Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE2986

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu” (COM(2018) 212 final — 2018/0104 (COD))

    EESC 2018/02986

    ĠU C 367, 10.10.2018, p. 78–83 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 367/78


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu”

    (COM(2018) 212 final — 2018/0104 (COD))

    (2018/C 367/15)

    Relatur ġenerali:

    Jorge PEGADO LIZ

    Konsultazzjoni

    Parlament Ewropew, 28.5.2018

    Kunsill, 18.6.2018

    Bażi legali

    Artikoli 21(2) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

    Deċiżjoni tal-Bureau

    22.5.2018

    Adottata fil-plenarja

    11.7.2018

    Sessjoni plenarja Nru

    536

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    155/8/5

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jilqa b’sodisfazzjon kbir l-inizjattiva li qiegħda tiġi evalwata, li jqis bħala neċessarja u urġenti, jaqbel mal-bażi legali li hija adattata għat-termini limitati tal-proposta u mal-għażla tal-istrument leġislattiv, jikkonferma li l-proposta tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità kif ukoll id-drittijiet fundamentali, u jsejjaħ biex tiġi adottata b’urġenza.

    1.2.

    Jaqbel ukoll mal-inklużjoni obbligatorja tax-xbiha tal-wiċċ tad-detentur u ta’ żewġ marki tas-swaba’ f’formats interoperattivi u wkoll mar-rekwiżit tas-separabbiltà tad-data bijometrika mid-data l-oħra kollha li tista’ tinsab f’dawn il-karti.

    1.3.

    Il-KESE jemmen, madankollu, li l-Kummissjoni ma tiġġustifikax bis-sħiħ l-għażla leġislattiva tagħha u ma tagħtix ir-raġunijiet li żammewha milli tressaq proposta bbażata fuq armonizzazzjoni leġislattiva aktar estensiva, biex b’hekk tinħoloq sistema tabilħaqq unika ta’ dokumenti ta’ identifikazzjoni b’vantaġġi li ma jistgħux jiġu miċħuda fil-livell ta’ sigurtà, ta’ sempliċità u ta’ rapidità tal-kontrolli u ta’ uniformità tal-proċeduri b’benefiċċji inkontestabbli għaċ-ċittadini, u mhijiex ċara r-raġuni għaliex ma ġewx stabbiliti l-elementi obbligatorji previsti fl-appendiċi tal-Valutazzjoni tal-Impatt, bħalma jiġri għad-dokumenti ta’ residenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni, b’mod partikolari t-titolu tad-dokument, l-isem, is-sess, in-nazzjonalità, id-data tat-twelid, il-post tat-twelid u l-post minn fejn inħareġ, il-firma u d-data ta’ skadenza tad-dokument.

    1.4.

    Barra minn hekk, huwa tal-fehma li l-proposta ma tissodisfax il-konklużjonijiet tar-REFIT u l-konsultazzjonijiet maċ-ċittadini, li identifikaw sitwazzjonijiet li jimpedixxu b’mod ċar il-moviment liberu fiż-żona Ewropea, meta l-Istati Membri jitħallew bl-għażla jekk jintroduċux karti tal-identità fit-territorji nazzjonali tagħhom, kif ukoll biex jiddefinixxu l-ambitu, l-informazzjoni minima u t-tip ta’ karti ta’ identità.

    1.5.

    Il-KESE jixtieq kieku l-Kummissjoni analizzat il-possibbiltà li tinħoloq karta tal-identità Ewropea li tagħti liċ-ċittadini Ewropej id-dritt li jeżerċitaw il-vot permezz ta’ din il-karta anki jekk għal dan il-għan ikollha tintuża bażi legali oħra.

    1.6.

    Il-KESE jibża’ li l-ispejjeż ta’ konformità tal-karti l-ġodda ser jiġu ttrasferiti liċ-ċittadini b’valur indeterminat, inadegwat jew sproporzjonat, peress li dan jiddependi totalment mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri.

    1.7.

    Il-KESE jemmen ukoll li elementi addizzjonali oħrajn li l-Istati Membri jassoċjaw mal-imsemmija karti setgħu jiġu pproċessati ukoll u, fejn meħtieġ, isiru uniformi, kemm mil-lat tal-inklużjoni tagħhom kif ukoll fir-rigward tal-użu tagħhom mill-partijiet ikkonċernati u minn partijiet terzi.

    1.8.

    Għall-KESE, huwa essenzjali li l-implimentazzjoni ta’ din il-proposta tkun segwita u mmonitorjata mill-Kummissjoni Ewropea, sabiex jiġi ggarantit ir-rikonoxximent ċar tad-dokumenti, li huma s-suġġett tal-proposta li qiegħda tiġi evalwata, mhux biss bħala elementi ta’ identifikazzjoni iżda wkoll bħala strument li jawtorizza lid-detentur biex iwettaq għadd ta’ atti fi kwalunkwe Stat Membru, inkluż il-moviment fiż-żona Schengen, l-akkwist ta’ beni u servizzi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ servizzi finanzjarji u aċċess għal servizzi pubbliċi u privati.

    1.9.

    Minħabba n-neċessità u l-urġenza ta’ dan ir-Regolament, il-KESE jirrakkomanda li jitqassru l-iskadenzi ġenerali għad-dħul fis-seħħ tiegħu u l-monitoraġġ futur tiegħu.

    1.10.

    Isejjaħ lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw il-proposti li jagħmlu f’dan il-qasam speċjalizzat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ elementi meqjusa bħala essenzjali, kif ukoll għal ċerti regoli dwar l-użu tal-istess dokumenti minn terzi, li huwa essenzjali f’xi Stati Membri.

    2.   Sommarju fil-qosor tal-kontenut tal-proposta u tal-bażi tagħha

    2.1.

    Fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill – L-erbatax-il rapport ta’ progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina (1), fost riflessjoniijiet oħrajn dwar l-iżviluppi fiż-żewġ pilastri ewlenina tad-difiża Ewropea: il-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-mezzi li jappoġġjawhom; u t-tisħiħ tad-difiżi u r-reżiljenza tagħna fil-konfront ta’ dawn it-theddidiet, il-Kummissjoni, fost miżuri oħrajn (2), tirreferi għal proposta leġislattiva intiża biex iżżid is-sigurtà tal-karti tal-identità nazzjonali u tal-permessi ta’ residenza li “se tagħmilha aktar diffiċli għat-terroristi u kriminali oħra biex jagħmlu użu ħażin jew jiffalsifikaw dokumenti bħal dawn biex jidħlu jew jiċċaqilqu fl-UE”.

    2.2.

    F’dik il-komunikazzjoni ssir referenza b’mod partikolari għall-fatt li, kif jirriżulta mill-istatistika tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntieri dwar id-dokumenti foloz, “il-karti tal-identità nazzjonali b’karatteristiċi tas-sigurtà dgħajfa huma d-dokumenti tal-ivvjaġġar [li] ta’ sikwit jintużaw l-aktar b’mod frodulenti fl-UE”. Bħala parti mir-reazzjoni Ewropea għall-falsifikazzjoni tad-dokumenti tal-ivvjaġġar stabbilita fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni adottat, flimkien mar-Rapport ta’ Progress, Proposta għal Regolament biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-karti tal-identità maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom. “It-tisħiħ tal-elementi tas-sigurtà ta’ karti tal-identità u ta’ dokumenti tar-residenza se jagħmilha aktar diffiċli għall-kriminali biex jużaw ħażin jew jiffalsifikaw dokumenti bħal dawn biex jiċċaqilqu fl-UE jew biex jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE. Dokumenti tal-identità iktar siguri se jikkontribwixxu biex tissaħħaħ il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE (inkluż fir-rigward tal-isfida tal-ġellieda terroristi barranin li jirritornaw u l-membri tal-familja tagħhom), filwaqt li fl-istess ħin, dokumenti aktar siguri u affidabbli se jagħmluha eħfef għaċ-ċittadini tal-UE biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-moviment ħieles.” – siltiet li jinsabu fil-proposta.

    2.3.

    Il-proposta tal-Kummissjoni, ibbażata fuq valutazzjoni tal-impatt u konsultazzjoni pubblika, tistabbilixxi standards minimi ta’ sigurtà għall-karti tal-identità nazzjonali, inklużi b’mod partikolari ritratt bijometriku u marki tas-swaba’ biex jinħażnu f’ċippa fuq il-karta tal-identità. Il-proposta tipprevedi wkoll informazzjoni minima li għandha tiġi pprovduta dwar id-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini mobbli tal-UE, kif ukoll l-armonizzazzjoni sħiħa tal-karti ta’ residenza ta’ membri tal-familja li mhumiex mill-UE. Il-Kummissjoni tistieden lill-koleġislaturi biex jeżaminaw il-proposta leġislattiva mingħajr dewmien sabiex jintlaħaq ftehim malajr.

    2.4.

    Huwa fi ħdan dan il-qafas wiesa’ li għandha tiġi kkunsidrata l-Proposta għal Regolament inkwistjoni; l-għanijiet tagħha huma:

    (a)

    titjib u tisħiħ tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni;

    (b)

    jiġu miġġielda t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata waqt li tinbena Unjoni ta’ Sigurtà ġenwina;

    (c)

    tiġi ffaċilitata l-mobilità taċ-ċittadini tal-UE hekk kif jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u jagħtu prova tal-identità tagħhom lill-entitajiet pubbliċi u privati, meta jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ residenza f’pajjiż ieħor tal-UE;

    (d)

    tissaħħaħ ir-risposta Ewropea kontra l-frodi ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u jitnaqqas ir-riskju ta’ falsifikazzjoni u frodi tad-dokumenti;

    (e)

    prevenzjoni tal-abbużi u theddid għas-sigurtà interna li jirriżultaw minn nuqqasijiet fir-rigward tas-sigurtà tad-dokumenti;

    (f)

    jiġu evitati trasferimenti lejn pajjiżi terzi bl-iskop ta’ parteċipazzjoni f’attivitajiet terroristiċi u impunità meta jsir ritorn lejn l-UE.

    2.5.

    Sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni ressqet il-Proposta għal Regolament inkwistjoni, li tikkunsidra bħala l-istrument legali adatt abbażi tal-Artikolu 21(2) tat-TFUE, li jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà u fi ħdan il-limiti tal-prinċipju tal-proporzjonalità.

    2.6.

    Mit-tliet opzjonijiet evalwati – li jinżamm l-istatus quo, li ssir armonizzazzjoni wiesgħa jew li tiġi adottata sistema għad-definizzjoni ta’ regoli minimi ta’ sigurtà għall-karti tal-identità u r-rekwiżiti minimi komuni għall-permessi ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-UE u, fil-każ tad-dokumenti ta’ residenza għall-membri tal-familja ta’ ċittadini tal-UE minn pajjiżi terzi, l-użu ta’ mudell uniformi komuni tal-permessi ta’ residenza taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi – intgħażlet din l-aħħar opzjoni, peress li tqieset li tirrispetta d-drittijiet fundamentali, b’mod speċjali l-protezzjoni tad-data u r-rispett tal-privatezza.

    2.7.

    Il-proposta li qiegħda tiġi evalwata ser tkun akkumpanjata wkoll minn miżuri mhux vinkolanti (bħal azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni u taħriġ) maħsuba biex jiżguraw l-implimentazzjoni armonjuża tagħha, adattata għas-sitwazzjoni u għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull Stat Membru, fosthom:

    (a)

    programm ta’ monitoraġġ tal-kisbiet, ir-riżultati u l-impatti ta’ dan ir-Regolament;

    (b)

    komunikazzjoni mill-Istati Membri lill-Kummissjoni, sena wara l-bidu tal-implimentazzjoni u, sussegwentement, kull sena, tal-informazzjoni meqjusa bħala essenzjali għal monitoraġġ effettiv tal-funzjonament ta’ dan ir-Regolament,

    (c)

    evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-effettività, l-effiċjenza, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud Ewropew tal-qafas legali li issa ġie approvat, iżda biss sitt snin wara d-data ta’ implimentazzjoni, sabiex jiġi żgurat li hemm data suffiċjenti u li l-partijiet interessati ġew ikkonsultati sabiex jinġabru fehmiet dwar l-effetti tal-bidliet leġislattivi u tal-miżuri mhux vinkolanti applikati.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon kbir l-inizjattiva li qiegħda tiġi evalwata, li l-ħtieġa għaliha diġà wera f’Opinjonijiet oħrajn, jaqbel mal-bażi legali tagħha li hija adattata għat-termini limitati tal-proposta u mal-għażla tal-istrument leġislattiv, jikkonferma li l-proposta tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità u tirrispetta wkoll id-drittijiet fundamentali, u jsejjaħ ukoll biex tiġi adottata b’urġenza.

    3.2.

    Jaqbel ukoll mal-inklużjoni obbligatorja tax-xbiha tal-wiċċ tad-detentur u ta’ żewġ marki tas-swaba’ f’formats interoperattivi, kif ukoll bl-eżenzjonijiet previsti, u wkoll mar-rekwiżit ta’ separabbiltà tad-data bijometrika tad-data l-oħra kollha li tista’ tinsab f’dawn il-karti b’deċiżjoni tal-Istati Membri.

    3.3.

    Il-KESE ifakkar il-konklużjonijiet tar-REFIT u l-konsultazzjonijiet taċ-ċittadini, li minnhom jirriżulta b’mod ċar li hemm sitwazzjonijiet li jimpedixxu l-moviment liberu fiż-żona Ewropea, b’mod partikolari minħabba l-karti tal-identità li mhumiex rikonoxxuti mill-awtoritajiet bħala dokumenti validi għall-ivvjaġġar, perjodi ta’ validità differenti li jagħmluha diffiċli biex jiġu rikonoxxuti minn parti mill-Istati Membri u diffikultajiet fl-aċċess għal beni u servizzi miċ-ċittadini.

    3.4.

    Għaldaqstant, jikkunsidra li l-proposta ma tissodisfax dawn il-konklużjonijiet meta tħalli l-għażla f’idejn l-Istati Membri jekk jintroduċux karti tal-identità fit-territorji nazzjonali tagħhom, kif ukoll biex jiddefinixxu l-ambitu, l-informazzjoni minima u t-tip ta’ karti ta’ identità.

    3.5.

    Il-KESE jfakkar li l-karti tal-identità huma, normalment, maħruġa bħala prova ewlenija tal-identità tad-detentur, u jippermettu liċ-ċittadini l-aċċess għal servizzi finanzjarji – b’mod partikolari l-ftuħ ta’ kont – benefiċċji soċjali, servizzi tas-saħħa, edukazzjoni u l-eżerċitar ta’ drittijiet legali u politiċi.

    3.6.

    Fil-fatt, b’konformità mal-istudju tal-Parlament Ewropew, The legal and political framework for the creation of a European identity document [Il-qafas legali u politiku għall-ħolqien ta’ dokument ta’ identità Ewropew], il-KESE jixtieq kieku l-Kummissjoni kkunsidrat ukoll il-possibbiltà li tinħoloq karta tal-identità Ewropea li tagħti liċ-ċittadini Ewropej id-dritt tal-vot esklużivament permezz ta’ din il-karta anki jekk għal dan il-għan ikollha tintuża bażi legali oħra.

    3.7.

    Il-KESE jibża’ fil-fatt li l-ispejjeż ta’ konformità tal-karti l-ġodda ser jiġu ttrasferiti liċ-ċittadini b’valur indeterminat peress li dan jiddependi totalment mill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri. F’dan ir-rigward, il-KESE jidhirlu li jenħtieġ li l-ispejjeż tal-impatt ta’ din il-proposta jiġu evalwati qabel sabiex ikunu aġġustati u proporzjonati.

    3.8.

    Il-KESE ma jistax jonqos milli jirrimarka li, skont l-istudju tal-impatt tal-proposta inkwistjoni, ħafna Stati Membri li joħorġu karti tal-identità għadhom ma jippermettux il-ġbir ta’ data bijometrika (l-Italja, Franza, ir-Rumanija, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, Malta, is-Slovakkja u s-Slovenja), u għaldaqstant jeħtieġ li jiġi stabbilit u vvalutat l-impatt finanzjarju u teknoloġiku li dawn il-miżuri ser ikollhom għaċ-ċittadini u għall-amministrazzjonijiet pubbliċi rispettivi.

    3.9.

    Il-KESE jisħaq ukoll dwar il-ħtieġa li din il-proposta tiċċara l-leġittimità tal-karta ta’ identità bħala strument li jawtorizza lid-detentur biex iwettaq għadd ta’ atti fi kwalunkwe Stat Membru, b’mod partikolari l-moviment fiż-żona Schengen, u l-akkwist ta’ beni u servizzi, b’mod partikolari fir-rigward tas-servizzi finanzjarji.

    3.10.

    Min-naħa l-oħra, ma jistax ma jsemmix il-problemi li ġew identifikati fir-rigward tad-dokumenti ta’ residenza, b’mod partikolari l-firxa wiesgħa ta’ dokumenti, ir-rifjut ta’ dħul fl-Istati Membri, kif ukoll fl-aċċess għal beni u servizzi fundamentali, u għaldaqstant jibża’ li din il-proposta mhijiex biżżejjed biex issolvi dawn is-sitwazzjonijiet.

    3.11.

    Madankollu, jenfasizza l-ħtieġa li jitwettaq il-prinċipju tal-minimizzar tal-ipproċessar tad-data, billi jiġi żgurat li l-għanijiet tal-ġbir tad-data bijometrika jkunu ċari, trasparenti u bi skopijiet leċiti, delimitati u trasparenti.

    3.12.

    Il-KESE jidhirlu li l-Kummissjoni Ewropea ma tiġġustifikax bis-sħiħ l-għażla leġislattiva tagħha u ma tagħtix ir-raġunijiet li żammewha milli tressaq proposta bbażata fuq armonizzazzjoni leġislattiva aktar estensiva, biex b’hekk tinħoloq sistema tabilħaqq unika ta’ dokumenti ta’ identifikazzjoni, b’vantaġġi li ma jistgħux jiġu miċħuda fil-livell ta’ sigurtà, ta’ sempliċità u ta’ rapidità tal-kontrolli u ta’ uniformità tal-proċeduri b’benefiċċji inkontestabbli għaċ-ċittadini, u lanqas ma tressqet, tal-inqas, bħala mira mixtieqa fuq medda ta’ żmien medju. Fil-fatt, din l-opzjoni, li tissemma espressament fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD (2018) 111 final (3)), ġiet ippreferuta mill-biċċa l-kbira taċ-ċittadini tal-UE kkonsultati li jappoġġjaw armonizzazzjoni usa’ tad-dokumenti tal-identità nazzjonali (ID 2) u li huma favur dokumenti ta’ residenza li jkunu uniformi globalment (RES 3).

    3.13.

    Fil-verità, mhijiex ċara r-raġuni għaliex, bħal ma jseħħ fil-każ ta’ dokumenti ta’ residenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni, ma ġewx stabbiliti l-elementi obbligatorji previsti fl-appendiċi għall-Valutazzjoni tal-Impatt tal-proposta li qiegħda tiġi evalwata, b’mod partikolari, it-titolu tad-dokument, l-isem, is-sess, in-nazzjonalità, id-data tat-twelid, il-post tat-twelid u l-post tal-ħruġ, il-firma u d-data ta’ skadenza tad-dokument.

    3.14.

    Il-KESE jisħaq dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ il-politika ta’ kontroll tas-sitwazzjonijiet ta’ frodi, b’attenzjoni speċjali għat-trasport, jiġifieri dak bl-ajru, fuq l-art u bil-baħar, u li s-servizzi tal-fruntieri jkunu mgħammra b’riżorsi umani, loġistiċi u tekniċi sabiex ikunu jistgħu jiggarantixxu mhux biss ir-rikonoxximent tad-dokumenti tal-Istati Membri kollha, iżda wkoll it-tisħiħ tal-ispezzjoni tagħhom.

    3.15.

    F’dan ir-rigward huwa fundamentali li l-implimentazzjoni ta’ din il-proposta tkun segwita u mmonitorjata mill-Kummissjoni Ewropea, sabiex jiġi ggarantit ir-rikonoxximent ċar tad-dokumenti, li huma s-suġġett tal-proposta li qiegħda tiġi evalwata, bħala dokumenti tal-ivvjaġġar u ta’ aċċess għal servizzi pubbliċi u privati.

    3.16.

    Il-KESE jemmen ukoll li elementi addizzjonali oħrajn li l-Istati Membri jassoċjaw mal-imsemmija karti setgħu, f’każ ta’ bżonn, jiġu pproċessati ukoll u, fejn meħtieġ, isiru uniformi, kemm mil-lat tal-inklużjoni tagħhom kif ukoll fir-rigward tal-użu tagħhom mill-partijiet ikkonċernati u minn partijiet terzi.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1.

    ARTIKOLU 1 – Fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-proposta li qiegħda tiġi analizzata, il-KESE jemmen li għandu jirreferi għar-rekwiżiti minimi ta’ informazzjoni.

    Il-KESE jisħaq dwar il-ħtieġa li jiġi stabbilit b’mod ċar li r-regolament li qiegħed jiġi eżaminat josserva l-prinċipju tal-legalità kif ukoll il-prinċipji tal-awtentiċità, il-veraċità, univoċità u s-sigurtà tad-data identifikanti taċ-ċittadini.

    4.2.

    ARTIKOLU 2 – Minbarra l-kamp ta’ applikazzjoni u mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2004/38/KE, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-proposta tiddefinixxi “karti tal-identità maħruġa mill-Istati Membri liċ-ċittadini tagħhom stess”, b’mod li jiġi żgurat li dan ikun dokument armonizzat fl-Istati Membri kollha.

    4.3.

    ARTIKOLU 3(2) – Il-KESE joġġezzjona għar-rekwiżit ta’ inklużjoni ta’ “waħda mil-lingwi uffiċjali l-oħra”, peress li dan mhuwiex adegwat u adatt biex jiffaċilita r-rikonoxximent transkonfinali tad-dokumenti.

    4.4.

    ARTIKOLU 3(10) – Il-KESE jemmen li l-perjodi ta’ validità ta’ dawn id-dokumenti għandhom jiġu ffissati b’mod uniformi fir-regolament, skont livelli ta’ età uniformi.

    4.5.

    ARTIKOLU 5 – Il-perjodu għall-eliminazzjoni gradwali tal-karti għandu jkun ta’ tliet snin minflok ħamsa.

    4.6.

    ARTIKOLU 6

    4.6.1.

    Id-dokumenti ta’ residenza għandhom jinkludu wkoll dawn l-elementi:

    isem il-ġenituri

    in-nazzjonalità

    il-post tat-twelid

    is-sess

    it-tul

    lewn l-għajnejn

    il-firma

    4.6.2.

    Fir-rigward tal-isem u l-kunjom tad-detentur, sabiex tiġi żgurata l-identifikazzjoni taċ-ċittadini, l-isem ippreżentat għandu jkun sħiħ, skont dak li jingħad fiċ-ċertifikat tat-twelid, waqt li tiġi rrispettata l-ortografija uffiċjali.

    4.7.

    ARTIKOLU 8(2) – Il-perjodu għall-eliminazzjoni gradwali tal-karti għandu jkun ta’ tliet snin minflok ħamsa.

    4.8.

    ARTIKOLU 10 – Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679, il-KESE jemmen li din il-proposta għandha tinkludi regoli speċifiċi dwar l-għan tal-bażi tad-data, il-mod ta’ ġbir u ta’ aġġornament, il-komunikazzjoni, l-ikkonsultar u l-aċċess għad-data, kif ukoll iż-żamma tad-data personali.

    4.9.

    ARTIKOLU 12(1) – L-iskadenza għall-preżentazzjoni tar-rapport ta’ implimentazzjoni għandha tkun ta’ tliet snin minflok erba’, kif imsemmi fil-premessa 21.

    4.10.

    ARTIKOLU 12(2) – L-iskadenza għall-preżentazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni għandha tkun ħames snin u mhux sitt snin.

    4.11.

    Il-KESE huwa tal-parir li r-regolament għandu jiffissa l-iskadenza meta l-karta tal-identità tintalab wara t-twelid (pereżempju 30 jum).

    4.12.

    Ir-Regolament għandu jistipula wkoll li kwalunkwe verifika tal-identità tal-karti tal-identità validi minn kwalunkwe entità pubblika jew privata għandhom jillimitaw iż-żamma jew il-preservazzjoni meta l-karta tiġi ppreżentata għall-minimu neċessarju biex tinżamm is-sigurtà u d-difiża tal-Istati Membri. Għandu wkoll jiġi pprojbit li jiġu riprodotti karti billi jsiru fotokopji jew kwalunkwe mezz ieħor, mingħajr il-kunsens espliċitu tad-detentur, ħlief b’deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja, għal raġunijiet ovvji ta’ sigurtà, ta’ prevenzjoni ta’ frodi jew użu ħażin u għal raġunijiet ta’ protezzjoni tad-data u tal-ħarsien tal-privatezza.

    4.13.

    Barra minn hekk, għandu jipprevedi espressament it-tħassir immedjat tad-data f’każ ta’ telf, serq jew sostituzzjoni tal-karti, sabiex jiġi evitat l-użu frodulenti ta’ dokumenti uffiċjali.

    Brussell, il-11 ta’ Lulju 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  COM(2018) 211 final, 17.4.2018

    (2)  Ta’ min jinnota b’mod partikolari l-istrumenti l-ġodda għall-ġbir ta’ provi elettroniċi fi proċeduri kriminali; l-iffaċilitar tal-użu ta’ informazzjoni finanzjarja għall-iskop ta’ prevenzjoni, skoperta, investigazzjoni jew prosekuzzjoni ta’ reati kriminali serji; it-tisħiħ tar-regoli kontra l-prekursuri ta’ splussivi utilizzati għall-manifattura ta’ splussivi artiġjanali; it-titjib tal-kontrolli fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ armi tan-nar sabiex jitwaqqaf it-traffiku ta’ armi tan-nar illegali; il-ġlieda kontra kontenut terroristiku fuq l-Internet, l-interoperabbiltà tas-sistemi ta’ informazzjoni u t-titjib tal-iskambju ta’ informazzjoni; il-protezzjoni kontra r-riskji kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari u l-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi; il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità u t-tisħiħ taċ-ċibersigurtà.

    (3)  Sommarju Eżekuttiv li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tisħiħ tas-sigurtà tal-karti tal-identità taċ-ċittadini tal-Unjoni u tad-dokumenti ta’ residenza maħruġa liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu.


    Top