EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE3627

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja [COM(2017) 247 final] — Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-iżvilupp tal-iskejjel u t-tagħlim eċċellenti għal bidu tajjeb fil-ħajja [COM(2017) 248 final]

ĠU C 81, 2.3.2018, p. 167–173 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 81/167


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Aġenda mġedda tal-UE għall-edukazzjoni għolja

[COM(2017) 247 final]

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — L-iżvilupp tal-iskejjel u t-tagħlim eċċellenti għal bidu tajjeb fil-ħajja

[COM(2017) 248 final]

(2018/C 081/22)

Relatur:

Pavel TRANTINA (CZ/III)

Korelatur:

Antonello PEZZINI (IT/I)

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 5.7.2017

Bażi legali

L-Artikoli 165(4) u 166(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

27.9.2017

Adottata fil-plenarja

19.10.2017

Sessjoni plenarja Nru

529

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

148/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Filwaqt li l-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattivi u jaqbel mal-prinċipji tagħhom, jixtieq juża din l-opportunità biex jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar l-importanza li jiġu provduti l-mezzi meħtieġa biex jiġi appoġġjat it-titjib tas-sistemi edukattivi fl-Ewropa biex tinkiseb edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal kulħadd, kif ukoll dwar l-importanza li tittejjeb il-kapaċità tal-edukazzjoni biex jintlaħqu l-isfidi soċjetali u l-istudenti jitħejjew b’mod effettiv għal ħajja ta’ kwalità u għal impjieg. Bl-użu tal-effett ta’ lieva mill-valuri tagħha, l-Ewropa tista’ u għandha taqdi rwol innovattiv ta’ tmexxija fil-ħolqien ta’ ekonomija sostenibbli u inklużiva. Ekonomija ta’ dan it-tip għandha tkun kapaċi ttejjeb il-kompetittività u tissalvagwardja l-futur tal-mudell soċjali partikolari tagħha. Il-kooperazzjoni fl-edukazzjoni tagħti tifsira reali għall-kunċett proprju tal-UE, u tippromovi l-immaġini tal-“komunità”, jiġifieri l-UE, bħala xi ħaġa kostruttiva.

1.2.

Minħabba l-klima politika attwali fl-Ewropa, il-KESE jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinkludu l-ħtieġa li jgħożżu d-diversità kulturali u t-tolleranza fil-politiki tal-edukazzjoni bħala qasam ieħor sabiex titrawwem iċ-ċittadinanza attiva fi ħdan l-ambitu tal-għanijiet tal-UE mmirati lejn il-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE. Aħna lkoll responsabbli sabiex in-nies jiġu edukati u jsiru verament konxji tal-istorja u l-valuri komuni Ewropej, kif ukoll tal-importanza tat-tolleranza u tad-drittijiet tal-bniedem.

1.3.

Il-KESE jemmen li sabiex ikun jista’ jingħata rispons għall-isfidi ta’ llum li dejjem jiżdiedu, tinħtieġ inizjattiva aktar ambizzjuża, waħda li twassal għal strateġija aktar olistika dwar l-edukazzjoni li tibdel il-paradigma attwali, sabiex it-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jiġu appoġġjati u jinstabu soluzzjonijiet rapidi għall-isfidi eżistenti.

1.4.

It-titjib tal-istatus tal-għalliema u l-kapijiet tal-iskejjel u l-appoġġ għalihom huma fundamentali biex tittejjeb l-edukazzjoni. Jeħtieġ li jingħata taħriġ mhux biss lill-għalliema u ‘l-kapijiet tal-iskejjel iżda wkoll lill-edukaturi ta’ tfal u żgħażagħ fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum barra mill-isfond edukattiv, pereżempju l-ġenituri tagħhom, il-komunità u l-fornituri tal-edukazzjoni mhux formali. Huwa importanti li wieħed jibni alleanzi ma’ dawn il-gruppi.

1.5.

Aktar suġġerimenti speċifiċi għandhom jinħarġu lill-Istati Membri fir-rigward tal-edukazzjoni u l-appoġġ għall-għalliema, fosthom dwar it-titjib tal-ambjent tal-iskola bħala komponent tal-kundizzjonijiet ta’ xogħol tagħhom u l-kundizzjonijiet ta’ tagħlim tal-istudenti. Xi suġġerimenti jistgħu jiġu fformulati fil-kuntest tas-semestru Ewropew, bħala parti mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż.

1.6.

Fid-dawl tas-summit ta’ livell għoli li jmiss dwar l-edukazzjoni ppjanat għal kmieni fl-2018, u li ser ikun ospitat mill-Kummissjoni, il-KESE jħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri biex jieħdu pass sinifikanti ’l quddiem u jistabbilixxu – anke bl-użu ta’ djalogi soċjali u ċivili effettivi – sistemi ta’ edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja li jipprovdu lill-istudenti b’futur promettenti fl-Ewropa.

1.7.

Il-KESE jemmen li ż-żewġ elementi li ġejjin huma l-pedament għat-titjib u l-immodernizzar tas-sistemi edukattivi: id-disponibbiltà ta’ biżżejjed finanzjament allokat b’mod ekwitabbli, u governanza koordinata fil-qafas ta’ djalogu soċjali ta’ kwalità għolja u effettiv. Dan għandu jingħata rikonoxximent ikbar f’dibattiti futuri. Ir-riżorsi fl-edukazzjoni m’għandhomx jiffokaw biss fuq il-prestazzjoni, iżda wkoll fuq l-inklużjoni, għal studenti minn ambjenti żvantaġġati u għar-refuġjati.

1.8.

L-UE trid tinvesti aktar fl-edukazzjoni u t-taħriġ, ir-riċerka u l-innovazzjoni billi jiżdiedu l-fondi allokati lil Erasmus+ u l-programmi Orizzont 2020 u s-suċċessuri tagħhom ippjanati. Dan jista’ jżid in-numru ta’ impjiegi fil-futur u jiftaħ opportunitajiet ġodda.

1.9.

Barra minn hekk, il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza li jiġu involuti l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili b’mod effettiv f’dan il-proċess.

1.10.

Għalkemm l-enfasi tal-Kummissjoni hija fuq l-iskejjel u l-edukazzjoni għolja, għandhom jiġu indirizzati wkoll il-kooperazzjoni u r-rabtiet bejn it-tagħlim formali, mhux formali u informali u l-validazzjoni tar-riżultati tagħhom.

1.11.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġi adottat approċċ komprensiv għall-intraprenditorija. Jinħtieġu riżultati ddefiniti tat-tagħlim tal-intraprendenditorija għall-edukaturi kollha, sabiex jiddaħħlu metodoloġiji effettivi tat-tagħlim dwar l-intraprenditorija fil-klassi. L-iżvilupp ta’ proġetti soċjali ġewwa jew barra mill-iskejjel hija opportunità ideali biex jinkisbu dawn il-ħiliet u l-mod ta’ ħsieb meħtieġa, u jgħin ukoll biex jiġu żviluppati konnessjonijiet aħjar ma’ ambjenti ta’ tagħlim oħrajn.

1.12.

Il-KESE jemmen li l-għan usa’ tal-edukazzjoni huwa fil-bilanċ u l-kooperazzjoni mill-qrib bejn is-suġġetti STEM u x-xjenzi soċjali u l-istudji umanistiċi. Għalhekk, il-KESE jappella għal approċċ aktar interdixxiplinari għall-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja li jkun ċċentrat fuq sħubijiet u rotot flessibbli li jmorru lil hinn minn livell wieħed ta’ edukazzjoni u qasam ta’ studju partikolari.

2.   Sommarju tal-inizjattivi tal-Kummissjoni

2.1.

Wara l-Komunikazzjoni tagħha dwar it-titjib u l-immodernizzar tal-edukazzjoni (7 ta’ Diċembru 2016), fit-30 ta’ Mejju 2017 il-Kummissjoni Ewropea nediet inizjattiva taż-żgħażagħ ġdida dwar l-iskejjel u l-edukazzjoni għolja intitolata “Strateġija għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja, inklużiva u orjentata lejn il-futur”. Il-pakkett jinkludi żewġ aġendi tal-UE mġedda biex jimmodernizzaw l-edukazzjoni, waħda fl-iskejjel u l-oħra fl-edukazzjoni għolja.

2.2.

Fir-rigward tal-iskejjel, l-evidenza mill-Istati Membri indentifikat tliet oqsma fejn hija meħtieġa azzjoni u fejn l-appoġġ tal-UE jista’ jgħin biex jindirizza sfidi importanti:

żieda fil-kwalità u l-inklużività tal-iskejjel;

appoġġ lil għalliema u mexxejja tal-iskejjel eċċellenti;

titjib fil-governanza tas-sistemi tal-edukazzjoni skolastika.

2.3.

Il-Kummissjoni qed tipproponi li tikkomplementa il-miżuri meħudin mill-Istati Membri f’dawn it-tliet oqsma permezz ta’ appoġġ għat-tagħlim reċiproku, tisħiħ tal-evidenza ta’ x’inhu effettiv fl-edukazzjoni u l-għoti ta’ assistenza għar-riformi nazzjonali f’dawk l-Istati Membri li jixtiequ dan. Eżempji ta’ appoġġ ta’ dan it-tip jinkludu: it-tisħiħ tal-iżvilupp tal-kompetenzi u t-tagħlim interkulturali permezz tas-sħubiji tal-iskejjel, il-mobilità u l-proġetti ta’ Ġemellaġġ elettroniku taħt l-Erasmus+; it-tisħiħ tat-tagħlim bejn il-pari fl-iżvilupp tal-karriera u professjonali tal-għalliema u l-kapijiet tal-iskejjel; u l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ appoġġ ġdid sabiex jgħin lill-Istati Membri li jfittxu għajnuna fit-tfassil u l-implimentazzjoni tar-riformi tal-edukazzjoni.

2.4.

L-istrateġija mġedda għall-edukazzjoni għolja hija bbażata fuq l-aġenda għall-immodernizzar tal-2011. F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tistabbilixxi l-pjani tagħha għal erba’ oqsma ewlenin:

jiġi żgurat li l-gradwati jħallu l-edukazzjoni għolja b’settijiet ta’ ħiliet li huma kif ukoll l-ekonomija moderna jkollhom bżonn;

l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ edukazzjoni għolja inklużiva;

jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jikkontribwixxu għall-innovazzjoni fil-bqija tal-ekonomija;

appoġġ lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja u ‘l-gvernijiet sabiex jisfruttaw ir-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli.

2.5.

Fl-aħħar nett, sabiex jiġi żgurat li l-edukazzjoni għolja tista’ tgħin biex tingħata spinta lit-tkabbir u lill-ħolqien tal-impjiegi, jeħtieġ li l-universitajiet jadattaw il-kurrikula għall-ħtiġijiet attwali u previsti tal-ekonomija u s-soċjetà, u l-istudenti prospettivi jeħtieġu informazzjoni aġġornata u robusta li tgħinhom jiddeċiedu liema korsijiet jagħżlu. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni ppreżentat ukoll proposta parallela għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ tal-gradwati, bħala parti mill-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, li ser tkopri wkoll lill-gradwati minn programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali flimkien mal-gradwati tal-edukazzjoni għolja. B’hekk l-awtoritajiet tal-Istati Membri jitħeġġu u jiġu appoġġjati fit-titjib tal-kwalità u d-disponibbiltà tal-informazzjoni dwar kif il-gradwati jimxu ’l quddiem fil-karriera tagħhom jew f’edukazzjoni ulterjuri, wara li jispiċċaw l-istudji tagħhom.

3.   Kummenti ġenerali dwar l-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-edukazzjoni

3.1.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattivi u jixtieq jesprimi l-fehmiet tiegħu dwar l-importanza li jiġu provduti l-mezzi meħtieġa biex jiġi appoġġjat it-titjib tas-sistemi edukattivi fl-Ewropa biex tinkiseb edukazzjoni ta’ kwalità għolja għal kulħadd, kif ukoll dwar l-importanza li tittejjeb il-kapaċità tal-edukazzjoni biex jintlaħqu l-isfidi soċjetali u l-istudenti jitħejjew b’mod effettiv għal ħajja ta’ kwalità u għal impjieg. Huwa jaqbel mal-enfasi mogħtija għall-edukazzjoni bikrija tat-tfal, l-investiment fl-edukazzjoni tal-għalliema, il-promozzjoni tal-kooperazzjoni fost il-partijiet interessati differenti, it-titjib fil-governanza tal-iskejjel, is-sinerġiji mar-riċerka, u l-enfasi ġenerali fuq l-inklużjoni soċjali.

3.2.

Filwaqt li saret enfasi ġenerali li l-edukazzjoni hija l-mezz ewlieni biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi u għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali (1), fiż-żewġ rakkomandazzjonijiet reċenti tal-Kummissjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u fid-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi tal-2015 (2), ġie nnotat li l-inugwaljanzi qed ikomplu jiżdiedu f’ħafna mill-pajjiżi tal-UE. Il-bidliet li qed iseħħu madwar id-dinja u li jaffettwaw ix-xogħol, id-domanda għall-ħiliet u s-soċjetajiet, qatt ma kienu daqshekk mgħaġġla; l-UE għandha għalhekk tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jadattaw is-sistemi edukattivi tagħhom għal din ir-realtà ġdida. Għandha tgħin f’dan ir-rigward evalwazzjoni kontinwa dwar in-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet u dwar l-eżiti tas-suq tax-xogħol. Biex tinbena soċjetà b’opportunitajiet tassew ekwi, huwa meħtieġ ukoll li jsiru kurrikula u prattiki ta’ tagħlim aktar flessibbli, innovattivi u olistiċi billi jittieħed rendikont tal-bosta eżempji tal-aħjar prattiki li ġew enfasizzati f’dawn l-aħħar snin.

3.3.

Il-KESE huwa ħerqan jinnota li l-edukazzjoni hija ġid komuni, u għandha tibqa’ strument ewlieni għall-promozzjoni tal-interess pubbliku bl-investiment jiġi mmirat biex inaqqas l-ispejjeż privati u pubbliċi ta’ nuqqas ta’ edukazzjoni f’diversi oqsma bħalma huma l-prevenzjoni tal-vjolenza, it-titjib tas-saħħa permezz tal-isport u l-promozzjoni tal-benesseri, is-sensibilizzazzjoni dwar it-tibdil fil-klima u l-iżgurar tal-paċi soċjali f’soċjetajiet dejjem aktar diversi. B’rabta ma’ dan, ir-riformi fl-edukazzjoni m’għandhomx jimmiraw biss li jwasslu s-settijiet ta’ ħiliet, il-kompetenzi u l-għarfien tal-ġejjieni li ż-żgħażagħ jeħtieġu biex ikollhom aċċess għas-suq tax-xogħol, iżda għandhom ikunu mmirati wkoll biex itejbu l-kapaċità tal-istudenti biex jirrispondu għal kwistjonijiet soċjetali urġenti li jolqtu l-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini Ewropej.

3.4.

It-tranżizzjoni minn livell edukattiv għal ieħor u l-kooperazzjoni bejn fornituri tal-edukazzjoni differenti, kemm f’ambjenti formali kif ukoll mhux formali, tirrikjedi attenzjoni partikolari fi ħdan l-istrateġija ppjanata tal-Kummissjoni. Filwaqt li l-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-enfasi fuq il-bini ta’ sistemi tal-edukazzjoni għolja inklużivi u konnessi u l-iskejjel u l-enfasi biex l-iskejjel jitħeġġu jiżviluppaw rabtiet u kooperazzjoni aktar b’saħħithom mal-edukazzjoni ogħla fil-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika ((STEM), il-Kumitat jemmen li bħala l-bażi tal-għan aktar komprensiv tal-edukazzjoni hemm il-bilanċ u l-kooperazzjoni mill-qrib bejn is-suġġetti tas-STEM u x-xjenza soċjali u l-istudji umanistiċi. Għalhekk, il-KESE jappella għal approċċ aktar interdixxiplinari għall-edukazzjoni u t-tagħlim tul il-ħajja li jkun ċċentrat fuq sħubijiet u rotot flessibbli li jmorru lil hinn minn livell wieħed ta’ edukazzjoni u qasam ta’ studju partikolari. Approċċ bħal dan jgħin ukoll fil-ġlieda kontra diversi inugwaljanzi, eż. l-inugwaljanza bejn il-ġeneri fis-suġġetti STEM u fix-xjenza b’mod ġenerali, minħabba li jelimina l-opinjonijiet sterjotipiċi dwar dak li hu aktar adatt u/jew komuni abbażi ta’ ġeneru, razza u karatteristiċi personali oħrajn.

3.5.

Għal darb’oħra (3) l-Kumitat jappella lill-Kummissjoni tieħu rwol proattiv biex jiġu introdotti aktar soluzzjonijiet innovattivi fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-iżvilupp ta’ ħiliet, kif ukoll fil-monitoraġġ u l-promozzjoni ta’ prattiki u approċċi innovattivi li diġà jeżistu fost l-Istati Membri. Il-KESE jemmen bis-sħiħ li issa wasal iż-żmien għal bidla radikali ġenwina fl-għanijiet u l-funzjonament tas-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll fil-fehim dwar ir-relevanza u r-rwol tas-settur fis-soċjetà, u għar-rikonoxximent tal-fatt li l-edukazzjoni hija minnha stess fattur fil-produttività. Hawnhekk, approċċ proattiv fil-livell tal-UE huwa element ewlieni biex titfassal edukazzjoni aħjar għall-futur.

3.6.

Kif diġà qal il-KESE f’Opinjonijiet preċedenti tiegħu, “il-mobilizzazzjoni tal-atturi kollha u l-appoġġ għall-ħolqien ta’ ‘sħubijiet ta’ apprendistat’ fi ħdan is-soċjetà, li jinvolvu l-iskejjel, in-negozji, il-kunsilli lokali, l-imsieħba soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-NGOs li jaħdmu maż-żgħażagħ, il-ġenituri u l-istudenti fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-‘kurrikula’, huma essenzjali [għal] bidla fil-paradigma edukattiva” (4).

3.7.

Sa mis-snin bikrija tal-iskola tagħhom, iż-żgħażagħ għandhom jiġu megħjuna jiżviluppaw portafolli ta’ kompetenzi li ma jikkonċernawx biss l-għarfien tagħhom, iżda wkoll il-ħiliet, il-kapaċità għall-innovazzjoni u l-kreattività, l-ispirtu kritiku u l-għarfien tagħhom dwar l-istorja Ewropea komuni. Dawn il-profili ta’ kompetenza għandhom ukoll ikopru kwalitajiet oħrajn tagħhom bħall-ħiliet diġitali, il-ħidma f’tim, l-esperjenzi interpersonali u ta’ ħidma f’tim, u l-kapaċità li jirrikonoxxu kulturi differenti. Dan għandu jsir bl-appoġġ tal-edukaturi tagħhom u ta’ dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ.

3.8.

L-isem oriġinali tal-inizjattivi (“inizjattiva taż-żgħażagħ”) kien qed jibgħat messaġġ ħażin, peress li kien qed jidher li l-inizjattiva hija biss immirata lejn iż-żgħażagħ mentri sistemi ta’ edukazzjoni formali qed jirċievu aktar studenti adulti. Huwa ta’ dispjaċir li “l-adulti” huma ftit jew xejn imsemmija fil-komunikazzjoni dwar l-Edukazzjoni Għolja, filwaqt li l-edukazzjoni għolja jista’ jkollha rwol ewlieni fit-tagħlim tul il-ħajja fl-etajiet kollha, kif ukoll sabiex jiġu aġġornati l-ħiliet, il-kompetenzi u l-għarfien ta’ impjegati u persuni qiegħda.

3.9.

Il-pedament għat-titjib u l-immodernizzar tas-sistemi edukattivi huwa li jiġu żgurati kemm id-disponibbiltà ta’ finanzjament suffiċjenti allokat b’mod ekwu, kif ukoll governanza koordinata fil-qafas ta’ djalogu soċjali ta’ kwalità għolja u efffettiv. Dan ma tirrikonoxxihx biżżejjed il-Kummissjoni fid-dokumenti ta’ ħidma tagħha, u ma tpoġġix biżżejjed enfasi fuq il-fatt li r-riżorsi fl-edukazzjoni m’għandhomx jiffokaw biss fuq il-prestazzjoni, iżda wkoll fuq l-inklużjoni ta’ studenti individwali minn ambjenti żvantaġġjati u fuq l-integrazzjoni tar-refuġjati. Barra minn hekk, bilkemm tirrikonoxxi l-importanza li l-partijiet interessati differenti jiġu kkonsultati u involuti f’dan il-proċess, b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

4.   Kummenti speċifiċi dwar l-istrateġija l-ġdida tal-UE għall-edukazzjoni

B’reazzjoni għaż-żewġ inizjattivi tal-KE, u għall-politiki tal-UE u tal-Istati Membri b’mod aktar ġenerali, hawnhekk il-KESE ser jiffoka fuq dawn it-tliet prijoritajiet trasversali għall-iskejjel u l-edukazzjoni għolja.

4.1.

Il-ħiliet tekniċi bażiċi huma neċessarji, iżda l-istess huma l-ħiliet personali u trasversali, il-kompetenzi u l-għarfien.

4.1.1.

Il-KESE jisħaq fuq l-importanza li l-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jadottaw definizzjoni olistika tal-ħtiġijiet tal-istudenti, jiġifieri li tinkludi l-ħiliet tekniċi u personali kif ukoll kompetenzi u l-għarfien interdixxiplinari. Dawn it-tliet aspetti m’għandhomx ikopru biss il-kapaċitajiet meħtieġa għax-xogħol, iżda jħaddnu wkoll l-għan aktar ġenerali ta’ tkomplija tal-iżvilupp personali tal-individwi kollha tul ħajjithom. Għalhekk, i-titjib fl-edukazzjoni, speċjalment fis-sistemi tal-edukazzjoni għolja, jeħtieġ jiffukaw ukoll fuq kif l-aħjar irawmu ċ-ċittadinanza attiva, ir-responsabilizzazzjoni taż-żgħażagħ, it-tagħlim tul il-ħajja u l-għarfien dwar kif taħdem l-UE u l-benefiċċji li tipprovdi. Huwa tajjeb li niftakru li l-edukazzjoni waħidha ma tistax tindirizza d-disparitajiet soċjoekonomiċi, peress li s-sinerġiji ma’ politiki komplementari soċjali u dwar l-impjieg huma prerekwiżit għal soluzzjoni aktar sostenibbli.

4.1.2.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-iżvilupp tal-hekk imsejħa ħiliet personali (soft skills), minħabba li l-impjegaturi qed japprezzawhom dejjem aktar u minħabba li huma utli wkoll f’kuntesti barra mix-xogħol. Il-KESE għalhekk jinkoraġġixxi miżuri bħal dawk speċifikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: proġetti li jivvalutaw il-kreattività, is-soluzzjoni tal-problemi, il-kollaborazzjoni (5), il-ħidma f’tim u l-ħsieb kritiku. Dawk li jfasslu l-politika jeħtieġ li jingħataw appoġġ u taħriġ adatti biex jifhmu d-dimensjoni globali ta’ dawn il-ħiliet.

4.1.3.

Filwaqt li l-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-appoġġ għall-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u l-ambjent tax-xogħol, dan tal-aħħar m’għandux ikunu limitat għas-settur tan-negozju biss. Il-bini ta’ sħubijiet bejn in-negozji u l-istituzzjonijiet edukattivi m’għandux jiġi ġġustifikat biss permezz tal-kriterju dwar jekk iż-żgħażagħ humiex “direttament impjegabbli”. L-intrapriżi għandhom ikunu f’pożizzjoni biex jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal uman, billi jimmobilizzaw il-ħiliet it-tajba, u billi l-opportunitajiet ġodda pprovduti mir-rivoluzzjoni diġitali jagħmluhom disponibbli għal kull grupp ta’ età. In-negozji wkoll għandhom jappoġġjaw iż-żgħażagħ biex ikomplu t-taħriġ ladarba jidħlu fid-dinja tax-xogħol: l-edukazzjoni hija proċess kontinwu li ma tistax taqdi kull bżonn fin-numru ta’ snin limitat ta’ edukazzjoni formali.

4.1.4.

Madankollu, kif diġà rrimarka l-KESE, hemm bżonn li tiġi mħeġġa “l-integrazzjoni min-naħa tal-iskejjel ta’ sistemi doppji ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ li jikkombinaw it-tagħlim fil-klassi u l-esperjenza fil-post tax-xogħol, u b’hekk jiżguraw li l-awtoritajiet edukattivi u l-intrapriżi jkunu konxji mill-importanza ta’ dawn l-inizjattivi” (6). L-esperjenza tax-xogħol għall-istudenti tal-iskola u r-rabtiet aktar mill-qrib bejn l-iskejjel, l-industrija, l-universitajiet u r-riċerka huma kruċjali biex jinħoloq impjieg sostenibbli għaż-żgħażagħ bi kwalifiki għoljin.

4.1.5.

Minkejja l-ħtieġa għal “ħiliet tekniċi”, l-ekonomija ma tistax tiddetta d-direzzjoni tal-edukazzjoni (għolja). Fi kliem ieħor, inizjattivi bħall-monitoraġġ tal-livell tal-gradwati fis-sistema għandhom jiżguraw li l-programmi ta’ edukazzjoni għolja u kurrikula ma jkunux ibbażati fuq eżiti edukattivi strumentalizzati, bħalma huma l-pagi jew il-livelli ta’ impjieg tal-gradwati. Xi Stati Membri diġà għandhom is-sistema ta’ monitoraġġ tagħhom stess, u għalhekk is-sistema ġdida potenzjali mifruxa mal-UE kollha għandha tgħaqqadhom u fi kwalunkwe każ trid tevita li tintuża biex tiġġustifika l-miżuri ta’ awsterità fil-kurrikula tal-istudji umanistiċi u x-xjenzi soċjali.

4.2.

Apoġġ lill-għalliema għal tagħlim ta’ kwalità għolja u tagħlim tul il-ħajja

4.2.1.

Fl-“era diġitali tal-edukazzjoni”, l-użu tat-teknoloġija fl-edukazzjoni għandu jkun ta’ benefiċċju għall-proċess tat-tagħlim: pereżempju, filwaqt li t-tagħlim tal-ikkowdjar mhuwiex għan fih innifsu, l-istudenti jeħtieġ jifhmu l-loġika tal-ikkowdjar u jiksbu s-sett ta’ ħiliet meħtieġa biex jużaw il-mezzi teknoloġiċi dejjem jevolvu fl-ambjenti tat-tagħlim u tal-ħajja.

4.2.2.

Għalkemm l-ICT joffru opportunitajiet f’ħafna oqsma, jiftħu wkoll il-bieb għal perikli reali, bħalma huma iċ-ċiberkriminalità, il-kontenut perikoluż u ta’ ħsara, aktar kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi, kif ukoll jippermettu s-sorveljanza teknoloġika u l-użu ħażin tad-data personali. Għalhekk, il-litteriżmu diġitali għandu bżonn jissaħħaħ, biex b’hekk kull persuna tingħata l-għodod adatti biex tintegra fid-dinja tax-xogħol tal-ġejjieni. L-ICT infrixu fil-livelli kollha tal-industrija u tas-servizzi u għalhekk għandhom jifformaw parti integrali mit-tagħlim tul il-ħajja.

4.2.3.

It-titjib fl-edukazzjoni diġitali jgħin ukoll liż-żgħażagħ biex jagħmlu distinzjoni aktar ċara bejn l-informazzjoni u l-għarfien, jiżviluppaw ħsieb kritiku u litteriżmu medjatiku adatt u jkunu kapaċi, pereżempju, jirrikonoxxu aħbarijiet foloz jew jipproteġu l-privatezza tagħhom fuq l-Internet.

4.2.4.

Għalkemm l-enfasi tal-komunikazzjoni hija fuq l-iskejjel u l-edukazzjoni għolja, il-kooperazzjoni u r-rabtiet bejn it-tagħlim formali, mhux formali u informali u l-validazzjoni tal-eżiti tagħhom ma ġewx indirizzati b’mod suffiċjenti, kif sottolinjat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2012 (7) dwar “Sħubija u mogħdijiet flessibbli għall-iżvilupp tal-ħiliet tul il-ħajja”. Anke llum, huma biss nofs l-Istati Membri tal-UE li stabbilixxew strateġija komprensiva ta’ tagħlim tul il-ħajja (8). F’dan ir-rigward, it-teknoloġiji jistgħu wkoll ikunu ta’ benefiċċju fir-rigward ta’ diversifikazzjoni tal-approċċi għall-edukazzjoni.

4.2.5.

Il-Kummissjoni ilha numru ta’ snin tiffoka fuq l-iżvilupp ta’ netwerks tal-UE u fuq il-promozzjoni tal-kooperazzjoni għall-iskambju tal-aħjar prattiki u t-tagħlim bejn il-pari. Madankollu, ikun ukoll interessanti li jitkejjel sa liema punt l-edukaturi fil-fatt japprovaw dawn l-għodod u l-mekkaniżmi. Huwa probabbli ħafna li bosta għalliema u edukaturi għadhom mhumiex konxji dwar l-appoġġ, u r-riżorsi finanzjarji u ta’ taħriġ kollha disponibbli għalihom fil-livell tal-UE. Il-bini tal-kapaċitajiet u t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-pagi tal-għalliema, għandhom ikunu prijorità għall-Istati Membri.

4.2.6.

Skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni, l-Istati Membri jeħtieġ li jiffaċilitaw it-tagħlim tul il-ħajja għall-edukaturi u l-għalliema, kif ukoll isaħħu l-mobbiltà tagħhom, pereżempju, permezz tal-programmi tal-Erasmus+. Trid tingħata attenzjoni speċifika għat-titjib tal-aspetti parteċipatorji tat-tagħlim peress li rriżulta li dan huwa prassi pedagoġika tajba ħafna li tippermetti lill-istudenti jiksbu għarfien u jiżviluppaw ċerti kompetenzi trasversali, bħalma huma l-ħiliet ta’ komunikazzjoni. Dan ikun ifisser tranżizzjoni notevoli minn edukazzjoni ċċentrata fuq l-għalliem lejn it-tagħlim ibbażat fuq min jitgħallem, fejn l-edukatur isir faċilitatur tat-tagħlim.

4.3.

It-tagħlim intraprenditorjali permezz ta’ proġetti soċjali

4.3.1.

L-edukazzjoni għandha ttejjeb il-kompetenzi ewlenin, il-ħiliet u l-attitudnijiet li huma meħtieġa sabiex wieħed jirnexxi fil-ħajja wara li jlesti l-edukazzjoni formali, pereżempju xogħol f’tim u ġestjoni tal-proġetti. Dan is-sett ġdid ta’ ħiliet mhux biss ikun ta’ għajnuna biex tiżdied l-impjegabbiltà, iżda jista’ jtejjeb ukoll il-kapaċità tal-adulti futuri biex joħolqu l-impjiegi tagħhom stess individwalment u b’mod kollettiv. It-tagħlim permezz tal-azzjoni u t-tagħlim ibbażat fuq l-esperjenza huma approċċi alternattivi għat-tagħlim li jistgħu jżidu l-kapaċità biex jinżamm l-għarfien u huma aktar utli għall-iżvilupp ta’ ħiliet prattiċi, għall-kuntrarju ta’ għarfien speċjalizzat f’suġġett partikolari.

4.3.2.

Il-KESE jenfasizza l-importanza li jiġi adottat, permezz ta’ użu tajjeb tal-qafas ġdid EntreComp (9) approċċ komprensiv għall-intraprenditorija. L-iżvilupp ta’ proġetti soċjali ġewwa jew barra mill-iskejjel huwa opportunità ideali biex jinkisbu dawn il-ħiliet u l-mod ta’ ħsieb meħtieġa, u jgħin ukoll biex jiġu żviluppati konnessjonijiet aħjar ma’ ambjenti ta’ tagħlim oħrajn. F’dan ir-rigward, l-appoġġ għall-inizjattiva tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà għaż-żgħażagħ fl-iskejjel u fl-edukazzjoni għolja għandu jkun azzjoni ewlenija għall-Istati Membri. Barra minn hekk, hemm interess dejjem akbar fl-intraprenditorija soċjali, li hija mod wieħed kif jintlaħqu l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ għal impjieg aktar sinifikanti.

4.3.3.

L-intraprenditorija hija xprun qawwi tat-tkabbir ekonomiku u tal-ħolqien ta’ impjiegi Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-iżvilupp tal-ħiliet intraprenditorjali. Kif diġà ġie nnotat mill-KESE, l-edukazzjoni intraprenditorjali madwar l-Ewropa, fi ħdan il-kurrikulu kollu u bħala parti mit-tagħlim tul il-ħajja, għadha teħtieġ impenn reali min-naħa ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. L-ambizzjoni, il-kreattività u l-intraprenditorija jridu jiġu apprezzati bħala tali u jiġu promossi, u ma għandhomx jiġu mfixkla mal-attività kummerċjali jew mal-ġenerazzjoni ta’ profitt. Il-kreattività tiżviluppa permezz tat-tagħlim f’sistemi formali u informali. L-edukaturi jeħtieġ ikunu involuti bis-sħiħ biex jiżguraw li jitwassal il-messaġġ it-tajjeb. L-għalliema jistgħu jkunu kontra definizzjoni restrittiva tal-intraprenditorija, fejn tinftiehem bħala t-twaqqif ta’ negozji ġodda, iżda jistgħu jkunu aktar favur kunċett wiesa’ li jirrappreżenta kompetenza ewlenija għall-ħajja. “Taraġ intraprenditorjali” biex jiġu żviluppati l-attivitajiet u t-tagħlim jista’ jgħin biex jiddaħħal l-“ispirtu” intraprenditorjali fil-klassi (10).

4.3.4.

Iż-żgħażagħ li jibbenefikaw mit-tagħlim tal-intraprendenditorija jiżviluppaw tagħrif kummerċjali u ħiliet u attitudnijiet essenzjali li jinkludu l-kreattività, l-inizjattiva, it-tenaċja, l-abbiltà li jaħdmu f’tim, il-fehim tar-riskju u sens ta’ responsabbiltà, kemm jekk jistabbilixxu xi kummerċ jew intrapriża soċjali, kif ukoll jekk le. Dan huwa t-tip ta’ ħsieb intraprenditorjali li jgħin lill-imprendituri jittrasformaw l-ideat f’azzjoni u li jżid l-impjegabbiltà b’mod sinifikanti. Jinħtieġu riżultati ddefiniti tat-tagħlim tal-intraprendenditorija għall-edukaturi kollha, sabiex jiddaħħlu metodoloġiji effettivi tat-tagħlim intraprendenti fil-klassi. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom irawmu l-ħiliet intraprenditorjali permezz ta’ modi ġodda u kreattivi għat-tagħlim, kif jingħata mill-edukaturi u kif jinkiseb mill-istudenti, mill-iskola primarja ’l quddiem, minbarra li jiffokaw fuq l-edukazzjoni mis-sekondarja sal-edukazzjoni għolja dwar il-possibbiltà ta’ twaqqif ta’ negozju bħala għażla ta’ karriera. L-esperjenza fid-dinja reali, permezz ta’ tagħlim ibbażat fuq il-problemi u r-rabtiet mal-intrapriża, għandha tikun inkorporata fid-dixxiplini kollha u mfassla apposta għal kull livell tal-edukazzjoni.

Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  L-edukazzjoni hija komponent ewlieni tad-dikjarazzjonijiet reċenti tal-UE: Il-Pilastru Soċjali tal-UE (April 2017); Aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa (Ġunju 2016); Id-Dokument ta’ riflessjoni dwar id-dimensjoni soċjali tal-Ewropa (April 2017); Id-Dikjarazzjoni ta’ Ruma (Marzu 2017).

(2)  Laqgħa informali tal-Ministri tal-edukazzjoni f’Marzu 2015 f’Pariġi adottat id-Dikjarazzjoni “Promoting citizenship and common values of freedom, tolerance and non-discrimination in education” (Il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni fl-edukazzjoni).

(3)  ĠU C 173, 31.5.2017, p. 45.

(4)  ĠU C 214, 8.7.2014, p. 31.

(5)  Improving the quality of teaching and learning in Europe’s higher education institutions, Rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar l-Immodernizzar tal-Edukazzjoni Għolja, Kummissjoni Ewropea, Ġunju 2013 [mhux disponibbli bil-Malti].

(6)  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 58.

(7)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar “Partnership and flexible pathways for lifelong learning skills development, accompanying the Communication from the Commission on Rethinking Education: Investing in skills for better socioeconomic outcomes”, Novembru 2012 (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, li jakkumpanja l-Abbozz tar-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ (ET2020) – Prijoritajiet ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, Awwissu 2015.

(9)  Qafas Ewropew għall-Kompetenza Intraprenditorjali

https://ec.europa.eu/jrc/en/publication/eur-scientific-and-technical-research-reports/entrecomp-entrepreneurship-competence-framework.

(10)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 45.


Top