Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017XC0413(03)

    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    ĠU C 120, 13.4.2017, p. 29–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    13.4.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 120/29


    Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a), tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

    (2017/C 120/17)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (1).

    TALBA GĦAL EMENDA

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikolu u l-oġġetti tal-ikel  (2)

    TALBA GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

    “TERNERA DE EXTREMADURA”

    Nru tal-UE: ES-PGI-0105-01129 — 8.7.2013

    IĠP ( X ) DOP ( )

    1.   Intestatura fl-Ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda/i

    Denominazzjoni tal-prodott

    Deskrizzjoni

    Żona ġeografika

    Prova tal-oriġini

    Metodu ta’ produzzjoni

    Rabta

    It-tikkettar

    Rekwiżiti nazzjonali

    Oħrajn [organu ta’ spezzjoni]

    2.   Tip ta’ emenda/i

    Emenda tad-dokument uniku jew tas-sommarju

    Emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP jew IĠP irreġistrata li għaliha ma jkun ġie ppubblikat l-ebda Dokument Uniku jew Sommarju

    Emenda tal-Ispeċifikazzjoni li ma teħtieġ l-ebda emenda tad-Dokument Uniku ppubblikat (l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    Emenda temporanja tal-ispeċifikazzjoni li tirriżulta mill-impożizzjoni ta’ miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi (l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    3.   Emenda (emendi):

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Biex tiġi ċċarata t-terminoloġija u tiġi evitata l-konfużjoni fid-dokument kollu, titħassar is-sentenza li ġejja: “Ir-razez li jirriżultaw mit-taħlit tat-tieni ġenerazzjoni ma jistgħux jintużaw għat-tnissil kopert minn din l-IĠP” u tinbidel b’dan li ġej: “In-nisa li jirriżultaw mit-taħlit permezz tal-assorbiment ma jistgħux jintużaw għat-tnissil kopert minn din l-IĠP”.

    Il-paragrafi li jiddeskrivu l-kundizzjonijiet tat-trobbija u tal-alimentazzjoni tal-annimali ripetuti fil-punt E “Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott” jitħassru.

    L-espressjoni “supplimenti tal-ikel awtorizzati minn qabel” titħassar u ssir “supplimenti tal-ikel awtorizzati”. Iktar ‘il quddiem fil-punt E “Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott” jiġi speċifikat it-tip ta’ supplimenti tal-ikel permessi.

    Minħabba s-sistema li biha jaħdmu l-operaturi, il-perjodu li matulu jkun jista’ jitkejjel il-valur tal-pH ġie estiż minn 24 għal 48 siegħa. Dan minħabba li l-annimali jinqatlu f’ħinijiet differenti u jitqiegħdu fl-impjant tat-tqattigħ fl-istess ħin. Żoni oħra għall-kejl tal-pH biex jiġi kkontrollat dan il-parametru fil-karkassi ddestinati għall-qtugħ ġew inklużi wkoll.

    Elementi li juru li l-prodott joriġina miż-żona

    D.2 Kontrolli ta’ Ċertifikazzjoni

    Jitħassar il-paragrafu li jiddeskrivi r-razez permessi għall-forniment tal-laħam IĠP “Ternera de Extremadura”, li huwa ripetut u deskritt fil-Punt B “Deskrizzjoni tal-prodott”.

    Taħt is-sistema l-ġdida ta’ ċertifikazzjoni, skont l-Istandard UNE-EN-40511, xi paragrafi ġew emendati biex jiddeskrivu l-kontroll mill-operaturi skont l-Ispeċifikazzjoni u l-kontroll tal-konformità mal-Ispeċifikazzjoni mill-Korp taċ-Ċertifikazzjoni tal-Kontroll tal-Kunsill Regolatorju

    It-taħlit ta’ annimali minn azjendi reġistrati maħsuba għall-IĠP u annimali oħra huwa permess biex jiġi ffaċilitat it-trasport minn azjendi żgħar, kemm-il darba jkunu jagħmlu parti mill-istess lott ta’ trasport u tibqa’ salvagwardata l-identifikazzjoni tagħhom. Dan huwa dovut għall-fatt li l-istess vettura tintuża għat-trasport lejn il-biċċerija minn azjendi li jappartjenu għal kooperattivi jew gruppi ta’ produtturi differenti. Barra minn hekk, f’xi wħud minn dawn, l-annimali huma mħallta u ma jitqiesx meħtieġ li jiġu separati waqt it-tagħbija u t-trasport għall-biċċerija.

    Deskrizzjoni tal-metodu kif jinkiseb il-prodott

    Il-kliem tal-paragrafu dwar l-alimentazzjoni tal-baqar li jkunu welldu huwa emendat bl-għan li jiġi ċċarat il-kontenut tiegħu.

    Għal din ir-raġuni, il-paragrafi li ġejjin tħassru u nkitbu mill-ġdid:

    il-kliem “u legumi u fibri kkonċentrati awtorizzati” jitħassar u jinbidel bil-kliem “uċuħ tar-raba’ li fihom il-proteini u materja prima oħra, kemm-il darba jkunu ta’ oriġini veġetali, u l-minerali u l-vitamini meħtieġa”,

    il-paragrafu li ġej jitħassar: “Il-Kunsill Regolatorju għandu jippubblika lista ta’ materji primi permessi fl-għalf ta’ dawn l-annimali”.

    It-tbiċċir tal-annimali li jseħħ fl-istess ħin tat-tindif tal-karkassi huwa permess, kemm għal dawk koperti mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta kif ukoll għal dawk li mhumiex, kemm-il darba s-separazzjoni u l-identifikazzjoni tagħhom jibqgħu salvagwardati. Din l-emenda qed issir skont prattiki tal-biċċeriji, mingħajr ma taffettwa l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà tal-prodott.

    F’din it-taqsima, hemm emendi fil-paragrafi li jiddeskrivu l-kontroll mill-Bord Regolatorju, li ma kinux konformi mal-kundizzjonijiet tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni attwali. Il-verżjoni l-ġdida tiddeskrivi l-kontroll attwali mill-operaturi skont l-Ispeċifikazzjoni u l-verifika tal-konformità ma’ dik l-Ispeċifikazzjoni mill-Korp ta’ Kontroll u Ċertifikazzjoni tal-Kunsill Regolatorju, skont is-sistema ta’ ċertifikazzjoni l-ġdida meħtieġa mill-Istandard UNE-EN-45011.

    Struttura ta’ kontroll

    Id-dettalji tal-Kunsill Regolatorju ġew aġġornati bit-twaqqif tal-Korp ta’ Kontroll u Ċertifikazzjoni indipendenti, korp akkreditat għall-applikazzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni ta’ prodotti tal-ikel minn E.N.A.C skont il-kriterji li jinsabu fl-istandard UNE-EN 45.011 (Akkreditament 109/C-PR188).

    Il-kriterji ġew sussegwentement adattati għall-istandard UNE-EN ISO/IEC 17065: 2012.

    It-tikkettar

    Sabiex il-konsumaturi jingħataw informazzjoni aktar preċiża dwar il-prodott finali fir-rigward tal-ewwel jew it-tieni ġenerazzjoni ta’ tnissil inkroċjat (li huwa diffiċli li jiġi vverifikat u ma jkunx rifless fl-identifikazzjoni finali tal-prodott), it-tikketta tindika jekk il-laħam ikunx ġej minn tnissil inkroċjat f’ġenerazzjoni, tkun liema tkun.

    Ir-referenzi kollha għat-traċċabilità jitħassru minn din it-taqsima peress li mhumiex parti mill-ittikkettar.

    Fil-paragrafu: “It-tbiċċir tal-annimali li jseħħ fl-istess ħin tat-tindif tal-karkassi…”, il-kelma “mhux” titħassar u tidħol il-frażi li ġejja: “kemm-il darba s-separazzjoni u l-identifikazzjoni tagħhom jibqgħu salvagwardati”.

    Ir-referenza għall-użu ta’ marka kummerċjali titħassar.

    Legiżlazzjoni

    Din it-taqsima titħassar għaliex saret obsoleta wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (3).

    Emendi formali:

    Il-kelma “preżenti” titħassar fil-paragrafi fejn ġiet inkluża b’referenza għall-Ispeċifikazzjoni, jiġifieri:

    it-tieni paragrafu ta’ Evidenza li l-prodott joriġina miż-żona ġeografika,

    it-tielet paragrafu ta’ Deskrizzjoni tal-Metodu ta’ Produzzjoni tal-Prodott, u

    it-tieni paragrafu ta’ Tikkettar.

    Il-kaxxa “Rabta bejn il-kwalità u l-ambjent ġeografiku” fuq l-applikazzjoni ma ġietx immarkata billi l-emendi huma purament formali, (jiġifieri rilokazzjonijiet u tħassir minħabba r-ripetizzjoni).

    L-ewwel, ir-raba’ u l-ħames paragrafi tal-punt 3, “Sistema ta’ produzzjoni u pproċessar” jitħassru minħabba li huma ripetuti fil-punt B “Deskrizzjoni tal-prodott”.

    It-tieni u t-tielet paragrafi tal-punt 3, “Sistema ta’ produzzjoni u pproċessar” jitħassru minħabba li huma ripetuti fil-punt E “Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott”.

    DOKUMENT UNIKU

    Ir-Regolament (KE) Nru 510/2006 tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini tal-prodotti agrikolu u l-oġġetti tal-ikel  (4)

    “TERNERA DE EXTREMADURA”

    Nru tal-UE: ES-PGI-0105-01129 — 8.7.2013

    IĠP ( X ) DOP ( )

    1.   Isem

    “Ternera de Extremadura”

    2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

    Spanja

    3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

    3.1.   Tip ta’ prodott

    Klassi 1.1. Laħam frisk (u l-ġewwieni)

    3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

    “Ternera de Extremadura” tfisser karkassi esklużivament minn bhejjem tar-razez indiġeni “Retinta”, “Avileña Negra-Ibérica”, “Morucha”, “Blanca Cacereña”, “Berrendas” u t-tnissil inkroċjat ta’ bejnithom jew mar-razez “Charolais” u “Limousine”, li adattaw perfettament għall-ambjent, kif ukoll tnissil inkroċjat ma’ razez indiġeni msemmija hawn fuq meta mrobbija taħt sistema estensiva ta’ produzzjoni.

    Il-karatteristiċi tal-laħam koperti mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Ternera de Extremadura” huma kif ġej:

    (I)

    Vitella: laħam minn annimali maħsuba għall-qatla f’età ta’ bejn 7 u 12-il xahar nieqes ġurnata. Aħmar qawwi f’kuluru, bix-xaħam ta’ lewn abjad, konsistenza soda, kemxejn niedja u ta’ tessut fin,

    (II)

    Ċanga tal-għoġol: laħam minn annimali maħsuba għall-qatla f’età ta’ bejn 12 u 16-il xahar nieqes ġurnata. Bejn aħmar ċar u vjola, b’xaħam ta’ lewn abjad, konsistenza soda meta jintmess, kemxejn niedja u ta’ tessut fin,

    (III)

    Barri: laħam minn annimali maħsuba għall-qatla f’età ta’ bejn 16 u 36 xahar. Aħmar lewn iċ-ċirasa, b’xaħam lewn il-krema, konsistenza soda meta tintmess, kemxejn niedja u ta’ tessut fin, u ammonti żgħar ta’ xaħam intramuskolari.

    It-tipi ta’ karkassi definiti jiġu aġġustati skont l-istandards li ġejjin:

    1. —

    Karkassi tal-Kategoriji A u E kif deskritt fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nr 1208/81 (5).

    2. —

    Konformazzjoni: E.U.R.O.

    3. —

    Kisja ta’ xaħam: 2, 3, u 4.

    4. —

    Iġjene: Applikazzjoni ta’ standards Ewropej u nazzjonali.

    5. —

    Minn 24 sa 48 siegħa wara l-qatla, il-pH tal-muskolu longissimus dorsi għandu jkun ta’ inqas minn sitta fil-livell ta’ bejn il-ħames u s-sitt kustilja, u/jew il-qatgħat muskolari tal-ispalla u/jew kustilja u/jew falda, għal dawk il-karkassi maħsuba għat-tqattigħ.

    3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

    3.4.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss)

    Il-prattiki tat-trobbija tal-baqar li jkunu welldu jridu jirriflettu t-tekniki u l-prattiki li jisfruttaw ir-riżorsi naturali f’sistema ta’ biedja estensiva. Il-baqar li jkunu welldu jirgħu mill-mergħat tad-“dehesa” u minn mergħat indiġeni oħra tal-ekosistema tal-Extremadura matul is-sena kollha. Fejn meħtieġ, l-għalf tagħhom jiġi ssupplimentat bil-ħuxlief, bit-tiben, biċ-ċereali, bl-għelejjel tal-proteina u b’materja prima oħra, kemm-il darba tkun ta’ oriġini veġetali, kif ukoll bil-minerali u l-vitamini meħtieġa.

    L-għoġġiela ma jiġux miftuma sakemm ikollhom mill-inqas ħames xhur.

    Fi kwalunkwe każ, huwa espressament ipprojbit l-użu ta’ prodotti li jistgħu jfixklu r-ritmu normali tat-trobbija u l-iżvilupp tal-annimal, skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ.

    3.5.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

    Fażijiet speċifiċi fil-produzzjoni; it-twelid, it-trobbija, il-qatla u t-tqattigħ għandhom isiru fiż-żona.

    3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, il-ħakk, l-ippakkjar, eċċ.:

    3.7.   Ir-regoli speċifiċi għat-tikkettar

    Sabiex il-konsumaturi jingħataw informazzjoni aktar preċiża dwar il-prodott finali fir-rigward tat-tnissil inkroċjat, it-tikketta tindika t-tnissil tal-laħam minn inkroċju fi kwalunkwe ġenerazzjoni.

    4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

    Iż-żona ġeografika tal-produzzjoni tal-annimali li l-laħam tagħhom jintgħażel biex iġib l-isem tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Ternera de Extremadura”, tinkludi d-distretti elenkati hawn taħt u l-muniċipalitajiet korrispondenti tagħhom:

    Alburquerque, Almendralejo, Azuaga, Badajoz, Brozas, Cáceres, Castuera, Coria, Don Benito, Herrera del Duque, Hervás, Jaraíz de la Vera, Jerez de los Caballeros, Logrosán, Llerena, Mérida, Navalmoral de la Mata, Olivenza, Plasencia, Puebla de Alcocer, Trujillo u Valencia de Alcántara.

    L-ipproċessar isir fiż-żona ġeografika ta’ produzzjoni.

    5.   Rabta maż-żona ġeografika

    5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

    35 % taż-żona inkwistjoni hija koperta minn arbuxxelli (ċistu, ġinestrun, gummar, eċċ.) u art tax-xagħri (ballut, ballut tas-sufra, ballut tal-Lużitanja u ballut tal-Pirinej, eċċ.). Il-bqija hija magħmula minn uċuħ b’saff ta’ ħaxix xieraq għall-bhejjem.

    Il-fawna tal-ispeċijiet ta’ annimai domestiċi li jinsabu fl-Extremadura hija magħmula fil-biċċa l-kbira tagħha minn razez indiġeni, li huma konnessi u marbuta mill-qrib mal-ambjent l-iktar tipiku tar-reġjun (id-“dehesa”). Kollha kemm huma, minħabba r-reżistenza u l-kapaċità għolja ta’ adattament tagħhom għal ambjenti diffiċli jikkontribwixxu għaż-żamma u t-titjib tal-ekosistema, il-fertilizzazzjoni tal-ħamrija, it-titjib tal-kwalità tal-mergħat u jxekklu l-avvanz tal-arbuxelli. Madankollu, għandu jiġi nnotat li f’ħafna merħliet dawn ir-razez jitrabbew u jitnisslu minn taħlit ta’ razez tal-laħam Spanjoli, sabiex il-produzzjoni tiġi adattata għar-rekwiżiti attwali tas-suq.

    Il-kundizzjonijiet estremi ta’ temperatura u ta’ xita juru li r-razez li jikkostitwixxu t-“Ternera de Extremadura” adattaw bl-aħjar mod possibbli peress li huma kapaċi jirreżistu kemm għall-kesħa u għas-sħana kif ukoll għall-iskarsezza tal-ilma fil-perjodi ta’ nixfa.

    L-ekosistema tad-“dehesa” hija r-riżultat tal-attività tal-bniedem fl-imsaġar tal-Mediterran tul is-sekli. Is-sistema tkopri territorji vasti tal-Extremadura. Tradizzjonalment il-produzzjoni tal-bhejjem kienet iċċentrata fuq produzzjoni estensiva, fejn l-ispeċijiet tal-annimali (domestiċi u selvaġġi), l-ambjent u l-intervent tal-bniedem kienu dejjem f’bilanċ. Dan il-kunċett ta’ “estensifikazzjoni” huwa marbut mill-qrib mal-użu ta’ meded kbar ta’ mergħat għall-bhejjem li, minħabba r-reżistenza tagħhom adattaw ruħhom perfettament għall-ambjent. Il-klima ħarxa ta’ dan ir-reġjun u l-kwalità fqira tal-ħamrija ffavorixxew il-ħolqien tat-trobbija tal-bhejjem.

    Is-sistemi tad-“dehesa” huma kkaratterizzati mill-użu tal-ambjent bħala mergħa mill-bhejjem, bi produzzjonijiet erbaċej li jkopru parti kbira tal-bżonnijiet enerġetiċi tal-annimali li hija ssostni. Il-mergħat jikkontribwixxu għal provvista ikbar ta’ riżorsi ta’ enerġija għas-sistema u huma magħmula minn diversi flora rikka f’ispeċijiet li jitkattru waħedhom kull sena.

    L-importanza tas-siġar fl-isfruttament tad-“dehesa” tinsab fid-diversità tal-użi u l-alternattivi ta’ produzzjoni li l-ambjent joffri fil-ġestjoni tas-sistema mill-bniedem.

    Il-parti msajġra tad-“dehesa” hija magħmula minn żewġ speċijiet ewlenin: il-ballut komuni (Quercus ilex) u l-ballut tas-sufra (Quercus suber), flimkien ma’ xi speċijiet oħra anqas prevalenti bħall-ballut tal-Lużitanja (Quercus lusitanica), il-qastan Spanjol (Castanea sativa) u l-ballut Ingliż (Quercus robur). Iż-żona msajġra toffri diversi forom ta’ produzzjoni bħal ġandar, zkuk u weraq tas-siġar, li jsostnu l-bhejjem meta jkun hemm skarsità ta’ riżorsi fil-mergħat.

    L-ispeċijiet l-aktar rappreżentattivi fost l-arbuxxelli huma ċ-ċistu (Cistus ladaniferus), il-ġummar komuni (Sarothamnus scoparius), iċ-ċistu ta’ Montpelier (Cistus monspeliense), u l-ġinestrun (Genista spp.).

    Iż-żoni tal-mergħat jistgħu jiġu kklassifikati skont il-ħamrija, kif ġej:

    mergħat fuq ħamrija tal-granit,

    mergħat fuq ħamrija tax-shale,

    mergħat fuq ħamrija ta’ sedimentazzjoni terzjarja u kwaternarja,

    mergħat għall-“majadeo”,

    u mergħat oħrajn li jinsabu f’żoni speċjali, jiġifieri mergħat fil-muntanji.

    Għandu jiġi mfakkar ukoll li, minbarra għal mergħat, l-ekosistema tad-“dehesa” tipproduċi ġandar, għalf miċ-ċereali (qamħ, xgħir, ħafur, segala u triticale), legumi (ċiċri, ful, eċċ.), sufra, ħatab, charcoal u riżorsi oħra. għaldaqstant, m’hemm l-ebda dubju li fil-biċċa l-kbira tagħhom fil-kuntest ta’ komunità agrikola, bħal ma hi Extremadura, id-“dehesa” huwa fenomenu ta’ importanza ekonomika ewlenija, li jiġġenera 45 % tal-produzzjoni agrikola finali.

    Diversi studji li saru (Espejo Diaz, M. García Torres, S., Características específicas y diferenciadoras de las carnes de ganado Bovino de las dehesas españolas (Karatteristiċi speċifiċi u ta’ distinjoni tal-laħam tal-annimali tal-ifrat fid-“dehesas” ta’ Spanja”) urew li l-kwalitajiet prinċipalment mfittxija mill-konsumatur huma ferm akbar fir-razez tad-“dehesa”

    5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott

    L-istudju “Características específicas y diferenciadoras de las carnes de ganado bovino de las dehesas españolas” ġie ppreżentat waqt is-Simposio Internacional de Caracterización de los Productos Ganaderos de la Dehesa, li sar f’Mérida (Badajoz, Spanja), EAAP pubblikazzjoni Nru 90, 1998. L-istudju juri li l-laħam kopert mill-Indikazzjoni Ġeografika Protetta “Ternera de Extremadura”, li ġej minn razez magħrufa bħala “Razas de la Dehesa” (Razez tad-Dehesa), għandu kwalità tajba, li wara testijiet sensorji (minn bordijiet ta’ testers imħarrġa u konsumaturi) juri b’mod ċar li dan il-laħam għandu karatteristiċi distinti li huma apprezzati ferm.

    Għalhekk, il-laħam kopert mid-denominazzjoni “Ternera de Extremadura” huwa definit bħala prodott ta’ kwalità għolja minħabba l-karatteristiċi sensorjali tiegħu (tari, immerraq u b’togħma tajba).

    5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħrajn tal-prodott (għall-IĠP)

    Il-koeżistenza ta’ razez differenti wasslet biex kemm ir-razez antiki u dawk attwali, u r-razez imħallta tagħhom, ġew rikonoxxuti bħala r-razza “Extremeña”, razza fil-peniżola tal-Iberja.

    Għalhekk it-taħlit tal-“Blanca Cacereña” mat-“Tronco de capa negra” wassal biex il-“Ganado barroso cacereño” u l-“Colorada extremeña”, razez li llum huma evidenti fir-razza “Retinta”, kienu rrappreżentati tajjeb ħafna fil-Concursos Nacionales de Ganado tal-1913 Ir-razza żviluppat fir-razza “Cacereña” fis-snin 1922, 1926 u 1930, fl-aħħar sentejn taħt il-pretest ta’ “paradas de Cabestros”. Hija kompliet fis-snin 1953, 1956 u 1959, u sussegwentement sparixxiet qabel ma reġgħet dehret fl-1975 waqt esibizzjoni permezz ta’ kunsinna minn Stat tal-merħla (Sánchez Belda A., Publicaciones de Extensión Agraria, 1984).

    Insibu wkoll referenzi għaliha f’għadd kbir ta’ riċetti gastronomiċi li jorbtu l-vitella mat-tisjir ta’ Extramadura: “Ternera asada al estilo de la Vera” (Cocina Tradicional de la Vera, José V. Serradilla Muñoz, 1992, it-tielet edizzjoni 1999, Gráficas Romero de Jaraíz de la Vera (Cáceres)); “Envueltillos de Ternera” (La cocina día a día, Cocina extremeña, Ana María Calera, 1987, Plaza y Janes S.A); “Chuletas de vaca a la extremeña”, ABC, 1994, Ediciones Nobel S.A., Madrid), jew “Entrecot al modo de Cáceres” (Cocina Extremeña, Teclo Villalón y Pedro Plasencia, 1999, editorial Everest).

    Fis-seklu għoxrin insibu wkoll referenzi għall-bhejjem tagħna, bħal fl-10 ta’ Jannar 1927 meta is-“Sociedad Productos de la Ganadería Extremeña” ġiet ikkostitwita sabiex topera l-biċċerija ta’ Mérida fil-ġejjieni. Hemm referenza oħra ftit aktar tard, madwar 1930, fost id-diversi prodotti żejda mibjugħa lil hinn mir-reġjun. F’dak iż-żmien, il-laħam tal-ifrat deher fi swieq barra mir-reġjun, li minnu nbiegħ 62 % tal-piż ħaj totali tiegħu. (Extremadura: la historia, Archivo Ediciones Extremeñas, L.S.1997).

    Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

    (L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    http://www.gobex.es/filescms/con03/uploaded_files/SectoresTematicos/Agroalimentario/Denominacionesdeorigen/IGP_TerneraDeExtremadura_PliegoCondiciones.pdf


    (1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

    (2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 1, sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

    (3)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.

    (4)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.

    (5)  ĠU L 123, 7.5.1981, p. 3.


    Top