Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018IE0984

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-effetti ta’ struttura ġdida tal-provvista tal-enerġija mingħajr karbonju, deċentralizzata u diġitalizzata fuq l-impjiegi u l-ekonomija reġjonali (Opinjoni fuq inizjattiv proprja)

    EESC 2018/00984

    ĠU C 367, 10.10.2018, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 367/1


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar L-effetti ta’ struttura ġdida tal-provvista tal-enerġija mingħajr karbonju, deċentralizzata u diġitalizzata fuq l-impjiegi u l-ekonomija reġjonali

    (Opinjoni fuq inizjattiv proprja)

    (2018/C 367/01)

    Relatur:

    Lutz RIBBE

    Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

    15.2.2018

    Bażi legali

    Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

     

    Opinjoni fuq inizjattiva proprja

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

    Adottata fis-sezzjoni

    28.6.2018

    Adottata fil-plenarja

    11.7./2018

    Sessjoni plenarja Nru

    536

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    123/1/1

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    It-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija lejn provvista ħielsa mill-karbonju, deċentralizzata u diġitalizzata toffri opportunitajiet kbar – b’mod partikolari għar-reġjuni strutturalment dgħajfin u rurali fl-Ewropa. L-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli (minn hawn ’il quddiem “ER”) jista’ jħalli effetti pożittivi ferm fuq l-impjiegi, u jista’ jiġi mfassal b’tali mod sabiex joħloq impetu kompletament ġdid għall-ekonomija reġjonali.

    1.2.

    B’mod partikolari, hemm il-potenzjal li l-politika Ewropea dwar l-enerġija flimkien ma’ dik ta’ koeżjoni jistgħu jsaħħu lil xulxin fl-effetti pożittivi tagħhom. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jiddispjaċih dwar il-fatt li dan il-potenzjal għadu ma ġiex rikonoxxut biżżejjed, u wisq inqas attivat, kemm min-naħa tal-Kummissjoni kif ukoll min-naħa tal-Istati Membri.

    1.3.

    Il-KESE jilqa’ l-fatt li, mir-ristrutturar tagħha, il-politika ta’ koeżjoni kkontribwiet għall-promozzjoni tal-ER u tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Madankollu, sa issa l-politika Ewropea dwar l-enerġija ftit li xejn serviet ta’ appoġġ għall-politika ta’ koeżjoni. Il-fatt li l-ER tista’ tagħti kontribut sostanzjali lill-iżvilupp ta’ reġjuni żvantaġġjati ma ġiex rikonoxxut. Dan qed iwassal għal ħela ta’ potenzjal politiku enormi għal tkabbir reġjonali.

    1.4.

    Sabiex dan il-potenzjal jiġi realizzat, jeħtieġ li jittieħdu passi sabiex ir-reġjuni jingħataw is-setgħa u l-appoġġ biex jiżviluppaw l-ER, u l-infrastruttura tan-netwerk speċifika relatata, biex b’hekk jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku reġjonali u tiġi żgurata l-parteċipazzjoni wiesgħa tal-pubbliku f’dan it-tkabbir. Dawn il-konsumaturi jistgħu, bħala prosumaturi, jagħmlu użu (fost affarijiet oħrajn) mid-diġitalizzazzjoni sabiex jieħdu responsabbiltajiet kompletament ġodda b’rabta mal-ekonomija tal-enerġija; jinvolvu ruħhom fil-parteċipazzjoni ekonomika; u jappoġġjaw għanijiet usa’ ta’ politika billi jsegwu approċċ ta’ “azzjoni klimatika minn isfel għal fuq”.

    1.5.

    Fir-rigward tal-iżvilupp tal-ER, huwa importanti li jiġi segwit approċċ ekonomiku reġjonali olistiku. Dan ifisser li l-produzzjoni u l-użu tal-enerġija rinnovabbli, jiġifieri s-setturi tal-elettriku, it-tisħin u l-mobbiltà, jiġu kkoordinati lokalment. Hawnhekk, l-intelliġenza artifiċjali u l-“grilji intelliġenti” jistgħu jagħtu kontribut importanti.

    1.6.

    L-estent sa fejn ir-reġjuni jirnexxu f’dan il-qasam għandu jinftiehem abbażi tar-relazzjoni tal-enerġija mitluba reġjonalment u l-ER iġġenerata jew li tista’ tiġi ġġenerata reġjonalment. Il-KESE jirrakkomanda li fil-kuntest tal-“pjani reġjonali dwar l-ekonomija ċirkolari tal-enerġija” għandha ssir analiżi li tippermetti valutazzjoni differenzjata tal-potenzjal ekonomiku reġjonali tal-ER għal kull reġjun. Il-pjani għandhom jistabbilixxu wkoll l-effetti relatati mal-politika tal-impjiegi għal kull reġjun. Anki jekk huwa minnu li t-tranżizzjoni enerġetika toħloq aktar impjiegi milli kien hemm fis-sistema preċedenti, xorta ser ikun hemm reġjuni li jibbenefikaw minn dan l-effett aktar minn oħrajn.

    1.7.

    Il-pjani għall-ekonomiji ċirkolari tal-enerġija reġjonali jistgħu jservu ta’ bażi għal djalogu strutturat u differenzjat man-nies lokali, li huwa importanti a) għall-preservazzjoni jew il-ħolqien ta’ aċċettazzjoni lokali tal-ER u b) għat-tisħiħ ta’ ċentri ta’ attività tan-negozji reġjonali. Il-KESE huwa sorpriż bil-fatt li sa issa, din l-analiżi u dawn il-pjani saru biss fi ftit każijiet iżolati.

    1.8.

    Approċċ olistiku b’rabta mal-ekonomija reġjonali għall-iżvilupp tal-ER jista’ jagħti kontribut importanti għall-politika Ewropea ta’ koeżjoni. Dan l-approċċ għandu wkoll għadd ta’ vantaġġi relatati mal-politika dwar l-enerġija (tnaqqis tad-dipendenza fuq l-enerġija u tal-faqar enerġetiku, appoġġ għall-akkoppjar tas-settur, użu tal-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni għall-innovazzjoni, eżenzjoni mill-grilja).

    1.9.

    F’dan il-kuntest, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex jiksbu approċċ olistiku fir-rigward tal-ġestjoni tal-enerġija għall-iżvilupp tal-ER: permezz ta’ definizzjoni ta’ reġjuni tal-enerġija, appoġġ biex issir evalwazzjoni empirika tar-relazzjoni bejn l-enerġija mitluba reġjonalment u l-ER iġġenerata jew li tista’ tiġi ġġenerata reġjonalment, edukazzjoni u taħriġ immirati, inċentivi għall-implimentazzjoni, pereżempju billi jappoġġjaw l-iżvilupp tal-infrastruttura tal-ER, il-ftuħ ta’ netwerks u l-ipprezzar xieraq tal-ispiża.

    2.   Sfond

    2.1.

    L-Unjoni Ewropea qed taffaċċja bidliet kbar fil-politika u l-provvista tal-enerġija tagħha. Dan mhux ser jaffettwa biss il-produzzjoni (bidla minn fjuwils fossili abbażi tal-karbonju lejn l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli), ser jinvolvi wkoll bidliet strutturali kbar, kemm f’termini tal-post tal-produzzjoni tal-enerġija (bidla minn impjanti tal-enerġija ċentrali kbar lejn strutturi deċentralizzati) kif ukoll f’termini tal-istruttura tal-fornituri u tal-konsum (partijiet interessati ġodda kif ukoll mudelli ġodda ta’ konsum u ta’ distribuzzjoni fost l-oħrajn b’riżultat tad-diġitalizzazzjoni).

    2.2.

    F’diversi opinjonijiet, il-KESE diġà kkummenta dwar l-effetti tat-tranżizzjoni tal-enerġija fuq ir-reġjuni li se jiġu affettwati b’mod negattiv, pereżempju r-reġjuni tal-minjieri tal-faħam (1). Ħafna nies f’dawn ir-reġjuni diġà tilfu l-impjieg tagħhom; huwa diffiċli li jiġi evitat aktar telf ta’ impjiegi. Huwa wisq aktar importanti li wieħed jagħraf il-bidla strutturali fi stadju bikri u li din tiġi appoġġjata fil-livell politiku, sabiex l-impatt ekonomiku u soċjali jkun jista’ jiġi mminimizzat u mitigat. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-ewwel inizjattivi tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward (2).

    2.3.

    Madankollu, il-KESE nnota li, s’issa, it-tibdil pożittiv, pereżempju fir-rigward tal-valur miżjud reġjonali u tal-ħolqien ta’ impjiegi, ġie diskuss biss marġinalment. F’diversi punti tal-premessi tad-direttiva attwali dwar l-ER (2009/28/KE), il-Kummissjoni tirreferi għall-importanza tal-ER għall-iżvilupp ekonomiku reġjonali; madankollu, fil-kors tar-riċerka tiegħu, il-KESE sab li a) ftit li xejn jeżistu studji dwar l-eżiti possibbli għall-ekonomiji reġjonali fir-rigward tal-iżvilupp tal-ER u li b) fi ħdan il-Kummissjoni, kif ukoll l-Istati Membri, ma hemm l-ebda strateġija ċara sabiex il-politika tal-enerġija u l-iżvilupp reġjonali ġenwinament jingħaqdu b’mod aktar immirat. Għalhekk, m’hemm l-ebda strateġija politika rikonoxxibbli biex ikun sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal imsemmi.

    2.4.

    Fl-istess ħin, wieħed diġà jista’ josserva għadd kbir ta’ eżempji pożittivi “minn isfel għal fuq” ta’ żviluppi tal-ER fil-livell reġjonali fl-Ewropa. Pereżempju – f’Langres, li jinsab fil-Lvant ta’ Franza (10 000 abitant) twaqqaf impjant ta’ tisħin bl-injam, li permezz ta’ grilja ta’ tisħin distrettwali twila 5 Km jforni 22 sistema ta’ tisħin tal-ilma u, indirettament, lukanda, park akwatiku u dar tal-anzjani fost oħrajn; kull sena jiġu ffrankati 3 400 tunnellata ta’ karbonju. Ta’ min jirrimarka li ħafna minn dawn l-inizjattivi rarament jiġu evalwati għall-importanza tagħhom għall-ekonomija reġjonali. F’dan ir-rigward, għandu jiġi stabbilit li hemm “lack of statistical knowledge” kbir (nuqqas sinifikanti ta’ għarfien statistiku).

    2.5.

    Sadanittant, f’Feldheim (qrib Berlin), ir-riżorsi lokali ma ġewx użati biss b’mod konsistenti għall-produzzjoni u l-fornitura tal-enerġija lokali għal dawn l-aħħar 20 sena; l-impatt fuq l-ekonomija reġjonali ġie spjegat ukoll fid-dettall. Id-domanda tal-villaġġ għall-elettriku attwalment hija koperta għal bosta drabi, filwaqt li d-domanda għat-tisħin hija koperta kompletament. Apparti d-dħul dirett mill-bejgħ tal-enerġija, l-iffrankar huwa notevoli: ir-residenti lokali jħallsu prezz tal-elettriku ta’ 16,6 ct/kWh, li huwa ftit aktar minn 50 % tal-prezz medju tal-elettriku fil-Ġermanja. Il-popolazzjoni lokali – il-“kontributuri ewlenin” – għandhom ikunu involuti kemm jista’ jkun mill-qrib fl-ekonomija ċirkolari tal-enerġija mħaddma b’mod sistematiku (3).

    Għall-KESE, paragun ġenerali huwa importanti, il-mod kif dan l-impatt ekonomiku pożittiv potenzjali jikkumpara mal-effetti negattivi imsemmijin aktar kmieni kkawżati mit-tranżizzjoni tal-enerġija.

    2.6.

    Din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja għandha tikkontribwixxi sabiex tistimola diskussjoni fil-fond billi tiddeskrivi l-potenzjal u l-approċċi eżemplari kif ukoll billi tidentifika n-nuqqasijiet.

    3.   L-importanza tal-ER għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-Ewropa u r-reġjuni tagħha

    3.1.

    L-UE hija l-akbar importatur tal-enerġija fid-dinja; 53 % tad-domanda għall-enerġija primarja tagħna hija importata għal somma totali ta’ aktar minn EUR 400 biljun kull sena. Id-dipendenza tal-Unjoni fuq l-enerġija tirrappreżenta problema soċjali u ġeopolitika serja.

    3.2.

    L-għan tal-“Unjoni tal-Enerġija Ewropea” huwa li a) iżżid is-sigurtà tal-enerġija tal-Ewropa, billi tnaqqas l-importazzjonijiet tal-enerġija, b) issaħħaħ il-protezzjoni tal-klima, c) toħloq impjiegi ġodda. Il-KESE jemmen li dan l-għan makroekonomiku Ewropew huwa sinifikanti għal-livell reġjonali fejn għandu jiġi applikat ukoll.

    3.3.

    F’dan il-kuntest, il-promozzjoni tal-ER bħala sorsi tal-enerġija “domestiċi” li, għall-kuntrarju tar-riżorsi fossili, huma disponibbli f’kull reġjun tal-Unjoni, m’għandhiex tiġi diskussa biss minħabba raġunijiet marbuta mal-protezzjoni tal-klima, iżda din għandha titqies bħala objettiv importanti għall-ekonomija reġjonali: il-produzzjoni tal-enerġija tista’ u għandha tistimola lill-ekonomiji reġjonali.

    3.4.

    Aktar ma atturi reġjonali – li jistgħu jkunu ċittadini, intrapriżi reġjonali jew il-munċipalitajiet stess – jirnexxilhom jippermettu parteċipazzjoni ekonomika, aktar se tkun għolja l-aċċettazzjoni meħtieġa għall-iżvilupp tal-infrastruttura tal-ER. Aktar ma l-partijiet ikkonċernati reġjonali jieħdu sehem b’mod attiv, aktar se jiżdied il-valur miżjud reġjonali permezz tal-ER.

    3.5.

    Il-mod dettaljat ta’ kif tista’ ssir tali parteċipazzjoni ekonomika huwa spjegat permezz ta’ analiżi differenzjata tal-katina tal-valur miżjud fl-ER.

    L-ewwel nett għandha ssir referenza għall-investiment attwali fl-impjanti tal-ER: Normalment, l-impjanti stess ikollhom jiġu “importati” minn reġjuni oħra. Dan jgħodd ukoll għall-proċess tal-ippjanar, li ta’ spiss isir minn inġiniera jew konsulenti, speċjalment fi proġetti kbar, u li ħafna drabi ma jkunux stabbiliti f’dak ir-reġjun; b’hekk l-impatt fuq l-ekonomija reġjonali jkun pjuttost limitat.

    Għall-kuntrarju, il-ħolqien ta’ valur reġjonali dirett jirriżulta mill-ispejjeż operattivi u ta’ manutenzjoni tal-impjanti. Madankollu, dawn l-ispejjeż huma relattivament baxxi għas-sistemi tal-ER. Dan jista’ jwassal għal effetti pożittivi fuq, pereżempju, impjanti miftuħa tar-riħ jew fotovoltajċi, ħlas ta’ kera lis-sidien lokali tal-art, kif ukoll dħul addizzjonali mit-taxxa għall-muniċipalitajiet.

    Il-benefiċċju ekonomiku attwali tal-impjanti ER jirriżulta mill-użu jew mill-bejgħ tal-enerġija ġġenerata. Fatturi bħall-operatur tal-impjanti u min jista’ jiġġenera profitt mit-tħaddim tagħhom huma għalhekk kruċjali għall-ekonomija reġjonali.

    3.6.

    Forma ta’ parteċipazzjoni ekonomika hija riflessa fl-impjiegi reġjonali, li jistgħu jinħolqu fis-settur tal-enerġija bħala parti mill-iżvilupp tal-ER. Diversi studji juru li l-effett nett tat-trasformazzjoni tas-sistema tal-enerġija fuq l-impjiegi huwa pożittiv b’mod ċar – dan jintwera minn studju riċenti li sar għan-Netherlands (4). Għandu jiġi enfasizzat li skont dan l-istudju, il-provinċji kollha tan-Netherlands se jibbenefikaw minn dawn l-effetti pożittivi.

    Sabiex tali żviluppi pożittivi jinkisbu fir-reġjuni kollha tal-Ewropa, jeħtieġ li jsir investiment mill-aktar fis possibbli fit-taħriġ xieraq tal-persuni.

    3.7.

    Huwa evidenti li dawn l-effetti pożittivi ma jistgħux jikkumpensaw għall-iżvantaġġi kollha tal-bidla strutturali f’kull każ, bħal pereżempju għar-reġjuni tal-minjieri tal-faħam. Iżda l-bidla lejn l-ER toffri opportunitajiet kbar għal żvilupp pożittiv f’diversi reġjuni tal-Ewropa, li llum il-ġurnata huma biss importaturi tal-enerġija.

    3.8.

    Forma oħra ta’ parteċipazzjoni ekonomika reġjonali hija bbażata fuq il-parteċipazzjoni diretta fl-investimenti f’impjanti tal-ER u għaldaqstant fit-tħaddim tagħhom. Fir-rigward tal-impjanti tal-ER, l-ispejjeż kapitali jammontaw għall-parti l-kbira tal-ispejjeż totali. Aktar importanti minn dan huwa l-fatt li għall-valur miżjud reġjonali, il-partijiet interessati reġjonali jkunu jistgħu jinvestu fl-impjanti tal-ER. Skont studju li sar għall-provinċija federali ta’ Hessen, il-valur miżjud reġjonali jista’ jkun sa tmien darbiet aktar meta park eoliku jitħaddem minn operatur reġjonali (5).

    3.9.

    F’xi reġjuni Ewropej, il-mexxejja politiċi rrikonoxxew din ir-responsabbiltà politika u nedew inizjattivi li jippromovu l-parteċipazzjoni reġjonali fl-ER, bħal: Community Empowerment Bill (l-Iskozja), Lov om fremme af vedvarende energi (id-Danimarka), Bürger- und Gemeindenbeteiligungsgesetz (fil-provinċja federali Ġermaniża Mecklenburg-Vorpommern) jew National Energy Independence Strategy fil-Litwanja.

    3.10.

    It-tielet forma possibbli ta’ parteċipazzjoni tinvolvi li l-konsumaturi jkollhom is-setgħa li jakkwistaw direttament enerġija ġġenerata mill-installazzjonijiet fir-reġjun tagħhom, pereżempju permezz tal-hekk imsejħa “power purchase agreements” (PPA). Id-diġitalizzazzjoni ser tippermetti li l-PPA jsiru disponibbli wkoll għal konsumaturi żgħar tal-enerġija, u x-xejriet tal-prezzijiet jindikaw dejjem aktar li l-ispejjeż tal-enerġija ġġenerata lokalment mir-riħ jew mix-xemx se jkunu orħos mill-prezzijiet tas-suq bl-ingrossa.

    3.11.

    Jista’ jkun hemm effett importanti ieħor. Jekk ekonomija ċirkolari għall-enerġija reġjonali tiġġenera valur miżjud ġdid f’reġjun permezz tal-iffrankar jew tad-dħul minn sorsi tal-ER u tnaqqas il-flussi tal-ħruġ tal-flus mill-importazzjonijiet tal-enerġija, se jsir disponibbli kapital li jista’ jiġi investit ukoll f’setturi oħra tal-ekonomija – jiġifieri f’setturi mhux relatati mas-settur tal-enerġija. Għalhekk, m’għandhomx jitqiesu biss l-effetti “diretti” fuq l-impjiegi (bħall-impjiegi fil-qasam tal-ER), iżda anke dawk “indiretti”, li jirriżultaw minn flussi finanzjarji reġjonali ġodda.

    4.   L-ER bħala Politika Reġjonali – “xenarju tal-aħjar każ” mill-Polonja (Podlaskie)

    4.1.

    Ir-reġjun Pollakk ta’ Podalskie jipprovdi eżempju partikolarment ċar ta’ kif jistgħu jiġu implimentati l-kunsiderazzjonijiet minn Kapitolu 3 fuq bażi reġjonali. L-eżempju juri kif reġjun li huwa strutturalment dgħajjef jista’ jwettaq politika reġjonali ta’ suċċess billi jiżviluppa l-ER – anke b’għanijiet nazzjonali li mhumiex ottimali. Madankollu, approċċ sistematiku, kif deskritt hawn taħt, huwa prerekwiżit.

    4.2.

    Fis-sena 2012, il-Parlament reġjonali (Sejmik) adotta pjan ta’ żvilupp reġjonali, li dan serva ta’ bażi għall-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali għall-Użu tal-Fondi Strutturali Ewropej.

    4.3.

    Podlaskie, li huwa wieħed mir-reġjuni l-aktar sottożviluppati tal-Ewropa, jimporta madwar PLN 5,2 biljun (= EUR 1,25 biljun) ta’ enerġija kull sena. Din il-provinċja ma għandha l-ebda sors tal-enerġija fossili tagħha stess.

    4.4.

    L-istrateġija ta’ żvilupp tipprevedi “rivoluzzjoni” ppjanata b’erba’ għanijiet: 1.) indipendenza mill-importazzjoni tal-elettriku, 2.) espansjoni tas-sehem tal-ER fil-konsum tal-enerġija, 3.) tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karbonju u 4.) żieda tal-potenzjal ekonomiku tar-reġjun, fejn is-sorsi tal-enerġija (b’livell għoli ta’ karbonju) importati jiġu sostitwiti b’forom tal-enerġija reġjonali (nodfa).

    4.5.

    F’Podlaskie, ġie rikonoxxut li l-“politika reġjonali dwar l-enerġija” tista’ tirnexxi biss jekk tittieħed inkonsiderazzjoni wkoll l-istruttura tal-partijiet interessati fis-suq tal-enerġija. L-għan huwa li “dass Einwohner und Unternehmer von Podlachien Besitzer der dezentralen Energiequellen werden” (l-abitanti u l-intraprendituri ta’ Podalskie jsiru sidien ta’ sorsi ta’ enerġija deċentralizzata).

    4.6.

    Sa minn tmiem l-2016, il-muniċipalità ta’ Turośń Kościelna f’Podlaskie organizzat ix-xiri ta’ 38 pompa tas-sħana, 77 sistema PV u 270 sistema termali solari għaċ-ċittadini tagħha. Il-muniċipalità tikkoordina l-fatturar, l-ordnijiet u l-installazzjoni u tieħu ħsieb ix-xogħol kollu legali u tekniku għaċ-ċittadini tagħha. 85 % tal-investimenti ġew iffinanzjati mill-Fond Strutturali Ewropew. Fil-futur, kwart tad-djar kollha ser ikunu mgħammra b’teknoloġija moderna tal-ER.

    4.7.

    B’rabta mal-“metraġġ nett” li jeżisti fil-Polonja għal sistemi PV żgħar, iċ-ċittadini jipproduċu l-elettriku “ekoloġiku” tagħhom stess (inklużi l-ispejjeż kollha addizzjonali) għal madwar 0,18 PLN/kWh (madwar 4,3 ct/kWh). B’paragun ma’ dan: meta wieħed jixtri l-elettriku (elettriku ġġenerat prinċipalment mill-faħam), attwalment wieħed iħallas PLN 0,65/kWh (= 15,5 ct/kWh). Minn dan jirriżulta tnaqqis tal-ispejjeż tal-elettriku b’madwar 75 %, filwaqt li l-ekonomija reġjonali tibbenefika mill-flus iffrankati.

    4.8.

    L-Uffiċċju tal-Marixxall adotta dan l-approċċ u fl-2017 ippermetta li jsiru proġetti simili f’62 muniċipalità oħra. B’kollox saru applikazzjonijiet għal 4 700 sistema termali solari li jiġu installati fuq is-soqfa u 2 250 sistema PV li jiġu installati fuq is-soqfa tad-djar b’kapaċità totali ta’ ftit iktar minn 7 mWp mitluba; l-implimentazzjoni għandha seħħ fl-2018.

    4.9.

    Madankollu, ingħatat kunsiderazzjoni ulterjuri fit-tul, pereżempju fid-direzzjoni tal-elettromobbiltà. Mill-PLN 5,2 biljun li jintefqu annwalment fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija minn Podlaskie, madwar PLN 1,5 biljun jintefqu fuq l-importazzjonijiet tal-petrol u d-diżil għall-karozzi tal-passiġġieri.

    4.9.1.

    Il-“kunsiderazzjoni ta’ Podlaskie” dwar dan: il-karozzi tal-passiġġieri rreġistrati fir-reġjun ikopru madwar 5,2 biljun km kull sena. Kieku l-karozzi kollha kellhom jaħdmu bl-elettriku, wieħed irid madwar 800 000 MWh ta’ elettriku għal konsum ta’ 15 kWh/100 km. Bl-ispejjeż attwali tal-konnessjoni mal-grilja ta’ PLN 0,63/kWh, ikun hemm il-ħtieġa għal PLN 500 miljun biex jitħaddmu dawn il-karozzi, minflok PLN 15-il biljun għall-fjuwils fossili użati llum il-ġurnata. Dan ifisser li jkun għad fadal madwar PLN 1 biljun fir-reġjun u dan jista’ jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-ekonomija.

    4.9.2.

    L-ammont tal-elettriku meħtieġ jista’ jiġi ġġenerat b’madwar 70 turbina tar-riħ (installati reġjonalment). L-elettriku annwali ta’ tali impjant iservi biex iħaddem madwar 7 000 karozza tal-passiġġieri, peress li kWh wieħed jiswa madwar 6-7 ct. Kieku 7 000 sewwieq kellhom jingħaqdu u joperaw tali impjant bħala kooperattiva, kieku l-ispiża tagħhom biex iħaddmu l-karozzi elettriċi tonqos mill-ġdid b’mod sinifikanti. Madankollu, dan għandu jsir b’mod legali u amministrattiv, pereżempju, billi l-grilji jinfetħu għal distribuzzjoni bejn il-pari. Filwaqt li d-diġitalizzazzjoni tippermetti tali opportunitajiet, ir-realtà politika qed ixxekkilhom!

    4.10.

    F’Podlaskie, qed jiġi kkunsidrat ukoll l-użu tal-elettriku mir-riħ iġġenerat reġjonalment bħala sostituzzjoni tal-faħam fl-impjanti ta’ tisħin. L-elettriku mir-riħ jintuża f’pompi tat-tisħin industrijali u f’tagħmir għall-ħażna ta’ sħana. Dan huwa approċċ li huwa ekonomikament sensibbli, madankollu, s’issa dawn il-kunsiderazzjonijiet għadhom ma marrux lil hinn mill-fażi preliminari ta’ ppjanar. Il-mezzi finanzjarji lanqas biss huma disponibbli sabiex jitwettaq studju ta’ fattibbiltà.

    5.   Aktar valur miżjud reġjonali permezz tal-użu reġjonali tal-ER iġġenerata reġjonalment

    5.1.

    L-eżempju ta’ Podalskie juri li: effett sinifikanti tal-ER huwa t-tisħiħ potenzjali tal-kapaċità tal-akkwist reġjonali. Sabiex dan jinftiehem, huwa importanti li l-ewwel jiġi stmat il-potenzjal fil-kuntest ta’ “ekonomija ċirkolari tal-enerġija reġjonali”, f’termini tal-elettriku kif ukoll tat-tisħin u t-trasport.

    5.2.

    Il-potenzjal tal-approċċ relatat mal-ekonomija reġjonali jista’ jintwera b’mod ċar permezz tal-eżempju tal-enerġija termali solari. L-installazzjoni u l-operat ftit li xejn iġibu valur miżjud lir-reġjun, speċjalment minħabba l-fatt li hemm ukoll effetti negattivi, pereżempju s-sostituzzjoni taż-żejt għat-tisħin, li joħloq pressjoni fuq il-postijiet tax-xogħol tal-bejjiegħa tal-istess żejt. Tabilħaqq, l-enerġija termali solari għandha effett pożittiv kbir fuq il-konsumaturi. Dan jirriżulta mill-fatt li aktar ma s-sehem tat-tisħin solari mid-domanda totali tagħhom għat-tisħin ikun kbir, aktar jistgħu jiġu evitati l-importazzjonijiet ta’ riżorsi tal-enerġija bħall-faħam, iż-żejt jew il-gass naturali, li jirrappreżentaw ħruġ tal-kapaċità tal-akkwist mir-reġjun u jappoġġjaw pajjiżi li jesportaw il-faħam, iż-żejt jew il-gass jew kumpaniji multinazzjonali taż-żejt minerali u tal-gass naturali.

    5.3.

    B’mod ġenerali, jidher li huwa meħtieġ li jiġi rreġistrat, fi ħdan bilanċ tal-enerġija reġjonali, sa liema estent ikun possibbli, jew huwa possibbli, li l-konsum tal-enerġija reġjonali jiġi kopert b’ER iġġenerata reġjonalment (u f’xi każijiet maħżuna b’mod temporanju). Il-bilanċ għandu jinkludi erba’ aspetti:

    1.

    Jeħtieġ li tiġi ddeterminata d-domanda ta’ reġjun għall-enerġija fis-setturi tal-elettriku, tat-tisħin u tal-mobbiltà. It-teħid inkunsiderazzjoni tas-setturi tat-tisħin u tal-mobbiltà huwa importanti minħabba żewġ raġunijiet: minn naħa waħda 75 % tal-konsum tal-enerġija huwa allokat għal dawn l-oqsma. Min-naħa l-oħra, l-applikazzjonijiet tat-tisħin u tal-mobbiltà huma għażliet ta’ flessibbiltà importanti, li ħafna drabi huma disponibbli biss lokalment.

    2.

    L-ammont ta’ pontenzjal eżistenti biex jissodisfa din id-domanda bl-ER mir-reġjun għad irid jiġi kkalkulat. Abbażi ta’ dan, għandu jiġi ddeterminat sa liema estent jista’ jinkiseb ridirezzjonar tal-flussi tal-kapital favur ir-reġjun. Fil-każ tal-bijoenerġija, dan jiddependi fuq l-oriġini tal-bijomassa u, fir-rigward tat-teknoloġiji kollha tal-ER, dan jiddependi fuq l-orġini tal-impjanti u l-kumpanija kkummissjonata bl-installazzjoni u l-manutenzjoni. Barra minn hekk, l-istruttura tal-operatur u, fejn applikabbli, il-volum tal-konsum tal-elettriku intrareġjonali jridu jintużaw sabiex jiġi ddeterminat jekk id-dħul iġġenerat mill-operat jibqax fir-reġjun u sa liema estent dan jimplika parteċipazzjoni ekonomika tal-atturi reġjonali.

    3.

    Id-differenza bejn id-domanda għall-enerġija reġjonali u l-proporzjon ta’ din id-domanda li tista’ tiġi koperta mill-ER reġjonali turi l-ammont ta’ enerġija li jeħtieġ ikun importat minn reġjuni oħrajn (fluss ta’ kapital ’il barra mir-reġjun). Anke fil-futur, ħafna reġjuni Ewropej mhux ser ikunu jistgħu jevitaw l-importazzjoni tal-enerġija, minħabba li huwa ekonomikament impossibbli, ineffiċjenti jew sempliċement teknikament impossibbli li tiġi koperta d-domanda tal-enerġija reġjonali kollha bl-enerġija prodotta reġjonalment.

    4.

    Jekk fir-reġjun tiġi ġġenerata aktar enerġija milli kemm jiġi kkunsmat reġjonalment, jeħtieġ li jiġi ddeterminat min jibbenefika mir-rikavati tal-bejgħ tal-elettriku.

    5.4.

    Il-bilanċ bejn il-produzzjoni u l-konsum tal-enerġija reġjonali għandu jiġi kkalkulat għal kull reġjun Ewropew, għalkemm dan m’għandux ikun rekwiżit legali. Minflok, dan għandu jkun fl-interess ta’ kull reġjun biex jikkalkula dan il-bilanċ fuq inizjattiva proprja. Għandu jiġi eżaminat jekk il-kategorija stabbilita tar-reġjuni NUTS 3 tistax tinuża għal dan il-għan. F’xi każijiet, reġjuni tal-enerġija transkonfinali jidhru attraenti wkoll, anke fis-sens tal-idea ta’ “Ewropa tar-Reġjuni”. F’dan il-kuntest, iċ-ċentru ta’ informazzjoni dwar l-enerġija, li l-KESE talab it-twaqqif tiegħu f’opinjoni (6) preċedenti, jista’ jwettaq kompitu ta’ koordinazzjoni.

    6.   Il-potenzjal tal-politika reġjonali u tal-enerġija ta’ bilanċ tal-enerġija bbilanċjat jew pożittiv

    6.1.

    Jekk jirnexxielna ntejbu l-bilanċ deskritt f’Kapitolu 5 tal-ER iġġenerata u kkunsmata reġjonalment, dan se jgħin biex innaqqsu d-dipendenza tal-Ewropa fuq l-enerġija.

    6.2.

    Jekk il-partijiet interessati reġjonali jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod aktar effettiv fl-ER, dan isaħħaħ il-koeżjoni reġjonali. Dan huwa dovut għall-fatt li, ta’ spiss, ir-reġjuni strutturalment dgħajfa jkollhom l-akbar potenzjal tal-art għall-ER u b’hekk l-effett tal-ER fuq l-ekonomija reġjonali jkollu l-akbar impatt.

    6.3.

    Il-ħolqien ta’ bilanċ tal-enerġija speċifiku għar-reġjuni jippermetti li tiġi stabbilita l-importanza tat-tranżizzjoni tal-enerġija għal kull reġjun. Id-dibattitu dwar it-tibdil strutturali f’ċerti reġjuni jista’ jissejjes fuq bażi soda. Miżuri ta’ politika reġjonali korrispondenti jistgħu jkunu żviluppati aħjar milli huma attwalment, peress li t-termini “reġjuni tal-faħam” u “gżejjer tal-enerġija” qed jintużaw b’mod relattivament usa’.

    6.4.

    Fatturi bħalma huma dawk relatati ma’ jekk reġjun huwiex reġjun li jesporta l-enerġija jew reġjun li jimporta l-enerġija jew jekk għandux bilanċ tal-enerġija bbilanċjat, iħallu impatt konkret fuq in-nies li jgħixu f’dak ir-reġjun. Dan jirrikjedi djalogu mal-partijiet interessati reġjonali. Ma teżistix soluzzjoni perfetta li tkun adatta għal kull reġjun bl-istess mod. Minflok, għandhom jinstabu soluzzjonijiet speċifiċi għal kull reġjun, anke fir-rigward tal-ġustizzja territorjali (“spatial justice”), jiġifieri l-kwistjoni li tirrigwarda l-użu tal-art. Ir-rappreżentanti tal-politika u l-amministrazzjoni reġjonali għandhom ikunu kkwalifikati kif xieraq.

    6.5.

    Aktar ma d-domanda għall-enerġija tiġi ssodisfata b’ER reġjonali, il-konsumaturi li jgħixu u jaħdmu fir-reġjun aktar mhux se jkunu affettwati mill-iżvilupp tal-prezzijiet dinjija, b’mod partikolari taż-żejt minerali u tal-gass naturali. Dan huwa l-aħjar mod sabiex jitnaqqsu l-faqar enerġetiku u l-vulnerabbiltà tal-utenti finali. Peress li l-prezzijiet tal-enerġija jikkostitwixxu fattur dejjem aktar importanti fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment, dan irendi wkoll lill-ekonomiji lokali u ċ-ċentri industrijali aktar attraenti.

    6.6.

    L-integrazzjoni li ġejja tas-setturi tas-sħana u tal-mobbiltà fis-sistema tal-elettriku tista’ tiġi promossa speċifikament permezz ta’ inċentivi li jħeġġu l-użu reġjonali ta’ ER iġġenerata reġjonalment, u b’hekk dan iwassal għal tisħiħ.

    6.7.

    Id-diġitalizzazzjoni tal-industrija tal-enerġija toffri opportunitajiet kbar. Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, l-inċentivi għat-titjib tal-użu reġjonali tal-ER iġġenerata reġjonalment jistgħu jisfruttaw il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni u b’hekk jippromovu l-innovazzjoni.

    6.8.

    L-għan tal-Unjoni tal-Enerġija Ewropea huwa li jissaħħaħ ir-rwol taċ-ċittadini jew tal-konsumaturi tal-enerġija fit-tranżizzjoni tal-enerġija. Madankollu, fi swieq tal-enerġija interreġjonali jeżistu ostakli kbar għad-dħul fis-suq, u l-ekonomiji ta’ skala jaqdu rwol importanti (7). Fl-aħħar nett, din hija konsegwenza ta’ strutturi tas-suq monopolistiċi li żviluppaw matul iż-żminijiet. Fil-livell reġjonali, ir-rwol il-ġdid, aktar attiv taċ-ċittadini u tal-konsumaturi, jiġifieri fi ħdan il-kuntest ta’ ekonomija ċirkolari tal-enerġija reġjonali, jista’ jiġi eżerċitat b’mod aktar faċli.

    6.9.

    Jekk l-ER iġġenerata reġjonalment tintuża aktar fil-livell reġjonali, dan itaffi l-piż minn fuq il-grilja u possibbilment inaqqas il-ħtieġa li n-netwerks Ewropej tat-trażmissjoni tal-elettriku jespandu b’mod massiv (ara wkoll il-premessa 52 tal-proposta għal Direttiva dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (COM(2016) 767 final)).

    7.   Rekwiżiti relatati ma’ ekonomija ċirkolari tal-enerġija reġjonali

    7.1.

    Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jqisu l-użu reġjonali tal-ER iġġenerata reġjonalment bħala għan tal-politika dwar l-enerġija u tal-politika ta’ koeżjoni, u jużaw il-bilanċ bejn id-domanda għall-enerġija reġjonali u l-produzzjoni reġjonali tal-ER bħala punt ta’ referenza. Min-naħa waħda, dan jinkludi l-iżvilupp ulterjuri tal-ER li jqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-enerġija komunitarja u ta’ partijiet interessati reġjonali oħrajn, li ma jibbenefikawx mill-ekonomiji ta’ skala (8). L-għan partikolari għandu jkun li jitneħħew l-ostakli għall-aċċess tas-suq li jillimitaw l-opportunitajiet ta’ partijiet interessati (reġjonali) ta’ skala żgħira. L-istabbiliment ta’ programm Ewropew relatat mal-kwalifiki tal-atturi reġjonali kif ukoll mat-tisħiħ tal-iskambju tal-aħjar prattiki jista’ jkun ukoll ta’ għajnuna.

    7.2.

    Dan għandu jkun soġġett għal deċiżjoni strateġika li tiffoka l-politika dwar l-enerġija fuq id-deċentralizzazzjoni. F’dan ir-rigward, għad hemm ħafna kontradizzjonijiet fil-pakkett dwar “Enerġija Nadifa għal kull Ewropew” bejn politika dwar l-enerġija aktar deċentralizzata u politika ċentralizzata b’mod inekwivoku. Għandha tiġi appoġġjata l-idea li r-reġjuni u l-muniċipalitajiet Ewropej jingħataw is-setgħa li jirregolaw b’mod dirett il-parteċipazzjoni tal-atturi reġjonali fl-użu tal-enerġija rinnovabbli reġjonali. Dan ikun jikkorrispondi wkoll mat-tradizzjoni tas-servizzi lokali ta’ interess ġenerali li kibret f’bosta Stati Membri.

    7.3.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tressaq pjan ta’ azzjoni dwar liema miżuri tat-taħlita tal-politika dwar l-enerġija fil-livell Ewropew, nazzjonali u sottonazzjonali jistgħu jkunu ta’ għajnuna sabiex tiġi promossa l-enerġija reġjonali. Bħala parti minnha, din tista’ tinkludi verżjoni korrispondenti tal-liġi dwar il-kuntratti pubbliċi u l-akkwist pubbliku. Barra minn hekk, għandha tiġi żviluppata metodoloġija li permezz tagħha r-reġjuni jkunu jistgħu jiżviluppaw il-bilanċ tal-enerġija speċifiku tagħhom. Applikazzjoni onlajn għall-politiċi u l-partijiet interessati reġjonali, li tal-inqas tipproduċi riżultati approssimattivi, tkun idea tajba.

    7.4.

    Strutturar mill-ġdid tat-tariffi tal-grilja, u possibbilment anke ta’ imposti u taxxi oħra, jista’ jgħin sabiex jinkisbu l-effetti deskritti fuq l-ekonomija reġjonali permezz tal-iżvilupp tal-ER. L-esportazzjoni u b’mod speċjali l-importazzjoni għandhom jiġu pprezzati b’tali mod li tal-inqas iqis l-ispejjeż tat-trasport.

    7.5.

    Tariffi differenzjati tan-netwerk – jiġifieri l-iffissar ta’ prezz għal tranżizzjoni tal-elettriku abbażi ta’ kemm hemm bżonn livelli tal-grilja biex titwettaq it-tranżazzjoni – flimkien ma’ kopertura akbar tad-domanda għall-enerġija reġjonali bl-użu tal-ER prodotta reġjonalment jagħmluha eħfef biex tkun aċċertata l-ħtieġa attwali għall-iżvilupp tal-grilja fuq il-bażi tal-orjentazzjoni tas-suq. Tabilħaqq, se jkun importanti li r-reġjuni Ewropej tal-enerġija jiġu konnessi kif xieraq. Dan ma jfissirx li l-espansjoni tal-grilja għandha tiġi pprijoritizzata bilfors u f’kull każ. Madankollu, illum il-ġurnata dan għadu jsir ta’ spiss, mingħajr ma jkun ekonomikament ġustifikabbli (9).

    Brussell, il-11 ta’ Lulju 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 1.

    (2)  Https://ec.europa.eu/info/news/no-region-left-behind-launch-platform-coal-regions-transition-2017-dec-08_en.. (Mhux disponibbli bil-Malti)

    (3)  Għal aktar dettalji ara l-preżentazzjoni tal-istudju tal-każ fis-seduta tal-KESE dwar “Energy transition in Europe’s Regions – Assessing regional economic effects of the transition to a smart and low-carbon energy supply” (Mhux disponibbli bil-Malti) tal-31 ta’ Mejju 2018 https://www.eesc.europa.eu/en/news-media/presentations/presentation-michael-knape.

    (4)  Weterings, A. et al. (2018): Effecten van de energietransitie op de regionale arbeidsmarkt – een quickscan (l-effetti tat-tranżizzjoni tal-enerġija fuq is-suq tal-impjiegi reġjonali – stħarriġ fil-qosor), PBL, Den Haag, p. 36.

    (5)  Institut für dezentrale Energietechnologien (Istitut għat-teknoloġiji tal-enerġija deċentralizzati) (2016). Regionale Wertschöpfung in der Windindustrie am Beispiel Nordhessen (Valur miżjud reġjonali fl-industrija tal-enerġija mir-riħ, permezz tal-eżempju ta’ Nordhessen).

    (6)  ĠU C 262, 25.7.2018, p. 86.

    (7)  ĠU C 288, 31.8.2017, p. 91.

    (8)  ĠU C 246, 28.7.2017, p. 55.

    (9)  Ara Peter, F.; Grimm, V. & Zöttl, G. (2016). Dezentralität und zellulare Optimierung – Auswirkungen auf den Netzausbaubedarf (Id-deċentralizzazzjoni u l-ottimizzazzjoni ċellulari – l-impatt fuq il-ħtiġijiet għal espansjoni tal-grilja) https://www.fau.de/files/2016/10/Energiestudie_Studie.pdf. (Mhux disponibbli bil-Malti)


    Top