviżur nazzjonali tal-KĦF/KFT kif ukoll il-KĦFA jaqblu dwar trasferiment tas-setgħat superviżorji, l-KĦFAR ma jipprevedix proċedura għal tali trasferiment fl-assenza tan-nuqqas ta’ konformità msemmi hawn fuq mis-superviżur nazzjonali tal-KĦF/KFT. F’dan ir-rigward, il-BĊE jinnota li kemm ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 (fil-każ tal-BĊE) kif ukoll ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (48) (fil-każ tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni) jippermettu li s-setgħat superviżorji jiġu akkwistati wkoll fuq talba tal-awtorità nazzjonali rispettiva (49). Din il-possibbiltà għandha tkun disponibbli wkoll fi ħdan is-sistema superviżorja tal-KĦF/KFT għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet snin. Jekk din l-għażla tiġi inkorporata fl-KĦFAR, l-involviment xieraq tal-Kummissjoni f’dan il-proċess ikun jeħtieġ li jiġi analizzat, filwaqt li jitqiesu, fost l-oħrajn, il-limiti imposti mid-duttrina Meroni (50).

4.6.

Il-BĊE jilqa’ l-firxa wiesgħa ta’ setgħat u għodod previsti għall-KĦFA biex twettaq il-funzjoni ta’ sorveljanza tagħha u tiżgura standards superviżorji għoljin madwar l-Unjoni. Il-BĊE jinnota li s-sett ta’ għodod ta’ sorveljanza tal-KĦFA fil-qasam tal-ġbir ta’ informazzjoni dwar entitajiet marbutin b’obbligu mhux magħżula ma jinkludix uħud mill-għodod disponibbli għall-BĊE fir-rigward tal-ġbir ta’ informazzjoni dwar l-LSIs.

4.7.

Hija l-esperjenza tal-BĊE li sorveljanza effettiva teħtieġ bilanċ bejn it-trawwim tal-konverġenza superviżorja u s-sorveljanza speċifika għall-istituzzjoni. Din tal-aħħar hija għodda qawwija biex tiġi vvalutata l-effettività tal-approċċi superviżorji fis-seħħ fl-Istati Membri differenti u biex tippermetti lis-superviżur indirett jintervjeni fil-ħin meta jkun meħtieġ. Il-BĊE jinnota li, skont l-KĦFAR, is-superviżuri finanzjarji huma meħtieġa jipprovdu informazzjoni dwar entitajiet marbutin b’obbligu mhux magħżula lill-KĦFA f’għadd limitat ħafna ta’ każijiet biss (51).

4.8.

Il-BĊE jixtieq jaqsam l-esperjenza tiegħu mal-istruttura ta’ sorveljanza tal-LSI fi ħdan l-MSU. Il-qafas jistabbilixxi l-possibbiltà li l-BĊE joħloq kategoriji ta’ LSIs ibbażati fuq il-livell ta’ riskju u l-impatt tagħhom, u li jirrikjedi livelli differenti ta’ informazzjoni mill-ANK (eż. notifiki ex ante għal LSIs ta’ prijorità għolja biss, filwaqt li l-LSIs kollha jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-rappurtar ex post annwali u n-notifika tad-deterjorazzjonijiet finanzjarji). Dan l-approċċ jippermetti li l-funzjoni ta’ sorveljanza tkun proporzjonata u tiffoka r-riżorsi fuq l-aktar każijiet kritiċi. Ir-rapportar annwali ta’ sett minimu ta’ informazzjoni dwar l-LSIs kollha huwa utli wkoll għat-twettiq tar-responsabbiltajiet ta’ sorveljanza (eż. għal reviżjonijiet orizzontali, għall-valutazzjoni ta’ sitwazzjonijiet speċifiċi għall-istituzzjoni jew għal djalogu infurmat mal-ANK). Barra minn hekk, il-BĊE pparteċipa wkoll f’diversi spezzjonijiet fuq il-post li jikkonċernaw l-LSIs, biex ikompli jappoġġa l-eżerċizzju tal-funzjoni ta’ sorveljanza tiegħu.

4.9.

Skont il-KĦFAR (52), is-superviżuri finanzjarji huma meħtieġa jinnotifikaw lill-KĦFA jekk is-sitwazzjoni ta’ kwalunkwe entità marbuta b’obbligu mhux magħżula tiddeterjora malajr u b’mod sinifikanti. Peress li dawn il-kriterji huma relattivament limitati u kumulattivi, sitwazzjoni ta’ entità marbuta b’obbligu mhux magħżula li tiddeterjora b’mod sinifikanti, iżda mhux malajr, jew sitwazzjoni urġenti li teħtieġ attenzjoni immedjata iżda mingħajr deterjorazzjoni rapida u sinifikanti (pereżempju, fejn jiġi identifikat ksur sostanzjali fit-tul) ma tirriżultax f’tali notifika lill-KĦFA.

4.10.

Il-Bord Amministrattiv ta’ Reviżjoni tal-KĦFA tfassal fl-KĦFAR (53) b’mod simili għall-Bord Amministrattiv ta’ Reviżjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013. Il-BĊE jinnota li minbarra dan il-mudell, hemm ukoll approċċi possibbli oħra, bħall-mudell użat fl-EBA, l-ESMA, l-EIOPA u l-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni fejn il-korpi tal-appell, fost l-oħrajn, jadottaw deċiżjonijiet li huma vinkolanti għall-korpi rispettivi li sussegwentement jadottaw id-deċiżjonijiet finali riveduti. It-tfassil tas-soluzzjoni l-aktar xierqa għall-KĦFA jista’ għalhekk jibbenefika mit-tqabbil tal-esperjenzi miġbura mill-funzjonament tal-mudelli kollha.

4.11.

Fejn l-intervent superviżorju tal-KĦFA se jinkludi struzzjonijiet jew talbiet lill-awtoritajiet nazzjonali, id-differenzi fis-setgħat u l-obbligi rispettivi tagħhom skont l-oqfsa legali nazzjonali li jirriżultaw, fost l-oħrajn, mil-liġijiet amministrattivi nazzjonali, jistgħu jikkostitwixxu fatturi importanti li għandhom jiġu kkunsidrati. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-KĦFA tibbenefika mill-assistenza tal-awtoritajiet nazzjonali fl-analiżi tal-effetti u l-limitazzjonijiet ta’ tali struzzjonijiet, inkluża r-responsabbiltà mhux kuntrattwali potenzjali tal-awtoritajiet involuti fit-teħid tal-azzjoni superviżorja. Il-BĊE jifhem li tali assistenza tkun koperta mid-dispożizzjonijiet ta’ kooperazzjoni ġenerali li jinsabu fil-KĦFAR (54).

5.   Struttura ta’ governanza tal-KĦFA u arranġamenti ta’ kontinwità

5.1.

Il-Bord Ġenerali tal-KĦFA se jkollu żewġ kompożizzjonijiet – il-kompożizzjoni superviżorja u dik tal-UIF (55). Il-Bord Ġenerali fil-kompożizzjoni superviżorja huwa meħtieġ idaħħal, bħala osservatur, rappreżentant ukoll tal-BĊE nnominat mill-Bord Superviżorju tal-BĊE u rappreżentant ta’ kull waħda mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, fejn jiġu diskussi kwistjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-mandati rispettivi tagħhom.

5.2.

Il-BĊE jilqa’ din id-dispożizzjoni, peress li se tiffaċilita l-interazzjoni meħtieġa bejn il-KĦF/KFT u r-regolamentazzjoni u s-superviżjoni prudenzjali. Fil-preżent, il-BĊE jikkontribwixxi, mill-perspettiva superviżorja prudenzjali, għall-ħidma tal-Kumitat Permanenti tal-KĦF/KFT fi ħdan l-EBA (56). Il-BĊE jifhem li r-rwol tiegħu ta’ osservatur fil-KĦFA se, bħala kwistjoni prattika, jissostitwixxi r-rwol eżistenti tiegħu ta’ osservatur fil-Kumitat Permanenti KĦF/KFT, peress li dan l-aħħar kumitat mhux se jibqa’ jeżisti (57). F’dan ir-rigward, il-KĦFAR (58) għandu jiġi emendat sabiex jirreferi għal “rappreżentant tal-BĊE”, pjuttost milli għal “rappreżentant innominat mill-Bord Superviżorju tal-BĊE”. Il-BĊE jirrikonoxxi li l-formulazzjoni użata f’din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq il-formulazzjoni diġà użata fir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (59). Madankollu, l-involviment ta’ korpi speċifiċi tal-BĊE fil-proċess tan-nomina ta’ rappreżentanti tal-BĊE huwa kwistjoni tas-setgħat ta’ dawk il-korpi determinati b’mod partikolari mit-Trattati, l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE u r-Regolament (UE) Nru 1024/2013, u għalhekk kwistjoni tal-organizzazzjoni interna tal-BĊE. Ma jidhirx xieraq li l-KĦFAR jindaħal fl-organizzazzjoni interna tal-BĊE billi jiġi ddeterminat liema korp tal-BĊE għandu jkun responsabbli għan-nomina tar-rappreżentant tiegħu.

5.3.

Il-BĊE jilqa’ wkoll il-fatt li l-Bord Ġenerali tal-KĦFA fil-kompożizzjoni tal-UIF ser jinkludi wkoll l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, l-Europol, l-Eurojust u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, u li l-KĦFAR jinkludi rekwiżit biex il-KĦFA tikkoopera ma’ dawn il-korpi tal-Unjoni (60). Il-kooperazzjoni msaħħa bejn l-UIF u l-korpi tal-Unjoni b’mandati relatati mad-dritt kriminali, li l-KĦFA hija mfassla biex twettaq, hija pass importanti ’l quddiem fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata b’mod partikolari.

Fejn il-BĊE jirrakkomanda li r-regolament propost jiġi emendat, il-proposti ta’ abbozzar speċifiċi huma stabbiliti f’dokument ta’ ħidma tekniku separat flimkien ma’ test ta’ spjegazzjoni f’dan is-sens. Id-dokument ta’ ħidma tekniku huwa disponibbli bl-Ingliż fuq EUR-Lex.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-16 ta’ Frar 2022.

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  COM(2021) 421 final.

(2)  COM(2021) 420 final.

(3)  COM(2021) 423 final.

(4)  COM(2021) 422 final.

(5)  Ara l-Opinjoni CON/2005/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-4 ta’ Frar 2005 fuq talba tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu (ĠU C 40, 17.2.2005, p. 9), l-Opinjoni CON/2013/32 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-17 ta’ Mejju 2013 dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-għanijiet tal-ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu u dwar proposta għal regolament fuq l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi (ĠU C 166, 12.6.2013, p. 2), l-Opinjoni CON/2016/49 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-12 ta’ Ottubru 2016 dwar proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2015/849/KE dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda d-Direttiva 2009/101/KE (ĠU C 459, 9.12.2016, p. 3) u l-Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta’ Diċembru 2018 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u atti legali relatati (ĠU C 37, 30.1.2019, p. 1). L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma disponibbli fuq l-EUR-Lex.

(6)  Ara l-paragrafu 1.1 tal-Opinjoni tal-BĊE CON/2018/55.

(7)  Ara l-Artikolu 117(5) tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

(8)  Ara l-Artikoli 12 sa 13 tal-KĦFAR.

(9)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

(10)  Kif iddefiniti fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).

(11)  Kif hemm definit fil-punt 3 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Qafas tal-MSU.

(12)  Kif hemm definit fil-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Qafas tal-MSU.

(13)  Ara l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(14)  Direttiva (UE) 2018/843 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, u li temenda d-Direttivi 2009/138/KE u 2013/36/UEE (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 43);

(15)  Ara l-Artikolu 88 tal-KĦFAR.

(16)  Ara l-Artikolu 78 tal-KĦFAR.

(17)  Ara l-Artikolu 2 tal-KĦFAR.

(18)  Ara l-Artikolu 78(1) tal-KĦFAR.

(19)  Ara l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

(20)  Ara l-Artikolu 117(5) tad-Direttiva 2013/36/KE.

(21)  Ara l-Artikoli 11 u l-Artikolu 78(3) tal-KĦFAR.

(22)  Ara l-Artikolu 9a tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(23)  Ara l-Artikolu 9a(3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(24)  Ara l-Artikolu 11(1), li jirriferi biss għas-superviżuri KĦF/KFT, u l-Artikolu 11(4) tal-KĦFAR.

(25)  Ara l-Artikolu 11(4) tal-KĦFAR.

(26)  Ara l-Artikolu 11(2) tal-KĦFAR.

(27)  Ara l-Artikolu 11(2)(d) tal-KĦFAR.

(28)  Ara l-Artikolu 117(5) tad-Direttiva 2013/36/KE.

(29)  Ara l-Artikolu 48(1) tal-KĦFD6.

(30)  Ara l-Artikolu 78(2) tal-KĦFAR.

(31)  Ara l-Ftehim Multilaterali dwar il-modalitajiet prattiċi għall-iskambju ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 57a(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(32)  Id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(33)  Ara l-Artikolu 78(3) tal-KĦFAR.

(34)  Ara l-Artikolu 33 sa 37 tal-KĦFAR.

(35)  Ara l-Artikolu 75 tal-KĦFAR.

(36)  Ara l-Artikolu 77(1) tal-KĦFAR.

(37)  Ara l-Artikolu 77(2) tal-KĦFAR.

(38)  Ara l-Artikolu 15 tal-KĦFAR.

(39)  Ara l-Artikolu 15(2) tal-KĦFAR.

(40)  “Awtorità nazzjonali kompetenti” hija ddefinita fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(41)  Fil-kuntest tal-MSU, is-superviżjoni fuq il-post (jiġifieri l-ispezzjonijiet) hija funzjoni speċifika li topera permezz ta’ strutturi ddedikati fil-BĊE u fl-ANK, inklużi “missjonijiet”ad hoc għal kull spezzjoni, b’persunal li jirrikjedi ħiliet u disponibbiltà speċifiċi (perjodi twal ’l bogħod mill-uffiċċju/mid-dar). Biex jipprovdi ordni ta’ kobor, għal istituzzjonijiet sinifikanti, l-MSU kollu kemm hu jiddedika għal din il-funzjoni speċifika fuq il-post madwar 40 % tal-ekwivalenti full-time assenjat għal superviżjoni barra mis-sit (permezz tat-TSK).

(42)  Ara l-Artikolu 20 tal-KĦFAR.

(43)  Ara l-Artikolu 41 tal-KĦFD6.

(44)  Ara l-Artikolu 20(2)(d) tal-KĦFD6.

(45)  Ara l-Artikolu 41(1)(f) tal-KĦFD6.

(46)  Ara b’mod partikolari l-Artikolu 20(3) tal-KĦFAR li jipprevedi li l-KĦFA għandha wkoll is-setgħat u l-obbligi li l-awtoritajiet superviżorji għandhom skont id-dritt rilevanti tal-Unjoni.

(47)  Ara l-Artikolu 30 tal-KĦFAR.

(48)  Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).

(49)  Ara l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikolu 7(4)(b) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014.

(50)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Ġunju 1958, Meroni vs L-Awtorità Għolja, C-9/56, ECLI:EU:1958:7; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Mejju 1981, Romano, C-98/80, ECLI:EU:1981:104; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et Oħrajn, C-154/04 u C-155/04, ECLI:EU:C:2005:449; u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 Jannar 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Parlament u l-Kunsill, C-270/12, ECLI:EU:2014:18.

(51)  Ara l-Artikoli 29 sa 30 tal-KĦFAR.

(52)  Ara l-Artikolu 30(1) tal-KĦFAR.

(53)  Ara l-Artikolu 60 sa 63 tal-KĦFAR.

(54)  Ara l-Artikolu 7(2) għas-sitwazzjonijiet kollha, u l-Artikolu 14(2) għas-superviżjoni ta’ entitajiet marbutin b’obbligu magħżula.

(55)  Ara l-Artikolu 46 tal-KĦFAR.

(56)  Ara l-Artikolu 9a(7) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(57)  Ara l-Artikolu 86 tal-KĦFAR (li jħassar l-Artikoli 9a, 9b u diversi dispożizzjonijiet oħra tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010).

(58)  Ara l-Artikolu 46(4) tal-KĦFAR.

(59)  Ara l-Artikolu 9a(8) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(60)  Ara l-Artikolu 80 tal-KĦFAR.


Top