Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IP0348

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2021 dwar it-tfassil ta' linji gwida għall-applikazzjoni tar-reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (2021/2071(INI))

    ĠU C 99, 1.3.2022, p. 146–151 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    1.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 99/146


    P9_TA(2021)0348

    It-tfassil ta' linji gwida għall-applikazzjoni tar-reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2021 dwar it-tfassil ta' linji gwida għall-applikazzjoni tar-reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (2021/2071(INI))

    (2022/C 99/14)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta' kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (1) (“ir-Regolament”),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 7 tat-Trattat dwar tal-Unjoni Ewropea (TUE),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Ġunju 2021 dwar is-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt fl-Unjoni Ewropea u l-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità (UE, Euratom) 2020/2092 (2),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021–2027, il-Ftehim Interistituzzjonali, l-Istrument tal-UE għall-Irkupru u r-Regolament dwar l-Istat tad-Dritt (3),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092, il-mekkaniżmu ta' kondizzjonalità marbut mal-Istat tad-Dritt (4),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Settembru 2020 dwar ir-Rapport tal-2020 dwar l-Istat tad-Dritt – Is-sitwazzjoni tal-Istat tad-Dritt fl-Unjoni Ewropea (COM(2020)0580),

    wara li kkunsidra l-proposta raġunata tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2017 dwar id-determinazzjoni ta' riskju ċar ta' ksur gravi tal-istat tad-dritt mir-Repubblika tal-Polonja, maħruġa skont l-Artikolu 7(1) TUE (COM(2017)0835),

    wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (5) (ir-“Regolament Finanzjarju”),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regolament ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit skont l-Artikolu 58 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

    wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0226/2021),

    A.

    billi l-mekkaniżmu ta' kondizzjonalità stabbilit mir-Regolament kien parti mill-ftehim politiku ġenerali dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2021-2027, il-pjan ta' rkupru ta' Next Generation EU (NGEU) u d-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji (6), u ma għandux jiddewwem fl-applikazzjoni tiegħu, b'mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tal-istrumenti msemmija hawn fuq;

    B.

    billi l-volum tal-QFP 2021-2027 u tan-Next Generation EU jirrappreżenta baġit mingħajr preċedent għall-UE f'termini storiċi li għandu l-għan li jappoġġja l-irkupru ekonomiku u soċjali tal-UE wara l-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19, u għalhekk jirrikjedi, aktar minn qatt, applikazzjoni qabel f'waqtha u xierqa tal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE;

    C.

    billi skont ir-Regolament, ir-rispett għall-istat tad-dritt huwa prekundizzjoni essenzjali għall-konformità mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba;

    D.

    billi r-Regolament daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2021 u ilu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha minn dik id-data għall-pagamenti kollha magħmula mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament;

    E.

    billi l-Kummissjoni ddeċidiet li tirrispetta l-konklużjonijiet mhux vinkolanti tal-Kunsill Ewropew tal-10 u l-11 ta' Diċembru 2020 u ddikjarat li se tiżviluppa linji gwida għall-applikazzjoni tar-Regolament;

    F.

    billi, fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar l-applikazzjoni tar-Regolament, il-Parlament talab lill-Kummissjoni tadotta l-linji gwida mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju 2021 u wara li tkun ikkonsultat lill-Parlament;

    G.

    billi s-suġġett “Valuri u drittijiet, stat tad-dritt, sigurtà” se jiġi diskuss fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, li jippermetti riflessjoni bir-reqqa dwar l-għodod tal-Unjoni għall-monitoraġġ, il-prevenzjoni u l-indirizzar tal-ksur tal-valuri tal-UE inkluż l-istat tad-dritt;

    1.   

    Jesprimi dispjaċir għall-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet li tiżviluppa linji gwida għall-applikazzjoni tar-Regolament; itenni għal darb'oħra l-fehma tiegħu li t-test tar-Regolament huwa ċar u ma jeħtieġx interpretazzjoni addizzjonali sabiex jiġi applikat u li l-koleġiżlaturi ma ddelegawx lill-Kummissjoni kwalunkwe setgħa għal dan l-għan; jieħu nota tal-abbozz tat-test tal-linji gwida li l-Kummissjoni qasmet mal-Parlament u l-Istati Membri;

    2.   

    Jenfasizza li l-linji gwida mhumiex legalment vinkolanti; jesprimi d-diżappunt tiegħu li l-Kummissjoni qed tiddevja mill-prattika normali tagħha li tfassal linji gwida għall-applikazzjoni ta' att legali biss f'każijiet fejn l-implimentazzjoni attwali tal-att tul ċertu perjodu ta' żmien turi l-ħtieġa għal gwida; jenfasizza li l-proċess ta’ żvilupp ta’ linji gwida fl-ebda każ ma jrid jikkawża aktar dewmien għall-applikazzjoni tar-Regolament;

    3.   

    Ifakkar li l-linji gwida ma jistgħux ibiddlu, jespandu jew jirrestrinġu t-test tar-Regolament; jenfasizza li sabiex iżidu l-valur miżjud, il-linji gwida jridu jiċċaraw kif id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tar-Regolament se jiġu applikati fil-prattika u għalhekk jiddeskrivu fi żmien xieraq il-proċedura, id-definizzjonijiet u l-metodoloġija li se tapplika l-Kummissjoni;

    4.   

    Jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tissodisfa l-iskadenza stabbilita mill-Parlament biex tissodisfa l-obbligi tagħha skont ir-Regolament sal-1 ta' Ġunju 2021, inkluż fir-rigward tal-iżvilupp tal-linji gwida; jilqa' l-fatt li fit-23 ta' Ġunju 2021, il-President tal-Parlament stieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni, abbażi tal-Artikolu 265 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), sabiex tissodisfa l-obbligi tagħha u tiżgura l-applikazzjoni sħiħa u immedjata tar-Regolament;

    5.   

    Jemmen li l-Kummissjoni ma użatx iż-żmien mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament b'mod effiċjenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevita kwalunkwe dewmien ieħor fl-applikazzjoni tar-Regolament u tinvestiga malajr u bir-reqqa kwalunkwe ksur potenzjali tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri li jaffettwa jew li serjament jirriskja li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'mod dirett biżżejjed; itenni li s-sitwazzjoni f'xi Stati Membri diġà teħtieġ azzjoni immedjata skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament billi tintbgħat notifika bil-miktub lil dawk l-Istati Membri u billi l-Parlament jiġi informat dwar dan;

    6.   

    Ifakkar li l-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni għall-2019-2024 iddikjaraw li “ma jista' jkun hemm ebda kompromess meta niġu biex niddefendu l-valuri prinċipali tagħna” u li jkun żgurat li s-sett ta' għodod kollu tal-Unjoni jintuża fil-livell Ewropew; ifakkar li l-Kummissjoni “għandha tkun kompletament indipendenti”, u l-membri tagħha “la għandhom ifittxu u lanqas għandhom jaċċettaw istruzzjonijiet minn xi gvern” f'konformità mal-Artikolu 17(3) TUE u l-Artikolu 245 TFUE; ifakkar, barra minn hekk, li f'konformità mal-Artikolu 17(8) TUE, il-Kummissjoni “għandha tkun responsabbli quddiem il-Parlament Ewropew”;

    7.   

    Jitlob li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament b’mod regolari u proattiv mill-inqas darbtejn fis-sena dwar każijiet ġodda u li għadhom għaddejjin li qed jiġu investigati, billi tibda mill-ewwel każijiet malajr kemm jista' jkun;

    8.   

    Jimpenja ruħu għal skrutinju mill-qrib tal-implimentazzjoni tar-Regolament kull meta jinqala' tħassib dwar ksur potenzjali tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni tiegħu; jagħmel sforz biex jorganizza sessjonijiet regolari għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-Regolament fil-kumitati ewlenin, taħt il-gwida tar-rapporteurs; jistieden lill-Kummissjoni twieġeb għall-iskrutinju tal-kumitati ewlenin fil-ħin billi tipprovdi informazzjoni dettaljata;

    Ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt

    9.

    Jissottolinja li r-Regolament japplika kemm għal ksur individwali tal-prinċipji tal-istat tad-dritt kif ukoll għal ksur “sistemiku” li huwa mifrux jew li huwa riżultat ta' prattiki rikorrenti jew ommissjonijiet mill-awtoritajiet pubbliċi, jew miżuri ġenerali adottati minn tali awtoritajiet;

    10.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara fil-linji gwida li l-ksur tal-istat tad-dritt fi Stat Membru li jirriżulta minn deċiżjonijiet jew avvenimenti li seħħew qabel l-1 ta' Jannar 2021 għadu jaqa' taħt il-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament sakemm l-effett tagħhom jibqa' jippersisti;

    11.

    Jiġbed l-attenzjoni b'mod partikolari għal-lista ta' ksur indikattiv tal-prinċipji tal-istat tad-dritt stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvestiga okkorrenzi potenzjali tal-ksur inklużi f'dik il-lista fl-Istati Membri, filwaqt li jirrimarka li prattiki jew ommissjonijiet oħra mill-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jkunu rilevanti wkoll; jinnota li r-rapport tal-2020 tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt diġà fih indikazzjonijiet ta' ksur f'diversi Stati Membri li jistgħu jkunu rilevanti għall-iskattar tar-Regolament;

    12.

    Jirrimarka li t-tipi ta' kondotta tal-entitajiet tal-Istati Membri rilevanti għall-applikazzjoni tar-reġim ta' kondizzjonalità stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament ma jeskludux ir-rilevanza potenzjali ta' sitwazzjonijiet jew ta' kondotti oħra ta' awtoritajiet li huma rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

    13.

    Jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE); ifakkar li l-kooperazzjoni mhux effettiva jew mhux f'waqtha mal-UPPE u mal-OLAF tista' tikkostitwixxi raġuni għal azzjoni skont ir-Regolament; jisħaq li fil-każ tal-UPPE, kooperazzjoni effettiva u f'waqtha tinvolvi mhux biss l-obbligu għall-awtoritajiet nazzjonali li jassistu u jappoġġjaw b'mod attiv l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet kriminali tal-UPPE iżda wkoll għall-gvern nazzjonali biex jiżgura li l-Prosekuturi Ewropej u Delegati tiegħu jinħatru b'mod f'waqtu u imparzjali; huwa wkoll tal-opinjoni li n-nuqqas sistematiku ta' segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF jista' jikkostitwixxi ommissjoni skont ir-Regolament;

    14.

    Ifakkar li l-identifikazzjoni ta' ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt teħtieġ valutazzjoni kwalitattiva oġġettiva, imparzjali, ġusta u fid-dettall mill-Kummissjoni, li għandha tqis l-informazzjoni rilevanti minn sorsi disponibbli u istituzzjonijiet rikonoxxuti, inklużi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u ta' qrati nazzjonali u internazzjonali rilevanti bħall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, rapporti tal-Qorti tal-Awdituri, ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt u t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE, ir-rapporti tal-OLAF u tal-UPPE kif rilevanti, u konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet u networks internazzjonali rilevanti, inklużi l-korpi tal-Kunsill tal-Ewropa bħall-Grupp ta' Stati tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-Korruzzjoni (GRECO) u l-Kummissjoni ta' Venezja, b'mod partikolari l-lista ta' verifika tagħha tal-istat tad-dritt, u n-networks Ewropej ta' qrati supremi u kunsilli għall-ġudikatura; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar kif se tiġbor, tanalizza u tevalwa din l-informazzjoni meta tibni l-każijiet;

    15.

    Iqis, b'mod partikolari, li r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-istat tad-dritt, bħala valutazzjoni oġġettiva, imparzjali, ġusta u kwalitattiva tal-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt, huwa sors kruċjali ta' informazzjoni għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont ir-Regolament; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fir-rapport annwali tagħha dwar l-istat tad-dritt taqsima ddedikata għal każijiet fejn ksur tal-istat tad-dritt fi Stat Membru jista' jaffettwa jew jirriskja serjament li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'mod suffiċjentement dirett, u tiċċara fil-linji gwida kif ir-rapport annwali se jintuża b'mod sistematiku għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont ir-Regolament;

    16.

    Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi sistema ċara, preċiża u li tkun faċli għall-utenti għat-tressiq tal-ilmenti, u tistabbilixxi skadenzi għat-tweġibiet tal-Kummissjoni għall-ilmenti; jenfasizza li s-soċjetà ċivili, inklużi l-NGOs indipendenti u ċ-ċittadini, u l-ġurnaliżmu u l-midja investigattivi bbażati fuq il-fatti, jinsabu fuq quddiem nett biex jidentifikaw ksur potenzjali tal-istat tad-dritt fil-livell lokali u nazzjonali, u għalhekk għandhom ikunu involuti meta jiġi rrappurtat; ifakkar fil-ħtieġa li r-Regolament jiġi applikat b'mod li jiżgura l-protezzjoni tal-persuni li jirrapportaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni, f'konformità mal-prinċipji stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2019/1937 (7);

    17.

    Ifakkar li l-miżuri fl-ambitu tar-Regolament jittieħdu meta l-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fi Stat Membru jaffettwa jew jirriskja serjament li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni b'mod suffiċjentement dirett; jissottolinja li dan jimplika approċċ komprensiv, proattiv u bbażat fuq ir-riskju min-naħa tal-Kummissjoni biex tissalvagwardja l-infiq tal-Unjoni anke qabel ma jsiru l-pagamenti reali;

    18.

    Ifakkar li l-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament ikopri l-attivitajiet tal-entitajiet governattivi kollha, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-Istati Membri stabbiliti bħala korp tal-liġi pubblika jew bħala korp irregolat mil-liġi privata fdat b'missjoni ta' servizz pubbliku, kif stabbilit fir-Regolament Finanzjarju; jirrimarka li kwalunkwe bidla fit-tip ta' governanza ta' entità li tkun fdata b'missjoni ta' servizz pubbliku fi Stat Membru ma tistax teżenta lil dik l-entità mid-dmir li tikkonforma mar-Regolament;

    Protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni

    19.

    Jenfasizza r-rabta ċara bejn ir-rispett tal-istat tad-dritt u l-implimentazzjoni effiċjenti tal-baġit tal-Unjoni f'konformità mal-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba: l-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività, kif stabbilit fir-Regolament Finanzjarju; ifakkar li skont l-Artikolu 5 tar-Regolament, “il-Kummissjoni għandha tivverifika jekk kienx hemm konformità mal-liġi applikabbli u, fejn meħtieġ, tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tipproteġi l-baġit tal-Unjoni”;

    20.

    Ifakkar li r-Regolament jipprovdi definizzjoni ċara tal-istat tad-dritt, li trid tinftiehem fir-rigward ta' valuri u prinċipji oħra tal-Unjoni, inklużi d-drittijiet fundamentali u n-nondiskriminazzjoni; huwa tal-fehma li l-ksur persistenti tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali, inkluża d-diskriminazzjoni sponsorjata mill-istat kontra l-minoranzi u l-attakki kontra l-libertà tal-midja u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, għandhom impatt fuq il-proġetti li l-Istati Membri jiddeċiedu li jiffinanzjaw bil-fondi tal-Unjoni, u għalhekk jista' jkollhom effett suffiċjentement dirett fuq il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tqis dan meta tabbozza l-linji gwida tagħha;

    21.

    Ifakkar li l-miżuri skont ir-Regolament huma meħtieġa b'mod partikolari, iżda mhux esklużivament, f'każijiet fejn proċeduri oħra stabbiliti fir-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni u leġiżlazzjoni speċifika għas-settur oħra ma jippermettux li l-baġit tal-Unjoni jiġi protett b'mod aktar effettiv; jenfasizza li dan ma jfissirx li r-Regolament għandu jitqies bħala “l-aħħar għażla”, iżda pjuttost li l-Kummissjoni tista' tuża firxa wiesgħa ta' proċeduri biex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, inkluż ir-Regolament, li għandhom jintgħażlu fuq bażi ta' każ b'każ, u jintużaw b'mod parallel jekk meħtieġ, skont l-effiċjenza u l-effikaċja tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-modus operandi u l-istandards proċedurali u tekniċi li se tuża biex tagħżel l-istrumenti li se tapplika;

    22.

    Jirrimarka li r-Regolament ikopri l-fondi kollha tal-Unjoni u japplika għal ksur “sistemiku” kif ukoll għal każijiet ta' riskju serju għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li jistgħu jkunu diffiċli biex jiġu indirizzati permezz ta' proċeduri oħra tal-Unjoni li japplikaw biss għal programmi ta' nfiq speċifiċi u li huma relatati mal-effetti fuq il-baġit li diġà seħħew; jissottolinja li r-Regolament huwa l-unika leġiżlazzjoni tal-UE li torbot ir-rispett tal-istat tad-dritt mal-baġit tal-UE; iqis, għalhekk, li d-dispożizzjonijiet uniċi tiegħu għandhom jiġu applikati bis-sħiħ biex tiġi żgurata protezzjoni komplementari tal-istat tad-dritt flimkien mal-finanzi tal-UE;

    23.

    Jissottolinja li ksur “sistemiku”, pereżempju dak li jaffettwa l-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja, l-indipendenza tal-imħallfin u tal-ġudikatura jew in-newtralità tal-awtoritajiet pubbliċi, jew il-funzjonament xieraq ta' entitajiet b'mandat għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-frodi, l-evażjoni tat-taxxa u l-kunflitt ta' interess, jew li jikser il-prinċipju tan-nonrigressjoni (8), għandu b'mod ġenerali impatt suffiċjentement dirett fuq il-ġestjoni, l-infiq u l-kontroll xierqa tal-fondi tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-kriterji li bihom tiddetermina l-miżuri f'każijiet ta' ksur sistemiku;

    Adozzjoni tal-miżuri

    24.

    Ifakkar li l-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament jistabbilixxu l-passi kollha u skeda ta' żmien preċiża għall-adozzjoni u t-tneħħija ta' miżuri skont ir-Regolament; jissottolinja li l-proċedura għall-adozzjoni u t-tneħħija tal-miżuri tirrispetta l-prinċipji tal-oġġettività, in-nondiskriminazzjoni u t-trattament ugwali tal-Istati Membri u jeħtieġ li titwettaq b'approċċ mhux partiġjan u bbażat fuq l-evidenza.

    25.

    Jinnota li l-Artikolu 6(4) tar-Regolament jipprevedi l-possibbiltà li l-Kummissjoni titlob informazzjoni addizzjonali għall-valutazzjoni tagħha kemm qabel kif ukoll wara li tkun bagħtet in-notifika bil-miktub; jisħaq li tali talbiet qabel in-notifika bil-miktub għandhom jibqgħu, fin-natura tagħhom, eċċezzjonali u ta' darba, sabiex ma jipperikolawx l-iskeda ta' żmien preċiża għall-adozzjoni tal-miżuri previsti fir-Regolament;

    26.

    Ifakkar li l-Kunsill huwa marbut li jaġixxi għal kwalunkwe proposta tal-Kummissjoni għall-adozzjoni ta' miżuri xierqa skont ir-Regolament fi żmien xahar, li jista' jiġi estiż b'massimu ta' xahrejn addizzjonali f'ċirkostanzi eċċezzjonali; iqis li l-Kummissjoni għandha tiżgura li dawn il-limiti ta' żmien jiġu rrispettati bis-sħiħ għal deċiżjoni f'waqtha; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar kif se tiżgura approċċ armonizzat u applikazzjoni konsistenti tal-kondizzjonalità tal-baġit fid-Direttorati Ġenerali kollha tagħha;

    27.

    Jemmen li t-trasparenza hija essenzjali biex titrawwem il-fiduċja tal-Istati Membri u taċ-ċittadini fil-mekkaniżmu ta' kondizzjonalità; jenfasizza li l-valutazzjoni ta' ksur individwali jew sistemiku tal-prinċipji tal-istat tad-dritt tirrikjedi trattament imparzjali, ġust u oġġettiv tal-Istati Membri, inklużi investigazzjonijiet mhux partiġjani u bbażati fuq l-evidenza; jirrimarka li kull pass tal-proċedura stabbilita fir-Regolament għandu għalhekk jittieħed b'mod kompletament trasparenti; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji tat-trasparenza li se japplikaw meta tattiva l-mekkaniżmu ta' kondizzjonalità;

    28.

    Ifakkar li l-miżuri meħuda skont ir-Regolament għandhom ikunu proporzjonati, fid-dawl tal-impatt reali jew potenzjali fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-Unjoni jew l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, filwaqt li jitqiesu n-natura, it-tul ta' żmien, il-gravità u l-kamp ta' applikazzjoni tal-ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt; iqis li, b'mod ġenerali, is-serjetà ta' dak l-impatt se tirrifletti s-serjetà tal-ksur;

    Protezzjoni tar-riċevituri finali u l-benefiċjarji

    29.

    Ifakkar li skont ir-Regolament, huwa essenzjali li jiġi ssalvagwardjat kif xieraq l-interess leġittimu tar-riċevituri finali u tal-benefiċjarji;

    30.

    Ifakkar li, sakemm id-deċiżjoni li tadotta l-miżuri ma tiddikjarax mod ieħor, l-impożizzjoni ta' miżuri xierqa skont ir-Regolament ma taffettwax l-obbligi tal-Istati Membri fil-konfront tar-riċevituri finali jew il-benefiċjarji, inkluż l-obbligu li jsiru pagamenti;

    31.

    Jenfasizza li f'każijiet bħal korruzzjoni serja, nepotiżmu, frodi sistemika, rabtiet illeġittimi ma' partiti politiċi u kunflitti ta' interess, u b'mod partikolari f'każijiet identifikati mis-Sistema ta' Identifikazzjoni Bikrija u ta' Esklużjoni (EDES) stabbilita fir-Regolament Finanzjarju, jew li qed jiġu investigati mill-OLAF jew mill-UPPE, il-Kummissjoni għandha tevalwa bir-reqqa fuq bażi ta' każ b'każ jekk il-pagamenti lir-riċevituri finali u lill-benefiċjarji għandhomx jitkomplew jew le;

    32.

    Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-Artikolu 5(4) tar-Regolament u tistabbilixxi malajr sit web jew portal tal-internet b'informazzjoni u gwida għall-benefiċċju tar-riċevituri finali jew tal-benefiċjarji u b'għodod adegwati għalihom biex jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe ksur tal-obbligu legali biex ikomplu jsiru l-pagamenti wara li jiġu adottati miżuri skont dan ir-Regolament, bħal formola tal-ilmenti li tkun sempliċi, faċli biex tintuża u strutturata; jistieden lill-Kummissjoni tispjega kif se timplimenta mekkaniżmu konformi effiċjenti u effettiv għall-applikanti, għar-riċevituri u għall-benefiċjarji;

    33.

    Jenfasizza li, f'ġestjoni kondiviża, il-miżuri skont ir-Regolament ma jistgħux jitqiesu li jaffettwaw id-disponibbiltà ta' finanzjament għal pagamenti ta' talbiet leġittimi lill-benefiċjarji; ifakkar ukoll li l-Istati Membri kkonċernati minn dawk il-miżuri jeħtiġilhom jirrapportaw regolarment lill-Kummissjoni dwar il-konformità mal-obbligi tagħhom fil-konfront tar-riċevituri finali jew il-benefiċjarji;

    34.

    Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha, inkluż permezz tal-għodod ta' trekkjar diġitali, u tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura li kwalunkwe ammont dovut b'mod leġittimu lill-entitajiet tal-gvern jew l-Istati Membri jkun fil-fatt imħallas lir-riċevituri finali jew lill-benefiċjarji, li jista' jinvolvi li jsiru korrezzjonijiet finanzjarji billi jitnaqqas l-appoġġ tal-Unjoni għal programmi f'konformità mar-regoli speċifiċi għas-settur u dawk finanzjarji applikabbli;

    35.

    Jitlob li l-Kummissjoni tinkludi s-suġġerimenti tal-Parlament fil-verżjoni finali tal-linji gwida;

    o

    o o

    36.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

    (1)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1.

    (2)  Testi adottati, P9_TA(2021)0287.

    (3)  Testi adottati, P9_TA(2020)0360.

    (4)  Testi adottati, P9_TA(2021)0103.

    (5)  ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

    (6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2053 tal-14 ta’ Diċembru 2020 dwar is-sistema ta’ riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/335/UE, Euratom, (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 1).

    (7)  Id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).

    (8)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta' April 2021, RepubblikaIl-Prim Ministru, C-896/19, ECLI:EU:C:2021:311, paragrafi 59-64.


    Top