Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE1993

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 fir-rigward ta’ ċerti imposti fuq ħlas transkonfinali fl-Unjoni u l-imposti fuq il-kambju tal-munita [COM(2018) 163 final — 2018/0076 (COD)]

    EESC 2018/01993

    ĠU C 367, 10.10.2018, p. 28–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.10.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 367/28


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 fir-rigward ta’ ċerti imposti fuq ħlas transkonfinali fl-Unjoni u l-imposti fuq il-kambju tal-munita

    [COM(2018) 163 final — 2018/0076 (COD)]

    (2018/C 367/05)

    Relatur:

    Daniel MAREELS

    Konsultazzjoni

    Parlament Ewropew, 19.4.2018

    Kunsill Ewropew, 3.5.2017

    Bażi legali

    Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

    Adottata fis-sezzjoni

    7.6.2018

    Adottata fil-plenarja

    11.7.2018

    Sessjoni plenarja Nru

    536

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    116/0/0

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet Il-Kumitat jilqa’ l-proposta eżaminata, li se tgħin biex jonqsu l-ispejjeż għall-pagamenti trankonfinali f’euro fl-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro u żżid it-trasparenza tal-ispejjeż tal-kambju. Il-KESE jitlob li din il-proposta tiġi implimentata kemm jista’ jkun malajr.

    1.2.

    L-effetti diretti ta’ din il-proposta se jinħassu għall-ewwel fl-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro. L-ispejjeż għoljin imposti għall-ħlas transkonfinali f’euro fi ħdan l-UE se jispiċċaw peress li se jkollhom jiġu allinjati mal-ispejjeż aktar baxxi li jiġu applikati għat-tranżazzjonijiet nazzjonali f’munita nazzjonali. Il-Kumitat jilqa’ dan it-tnaqqis fl-ispejjeż, li minnu se jgawdu b’mod partikolari l-konsumaturi u l-impriżi, speċjalment l-SMEs.

    1.3.

    Min-naħa tiegħu, dan it-tnaqqis tal-ispejjeż żgur se jwassal għal żieda fil-movimenti transkonfinali u fil-kummerċ ħieles fl-UE kollha, li minnu se jgawdu l-Istati Membri kollha tal-Unjoni. Il-Kumitat jemmen li dan l-approfondiment tas-suq uniku u l-impatt ekonomiku pożittiv li se jġib miegħu huma importanti ħafna.

    1.4.

    Il-KESE jilqa’ l-fatt li din il-miżura se tikkontribwixxi wkoll sabiex jintlaħaq l-objettiv inizjali tas-SEPA, jiġifieri li l-pagamenti kollha fl-euro fl-UE jiġu kkunsidrati bħala pagamenti nazzjonali. Fl-istess ħin, hija se tippermetti li jinħoloq is-suq uniku tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur billi telimina d-distakk li hemm f’dan is-suq bejn l-utenti fiż-żona tal-euro u dawk li qegħdin barra minnha. Għaldaqstant l-ispejjeż aktar baxxi li għandhom l-utenti fiż-żona tal-euro issa se jkunu aċċessibbli wkoll għall-utenti li mhumiex f’din iż-żona.

    1.5.

    Fil-kuntest tal-appelli ripetuti tiegħu għas-salvagwardja tal-bijodiversità tax-xenarju bankarju, li hija garanzija tal-istabilità u tal-effiċjenza tas-sistema, u biex jitqiesu l-iżviluppi u l-isfidi futuri, il-KESE jitlob li tingħata aktar attenzjoni lill-kwistjoni tal-ispejjeż li se jkollhom jiffaċċjaw il-banek ikkonċernati minħabba din il-proposta.

    1.6.

    Il-parteċipanti fis-suq se jkunu meħtieġa jiżvelaw l-ispiża totali ta’ skambju tar-rati tal-kambju barra l-pajjiż u jinfurmaw dwar dan lill-persuni kkonċernati qabel ma jagħmlu t-tranżazzjonijiet tagħhom. Fil-fehma tal-Kumitat, dawn l-obbligi ġodda ta’ trasparenza addizzjonali huma f’waqthom, peress li għandhom jippermettu lill-konsumaturi jagħmlu għażla għaqlija bi prezz ġust f’dawn it-tranżazzjonijiet. Madankollu, anki f’dan il-każ, għandha titqies il-kumplessità teknika ħafna tal-kwistjoni u tal-ispejjeż relatati għall-fornituri.

    1.7.

    Fl-aħħar nett, il-KESE jixtieq jenfasizza wkoll li, minkejja li s-suġġett huwa tekniku ħafna, din hija bla dubju opportunità kbira għal komunikazzjoni effettiva u ċara maċ-ċittadini kollha tal-Unjoni. Il-bidliet f’dan il-qasam jistgħu jintużaw biex jispjegaw kif l-UE twassal għal bidliet pożittivi għal kulħadd u ssib soluzzjonijiet għall-problemi ta’ kuljum.

    2.   Kuntest

    2.1.

    Sa mill-bidu tas-snin 2000, saru sforzi biex jiġi armonizzat il-mod li bih isiru l-pagamenti mingħajr flus kontanti fl-Ewropa. Malli ġiet introdotta l-euro, tnediet żona unika ta’ pagamenti bl-euro (SEPA, Single Euro Payments Area) (1). F’dan il-kuntest, kien hemm bidla gradwali minn sistema nazzjonali ta’ pagament għal sistema Ewropea. Dan il-proċess intemm fl-2014.

    2.2.

    Dan jippermetti lill-gvernijiet, lill-impriżi u lin-negozjanti jagħmlu faċilment pagamenti fiż-żona kollha tal-euro u tal-Unjoni Ewropea (2) billi jużaw l-istess mezzi ta’ ħlas: kards, trasferimenti u debiti diretti. Ma għadx hemm distinzjoni skont il-pajjiż ta’ residenza: il-pagamenti kollha huma “pagamenti interni” fl-Ewropa.

    2.3.

    Barra minn hekk, tnedew bosta inizjattivi oħra, mhux biss biex l-ispejjeż tal-pagamenti jsiru aktar trasparenti, iżda wkoll biex jitnaqqsu. Abbażi ta’ dan, l-ispejjeż applikabbli għall-ħlas transkonfinali f’euro ġewwa l-Unjoni ġew allinjati, b’mod partikolari, ma’ dawk tal-pagamenti domestiċi f’din l-istess munita. Dan it-tibdil inkiseb bir-Regolament (KE) Nru 2560/2001, sostitwit aktar tard bir-Regolament (KE) Nru 924/2009.

    2.4.

    Fil-prattika, dan l-iżvilupp kien effettiv biss fl-Istati Membri taż-żona tal-euro (3). Affettwa wkoll lill-Iżvezja, li għamlet użu minn opzjoni maħsuba (4) għall-Istati Membri l-oħrajn biex jestendu din is-sistema għall-munita nazzjonali tagħhom.

    2.5.

    Fil-qafas tal-“Pjan ta’ Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur: Prodotti Aħjar u aktar għażla għall-konsumaturi Ewropej” ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tipproponi miżuri sabiex tnaqqas il-miżati għat-tranżazzjonijiet transkonfinali fl-Istati Membri kollha u li tivvaluta l-prassi tal-konverżjoni dinamika (5).

    2.6.

    Il-proposta (6) li temenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 li qed tiġi analizzata hija maħsuba biex testendi l-benefiċċju tal-iskema msemmija hawn fuq għat-tranżazzjonijiet f’euro fl-UE lill-individwi u lill-impriżi tal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro. L-ispejjeż applikabbli għall-ħlas transkonfinali fl-UE jistgħu jitnaqqsu billi jiġu allinjati mal-pagamenti applikabbli għat-tranżazzjonijiet domestiċi fil-munita nazzjonali tal-Istat Membru.

    2.7.

    Fl-istess waqt (7), qed jiġu imposti obbligi ta’ trasparenza addizzjonali fuq il-prassi tal-konverżjoni tal-muniti. Dawn jipprovdu li fil-futur il-kostijiet ta’ tranżazzjoni transkonfinali jsiru pubbliċi.

    2.8.

    Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li għadd ta’ obbligi ta’ trasparenza addizzjonali huma imposti wkoll fuq il-parteċipanti fis-suq f’każ ta’ tranżazzjoni ta’ kambju. L-ispiża totali ta’ tranżazzjoni transkonfinali se tkun għalhekk magħrufa mill-persuni kkonċernati qabel ma jagħmlu t-tranżazzjonijiet tagħhom.

    3.   Kummenti u osservazzjonijiet

    3.1.

    Il-KESE jilqa’ l-proposti sabiex il-vantaġġi tas-SEPA jiġu estiżi għaċ-ċittadini u għall-impriżi tal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro. Dan se jnaqqas b’mod ġenerali l-ispejjeż tal-pagamenti transkonfinali f’euro fl-UE, b’mod partikolari f’dawn l-Istati Membri. Barra minn hekk, u fl-istess waqt, l-obbligi ta’ trasparenza rigward l-ispejjeż tal-kambju se jiżdiedu.

    3.2.

    B’hekk dawn il-proposti jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ suq uniku tas-servizzi finanzjarji għall-konsumatur, billi jeliminaw id-diviżjoni attwali fis-suq tal-pagamenti transkonfinali f’euro fl-UE. L-utenti taż-żona tal-euro jistgħu jieħdu benefiċċju sħiħ mill-vantaġġi tas-SEPA għal dan it-tip ta’ pagament, meta fil-preżent dan mhuwiex il-każ għall-utenti tal-Istati Membri li l-munita tagħhom mhix l-euro.

    3.3.

    Il-parti l-kbira tal-utenti taż-żona tal-euro jistgħu jagħmlu l-pagamenti inkwistjoni bi spiża baxxa ħafna, kważi negliġibbli. Iżda dan mhuwiex il-każ tal-utenti barra miż-żona tal-euro. Ġeneralment, dawn ikunu jridu jħallsu spejjeż għoljin għal dawn it-tranżazzjonijiet. Huwa ġust u importanti ħafna li din is-sitwazzjoni tintemm. Il-fornituri tas-servizzi ta’ pagament ta’ dawn l-Istati Membri se jkollhom jallinjaw l-ispejjeż tagħhom għat-tranżazzjonijiet transkonfinali f’euro ma’ dawk tat-tranżazzjonijiet nazzjonali f’munita nazzjonali, li ġeneralment huma aktar baxxi.

    3.4.

    Dan it-tnaqqis fl-ispejjeż għandu jkollu impatt pożittiv fuq il-kummerċ ħieles u l-kummerċ transkonfinali fl-UE u fl-Istati Membri kollha. Dan se jagħti lill-konsumaturi barra miż-żona tal-euro aċċess aktar faċli għas-swieq tagħha u biex jibbenefikaw minnhom. L-impriżi, b’mod partikolari l-SMEs, se jibbenefikaw mill-istess aċċess aktar faċli biex ikunu jistgħu jtejbu l-pożizzjoni tagħhom fis-swieq u l-kompetittività tagħhom, li għandu jkun ta’ vantaġġ għalihom.

    3.5.

    Il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni li l-iskema proposta tiffoka fuq it-tranżazzjonijiet tal-euro. Fil-fatt, fl-Opinjoni tiegħu dwar il-“Pjan ta’ Azzjoni għas-Servizzi Finanzjarji għall-Konsumatur”, il-Kumitat laqa’ l-fatt “li f’dan l-istadju l-Kummissjoni Ewropea qiegħda toqgħod lura minn miżuri regolatorji” (8). Fl-istess waqt, huwa pass kbir ’il quddiem għall-Istati Membri kkonċernati, li huma stess ilu jkollhom l-okkażjoni biex jieħdu din l-inizjattiva, iżda qatt m’għamlu dan (9).

    3.6.

    Mingħajr preġudizzju għal għadd ta’ raġunijiet oħrajn (10), din l-għażla hija wkoll f’nofs triq bejn it-talbiet l-aktar insistenti kemm tal-fornituri tas-servizzi tal-pagamenti (11) kif ukoll tal-utenti tagħhom (12). Barra minn hekk, is-soluzzjoni proposta hija aktar konformi mal-idea ta’ soluzzjoni “imfassla apposta”. Hija tagħmilha possibbli li jitqiesu s-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-Istati Membri kkonċernati, l-aktar fil-livell tas-sistemi ta’ pagament u tal-fornituri tas-servizzi.

    3.7.

    Għadd ta’ obbligi ta’ trasparenza addizzjonali huma imposti wkoll fuq il-parteċipanti fis-suq sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażla tajba meta jiskambjaw muniti barra mill-pajjiż, li bħalissa jidher li huwa diffiċli peress li mhux dejjem ikollhom informazzjoni tajba fil-ħin. Għaldaqstant, l-ispiża totali ta’ tranżazzjoni transkonfinali se tkun ippubblikata u magħrufa mill-persuni kkonċernati qabel ma jagħmlu t-tranżazzjonijiet tagħhom.

    3.8.

    Fil-fehma tal-Kumitat, dan l-obbligu ta’ trasparenza għall-utenti u l-konsumaturi huwa importanti ħafna, bħalma hija s-sigurtà tat-tranżazzjonijiet. Huwa jagħti l-istess importanza lill-iffissar ta’ limitu għall-ispejjeż ta’ dawn is-servizzi, sakemm jiġu implimentati l-miżuri definittivi ta’ implimentazzjoni (13). Għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament, din hija kwistjoni kumplessa ħafna u diffiċli. Din hija r-raġuni għalfejn għandha tingħata attenzjoni għall-ispejjeż assoċjati magħha.

    3.9.

    L-ispejjeż u t-telf ta’ dħul finanzjarjuli se jinvolvu dawn il-proposti għall-fornituri tas-servizzi ta’ pagamenti mhumiex ftit (14). Anki jekk is-sitwazzjoni attwali tista’ ma tkunx kompletament sodisfaċenti u t-telf jista’, sa ċertu punt, jittaffa maż-żmien, jidher li dan l-aspett tal-ispiża għandu jingħata attenzjoni xierqa.

    3.10.

    Kif irrimarka l-Kumitat dan l-aħħar (15) fl-appell tiegħu favur il-bijodiversità tal-pajsaġġ bankarju, għandha tingħata attenzjoni għall-kwistjoni tal-ispejjeż sabiex tiġi żgurata l-istabilità u l-effiċjenza tas-sistema (16). Għandna nżommu f’moħħna wkoll li l-banek bħalissa qed jiffaċċjaw għadd ta’ sfidi sinifikanti, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-qafas regolatorju u superviżorju, għadd ta’ prospetti ta’ żviluppi (17), il-persistenza tar-rati tal-imgħax baxxi u għadd ta’ kwistjonijiet oħrajn (18).

    3.11.

    Fl-aħħar nett, il-KESE jixtieq jenfasizza wkoll li, minkejja li s-suġġett huwa tekniku ħafna, din hija bla dubju opportunità kbira għal komunikazzjoni effettiva u ċara maċ-ċittadini kollha tal-Unjoni. Fil-fatt, il-bidliet f’dan il-qasam jistgħu jintużaw biex jispjegaw kif l-UE twassal għal bidliet pożittivi fil-ħajja tal-intraprendituri, iċ-ċittadini u l-konsumaturi u ssib soluzzjonijiet għall-problemi ta’ kuljum, bħal dawk li wieħed jiltaqa’ magħhom waqt vjaġġ.

    Brussell, il-11 ta’ Lulju 2018.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Luca JAHIER


    (1)  Għal tagħrif dwar is-SEPA, ara s-sit web tal-Kunsill Ewropew tal-pagamenti: https://www.europeanpaymentscouncil.eu/.

    (2)  Mill-aspett ġeografiku, is-sistema SEPA tkopri 34 pajjiż u territorju: it-28 Stat Membru, l-Iżlanda, in-Norveġja, il-Liechtenstein, l-Iżvizzera, Monaco u San Marino. Ara s-sit web imsemmi fin-nota 1.

    (3)  U għalhekk, għall-pagamenti f’euro.

    (4)  Opzjoni prevista għall-Istati Membri kollha fir-Regolament (KE) Nru 2560/2001 u s-suċċessur tiegħu, ir-Regolament (KE) Nru 924/2009 dwar il-ħlas transkonfinali.

    (5)  Ara COM(2017) 139 final, http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52017DC0139. Ara, b’mod partikolari, l-azzjonijiet 1 u 2 proposti.

    (6)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 fir-rigward ta’ ċerti imposti fuq ħlas transkonfinali fl-Unjoni u l-imposti fuq il-kambju tal-munita Ara https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1524213305690&uri=CELEX:52018PC0163.

    (7)  Fl-istess proposta ta’ Regolament.

    (8)  Ara ĠU C 434, 15.12.2017, p. 51, punt 1.1.

    (9)  Ara l-opzjoni msemmija fil-punt 2.4.

    (10)  Numru minnhom huma miġbura fil-qosor fil-“Mistoqsijiet frekwenti: Il-ħlas transkonfiali”, ippubblikati flimkien mal-istqarrija għall-istampa dwar il-proposti eżaminati. Ara http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-18-2424_en.htm (mhux disponibbli bil-Malti)

    (11)  Dawn qabel kienu jħeġġu l-istatus quo.

    (12)  Dawn kienu pjuttost favur li saħansitra numru akbar ta’ tranżazzjonijiet jiġu rregolati.

    (13)  Minħabba n-natura teknika ta’ din il-kwistjoni u l-bidliet rapidi fl-ambjent, hija prevista skadenza li ma tistax taqbeż is-36 xahar wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament.

    (14)  Fil-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta, jissemma l-ammont ta’ EUR 900 miljun fis-sena għat-tranżazzjonijiet transkonfinali f’euro.

    (15)  Ara ĠU C 434, 15.12.2017, p. 51, l-Opinjoni INT 822, punt 3.6.

    (16)  Ara ĠU C 251, 31.7.2015, p. 7, punt 1.1. u ĠU C 451, 16.12.2014, p. 45, punt 1.11.

    (17)  Pereżempju, f’dak li jirrigwarda t-teknoloġija finanzjarja u l-katini ta’ blokok ta’ tranżazzjonijiet, kif ukoll il-finanzjament tal-ekonomija sostenibbli. B’rabta mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni rigward Il-Finanzjament tat-Tkabbir Sostenibbli, ara COM (2018) 97 final https://ec.europa.eu/info/publications/180308-action-plan-sustainable-growth_en (COM(2018) 97 final).

    (18)  B’mod partikolari l-istrateġija tal-UE dwar is-self improduttiv (https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/banking-and-finance/financial-supervision-and-risk-management/managing-risks-banks-and-financial-institutions/non-performing-loans-npls_en).


    Top