IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.10.2020
COM(2020) 686 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
COVID-19
Gwida dwar persuni eżentati mir-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2020/912 tat-30 ta’ Ġunju 2020
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL
COVID-19
Gwida dwar persuni eżentati mir-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2020/912 tat-30 ta’ Ġunju 2020
I.Introduzzjoni
Fit-30 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni 2020/912 dwar ir-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE u t-tneħħija possibbli ta’ tali restrizzjoni.
Ir-Rakkomandazzjoni tgħid li meta restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar jibqgħu japplikaw għal pajjiż terz, il-kategoriji ta’ persuni li ġejjin jenħtieġ li jiġu eżentati mir-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar, indipendentement mill-iskop tal-ivvjaġġar:
(a) ċittadini tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20(1) TFUE u ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, skont ftehimiet bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u dawk il-pajjiżi terzi, min-naħa l-oħra, igawdu drittijiet ta’ moviment liberu ekwivalenti għal dawk ta’ ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll il-membri tal-familja rispettivi tagħhom; kif ukoll
(b) ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul skont id-Direttiva dwar ir-Residenza fit-Tul, u persuni li jiksbu d-dritt tagħhom li jirrisjedu minn Direttivi oħra tal-UE jew mil-liġi nazzjonali jew li jkollhom viżi nazzjonali għal soġġorn twil, kif ukoll il-membri tal-familja rispettivi tagħhom.
Barra minn hekk, l-ivvjaġġar essenzjali jenħtieġ li jkun permess għall-kategoriji speċifiċi ta’ vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali msemmija fl-Anness II tar-Rakkomandazzjoni.
It-taħditiet fir-Roundtable fil-livell ta’ ħidma tal-Kunsill dwar ir-Rispons Politiku Integrat f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (IPCR) tal-14 ta’ Settembru 2020 indikaw ħtieġa għal kjarifikazzjoni ulterjuri permezz ta’ linji gwida interpretattivi. Din il-gwida hija bbażata fuq l-input u l-feedback mill-Istati Membri, inkluż mill-Presidenza tal-Kunsill.
Dan id-dokument jipprovdi gwida għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-persuni eżentati mir-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE. B’mod partikolari, jipprovdi gwida dwar l-interpretazzjoni tat-terminu “membru tal-familja” fil-kuntest tal-membri tal-familja eżentati ta’ ċittadini tal-Unjoni jew ta’ residenti fit-tul fl-UE (it-II parti).
Barra minn hekk, jipprovdi gwida dwar il-kategoriji speċifiċi ta’ vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali elenkati fl-Anness II tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (it-III parti), jiġifieri:
·l-ambitu tal-kategoriji, b’kont meħud tal-acquis rilevanti tal-UE; kif ukoll
·id-dokumenti jew evidenza oħra li tista’ tintalab minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi biex juru li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji.
Din il-gwida ma teskludix li l-Istati Membri jistgħu jqisu li evidenza li mhix imsemmija espliċitament fiha tkun biżżejjed ukoll.
Fil-linji gwida tagħha dwar is-“servizz minimu” għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża minn kategoriji speċifiċi ta’ applikanti matul il-perjodu ta’ emerġenza tal-COVID-19, il-Kummissjoni rrakkomandat li l-Istati Membri jkomplu jaċċettaw applikazzjonijiet għal viża minn vjaġġaturi essenzjali, inklużi membri tal-familja koperti mid-Direttiva 2004/38/KE dwar il-Moviment Liberu (minn hawn’il quddiem id-Direttiva dwar il-Moviment Liberu.
II.Dħul għall-membri tal-familja (il-punt 5 tar-Rakkomandazzjoni)
1.Dħul għall-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni (il-punt 5(a) tar-Rakkomandazzjoni)
Kamp ta’ Applikazzjoni:
Għad-definizzjoni tat-terminu “membri tal-familja” ta’ ċittadini tal-UE, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tirreferi għall-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu. Il-kategoriji tal-membri tal-familja (ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz) imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati b’mod wiesa’ u mhumiex limitati b’definizzjonijiet u kunċetti fil-liġi nazzjonali. Dan japplika wkoll għall-kategorija ta’ sħab f’“relazzjoni stabbli, debitament ċertifikata”. Għaldaqstant, skont ir-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jiffaċilitaw ir-riunifikazzjoni ta’ sħab debitament iċċertifikati, irrispettivament mill-post ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz.
Filwaqt li r-Rakkomandazzjoni nnifisha hija strument legali nonvinkolanti, id-Direttiva dwar il-Moviment Liberu tapplika għaċ-ċittadini tal-UE li eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu fl-UE, b’mod partikolari meta jirrisjedu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, u għall-membri tal-familja tagħhom. Fuq din il-bażi, dawn il-membri tal-familja huma intitolati li jakkumpanjaw jew jingħaqdu ma’ qrabathom fl-Istat Membru kkonċernat.
Hemm żewġ xenarji rilevanti għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jinsabu barra mill-UE li huma membri tal-familja ta’ ċittadin tal-UE:
a) Iċ-ċittadin tal-UE jkun eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu (b’mod partikolari, meta jirrisjedi fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu):
Kif stabbilit hawn fuq, l-obbligi rigward id-dħul u r-residenza ta’ membri tal-familja ta’ ċittadini mobbli tal-UE, inklużi sħab stabbli, diġà jeżistu abbażi tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu. Għalhekk, l-Istati Membri ma jistgħux jillimitaw id-drittijiet korrispondenti meta jipproċessaw id-dħul ta’ tali membri tal-familja bħala implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill.
Il-kategoriji tal-membri tal-familja elenkati fl-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu, li għalihom jirreferi l-punt 5 tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, huma dawn li ġejjin.
Membri tal-familja tal-qalba
L-Artikolu 2 tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu jiddefinixxi t-terminu “membru tal-familja” bħala:
a)ir-raġel jew martu;
b)is-sieħeb/sieħba li daħal/daħlet f’kuntratt ta’ unjoni reġistrata maċ-ċittadin/a tal-Unjoni, skont il-bażi tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ospitanti tikkonsidra bħala ugwali għal żwieġ l-unjonijiet reġistrati u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Istat Memrbu ospitanti;
c)id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);
d)il-qraba diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);
L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jaċċettaw id-dħul ta’ tali membri tal-familja, inkluż, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt b), is-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin tal-UE għandu sħubija reġistrata.
Membri tal-familja dipendenti
Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu jirrikjedi li l-Istati Membri jiffaċilitaw, f’konformità mal-liġijiet nazzjonali tagħhom, id-dħul u r-residenza ta’ kwalunkwe membru ieħor tal-familja minbarra dawk elenkati hawn fuq bħala “membri tal-familja tal-qalba”, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, li, fil-pajjiż minn fejn ikunu ġejjin, huma dipendenti jew membri tal-unità domestika ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkollu d-dritt primarju ta’ residenza, jew fejn raġunijiet serji ta’ saħħa jeħtieġu strettament il-kura personali tal-membru tal-familja miċ-ċittadin tal-Unjoni.
Relazzjonijiet stabbli
L-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu jinkludi wkoll ir-rekwiżit li jiġi ffaċilitat id-dħul, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, għas-“sieħeb li miegħu ċ-ċittadin tal-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament ċertifikata”.
Kif spjegat fil-Gwida tal-2009 għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE, tali sħab mhux miżżewġin jistgħu jintalbu jippreżentaw evidenza dokumentata li turi li huma sħab ta’ ċittadin tal-UE u li s-sħubija hija waħda durabbli. L-evidenza tista’ tiġi pprovduta bi kwalunkwe mezz xieraq. L-evidenza possibbli għandha tinkludi, pereżempju, dikjarazzjoni konġunta tas-sħab, prova ta’ laqgħat preċedenti u investimenti komuni; Ir-rekwiżit ta’ durabbiltà tar-relazzjoni jrid jiġi evalwat fid-dawl tal-għan tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu li tinżamm l-unità tal-familja f’sens wiesa’. Ir-regoli nazzjonali dwar id-durabbiltà tas-sħubijiet jistgħu jirreferu għal ammont minimu ta’ żmien bħala kriterju għal jekk sħubija tistax titqies bħala durabbli. Madankollu, jenħtieġ li f’dan il-każ ir-regoli nazzjonali jipprevedu li jitqiesu wkoll aspetti rilevanti oħra (bħal pereżempju kirja jew ipoteka konġunta għal dar) fil-valutazzjoni ġenerali.
b) Meta ċittadin tal-UE ma jkunx eżerċita d-drittijiet ta’ moviment liberu (b’mod partikolari, meta jkun qed joqgħod fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tiegħu)
F’dan ix-xenarju, tapplika l-liġi nazzjonali minflok id-dritt tal-Unjoni għad-dħul ta’ membri tal-familja ċittadini ta’ pajjiżi terzi ta’ ċittadini tal-UE, inklużi sħab mhux miżżewġin, minħabba li dawn iċ-ċittadini jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu.
Madankollu, f’konformità mar-Rakkomandazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jittrattaw tali membri tal-familja bħal dawk taċ-ċittadin mobbli tal-UE, li għandha tippermetti wkoll lill-Istati Membri jevitaw il-piż amministrattiv li jirriżulta mill-ħtieġa li jiġu applikati proċeduri differenti.
Evidenza possibbli għal sħab mhux miżżewġin:
-dikjarazzjoni konġunta tas-sħab dwar ir-relazzjoni tagħhom;
-prova ta’ laqgħat preċedenti (eż. permezz ta’ timbri tal-passaport u dokumenti tal-ivvjaġġar);
-id-durata minima tar-relazzjoni f’każ li jeżistu kriterji nazzjonali f’dan ir-rigward (għandu jitqies il-fatt li issa r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ilhom fis-seħħ għal aktar minn sitt xhur u se jkomplu); jew
-kuntratt ta’ kiri konġunt, kont bankarju konġunt.
2.Dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-membri tal-familja tagħhom (il-punt 5(b) tar-Rakkomandazzjoni)
Il-punt 5(b) tar-Rakkomandazzjoni għandu jinftiehem li jkopri ċittadini ta’ pajjiżi terzi li:
-ikollhom viża jew permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru skont l-acquis tal-UE dwar il-migrazzjoni legali, jiġifieri d-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja, id-Direttiva 2003/109/KE dwar residenti għat-tul, id-Direttiva 2009/50/KE dwar il-Karta Blu tal-UE, id-Direttiva 2014/36/UE dwar il-ħaddiema staġjonali, id-Direttiva 2014/66/UE dwar ħaddiema bi trasferiment intraazjendali u d-Direttiva (UE) 2016/801 dwar studenti, riċerkaturi, trainees, voluntiera, skulari u au pairs.
Dan jimplika wkoll li ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u fejn applikabbli, il-membri tal-familja tagħhom, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-ammissjoni stipulati f’dawk id-direttivi għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom sabiex jingħataw tali viża jew permess ta’ residenza, u sussegwentement jiġu eżentati mir-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar;
jew
-ikollhom permess ta’ residenza jew viża għal soġġorn twil maħruġa minn Stat Membru skont il-liġi nazzjonali tiegħu.
Dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom jitħallew jgħaddu minn Stati Membri oħrajn biex jilħqu l-Istat Membru li ħareġ il-viża jew il-permess ta’ residenza.
III.Kategoriji speċifiċi ta’ vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali — l-Anness II tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2020/912
Il-lista fl-Anness II tal-kategoriji speċifiċi ta’ vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali hija maħsuba biex tqis il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u soċjali li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jista’ jkollhom biex jivvjaġġaw lejn l-UE, kif ukoll l-interess ekonomiku u soċjali li l-UE jista’ jkollha biex tippermetti lil dawn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jidħlu fl-UE. Għall-kuntrarju tal-lista ta’ pajjiżi terzi fl-Anness I li għalihom tista’ titneħħa r-restrizzjoni fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, il-lista ta’ kategoriji fl-Anness II għandha tiġi applikata kompletament mill-Istati Membri. L-Istati Membri għandhom jippermettu l-ivvjaġġar għall-kategoriji kollha elenkati hemmhekk, u mhux biss għal xi wħud minnhom.
Il-gwida dwar il-kategoriji elenkati hawn taħt, kif ukoll dwar il-provi li għandhom jingħataw, mhijiex maħsuba li tkun eżawrjenti. L-Istati Membri huma mħeġġa japplikaw interpretazzjoni wiesgħa kemm tal-kamp ta’ applikazzjoni kif ukoll tal-evidenza possibbli, huma u jżommu f’moħħhom li l-evidenza pprovduta għandha tippermetti lill-awtoritajiet jistabbilixxu rabta diretta mal-attivitajiet li għalihom jingħata aċċess.
1.Il-professjonisti tal-kura tas-saħħa, riċerkaturi tas-saħħa, u professjonisti tal-kura tal-anzjani;
Kamp ta’ Applikazzjoni: Din il-kategorija għandha tkopri persuni b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali, inklużi professjonisti tal-kura tas-saħħa, riċerkaturi tas-saħħa, u professjonisti tal-kura tal-anzjani, inklużi dawn li ġejjin:
-il-professjonisti tas-saħħa inkluż il-professjonisti paramediċi;
-il-ħaddiema tal-kura personali fis-servizzi tas-saħħa, inkluż il-ħaddiema tal-kura tat-tfal, tal-persuni b’diżabbiltà u tal-anzjani;
-ix-xjenzati fl-industriji marbuta mas-saħħa;
-il-ħaddiema fl-industrija farmaċewtika u tal-apparat mediku; kif ukoll
-il-ħaddiema involuti fil-provvista ta’ merkanzija, partikolarment għall-katina ta’ provvista tal-mediċini, provvisti mediċi, apparat mediku, u tagħmir protettiv personali, inkluż fl-installazzjoni u l-manutenzjoni tagħhom.
L-evidenza possibbli tinkludi: kuntratt ta’ impjieg, konferma mill-impjegatur, stedina minn ospitant għall-ħaddiema tal-kura personali, awtorizzazzjoni għax-xogħol jew permess tax-xogħol.
2.Ħaddiema tal-fruntiera
Kamp ta’ Applikazzjoni: Din il-kategorija għandha tkopri l-ħaddiema li jkollhom jaqsmu l-fruntiera ta’ Stat Membru iżda li jirritornaw kuljum jew mill-inqas darba fil-ġimgħa, lejn pajjiż terz li jgħixu fih u li jkunu ċittadini tiegħu.
L-evidenza possibbli tinkludi: kuntratt ta’ impjieg, konferma mill-impjegatur, awtorizzazzjoni għax-xogħol jew il-permess tax-xogħol.
3.Ħaddiema staġjonali fl-agrikoltura
Kamp ta’ Applikazzjoni: Din il-kategorija għandha tkopri ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jżommu l-post ta’ residenza prinċipali tagħhom f’pajjiż terz u joqogħdu legalment u temporanjament fit-territorju ta’ Stat Membru tal-UE biex iwettqu xogħol agrikolu jew tal-akkwakultura, taħt kuntratt ta’ xogħol konkluż direttament bejn dak iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz u l-impjegatur stabbilit f’dak l-Istat Membru tal-UE.
L-evidenza possibbli tinkludi: kuntratt tal-impjieg, konferma minn min iħaddem, awtorizzazzjoni għax-xogħol jew il-permess tax-xogħol, eċċ.
4.Persunal tat-trasport
Ambitu: Ir-restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar m’għandhomx japplikaw għall-persunal tat-trasport, anke meta jkunu qed jivvjaġġaw lejn jew mill-vettura, inġenju tal-ajru jew bastiment tagħhom (sabiex iwettqu, jew wara li jlestu, operazzjoni ta’ trasport). Din il-kategorija għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’. Għandha tkopri b’mod partikolari:
-is-sewwieqa tal-karozzi, tal-vannijiet u tal-muturi, is-sewwieqa tat-trakkijiet tqal u tal-karozzi tal-linja (inkluż is-sewwieqa tal-karozzi tal-linja u tat-trammijiet) u s-sewwieqa tal-ambulanzi, inkluż dawk is-sewwieqa li jittrasportaw l-assistenza offruta fil-qafas tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili u dawk li jittrasportaw liċ-ċittadini ripatrijati tal-UE minn Stat Membru ieħor lejn il-post tal-oriġini tagħhom;
-il-bdoti tal-linji tal-ajru, l-ekwipaġġ tal-kabina u l-persunal tal-manutenzjoni;
-is-sewwieqa tal-ferroviji u persunal ieħor abbord; il-ħaddiema tal-ispezzjoni tal-vaguni, il-persunal tal-workshops tal-manutenzjoni kif ukoll il-persunal tal-maniġers tal-infrastruttura involut fil-ġestjoni tat-traffiku u fl-allokazzjoni tal-kapaċità; kif ukoll
-ħaddiema marittimi u tan-navigazzjoni interna, inklużi kaptani, persunal tal-ekwipaġġ u tal-manutenzjoni, sakemm dawn ma jkunux koperti mill-kategorija viii (il-baħħara).
L-evidenza possibbli tinkludi: kuntratt tal-impjieg, konferma minn min iħaddem, dokument tal-identità (badge) maħruġ minn min iħaddem, liċenzja ta’ bdot, ċertifikat ta’ membru tal-ekwipaġġ, ordni tat-trasport (fil-każ ta’ sewwieqa li jaħdmu għal rashom), awtorizzazzjoni għal xogħol jew għal permess tax-xogħol.
5.Diplomatiċi, persunal ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u persuni mistiedna minn organizzazzjonijiet internazzjonali li l-preżenza fiżika tagħhom hija meħtieġa għall-funzjonament tajjeb ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, persunal militari u ħaddiema tal-għajnuna umanitarja u persunal tal-protezzjoni ċivili fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom;
Ambitu: Din il-kategorija għandha tkopri d-detenturi ta’ passaporti diplomatiċi, uffiċjali jew tas-servizzi/karti tal-identità maħruġa minn pajjiżi terzi jew mill-Gvernijiet tagħhom rikonoxxuti mill-Istati Membri, kif ukoll id-detenturi ta’ dokumenti maħruġa minn organizzazzjonijiet internazzjonali, meta jivvjaġġaw biex iwettqu l-funzjoni tagħhom.
L-evidenza possibbli tinkludi: passaporti diplomatiċi, uffiċjali jew tas-servizz/karti tal-identità maħruġa minn pajjiżi terzi jew il-gvernijiet tagħhom u rikonoxxuti mill-Istati Membri, kif ukoll dokumenti maħruġa minn organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari dawn li ġejjin:
-laissez-passer tan-Nazzjonijiet Uniti maħruġ lill-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti u aġenziji subordinati, skont il-Konvenzjoni dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet ta’ Aġenziji Speċjalizzati, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fil-21 ta’ Novembru 1947 fi New York;
-ċertifikat ta’ leġittimità maħruġ mis-Segretarju-Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa;
-dokumenti maħruġa skont il-paragrafu 2 tal-Artikolu III tal-Ftehim bejn il-Partijiet għat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana dwar l-Istatus tal-Forza tagħhom (karti tal-identità militari akkumpanjati b’ordni għall-ivvjaġġar, mandat għall-ivvjaġġar jew ordni għal moviment kollettiv) kif ukoll dokumenti maħruġa fil-qafas tas-Sħubija għall-Paċi; jew
-kuntratt tal-impjieg, konferma minn min iħaddem, ittra ta’ missjoni.
6.Passiġġieri fi tranżitu
Ambitu: Ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li għandhom permess ta’ dħul validu għall-pajjiż ta’ destinazzjoni (eż. viża uniformi), irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, li jeħtieġ li jgħaddu mill-UE għandhom ikunu permessi tranżitu ulterjuri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom jew lejn il-pajjiż ta’ residenza tal-UE, u jippermettu tul ta’ żmien raġonevoli/realistiku ta’ tranżitu (jista’ jkun hemm bżonn ta’ waqfa ta’ lejl). Minħabba d-disponibbiltà mnaqqsa ta’ titjiriet kummerċjali diretti, it-“tranżitu ulterjuri” għandu jkopri kwalunkwe mezz ta’ trasport.
L-evidenza possibbli tinkludi: prova ta’ vjaġġ ulterjuri, bħal biljett tat-trasport, biljett tal-imbarkazzjoni.
7.Passiġġieri li jivvjaġġaw minħabba raġunijiet imperattivi ta’ familja;
Ambitu: Peress li ma tista’ tiġi stabbilita l-ebda lista eżawrjenti ta’ raġunijiet familjari obbligatorji possibbli, din il-kategorija għandha tiġi interpretata b’mod wiesa’ u vvalutata fuq bażi individwali. Fost l-oħrajn tista’ tinkludi l-ivvjaġġar għal drittijiet ta’ kustodja jew ta’ żjara għat-tfal kif ukoll l-attendenza skolastika tat-tfal, l-għajnuna ta’ emerġenza għal membru tal-familja, tieġ tal-persuna li qed tivvjaġġa jew ta’ membru qarib fil-familja, twelid jew funeral ta’ membru tal-familja.
L-evidenza possibbli tinkludi: varjetà wiesgħa ta’ dokumenti differenti, pereżempju, kopji ta’ dokumenti rilevanti, bħal: prova tad-dritt ta’ kustodja tat-tfal, prova ta’ residenza tal-ġenitur viżitatur u tat-tfal miżjura, il-pubblikazzjoni u l-istedina tat-tieġ, iċ-ċertifikat tad-data mistennija tal-konsenja, iċ-ċertifikat tat-twelid jew tal-mewt.
8.Baħħara
Ambitu: Din il-kategorija għandha tkopri ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom dokument tal-identità tal-baħħara maħruġ skont il-Konvenzjoni dwar id-Dokumenti tal-Identità tal-Baħħara tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) Nru 108 (1958) jew Nru 185 (2003), il-Konvenzjoni dwar il-Faċilitazzjoni tat-Traffiku Marittimu Internazzjonali (Konvenzjoni FAL) u l-liġi nazzjonali rilevanti, Ftehim dwar l-Impjiegi tal-Baħħara skont il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-ILO, konferma minn min iħaddem jew Ċertifikat għall-Ħaddiema tat-Trasport Internazzjonali kif anness mal-Komunikazzjoni dwar il-Korsiji Ħodor (C/2020/1897). Għandha tkopri wkoll persunal tas-servizz u ta’ manutenzjoni fit-trasport marittimu sakemm dan ma jkunx diġà kopert mill-kategorija iv (il-persunal tat-trasport).
L-evidenza possibbli tinkludi: dokument tal-identità tal-baħħara, Ftehim dwar l-Impjiegi tal-Baħħara, konferma mill-impjegatur, Ċertifikat għall-Ħaddiema tat-Trasport Internazzjonali, dokumentazzjoni li turi l-għan tal-vjaġġ, bħal (kopja ta’) kuntratt tax-xogħol.
9.Persuni fi bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jew għal raġunijiet umanitarji oħra
Ambitu: Ir-restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar jenħtieġ li ma japplikawx għal persuni fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jew għal raġunijiet umanitarji oħra.
Restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar m’għandhomx japplikaw lanqas għal persuni li jivvjaġġaw sabiex jirċievu kura medika essenzjali.
Peress li ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandhom ikunu f’pożizzjoni li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali mal-wasla fl-UE, m’għandha tkun meħtieġa l-ebda evidenza għal din il-kategorija.
Għall-kura medika essenzjali, dikjarazzjoni li tafferma l-ħtieġa tal-persuna għal kura medika essenzjali minn tabib reġistrat fi Stat Membru, fin-Norveġja, fl-Iżlanda, il-Liechtenstein jew l-Iżvizzera.
10.Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jivvjaġġaw għal skopijiet ta’ studju
Ambitu: Din l-eċċezzjoni hija fformulata b’mod wiesa’ u għalhekk, ma tkoprix biss l-istudenti attwali iżda l-persuni kollha li jivvjaġġaw sabiex iwettqu studju jew taħriġ ta’ kwalunkwe tip, jekk debitament ġustifikat.
Din l-eċċezzjoni għandha tkopri studenti li huma definiti fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-UE 2016/801 dwar l-Istudenti u r-Riċerkaturi bħala “ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun ġie aċċettat minn istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja u li jkun ammess fit-territorju ta’ Stat Membru biex iwettaq bħala attività prinċipali kors ta’ studju full-time li jwassal għal kwalifika ta’ edukazzjoni ogħla rikonoxxuta minn dak l-Istat Membru, inklużi diplomi, ċertifikati jew lawrji dottorali f’istituzzjoni ta’ edukazzjoni għolja, li tista’ tkopri kors preparatorju qabel tali edukazzjoni, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jew taħriġ obbligatorju.”
L-eċċezzjoni tista’ tkopri wkoll ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiġu għall-iskop ta’ studju jew taħriġ iżda li ma jaqgħux taħt din id-definizzjoni.
Ma hemm l-ebda tul ta’ żmien minimu fir-rigward tat-tul tal-istudji. B’mod partikolari, u abbażi tal-lingwa użata skont dan il-punt tal-Anness II, ma hemm l-ebda raġuni li tirrikjedi li l-istudji jridu jkopru sena akkademika sħiħa jew semestru sħiħ.
L-evidenza possibbli tinkludi: prova ta’ reġistrazzjoni, stedina għal reġistrazzjoni, karta tal-istudenti rikonoxxuta jew ċertifikat rikonoxxut għall-korsijiet biex wieħed jattendi, ċertifikat ta’ reġistrazzjoni f’istitut tat-tagħlim għall-finijiet ta’ attendenza għal korsijiet vokazzjonali jew teoretiċi fil-qafas ta’ taħriġ bażiku u taħriġ ulterjuri.
11.Ħaddiema ta’ pajjiżi terzi bi kwalifiki għolja jekk l-impjieg tagħhom ikun meħtieġ minn perspettiva ekonomika u x-xogħol ma jkunx jista’ jiġi pospost jew isir f’pajjiż ieħor
Ambitu: Din l-eċċezzjoni tkopri ħaddiema li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi u li, minħabba l-livell għoli ta’ ħiliet u għarfien tagħhom, huma meħtieġa biex jikkontribwixxu għall-irkupru ekonomiku tal-UE wara l-COVID. Dan jista’ jinkludi dawk li l-applikazzjoni tagħhom għal permessi skont id-Direttiva 2009/50 dwar il-Karta Blu tal-UE, id-Direttiva 2014/66 dwar l-ICT tal-UE, id-Direttiva 2016/801 bħala Riċerkaturi, jew taħt skema nazzjonali għal migranti tas-sengħa kienet approvata, iżda li sa issa ma tħallewx jidħlu fl-UE minħabba l-projbizzjoni fuq id-dħul.
Abbażi tal-feedback li wasal mingħand l-Istati Membri, għandu jiġi inkluż dan li ġej:
·atleti professjonali u l-persunal tagħhom għall-kompetizzjonijiet fl-Istati Membri (anke jekk mhux impjegati);
·artist/artisti professjonali, inkluż kwalunkwe membru tal-persunal tekniku li jakkumpanja l-artisti/artisti professjonali,
·ġurnalisti internazzjonali li għandhom ikunu personalment, fiżikament preżenti sabiex jirrapportaw aħbarijiet kurrenti,
·esperti, riċerkaturi u xjentisti; kif ukoll
·ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jivvjaġġaw għal skopijiet ta’ negozju (inkluż attendenza għal Fieri Kummerċjali u Wirjiet, testijiet ta’ aċċettazzjoni u taħriġ intern għall-ikkummissjonar ta’ investiment ġdid fl-UE għal raġunijiet ekonomiċi), jekk il-vjaġġ ma jistax jiġi pospost jew jekk in-negozju huwa mwettaq minn barra l-pajjiż.
L-evidenza possibbli tinkludi: kuntratt ta’ impjieg, awtorizzazzjoni għal xogħol jew permess tax-xogħol, konferma minn min iħaddem tal-ħtieġa li jivvjaġġa, stedina minn organizzazzjoni sportiva, stedina minn ditta jew awtorità biex jattendu laqgħat/konferenzi jew avvenimenti marbuta mal-kummerċ, l-industrija jew is-servizzi, stediniet, biljetti tad-dħul, reġistrazzjonijiet jew programmi li jiddikjaraw kull fejn possibbli l-isem tal-organizzazzjoni ospitanti u t-tul tas-soġġorn jew kwalunkwe dokument ieħor xieraq li jindika l-għan taż-żjara, il-kuntratti tal-esebitur ma’ — jew l-ammissjoni għal — Federazzjoni tal-Kummerċ Internazzjonali, kard tal-istampa minn Federazzjoni Internazzjonali.