EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017IE2357

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali fir-reġjun Ewro-Mediterranju” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 81, 2.3.2018, p. 37–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 81/37


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali fir-reġjun Ewro-Mediterranju”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2018/C 081/06)

Relatur:

Helena DE FELIPE LEHTONEN

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

30.3.2017

Bażi legali

Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni

Adottata fis-sezzjoni

28.9.2017

Adottata fis-sessjoni plenarja

18.10.2017

Sessjoni tal-plenarja Nru

529

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

123/0/1

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-organizzazzjonijiet ekonomiċi u soċjali u s-soċjetà ċivili inġenerali ġew enfasizzati fid-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona (1) tal-1995 bħala fattur neċessarju għall-promozzjoni tal-bini gradwali fil-Mediterran ta’ spazju ta’ paċi u stabbiltà, prosperità kondiviża u djalogu bejn il-kulturi u ċ-ċivilizzazzjonijiet fost il-pajjiżi, is-soċjetajiet u l-kulturi Mediterranji differenti. Attwalment, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Mediterran huma spazji ta’ inklużjoni, parteċipazzjoni u djalogu mal-awtoritajiet pubbliċi, fosthom dawk lokali, bil-għan li jippromovu d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali fir-reġjun tal-Mediterran. Il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li jissaħħaħ ir-rwol tal-kunsilli ekonomiċi u soċjali (KES) fejn dawn jeżistu u li jiġi promoss il-ħolqien tagħhom fil-pajjiżi fejn għebu jew ma ġewx żviluppati, u b’hekk jissaħħu s-sinerġiji bejn l-atturi differenti involuti. Fil-promozzjoni ta’ dawn id-drittijiet, il-KES u l-organizzazzjonijiet ekonomiċi u soċjali jridu jibnu sħubijiet sabiex jagħmluhom aktar possibbli u effettivi.

1.2.

In-nisa huma vittmi tal-isterjotipi tas-sessi li jirriproduċu l-ostakli politiċi, ekonomiċi u edukattivi b’konsegwenzi kbar fuq l-iżvilupp tas-soċjetà. Il-KESE jħeġġeġ li jitnaqqsu d-distakki enormi attwali bejn id-dispożizzjonijiet leġislattivi u r-realtà. Biex dawn jitnaqqsu, iqis li huwa urġenti li jiġu pprovduti r-riżorsi biex dawk responsabbli jitħarrġu u jiġu sensibilizzati biex jissorveljaw l-applikazzjoni effettiva ta’ din il-leġislazzjoni. Sabiex jissaħħu d-drittijiet, il-KESE jirrakkomanda li l-amministrazzjonijiet lokali jiġu assoċjati mal-organizzazzjonijiet, l-atturi ekonomiċi u soċjali, is-soċjetà ċivili u n-netwerks tagħha fil-qasam tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel li jaħdmu f’oqsma differenti tas-soċjetajiet rispettivi tagħhom. Barra minn hekk, l-universitajiet u ċentri ta’ studju speċjalizzati għandhom jappoġġjaw din il-ħidma.

1.3.

It-theddida tal-estremiżmu vjolenti għandha tiġi miġġielda billi jiġu indirizzati d-diversi kawżi tagħha li jmorru lil hinn mis-sigurtà. L-organizzazzjonijiet ekonomiċi u soċjali għandhom jaqdu rwol ewlieni fit-twettiq ta’ dan il-kompitu, bil-kooperazzjoni tal-istituzzjonijiet u n-netwerks iddedikati għad-djalogu interkulturali u bejn ir-reliġjonijiet differenti biex jagħmlu impatt ikbar u biex jinkludu fl-attivitajiet tagħhom il-patrimonju kulturali, l-espressjonijiet artistiċi u l-industriji kreattivi. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri tal-Unjoni għall-Mediterran jippromovu dawn l-attivitajiet ta’ djalogu interkulturali anke fost l-imsieħba soċjali, u b’hekk isaħħu l-korpi speċjalizzati li ilhom għal ħafna snin jaħdmu fil-Mediterran, bħall-Fondazzjoni Anna Lindh (2). F’dak li jirrigwarda l-patrimonju, il-KESE jħeġġeġ kollaborazzjoni ikbar fil-ħarsien tal-patrimonju kulturali, li llum il-ġurnata jinsab mhedded minnħabba kunflitti armati u organizzazzjonijiet vjolenti.

1.4.

Id-drittijiet ekonomiċi, soċjali u dawk tax-xogħol huma essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku u ta’ soċjetà demokratika. Fost l-elementi prinċipali, hemm il-libertà ta’ intrapriża, il-libertà ta’ assoċjazzjoni u ta’ azzjoni industrijali, in-negozjar kollettiv, u l-protezzjoni soċjali f’oqsma bħalma huma s-saħħa, l-edukazzjoni u t-tixjiħ. Kif diġà ġie indikat mill-ILO meta nħolqot u mid-Dikjarazzjoni ta’ Philadelphia, jeħtieġ li l-organizzazzjoni ekonomika tissejjes fuq il-“ġustizzja soċjali”. Barra minn hekk, dan għandu jkun l-għan ċentrali tal-politiki nazzjonali u internazzjonali kollha. Fid-Dikjarazzjoni ta’ Philadelphia jingħad li “l-ekonomija u l-finanzi huma mezzi għas-servizz tan-nies”.

1.5.

Il-mezzi ta’ komunikazzjoni jaqdu rwol essenzjali biex isawru viżjonijiet u perċezzjonijiet reċiproċi u huma xprun essenzjali għat-titjib tad-djalogu interkulturali u għat-trawwim tar-rispett, it-tolleranza u l-għarfien reċiproku. Għaldaqstant, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija ta’ proġetti li jiżguraw ir-rispett tad-diversità u li jħeġġu informazzjoni ħielsa minn preġudizzji, sterjotipi u perċezzjonijiet qarrieqa. Barra minn hekk, iħeġġeġ użu akbar ta’ dawn l-instrumenti ta’ osservazzjoni, taħriġ u sensibilizzazzjoni kontra r-razziżmu u l-Iżlamofobija fil-mezzi ta’ komunikazzjoni, u jħeġġeġ il-promozzjoni ta’ mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni u pjattaformi konġunti ta’ żvilupp professjonali, kemm etiċi kif ukoll dawk tad-difiża tal-libertà tal-espressjoni.

1.6.

L-edukazzjoni hija t-triq prinċipali li twassal għall-mobbiltà soċjoekonomika u, għaldaqstant, għat-titjib potenzjali tal-kwalità tal-għajxien. Għall-kuntrarju, l-inugwaljanza f’dak li jirrigwarda l-opportunitajiet fl-edukazzjoni tipperikola l-istabbiltà u s-sigurtà tar-reġjun. Għaldaqstant, il-KESE jsejjaħ biex naħdmu flimkien sabiex intejbu l-kwalità tal-edukazzjoni primarja u sekondarja, tal-edukazzjoni għolja u tat-taħriġ vokazzjonali permezz tal-iskambju ta’ esperjenzi fl-iżvilupp kurrikulari u fl-innovazzjoni metodoloġika. Min-naħa l-oħra, il-KESE jqis bħala essenzjali li jinqered id-distakk fl-għarfien bejn iż-żewġt ixtut tal-Mediterran u, fil-fatt, jipproponi li jiġu promossi netwerks ta’ għarfien u ta’ riċerka konġunti li jiffavorixxu t-trasmissjoni u ċ-ċirkolazzjoni tal-għarfien, kif ukoll li tiġi promossa l-mobbiltà ta’ għalliema, studenti, akkademiċi, riċerkaturi, u li tiġi appoġġjata t-traduzzjoni tal-ħidma tagħhom, speċjalment lejn l-Għarbi u mill-Għarbi.

1.7.

L-edukazzjoni mhux formali hija komplement neċessarju għall-valur tagħha fil-ħolqien ta’ soċjetajiet iktar inklużivi u pluralistiċi. Il-KESE jqis li ghandhom jissaħħu s-sinerġiji bejn l-edukazzjoni formali u dik mhux formali u li għandu jiġi promoss dan it-tip ta’ edukazzjoni bħala strument għall-iżvilupp ta’ kultura ta’ paċi u ta’ tagħlim tul il-ħajja. Għaldaqstant, il-KESE jappella biex niddedikaw baġit iktar sostanzjali għall-edukazzjoni mhux formali u biex nippromovu t-trasferiment tal-esperjenzi u tal-għarfien bejn l-Ewropa u n-Nosfinhar tal-Mediterran.

1.8.

Bil-għan li nippromovu ekonomija inklużiva u kompetittiva, jenħtieġ li tiġi appoġġjata l-integrazzjoni diġitali u teknoloġika tal-persuni. B’dan il-għan, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li nappoġġjaw proġetti reġjonali u lokali li jħarrġu liċ-ċittadini fl-użu ta’ teknoloġiji ġodda, fl-intraprenditorja u fid-diġitalizzazzjoni, kif ukoll li nippromovu l-inizjattivi ta’ parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-promozzjoni tat-taħriġ diġitali u tal-ħolqien ta’ xogħol deċenti, pereżempju l-inizjattivi urbani ta’ innovazzjoni soċjali u diġitali (Labs).

2.   Sfond

2.1.

Fl-2011, it-tama għall-bidla fost iż-żgħażagħ Għarab heżżet sistemi politiċi li, b’mod mhux mistenni, spiċċaw taħt pressjoni sostanzjali. It-Tuneżija, l-Eġittu, il-Libja u l-Jemen waqqgħu lill-mexxejja politiċi tagħhom, iżda ċ-ċirkustanzi politiċi konkreti wasslu biex jieħdu toroq ferm differenti: mit-tranżizzjoni soda Tuneżina, promossa mis-soċjetà ċivili dinamika tagħha, għall-bidla tar-reġim fl-Eġittu, u għall-kunflitti miftuħa fil-Libja u fil-Jemen. Is-Sirja baqgħet mgħaddsa fi gwerra kiefra, li nxterdet fuq livell reġjonali u internazzjonali. Pereżempju, inħoloq ċaqliq traġiku ta’ popolazzjonijiet u movimenti migratorji mingħajr preċedent li ħolqu instabbiltà fir-reġjun Ewro-Mediterranju kollu.

2.2.

Lil hinn mill-bidla tar-reġim, sar tentattiv biex jinħolqu sistema iktar ġusta u inklużiva, libertajiet politiċi, ġustizzja soċjali, opportunitajiet u dinjità. L-aspettativi sfaw fix-xejn minħabba li ma ġewx riflessi fil-qasam soċjali. Iċ-ċirkustanzi politiċi konkreti, ġewwa u barra minn dawn il-pajjiżi, għenu biex ifixkluhom. Sitt snin wara, it-talbiet leġittimi għad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali għadhom ħajjin, mingħajr soluzzjoni, u għadhom jirrappreżentaw sors potenzjali ta’ instabbiltà għar-reġjun.

2.3.

Għalhekk, fil-fehma tal-KESE, il-ksib tal-paċi u d-demokrazija fir-reġjun kollu, kif ukoll ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tiegħu, huwa prijorità assoluta.

2.4.

Id-drittijiet fundamentali: irrevokabbli u inaljenabbli

2.4.1.

Il-KESE jħeġġeġ lill-pajjiżi kollha tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran biex jaderixxu mal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (3) u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (4). Fl-istess ħin, jenfasizza l-importanza tal-prinċipji u l-valuri sekulari, kif ukoll id-difiża tad-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u etniċi, reliġjuzi u lingwistiċi (5).

2.4.2.

Il-KESE jenfasizza l-importanza ċentrali tad-difiża ta’ standards ta’ kwalità ta’ għajxien deċenti għal kulħadd. Il-KESE jenfasizza l-garanzija tal-aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb u għall-ikel fi kwantitajiet suffiċjenti bi prezzijiet affordabbli, l-aċċess suffiċjenti għall-enerġija biex tiġi evitata l-esklużjoni enerġetika kemm tal-individwu kif ukoll tal-komunità. Huwa jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi promoss ambjent deċenti u li tiġi żbiluppata l-provvista tal-kura tas-saħħa.

2.4.3.

Bl-istess mod u minħabba ċ-ċirkustanzi speċjali li jinsab għaddej minnhom ir-reġjun, id-dritt għal akkomodazzjoni adegwata jew, fin-nuqqas tagħha, għal refugju/kenn dinjituż għall-individwu u għall-familja, għandu jkun iggarantit kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Għaldaqsant, il-KESE jidhirlu li għandu jiġi żgurat id-dritt għar-rikostruzzjoni inklużiva u dinjituża fiż-żoni meqruda, kemm jekk dan ikun ir-riżultat ta’ katastrofi naturali kif ukoll ta’ kunflitti armati.

2.5.

Id-dritt għal xogħol deċenti: fattur ta’ stabbiltà soċjali u ta’ progress

2.5.1.

Il-KESE huwa tal-fehma li s-soċjetajiet tal-pajjiżi ġirien jeħtieġu sforz komuni favur inklużjoni u koeżjoni ikbar. Bl-istess mod, l-ekonomiji tagħhom għandhom jiġu riformati u mġedda biex jiġġeneraw postijiet tax-xogħol deċenti bħala element kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli.

2.5.2.

Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati d-drittijiet li fuqhom għandhom jissejsu l-prinċipji deskritti. Għaldaqstant, irid jiġi ggarantit id-dritt għal xogħol deċenti f’dawn il-pajjiżi, indipendentement mill-isfond soċjali, ir-reliġjon jew in-nazzjonalità.

2.5.3.

Il-KESE jemmen li huwa indispensabbli li jittieħdu miżuri għall-promozzjoni tal-impjieg deċenti bħala fattur ta’ stabbiltà soċjali, skont dak li jippromovu d-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol u s-segwitu tagħha (6) u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali, u Kulturali (7) bħala sisien biex jiġi evitat il-faqar u jħeġġeġ l-iffirmar ta’ dawn id-dokumenti. Għaldaqstant, huwa fundamentali li jiġu ppreservati d-drittjiet fundamentali tax-xogħol bħad-dritt ta’ assoċjazzjoni, id-dritt li titwaqqaf trejdjunjin jew id-dritt tas-sħubija f’trejdjunjin li wieħed jagħżel, id-dritt tal-istrajkjar, ir-rikonoxximent effettiv tad-dritt ta’ negozjar kollettiv, kif ukoll id-dritt għal kundizzjonijiet ta’ sigurtà u iġjene fit-twettiq tax-xogħol u għal salarju.

2.5.4.

Jeħtieġ ukoll li jiġi żviluppat, kif ipproponiet l-ILO, id-dritt għall-akkomodazzjoni, biex tiġi protetta l-popolazzjoni kollha u, b’mod partikolari, l-aktar segmenti vulnerabbli tal-popolazzjoni. Huwa essenzjali wkoll li jiġi miġġieled il-ksur tad-drittijiet bażiċi bħalma huma l-isfruttament tat-tfal jew ix-xogħol furzat, u li jiġi promoss l-aċċess għax-xogħol tan-nisa jew tal-persuni b’diżabbiltà.

2.6.

L-intraprenditorja: xprun essenzjali għall-iżvilupp ekonomiku

2.6.1.

L-Unjoni Ewropea tikkunsidra li l-ħames fatturi ewlenin għall-paċi, għall-istabbiltà, għas-sigurtà u għall-prosperità fiż-żona Ewro-Mediterranja huma: l-iżvilupp ekonomiku permezz tal-modernizzazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-ekonomiji; it-tisħiħ tal-ekosistema tan-negozji u l-intraprenditorja innovattiva; il-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol permezz ta’ taħriġ kwalifikat, speċjalment għaż-żgħażagħ; l-iżvilupp tas-settur privat, b’mod speċjali tal-SMEs; u s-sostenibbiltà enerġetika u ambjentali (8). Jenfasizza li l-ħolqien ta’ impjieg ta’ kwalità għolja huwa l-bażi għall-prosperità ekonomika u għat-tisħiħ tal-intraprenditorija tan-nisa u tas-sinerġiji intraprenditorjali fuq iż-żewġt ixtut tal-Mediterran.

Min-naħa tiegħu, il-KESE jemmen li dawn il-fatturi huma inseparabbli mill-iżvilupp soċjali, billi l-istabbiltà, is-sigurtà u l-prosperità huma dejjem ibbażati fuq l-integrazzjoni u l-koeżjoni soċjali.

2.6.2.

Il-Komunikazzjoni konġunta tiddefendi bħala fattur determinanti tal-iżvilupp ta’ dawn l-ekonomiji n-neċessità li tkun permessa l-intraprenditorjali privata, u li jiġi żgurat li tkun tista’ ssir taħt kundizzjonijiet ġusti. Jeħtieġ inħarsu qafas legali li jipprovdi garanziji għad-dritt għall-proprjetà privata, kif ukoll l-invjolabbiltà tiegħu, soġġetta għall-qafas legali.

2.6.3.

Il-KESE jagħti l-istess importanza lill-fatt li l-awtorjitajiet pubbliċi jipproteġu l-kompetenza libera u ġusta tal-ekonomija, li tiżgura li l-intraprendituri joperaw taħt kundizzjonijiet ugwali. B’dan il-mod iqis essenzjali li niggarantixxu t-trattament ġust fl-aċċess għall-finanzjament u d-disponibbiltà ta’ servizzi ta’ mikrofinanzjament kif ukoll li tiġi żgurata amministrazzjoni pubblika ħielsa mill-korruzzjoni u b’mandat ta’ servizz pubbliku.

2.7.

Id-dritt għall-ħolqien u għall-innovazzjoni: garanzija ta’ ekonomija diversifikata u b’valur miżjud

2.7.1.

Id-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Unjoni għall-Mediterran dwar l-Ekonomija Diġitali (9) tipproponi l-promozzjoni tal-impatt inklużiv u trasversali tat-teknoloġiji l-ġodda fl-oqsma kulturali, soċjali, ekonomiċi, governattivi u ta’ sigurtà.

2.7.2.

Il-KESE jappoġġja wkoll il-proposta tal-Komunikazzjoni konġunta dwar il-ħtieġa għad-diversifikazzjoni u l-iżvilupp tal-ekonomiji tar-reġjun Mediterran b’mod sostenibbli u inklużiv.

2.7.3.

Il-KESE huwa tal-fehma li, meta jkunu qed jitfasslu programmi ġodda, jeħtieġ li jinħolqu programmi mill-UE għaż-żona Ewro-Mediterranja għall-iżvilupp tal-innovazzjoni li jagħmluha possibbli li jitmexxa ’l quddiem il-progress ekonomiku tar-reġjun, filwaqt li jinżamm id-dritt individwali u kollettiv għall-kreattività u l-innovazzjoni. Dan id-dritt iġib miegħu r-rikonoxximent tad-dritt tal-proprjetà intellettwali, id-dritt tal-kondiviżjoni u t-tixrid ta’ din l-innovazzjoni u d-dritt ta’ aċċess għat-teknoloġiji l-ġodda.

2.7.4.

Il-KESE jirrikonoxxi bħala dritt, inerenti fl-att ta’ innovazzjoni, l-inklużjoni diġitali u l-aċċess liberu għall-Internet, kemm b’mod individwali kif ukoll b’mod kollettiv.

2.8.

Id-dritt għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja: pilastru tal-iżvilupp uman

2.8.1.

L-edukazzjoni hija t-triq prinċipali li twassal għall-mobbiltà soċjoekonomika u għat-titjib potenzjali tal-kwalità tal-għajxien. Il-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) (10) juri b’mod ċar li, minkejja li f’ħafna pajjiżi tar-reġjun l-edukazzjoni primarja laħqet standards universali u saru avvanzi konsiderevoli anke fl-edukazzjoni sekondarja, il-kwalità tagħha għadha lura. Il-Bank Dinji żviluppa programmi għal dan ir-reġjun bil-kooperazzjoni ta’ aġenziji oħra u tkun ħaġa tajba jekk il-Kummissjoni Ewropea taħdem f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, jidher li l-inugwaljanza konsiderevoli ta’ opportunitajiet fl-edukazzjoni qiegħda tnaqqas il-kuntratt soċjali fil-pajjiżi Għarab.

2.8.2.

Il-Pjan Direzzjonali tal-Unjoni għall-Mediterran (11) jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ l-edukazzjoni bħala fattur ewlieni fil-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol sostenibbli u kwalifikati, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ li m’għandhomx impjieg u li huma suxxettibbli li jadottaw prattiki okkupazzjonali ħżiena; ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala bażi għall-modernizzazzjoni tal-ekonomiji; u s-sostenibbiltà bħala element trasversali biex ikun iggarantit l-iżvilupp soċjali u ekonomiku inklużiv.

2.8.3.

It-tisħiħ tal-kapital soċjali huwa kruċjali għall-istabbiltà u s-sigurtà tar-reġjun. Għaldaqstant, huwa importanti li niffaċilitaw l-edukazzjoni primarja u sekondarja, l-edukazzjoni għolja, l-aċċess għax-xjenza u l-għarfien xjentifiku, l-impjegabbiltà, is-saħħa, it-tisħiħ tal-pożizzjoni u l-mobbiltà taż-żgħażagħ, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, il-forums ta’ dibattitu u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali.

2.8.4.

Minkejja xi problemi fl-aċċess u l-universalità tal-edukazzjoni u l-ħtieġa ta’ titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni primarja u sekondarja, l-isfida prinċipali hi dik li jingħalaq id-distakk bejn it-taħriġ u l-impjieg. Għalhekk, huwa fundamentali li nippromovu strutturi li jorbtu s-suq tax-xogħol mas-sistema edukattiva, biex tkun iggarantita integrazzjoni sħiħa taż-żgħażagħ fis-soċjetà. Għal dan il-għan, il-KESE jqis bħala primordjali li nippromovu l-iskambju ta’ esperjenzi fl-iżvilupp kurrikulari u l-innovazzjoni metodoloġika, filwaqt li nippromovu t-trasferiment ta’ esperjenzi u prattiki, biex jintlaħqu kompetenzi u ħiliet adatti għall-ambjenti tax-xogħol. Huwa wkoll essenzjali li jiġu promossi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u li jingħataw valur akbar fil-konfront tal-isfida li jinħolqu 60 miljun post tax-xogħol matul l-għaxar snin li ġejjin fil-pajjiżi Għarab.

2.8.5.

L-atturi soċjali, l-istess bħal organizzazzjonijiet speċjalizzati oħra, użaw ir-rwol ċentrali tal-edukazzjoni mhux formali bħala għodda ewlenija u soluzzjoni, fuq perjodu twil ta’ żmien, biex niġġieldu kontra r-radikaliżmu u l-estremiżmu u għall-kontribut tagħha għall-integrazzjoni ta’ gruppi f’sitwazzjonijiet ta’ riskju, b’mod partikolari ż-żgħażagħ u n-nisa.

2.8.6.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-rikonoxximent li l-edukazzjoni mhux formali taqdi rwol importanti peress li tikkomplementa l-edukazzjoni formali u jqis li għandhom jissaħħu s-sinerġiji bejniethom. Għalhekk, iqis li għandu jiżdied il-livell ta’ impenn politiku b’rabta mal-edukazzjoni mhux formali u li din tingħata baġit iktar sostanzjali, minħabba li tiffaċilita l-proċess ta’ maturazzjoni u integrazzjoni soċjali taż-żgħażagħ, filwaqt li tedukahom fil-parteċipazzjoni attiva u fl-iżvilupp tal-valuri demokratiċi, u hija strument tajjeb biex tissaħħaħ kultura ta’ paċi.

2.9.

Il-mobbiltà fil-qasam akkademiku u edukattiv: lejn l-għeluq tad-distakk fl-għarfien

2.9.1.

Il-mobbiltà taż-żgħażagħ tikkonstitwixxi parti essenzjali tar-risposta għall-isfidi li jiffaċċja l-Mediterran. Fil-fatt, il-migrazzjoni fil-pajjiżi Għarab hija sintomu tal-esklużjoni soċjali taż-żgħażagħ ferm kwalifikati. Għalhekk huwa indispensabbli li nippromovu migrazzjoni li tkun ta’ benefiċċju kemm għall-pajjiżi ta’ oriġini kif ukoll dawk ta’ destinazzjoni. Dan jimplika rikonoxximent akbar tal-kwalifiki u ċ-ċertifikazzjonijiet, kif ukoll titjib fil-qafas legali tal-kundizzjonijiet tad-dħul u residenza fl-UE applikabbli għaċ-ċittadini tal-pajjiżi ġirien għal skopijiet ta’ riċerka, studji, skambju ta’ studenti, taħriġ u volontarjat.

2.9.2.

Min-naħa l-oħra, wieħed mill-ikbar distakki li jeżistu bejn iż-żewġt ixtut tal-Mediterran huwa d-distakk fl-għarfien. Għalhekk, il-KESE jemmen li għandhom jittieħdu miżuri għall-promozzjoni tal-produzzjoni u ċ-ċirkolazzjoni tal-għarfien xjentifiku u akkademiku u jipproponi l-ħolqien u l-promozzjoni ta’ netwerks konġunti ta’ għarfien u ta’ riċerka fil-livell Ewro-Mediterranju. Barra minn hekk, jikkunsidra li huwa fundamentali li nippromovu t-traduzzjoni ta’ din il-ħidma akkademika u xjentifika, speċjalment lejn l-Għarbi u mill-Għarbi.

2.9.3.

Il-KESE jisħaq ukoll dwar il-promozzjoni tal-mobbiltà tal-istudenti, l-għalliema, ir-riċerkaturi, l-akkademiċi u x-xjenzjati permezz ta’ kollokamenti, skambji u traineeships bħala element fundamentali għall-promozzjoni tal-kwalità akkademika u tal-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, billi jissaħħu l-implimentazzjoni u s-segwitu tar-riżultati tal-Programm Erasmus Plus fil-pajjiżi tar-reġjun Ewro-Mediterranju, kif ukoll għaċ-ċirkolazzjoni tal-għarfien u l-promozzjoni tad-djalogu interkulturali.

2.10.

Il-mezzi ta’ komunikazzjoni u d-djalogu interkulturali: elementi fundamentali għat-tolleranza

2.10.1.

Il-pluraliżmu, l-indipendenza u l-professjonalità tal-mezzi ta’ komunikazzjoni lokali jiggarantixxu l-progress soċjali u jikkontribwixxu biex dawn ikunu jistgħu jixprunaw il-bidla fil-pajjiżi ġirien.

2.10.2.

Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li nippromovu d-djalogu u l-kooperazzjoni fil-mezzi ta’ komunikazzjoni fiż-żona Ewro-Mediterranja għat-titjib u t-tisħiħ tal-istandards professjonali u tal-oqfsa legislattivi. Huwa kruċjali wkoll li nikkontribwixxu għall-garanzija u l-protezzjoni tal-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni.

2.10.3.

Huwa indispensabbli li nirrikonoxxu r-rwol tal-mezzi ta’ komunikazzjoni fit-titjib tad-djalogu interkulturali u li niffavorixxu r-rispett, it-tolleranza u l-għarfien reċiproku. Fil-kuntest attwali ta’ żieda kbira fid-diskors kontra l-Punent fin-Nofsinhar u fid-diskors populist ta’ natura ksenofobika fl-Ewropa, huwa neċessarju iktar minn qatt qabel li nagħmlu sforz biex niġġieldu dan it-tip ta’ narrativi u nopponu l-viżjonijiet li jpoġġu f’kunflitt popli, kulturi u reliġjonijiet, abbażi ta’ approċċ estrem ta’ abjad jew iswed u mhux inklużiv.

2.10.4.

Għalhekk, il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon it-tnedija ta’ proġetti li jiżguraw ir-rispett tad-diversità eżistenti fl-Ewropa u jippromovu t-tolleranza u l-informazzjoni imparzjali, mingħajr sterjotipi u perċezzjonijiet qarrieqa, bħall-Osservatorju tal-Iżlamofobija fil-mezzi ta’ komunikazzjoni fi Spanja (12), li jippromovi informazzjoni mingħajr razziżmu. Min-naħa tiegħu, iħeġġeġ it-tnedija ta’ proġetti trasversali għal dan il-għan.

2.10.5.

Lil hinn mill-qasam tas-sigurtà, in-nuqqas ta’ opportunitajiet, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, jista’ jkun wieħed mill-għeruq tal-instabbiltà u jingħaqad mal-kawżi tal-proċessi ta’ radikaliżmu. Qed issir evidenti n-neċessità li nimpedixxu u niġġieldu l-estremiżmu u r-razziżmu permezz tal-promozzjoni tad-djalogu interkulturali. Għalhekk, l-istituzzjonijiet u n-netwerks iddedikati għad-djalogu interkulturali u bejn ir-reliġjonijiet differenti għandhom isaħħu s-sinerġiji u l-komplementarjetajiet tagħhom biex jiksbu impatt iktar relevanti.

2.10.6.

Il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u tal-estremiżmu vjolenti għandha tinvolvi lill-KES tal-Mediterran, lill-atturi ekonomiċi u soċjali u lis-soċjetà ċivili inġenerali. Għal dan il-għan, jinħtieġu mekkaniżmi għall-iskambju u l-kooperazzjoni b’allokazzjoni baġitarja, u għandna nittrattaw ukoll kwistjonijiet relatati mal-ġustizzja, l-inugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, id-diskors ta’ mibegħda, in-nuqqas ta’ impjieg fost iż-żgħażagħ u l-illitteriżmu, bħala parti minn sforz usa’ ta’ deradikalizzazzjoni li jinkludi wkoll il-promozzjoni tad-djalogu interkulturali. F’dan ir-rigward, għandha tiġi enfasizzata l-ħidma li jwettqu n-Netwerk tal-UE ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN) (13) u ċ-Ċentru ta’ Eċċellenza tiegħu.

2.10.7.

Il-KESE jqis bħala kruċjali li jitħeġġu l-iskambji bejn l-intellettwali, l-artisti u aġenti kulturali tar-reġjun peress li dawn huma atturi ewlenin għall-bidla soċjali, permezz tal-promozzjoni ta’ proġetti kondiviżi li jinvolvu l-promozzjoni tad-djalogu u tal-għarfien reċiproku. Barra minn hekk, iħeġġeġ koordinazzjoni u kollaborazzjoni ikbar fil-protezzjoni tal-patrimonju kulturali u sabiex isiru magħrufa u valorizzati d-dixxiplini u s-sensibilitajiet kulturali u artistiċi differenti li jinsabu fiż-żona Ewro-Mediterranja bħala element ta’ valur ta’ koeżjoni u ta’ għarfien reċiproku.

2.11.

Is-soċjetà ċivili u s-sinerġiji bejn l-atturi soċjali: spazji ta’ inklużjoni u dibattiti

2.11.1.

Il-kriżi ekonomika u l-ksenofobija fix-xatt tat-Tramuntana, iżda wkoll id-domanda għal-libertà tal-espressjoni u l-ġlieda għad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi tax-xatt tan-Nofsinhar huma elementi li jħallu impatt b’mod deċiżiv fil-kisba tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali tas-soċjetajiet tal-pajjiżi Ewro-Mediterranji.

2.11.2.

F’dan ir-rigward, ir-rapport ta’ Novembru 2015 tal-Parlament Ewropew dwar id-drittijiet tal-bniedem (14) juri li rridu nappoġġjaw aktar lis-soċjetà ċivili. Minkejja dan, il-viżibbiltà tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi fin-Nofsinhar għadha mhix biżżejjed, meta wieħed iqis l-isforz tagħhom u, xi kultant, ir-riskju li jieħdu, bħar-rwol li għandhom biex jagħtu spinta lit-tibdil soċjali. Il-KES tal-Mediterran jistgħu jaqdu rwol bħala pjattaformi ta’ tixrid, laqgħat u dibattitu f’dan ir-rigward.

2.11.3.

Il-KESE jinnota li l-assoċjazzjonijiet jirrappreżentaw spazju li jikkontribwixxi għall-inklużjoni soċjali. Barra minn hekk, jidhirlu li jenħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tintensifika s-sostenn tagħha għall-proġetti li jitwettqu mis-soċjetà ċivili organizzata permezz tal-organizzazzjonijiet ekonomiċi u soċjali tagħha, tal-assoċjazzjonijiet tagħha u tan-netwerks li dawn iħaddnu, kif ukoll li tintensifika s-sħubija u s-sinerġiji bejn l-atturi differenti involuti.

2.11.4.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-Ministri Ewro-Mediterranji għandhom jikkooperaw fi proġetti konkreti mas-Summit tal-Kunsilli Ekonomiċi u Soċjali tal-Mediterran u istituzzjonijiet simili, mingħajr preġudizzju għall-provvista ta’ appoġġ lill-assoċjazzjonijiet ċiviċi u kulturali.

2.12.

In-nisa: il-qalba tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali

2.12.1.

Fit-tliet Konferenzi Ministerjali Ewro-Mediterranji dwar it-Tisħiħ tar-Rwol tan-Nisa fis-Soċjetà, li saru f’Istanbul (15) (2006), f’Marrakexx (16) (2009) u f’Pariġi (17) (2013), il-gvernijiet intrabtu li jimplimentaw l-impenji adottati: l-ugwaljanza tad-drittijiet bejn in-nisa u l-irġiel meta jiġu biex jipparteċipaw fil-ħajja politika, ekonomika, ċivili u soċjali; il-ġlieda kontra kull tip ta’ vjolenza u diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet, u ħidma bil-għan li jinbidlu l-attitudnijiet u l-imġiba biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel bil-għan li tissaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa, mhux biss fir-rigward tad-drittijiet, iżda wkoll fir-realtà.

2.12.2.

Minkejja t-tibdil legislattiv introdott fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, il-UNDP jikkunsidra li għadna ’l bogħod milli niksbu l-ugwaljanza tan-nisa f’dawk li huma dirttijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali.

2.12.3.

Il-KESE josserva l-qabża kbira bejn id-dikjarazzjonijiet uffiċjali, il-proposti tal-istituzzjonijiet u l-leġislazzjoni attwali u r-realtà li jgħixu n-nisa kuljum fil-komunitajiet tagħhom u jwissi dwar il-ħtieġa li narmonizzaw il-liġijiet nazzjonali mal-kostituzzjonijiet u nagħlqu l-lakuni legali li għadhom jippermettu l-prattiki diskriminatorji fil-konfront tan-nisa.

2.12.4.

F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza n-neċessità li nipprovdu mezzi biex inħarrġu u nissensibilizzaw lill-gruppi responsabbli li jiżguraw l-applikazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni – il-ġudikatura, il-forzi tas-sigurtà, in-negozji, l-edukaturi, il-mezzi ta’ komunikazzjoni, istituzzjonijiet bħall-KES, eċċ.

2.12.5.

Biex jissaħħu d-drittijiet u biex ikun hemm riżultati aħjar, il-KESE jirrakkomanda li nassoċjaw l-amministrazzjonijiet lokali mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-qasam tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, minħabba li għandhom informazzjoni aħjar fir-rigward tal-problemi u l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni. Din il-ħidma konġunta bejn diversi atturi tista’ tkun appoġġjata minn kontributi mis-settur akkademiku (universitajiet u ċentri ta’ studju speċjalizzati). Eżempju ta’ dan hija l-Fondazzjoni tan-Nisa tal-Ewro-Mediterran (18) li, flimkien mal-Federazzjoni tal-Lega tad-Drittijiet tan-Nisa, l-awtorità reġjonali tal-Marrakexx, l-Università Cadi Ayyad, il-Kummissjoni Reġjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem u entitajiet lokali oħra, wettqu kampanja ta’ sensibilizzazzjoni kontra ż-żwiġijiet prekoċi.

2.12.6.

Għalhekk, il-KESE jitlob lill-Ministri tal-Istati Membri tal-Unjoni għall-Mediterran li dawn l-oqsma jkomplu jiġu kkunsidrati fil-Konferenza Ministerjali li jmiss, kif ukoll jipprovdu l-mezzi finanzjarji għat-twettiq ta’ azzjonijiet u kampanji.

2.12.7.

Il-KESE jsostni li jekk ma jitqisux il-punti msemmija, dan se jkollu impatt kbir. Iż-żwiġijiet prekoċi, l-interruzzjoni bikrija tal-proċess edukattiv u, bħala konsegwenza, l-iżvalutar tal-mara fis-suq tax-xogħol u fil-politika huma xi wħud mill-elementi li jinfluwenzaw b’mod negattiv il-kisba tad-drittijiet, b’mod partikolari tan-nisa u l-bniet.

Brussell, it-18 ta’ Ottubru 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  http://ufmsecretariat.org/barcelona-declaration-adopted-at-the-euro-mediterranean-conference-2728-november-1995/

(2)  http://www.annalindhfoundation.org/

(3)  http://www.ohchr.org/EN/ProfessionalInterest/Pages/CCPR.aspx

(4)  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:12012P/TXT&from=MT

(5)  http://www.ohchr.org/EN/ProfessionalInterest/Pages/Minorities.aspx

(6)  http://www.ilo.org/declaration/thedeclaration/textdeclaration/lang--en/index.htm

(7)  http://www.ohchr.org/en/professionalinterest/pages/cescr.aspx

(8)  http://eeas.europa.eu/archives/docs/enp/documents/2015/151118_joint-communication_review-of-the-enp_en.pdf

(9)  http://ufmsecretariat.org/wp-content/uploads/2014/09/UfMMinistersDeclarationEN.pdf

(10)  http://www.arabstates.undp.org/content/rbas/en/home/library/huma_development/arab-human-development-report-2016--youth-and-the-prospects-for-/.

(11)  http://ufmsecretariat.org/wp-content/uploads/2017/01/UfM-Roadmap-23-JAN-2017.pdf

(12)  http://www.observatorioislamofobia.org/

(13)  https://ec.europa.eu/home-affairs/what-we-do/networks/radicalisation_awareness_network

(14)  http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+REPORT+A8-2015-0344+0+DOC+XML+V0//MT

(15)  https://www.euromedwomen.foundation/pg/en/documents/view/4224/ministerial-conclusions-on-strengthening-role-of-women-in-society

(16)  https://www.euromedwomen.foundation/pg/en/documents/view/4756/second-ministerial-conclusions-on-strengthening-role-of-women-in-society

(17)  https://www.euromedwomen.foundation/pg/en/documents/view/4226/third-ministerial-conclusions-on-strengthening-role-of-women-in-society

(18)  https://www.euromedwomen.foundation/


Top