Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE2946

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva — analiżi ta’ politiki fiskali possibbli b’rabta mat-tkabbir tal-ekonomija kollaborattiva” (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Estonjana)

    ĠU C 81, 2.3.2018, p. 65–71 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.3.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 81/65


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva — analiżi ta’ politiki fiskali possibbli b’rabta mat-tkabbir tal-ekonomija kollaborattiva”

    (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Estonjana)

    (2018/C 081/09)

    Relatur:

    Giuseppe GUERINI

    Korelatur:

    Krister ANDERSSON

    Konsultazzjoni

    Opinjoni esploratorja (mitluba mill-Presidenza Estonjana), 17.3.2017

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa

     

     

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Adottata fis-sezzjoni

    5.10.2017

    Adottata fil-plenarja

    19.10.2017

    Sessjoni plenarja Nru

    529

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    168/0/1

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jqis li l-ekonomija kollaborattiva, bil-kapaċità tagħha li toħloq valur soċjali fil-kuntest tal-ekonomija diġitali, tista’ tikkostitwixxi okkażjoni ġdida ta’ tkabbir u żvilupp għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropa, peress li tippermetti l-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi mhux sfruttati u tagħti bidu għall-inizjattiva taċ-ċittadini individwali. Il-KESE jiddistingwi b’mod ċar bejn l-ekonomija kollaborattiva u l-ekonomija diġitali jew tal-pjattaformi, fid-dawl tad-differenzi fl-importanza u l-firxa tad-dimensjoni inklużiva u kollaborattiva tagħhom.

    1.2.

    Għalkemm it-tixrid tal-ekonomija kollaborattiva huwa inkoraġġit u mtejjeb mit-tixrid ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni ġodda, u jinstab b’mod partikolari fil-pjattaformi diġitali u fid-diffużjoni wiesgħa tal-ismartphones, il-KESE jqis importanti li jiġi evalwat il-fenomenu tal-ekonomija kollaborattiva fl-intier tagħha u li ma jiġix assimilat għalkollox mal-ekonomija diġitali.

    1.3.

    Il-KESE huwa tal-fehma li l-UE ma tistax titlef l-opportunità offruta mill-ekonomija kollaborattiva biex tinnova s-sistema tar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet, l-intrapriżi, iċ-ċittadini u s-swieq. Madankollu, fid-dawl tal-fluwidità u l-veloċità ta’ evoluzzjoni ta’ dan is-settur, huwa essenzjali li s-sistemi ta’ regolazzjoni fiskali u s-sistemi ta’ tassazzjoni jiġu adattati b’mod intelliġenti u flessibbli għall-kuntest il-ġdid tal-ekonomija kollaborattiva u, b’mod aktar ġenerali, tal-ekonomija diġitali.

    1.4.

    Il-KESE ma jħossx li hemm bżonn ta’ sistema tat-taxxa ġdida u speċifika għall-intrapriżi tal-ekonomija kollaborattiva. Iqis minflok essenzjali li jiżdiedu l-forom ta’ kollaborazzjoni u koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u bejn l-amministrazzjonijiet differenti involuti fi ħdan id-diversi Stati Membri, biex b’hekk l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jlaħħqu mar-ritmu u d-dinamiżmu tal-ekonomija diġitali u tal-ekonomija kollaborattiva.

    1.5.

    Il-KESE jirrakkomanda li s-sistema ta’ tassazzjoni għall-ekonomija kollaborattiva tħares il-prinċipju tan-newtralità (jiġifieri li ma għandhiex tinterferixxi fl-iżvilupp tas-suq), filwaqt li jiġu identifikati mekkaniżmi ta’ tassazzjoni adatti u ġusti għad-diversi forom ta’ intrapriżi li joperaw fil-kuntest tal-ekonomija kollaborattiva fil-forom tradizzjonali.

    1.6.

    Il-KESE jispera li tiġi ffurmata malajr sistema Ewropea omoġenja u integrata li tiggarantixxi regoli komuni bejn id-diversi Stati Membri fir-rigward tal-ekonomija kollaborattiva, fid-dawl tat-tendenza naturali tan-netwerks diġitali li joperaw f’kuntest transfruntier. Għalhekk ikun ta’ ħsara jekk jiġu żviluppati forom differenti ta’ regolamentazzjoni f’kull wieħed mill-Istati Membri u huwa meħtieġ approċċ Ewropew ġenwin.

    1.7.

    Il-KESE jistieden lill-awtoritajiet Ewropej biex jagħmlu kull sforz possibbli biex iwaqqfu forom ta’ kooperazzjoni internazzjonali mhux Ewropea bl-għan li jistabbilixxu ċerti regoli ta’ bażi għall-ekonomija kollaborattiva, billi l-potenzjal tan-netwerks diġitali issa jippermetti l-ġestjoni ta’ attivitajiet ta’ servizz u l-kummerċ ta’ oġġetti f’kull parti tad-dinja, permezz ta’ pjattaforma diġitali li tinsab f’post wieħed fid-dinja.

    1.8.

    Il-KESE jħoss ukoll il-ħtieġa li r-regoli u l-prinċipji eżistenti għandhom jiġu aġġustati f’konformità ma’ sitwazzjonijiet ġodda li huma differenti mill-passat, parzjalment minħabba l-opportunitajiet li nħolqu mit-teknoloġiji l-ġodda, sabiex jiġi żgurat trattament uniformi u proporzjonat għall-operaturi ekonomiċi kollha li jwettqu attivitajiet f’forma tradizzjonali jew fi ħdan l-ekonomija kollaborattiva.

    1.9.

    Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien għall-adozzjoni ta’ qafas legali ġenerali għall-ekonomija kollaborattiva li jkun jista’ jikkoordina u jwassal għal uniformità fir-regoli tat-taxxa applikabbli għal dawn il-forom ta’ ekonomija ġodda.

    1.10.

    Anki bil-għan li jkun hemm ġestjoni aktar sempliċi tas-sistema tat-taxxa u b’mod partikolari biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tal-VAT, il-KESE jqis li l-ittestjar ta’ “organizzazzjoni permanenti virtwali” jista’ jagħti l-frott tiegħu fil-kuntest dejjem aktar transfruntier u inqas territorjali li fih jiżviluppaw l-ekonomija diġitali u l-ekonomija kollaborattiva.

    1.11.

    Il-KESE jqis ukoll importanti li jitfakkar li, minbarra sistema tat-taxxa xierqa, huwa importanti li jiġu żgurati l-protezzjoni u r-rispett: 1) tad-drittijiet tal-konsumatur, ii) tal-privatezza u tar-regoli dwar l-ipproċessar ta’ data personali, iii) tal-ħaddiema u l-fornituri ta’ servizzi involuti fil-mudelli tan-negozju ġodda u fl-attivitajiet tal-pjattaformi kollaborattivi.

    2.   Introduzzjoni

    2.1.

    L-ekonomija kollaborattiva qed tiżdied fil-volum u tikber b’rata mgħaġġla, kif jidher minn data differenti. Huwa stmat li fl-2015, id-dħul relatat mal-ekonomija kollaborattiva fl-Unjoni Ewropea kien ta’ xi EUR 28 biljun (fis-sena preċedenti, dan kien biss nofs dak l-ammont).

    2.1.1.

    Mill-2015 ’il quddiem, investiment sinifikanti minn pjattaformi ewlenin kompla jagħti spinta lill-iżvilupp tas-settur, tant li huwa stmat li fil-futur, l-ekonomija kollaborattiva tista’ tiġġenera fatturat ta’ bejn EUR 160 biljun u EUR 572 biljun madwar l-UE.

    2.2.

    Kif muri miċ-ċifri, l-ekonomija kollaborattiva qed tinfirex għal aktar u aktar setturi u għandha l-potenzjal li tiġġenera valur miżjud, toħloq impjiegi f’livelli differenti u tiżgura servizzi effiċjenti fil-prezzijiet kompetittivi għall-konsumaturi Ewropej.

    2.3.

    Fl-istess ħin, madankollu, is-settur tal-ekonomija kollaborattiva jirrappreżenta serje ta’ sfidi għal-leġislatur Ewropew, li huwa mitlub jiżgura prinċipji u regoli mfassla biex jistabbilixxu qafas legali ċar u prevedibbli (1). Madankollu, l-azzjoni regolatorja tiegħu, ma għandhiex tikkomprometti l-potenzjal kbir għall-innovazzjoni li s-settur wera s’issa.

    2.4.

    It-terminu “collaborative economy” (ekonomija kollaborattiva) ta’ spiss jintuża minflok “sharing economy” (ekonomija ta’ kondiviżjoni): fl-2015, l-Oxford English Dictionary inkluda “sharing economy” (ekonomija ta’ kondiviżjoni) fost l-entrati l-ġodda tiegħu, filwaqt li ddefinixxiha bħala “sistema ekonomika li fiha l-oġġetti jew is-servizzi jinqasmu bejn l-individwi privati, jew mingħajr ħlas jew inkella b’miżata, ġeneralment permezz tal-Internet”.

    2.5.

    L-opinjoni attwali se tuża t-terminu “ekonomija kollaborattiva” kif adottat mill-Kummissjoni Ewropea fil-Komunikazzjoni tagħha tat-2 ta’ Ġunju 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva.

    2.6.

    B’mod aktar speċifiku, “ekonomija kollaborattiva” tirreferi għall-mudelli kummerċjali fejn l-attivitajiet huma ffaċilitati minn pjattaformi kollaborattivi li jippermettu l-użu temporanju ta’ oġġetti jew servizzi li ta’ spiss jiġu pprovduti minn individwi privati.

    2.6.1.

    L-ekonomija kollaborattiva tinvolvi tliet kategoriji ta’ atturi: (i) il-fornituri ta’ servizz li jikkondividu l-assi, ir-riżorsi, il-ħin u/jew il-ħiliet – dawn jistgħu jkunu individwi jew professjonisti privati; (ii) l-utenti ta’ tali servizzi; (iii) intermedjarji li jikkollegaw lill-fornituri ta’ servizz mal-utenti aħħarin permezz ta’ pjattaforma onlajn (pjattaformi kollaborattivi). Ġeneralment, it-tranżazzjonijiet tal-ekonomija kollaborattiva ma jinvolvux bidla fis-sjieda u jistgħu jitwettqu għall-profitt jew mhux għall-profitt.

    2.7.

    B’mod aktar speċifiku, meta mqabbel mal-passat, l-ekonomija kollaborattiva twitti t-triq għal aċċess aktar faċli u effiċjenti tal-oġġetti u s-servizzi permezz ta’ pjattaformi ta’ konnessjoni u dawk kooperattivi, filwaqt li tagħmilha aktar faċli li l-provvista tal-oġġetti u s-servizzi li jistgħu jiġu pprovduti minn professjonisti jew minn dawk mhux professjonisti tlaħħaq mad-domanda tal-konsumatur.

    2.8.

    L-użu tat-teknoloġija u ta’ pjattaformi ta’ konnessjoni ttrasforma diversi setturi, bħal pereżempju t-trasport fuq distanza qasira u fit-tul, minbarra dak tas-settur tal-lukandi jew ta’ ġestjoni tal-kiri tad-djar jew il-kmamar, li jippermettu l-organizzazzjoni ta’ servizzi li jqabblu d-domanda mal-provvista, b’effiċjenza u rapidità kbira.

    2.8.1.

    F’dan il-kuntest stabbilixxew ruħhom uħud mill-aqwa amministraturi, li fil-biċċa l-kbira tagħhom huma bbażati barra mill-Unjoni Ewropea u huma eżempju ċar tas-suċċess dejjem jikber tal-ekonomija kollaborattiva. Dawn l-eżempji wrew il-potenzjal kbir ta’ tkabbir ta’ dan is-settur, iżda anki l-problemi li dan joħloq għal-leġislatur fejn jidħol l-aspett legali, fir-rigward tas-sistema tat-taxxa u b’referenza għall-forom ta’ regolamentazzjoni tax-xogħol u ta’ benefiċċji u assigurazzjoni tal-ħaddiema.

    2.9.

    Minbarra dawn is-setturi, anke setturi oħrajn, bħalma huma ċerti servizzi finanzjarji, servizzi tal-kura personali u tas-saħħa, qed jaqgħu dejjem aktar fl-isfera tal-ekonomija kollaborattiva. Fis-snin li ġejjin se jingħaqdu magħhom setturi oħrajn, filwaqt li saħansitra, se jagħtu lill-ekonomija kollaborattiva pożizzjoni aktar prominenti: b’riżultat ta’ dan, huwa ċar li attwalment, mhux biss huwa utli iżda huwa meħtieġ dibatittu sħiħ dwar l-aspetti regolatorji u fiskali tal-kwistjoni.

    3.   L-ekonomija kollaborattiva u mudelli kummerċjali ġodda

    3.1.

    It-tixrid tal-għodod tat-Teknoloġija tal-Informatika u tal-Komunikazzjoni u tal-hekk imsejjaħ Internet tal-Oġġetti wassal għall-ħolqien ta’ ħafna kumpaniji tat-teknoloġija ġodda. Illum hemm ħafna mudelli tan-negozju relatati mas-settur tal-ekonomija diġitali u kollaborattiva. Dawn il-mudelli huma identifikati skont l-istruttura tagħhom u d-daqs tal-intrpriża, minbarra r-relazzjoni mal-ambitu tas-swieq ta’ referenza, mal-modi ta’ użu tat-teknoloġiji u mal-mudell organizzattiv. Fir-rigward tat-trattament fiskali, madankollu nistgħu nidentifikaw tliet gruppi ta’ sintesi:

    il-mudell tal-kumpaniji l-kbar li jwettqu diversi funzjonijiet fuq bażi diġitali permezz tal-web, fejn il-parti l-kbira tad-dħul huwa ġġenerat mill-bejgħ u l-ġestjoni tad-data miġbura u mir-reklami (eżempju Google);

    il-mudell tal-pjattaformi ta’ ġestjoni u ta’ tqabbil tad-domanda mal-provvista, ibbażat fuq il-kuntatt bejn il-konsumaturi u l-fornituri li jużaw il-pjattaformi diġitali bħala strutturi kollaborattivi u fejn it-tranżazzjonijiet jiġġeneraw dħul kemm għall-pjattaforma ta’ konnessjoni kif ukoll għall-fornituri tas-servizzi finali (eżempju Airbnb, Uber);

    il-mudell tal-pjattaformi ta’ kummerċ bejn il-pari fejn teoretikament m’hemm l-ebda tranżazzjoni ekonomika fi flus, iżda li jistgħu jiġġeneraw kummerċ ta’ oġġetti u servizzi bejn l-utenti u l-fornituri fuq l-istess livell.

    3.2.

    Fir-rigward tal-mudell tal-pjattaformi l-kbar ta’ riċerka ġenerali fuq il-web, il-pjattaforma tippermetti l-ipproċessar tad-data u l-ħolqien ta’ valur miżjud, li mbagħad jista’ jiġi aġġustat skont id-domanda speċifika tal-konsumatur u jinbiegħ.

    3.3.

    F’dan il-kuntest, il-KESE jixtieq jiġbed l-attenzjoni dwar il-valur speċifiku tad-data, li saħansitra ġie kklassifikat bħala “l-munita l-ġdida” (2). Il-valur miżjud huwa soġġett għall-VAT u jiġi applikat il-prinċipju tad-destinazzjoni. Madankollu, il-valutazzjoni tad-daqs tal-ħolqien tal-valur f’diversi stadji tista’ tkun diffiċli u b’konsegwenza ta’ dan anke l-allokazzjoni tal-obbligi tat-tassazzjoni.

    3.4.

    It-tkabbir mgħaġġel tal-mudelli kummerċjali ġodda jeħtieġ valutazzjoni globali tal-ħolqien tal-valur u l-obbligi tat-tassazzjoni.

    3.5.

    Fir-rigward tal-pjattaformi li jagħmluha ta’ intermedjarju bejn id-domanda u l-provvista, (il-Mudell tat-tip Uber), mistoqsija preliminari importanti tikkonċerna l-possibbiltà li jiġu stabbiliti regoli u rekwiżiti ta’ aċċess għas-suq biex ikunu japplikaw għall-pjattaformi diġitali li joperaw fis-settur tal-ekonomija kollaborattiva u, fuq kollox, għall-fornituri ta’ servizz li jużaw tali pjattaformi.

    3.5.1.

    Ir-rekwiżiti ta’ aċċess għas-suq jistgħu jinkludu l-ħtieġa għal awtorizzazzjoni uffiċjali sabiex tkun tista’ titħaddem intrapriża, liċenzja jew obbligi minimi tal-kwalità (pereżempju d-daqs tal-bini jew it-tip ta’ vettura, rekwiżiti ta’ assigurazzjoni jew ta’ depożiti, eċċ.). Id-dħul iġġenerat, ta’ spiss huwa vvalutat u allokat lil individwu jew lil entità kummerċjali, soġġetti għal taxxa korporattiva ta’ profitt.

    3.6.

    Id-Direttiva dwar is-Servizzi tistipula li r-rekwiżiti ta’ aċċess għas-suq previsti fl-Istati Membri differenti għandhom ikunu ġustifikati u proporzjonati, filwaqt li jitqiesu l-mudell kummerċjali partikolari u s-servizzi innovattivi involuti, mingħajr preferenza għal xi mudell ta’ negozju jew ta’ mmaniġġjar tas-servizzi partikolari fuq oħrajn (il-prinċipju tan-newtralità).

    3.7.

    Il-KESE jaqbel mal-kumment tal-Kummissjoni fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016, skont liema, regolamentazzjoni aktar flessibbli tas-swieq ta’ servizzi, inklużi dawk fl-ekonomija kollaborattiva, twassal għal produttività ogħla, tiffaċilita d-dħul fis-suq ta’ atturi ġodda, tnaqqas il-prezz għas-servizzi u tiżgura għażliet akbar għall-konsumaturi.

    3.8.

    Għalhekk, huwa ttamat li r-rekwiżiti ta’ aċċess għas-suq li japplikaw għall-ekonomija kollaborattiva, kif u meta dawn jeżistu fid-diversi sistemi legali nazzjonali, ikunu konformi mad-Direttiva dwar is-Servizzi u jiżguraw: (i) kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn id-diversi operaturi ekonomiċi fis-setturi fejn jikkoeżistu operaturi konvenzjonali u operaturi tal-ekonomija kollaborattiva; (ii) rekwiżiti regolatorji ċari, sempliċi u li jippromwovu l-potenzjal tal-innovazzjoni u l-opportunitajiet li l-ekonomija kollaborattiva tista’ toffri lil numru dejjem jikber ta’ persuni.

    4.   Qafas istituzzjonali

    4.1.

    Peress li dan jikkonsisti minn servizzi online pprovduti minn pjattaformi diġitali, is-settur tal-ekonomija kollaborattiva jmur lil hinn, tal-inqas parzjalment, mill-kunċett tat-territorjalità li jikkaratterizza l-attività ekonomika konvenzjonali. Għalhekk, huwa importanti li jiġi żviluppat ukoll qafas regolatorju adegwat u ċar għall-ekonomija kollaborattiva, li jirrifletti l-għan ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea, li tintaxxa l-profitti meta dawn isiru.

    4.2.

    Il-KESE josserva li ċ-ċertezza tad-dritt tkun appoġġjata minn regoli sabiex il-kumpaniji li joffru u jippromovu servizzi relatati mal-ekonomija kollaborattiva jitqiesu li għandhom uffiċċju rreġistrat fl-Ewropa. F’dan ir-rigward, preċiżament fir-rigward tal-karatteristiċi speċifiċi tal-intrapriżi diġitali, qed tiġi diskussa l-possibbiltà li tigi identifikata formula ġdida ta’ stabbiliment virtwali tal-intrapriżi, li ġiet iddefinita bħala “organizzazzjoni permanenti virtwali”. Din hija formulazzjoni interessanti biex jingħelbu l-problemi tad-determinazzjoni tal-post ta’ stabbiliment ta’ din it-tip ta’ attività, li madankollu tirrikjedi riflessjoni wiesgħa u studju xieraq li għandu jitwettaq fis-snin li ġejjin. Dan jippermetti li jiġi identifikat uffiċċju fl-UE għall-attivitajiet żviluppati permezz tas-suq diġitali, filwaqt li jiġi żgurat li l-valur ekonomiku tat-tranżazzjonijiet jiġi ntaxxat fl-Ewropa, u b’mod aktar ġenerali, fejn jinħoloq il-valur.

    4.3.

    L-ekonomija kollaborattiva tista’ tiffaċilita xi wħud mill-kompiti tal-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa, bħala riżultat tad-diġitalizzazzjoni tal-ħlasijiet li jsiru permezz tal-pjattaformi kollaborattivi u t-traċċabbiltà sħiħa ta’ tali ħlasijiet. Id-disinn tas-sistemi tal-ħlasijiet jista’ jagħmilha aktar faċli għall-operaturi fis-settur biex jissodisfaw l-obbligi tat-taxxa tagħhom, bħalma huwa l-każ fl-Estonja, fejn il-proċedura għas-sewwieqa u għal xi fornituri ta’ servizz biex jiddikjaraw id-dħul tagħhom, ġiet issemplifikata f’kooperazzjoni mal-pjattaformi diġitali.

    4.4.

    B’mod ġenerali, il-KESE jittama li l-iskambju ta’ informazzjoni preċiża u traċċabbli bejn l-awtoritajiet tat-taxxa, l-operaturi u l-pjattaformi kollaborattivi se jgħin biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fir-rigward tal-ħlas tat-taxxa fis-settur tal-ekonomija kollaborattiva kif ukoll il-piż tal-infurzar fuq l-awtoritajiet finanzjarji, filwaqt li l-kooperazzjoni ssir aktar sempliċi u aktar sigura permezz tal-ambjent teknoloġiku li fih isiru t-tranżazzjonijiet.

    5.   It-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva

    5.1.

    Fir-rigward tat-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva, għandu jiġi rrimarkat li fir-rapport tiegħu tat-28 ta’ Mejju 2014, il-Grupp ta’ Esperti dwar it-Tassazzjoni tal-Ekonomija Diġitali mwaqqaf mill-Kummissjoni Ewropea kkonkluda li ma għandux ikun hemm sistema tat-taxxa speċjali għall-ekonomija jew għall-intrapriżi diġitali, u li jitqies aktar adatt li r-regolamenti u l-mudelli tat-taxxa fis-seħħ jiġu aġġustati għall-kuntesti l-ġodda, filwaqt li tintuża t-traċċabbiltà wiesgħa tat-tranżazzjonijiet li jseħħu fuq il-pjattaformi tal-ekonomija kollaborattiva għall-ġestjoni tal-obbligi tat-taxxa.

    5.2.

    F’termini prattiċi, il-mudelli kummerċjali l-ġodda jeħtieġu attenzjoni partikolari mill-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa, b’mod partikolari meta l-pjattaformi huma bbażati barra mill-UE, biex jippruvaw jagħmlu distribuzzjoni ġusta u proporzjonata tal-piż tat-taxxa fuq il-valur ekonomiku ġġenerat mid-diversi atturi: il-fornituri, il-benefiċjarji u l-pjattaformi ta’ intermedjazzjoni.

    5.3.

    Il-KESE jqis li hemm bżonn li jittieħed approċċ raġonevoli u proporzjonat fl-adattament tar-regoli ġenerali u l-prinċipji li jirregolaw il-kwistjonijiet tat-taxxa fis-settur tal-ekonomija kollaborattiva. Dan l-approċċ għandu jipprovdi regoli ċari u prevedibbli għall-operaturi tas-settur, sabiex ma jiġux iġġenerati spejjeż eċċessivi ta’ konformità li jistgħu jipperikolaw it-tkabbir ta’ settur żviluppat reċentement bi prospetti futuri li huma estensivi iżda li għadhom mhux prevedibbli għalkollox jew għadhom ma jistgħux jitkejlu kompletament.

    5.4.

    Kwalunkwe inizjattiva Ewropea futura possibbli dwar it-tassazzjoni tal-mudelli ta’ negozju tal-ekonomija kollaborattiva għandha tqis id-diversi inizjattivi kontra l-evitar li tnedew fis-snin reċenti mill-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tat-taxxa b’tali mod li twassal biex id-diversi inizjattivi regolatorji jiġu kkoordinati b’mod reċiproku f’qafas ta’ interventi organiku u koerenti.

    5.5.

    Hemm bżonn ta’ inizjattiva koordinata dwar it-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva sabiex jissaħħaħ is-suq intern Ewropew u jiżdied it-tkabbir tiegħu, peress li dan huwa settur li diġà jifforma parti sinifikanti mill-ekonomija Ewropea u saħansitra għandu jkollu rwol akbar fis-snin li ġejjin.

    5.5.1.

    F’dan ir-rigward, l-Artikoli 113 u 115 tat-Trattat joffru bażi legali solida għat-tfassil ta’ regoli diretti kif ukoll indiretti dwar it-tassazzjoni għall-ekonomija kollaborattiva, immirati lejn it-tisħiħ tas-suq intern u t-titjib tal-mod kif jaħdem.

    5.6.

    Xi Stati Membri ddeċidew li jieħdu azzjoni biex jintaxxaw is-settur tal-ekonomija kollaborattiva permezz ta’ leġislazzjoni ġdida, vinkolanti, filwaqt li oħrajn approvaw linji gwida indirizzati lill-operaturi tas-settur. Madankollu, kif diġà ntqal qabel, hija meħtieġa inizjattiva għat-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva fil-livell Ewropew.

    5.7.

    Għalhekk, il-KESE jittama li jista’ jsir intervent leġislattiv fil-livell Ewropew fuq it-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva, filwaqt li jiġu previsti koordinazzjoni u involviment adatti tal-Istati Membri bl-objettiv li jissaħħaħ is-suq intern u li jiġu sfruttati bis-sħiħ l-opportunitajiet li joriġinaw mill-ekonomija kollaborattiva.

    5.8.

    Il-fornituri ta’ servizzi tal-ekonomija kollaborattiva huma ċertament soġġetti għall-obbligi ta’ taxxa, madankollu hemm xi diffikultajiet fl-identifikazzjoni tal-kontribwenti, anke minħabba l-fatt li dawn jistgħu joperaw kemm f’kapaċità professjonali (pereżempju joffru provvista kontinwa ta’ servizz), kif ukoll b’mod okkażjonali (fil-forma ta’ appoġġ għad-dħul mingħajr ma dan isir professjoni). Minbarra din id-diffikultà fl-identifikazzjoni tal-kontribwenti, il-kompitu tal-kejl tad-dħul taxxabbli b’mod preċiż huwa ta’ spiss kumpless.

    5.9.

    F’dan ir-rigward, il-KESE jqis l-iffissar ta’ livelli limiti ta’ dħul minimu bħala mezz potenzjalment utli sabiex tittieħed deċiżjoni dwar jekk attività partikolari għandhiex titqies bħala professjonali jew le. Madankollu, huwa jittama li l-għażla ta’ tali livelli limiti tkun ġustifikata b’evidenza jew raġunijiet adatti.

    5.10.

    Fir-rigward tal-mudelli kummerċjali l-ġodda, hemm bżonn ta’ koordinazzjoni madwar l-UE kollha sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja jew l-abbuż tat-taxxa. L-aħjar prattiki ta’ mudelli tat-tassazzjoni, b’mod partikolari għall-intrapriżi li jmexxu u jwettqu l-attivitajiet ta’ tqabbil bejn id-domanda u l-provvista permezz ta’ pjattaformi diġitali, għandhom jiġu introdotti u applikati mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiżgura l-koordinazzjoni bejn ir-regoli billi tidentifika xi regoli komuni u kondiviżi permezz ta’ direttiva.

    5.11.

    Fl-istess ħin, il-KESE jħeġġeġ lill-amministrazzjonijiet finanzjarji nazzjonali jippubblikaw linji gwida sabiex jipprovdu indikazzjonijiet ċari għall-fornituri ta’ servizz li joperaw fi ħdan l-ekonomija kollaborattiva. Peress li l-fornituri ta’ servizz ta’ spiss huma individwi privati, fil-prattika hemm bżonn li tiġi pprovduta informazzjoni dwar l-obbligi ta’ tassazzjoni, peress li ta’ spiss, dawn ma jkunux jafu jekk għandhomx iħallsu t-taxxa.

    5.12.

    Il-KESE jittama li l-liġijiet Ewropej u nazzjonali jipprevedu mekkaniżmi li jrawmu l-kooperazzjoni bejn l-operaturi tal-ekonomija kollaborattiva u l-awtoritajiet tat-taxxa. Permezz tal-użu wiesgħa ta’ data validata u traċċabbli, din il-kollaborazzjoni tista’ twassal għas-semplifikazzjoni u t-trasparenza fiskali, sakemm ikun possibbli li, għal ċerti attivitajiet, il-pjattaformi diġitali jsiru “sostituti għall-ħlas dirett tat-taxxa” f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet fiskali.

    5.12.1.

    F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza li ċ-ċertezza dwar it-taxxa tirrikjedi attenzjoni partikolari dwar l-evoluzzjoni u t-tkabbir mgħaġġla tal-mudelli kummerċjali l-ġodda, li qed iżidu t-tħassib dwar l-inċertezza fil-qasam tat-taxxa u dwar l-impatt tagħhom fuq il-kummerċ u l-investiment transkonfinali, b’mod partikolari fil-kuntest tat-tassazzjoni internazzjonali (3).

    5.13.

    Il-KESE jenfasizza li l-ekonomija kollaborattiva tista’ potenzjalment tespandi l-bażi tat-taxxa nazzjonali filwaqt li toħloq impjiegi ġodda u twassal riżorsi ġodda għall-ekonomija. Bl-għan li jisfruttaw din il-bażi ġdida, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jiżviluppaw sistemi ta’ skambju tal-informazzjoni fi ħdan l-awtorità li huma aktar effiċjenti. Din id-data flimkien ma’ opportunitajiet teknoloġiċi ġodda tista’ toħloq ċertezzi fiskali ikbar bi spejjeż iktar baxxi kemm għall-fornituri tas-servizz kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa. Peress li l-pjattaforma diġitali, il-fornitur tas-servizzi u l-klijent jistgħu jkunu fi Stati Membri differenti, il-kwistjoni għandha tiġi mistħarrġa aktar fil-livell komunitarju biex tingħata attenzjoni adatta għall-protezzjoni tad-data transfruntiera.

    6.   VAT

    6.1.

    Fir-rigward tal-attivitajiet tal-ekonomija kollaborattiva u jekk dawn humiex soġġetti għall-VAT, qabel kollox għandha ssir distinzjoni bejn l-attivitajiet imwettqa minn mudelli kummerċjali ġodda differenti, pereżempju direttament minn pjattaformi kollaborattivi u dawk ta’ fornituri ta’ servizz individwali rreġistrati ma’ tali pjattaformi, u l-mudelli li permezz ta’ pjattaformi jiżviluppaw attivitajiet differenti, pereżempju l-bejgħ ta’ spazji u data tal-utenti għal reklamar.

    6.2.

    Fir-rigward ta’ dawn l-aħħar każijiet, l-intrapriżi diġà huma soġġetti għal taxxa korporattiva. Dawn jiġbru l-informazzjoni mill-utenti – kull darba li utent jdaħħal tfittxija, il-kumpaniji jiġbru l-informazzjoni. Dawn jistgħu jbigħu dik l-informazzjoni lil min jirreklama u lil partijiet interessati oħra u, jekk jinħoloq il-valur, il-VAT għandha tiġi imposta fuq l-iskambju tad-data (il-ġbir u l-bejgħ tal-informazzjoni).

    6.3.

    Fir-rigward tal-mudelli li jaħdmu fuq it-tqabbil bejn id-domanda u l-provvista, jista’ jitqies li jinħoloq “valur miżjud” meta jiġi pprovdut servizz u meta titħalla ssir tranżazzjoni/skambju bejn il-klijenti u l-ġestjonarji; għalhekk dan għandu jkun soġġett għall-VAT.

    6.4.

    F’termini ġenerali, għall-finijiet ta’ VAT, għandha ssir distinzjoni bejn sitwazzjonijiet differenti li jikkonċernaw il-metodi ta’ ħlas għal servizzi mogħtija fl-ekonomija kollaborattiva: (i) sitwazzjonijiet fejn is-servizzi jingħataw bi ħlas ta’ somma flus; (ii) sitwazzjonijiet li fihom ir-remunerazzjoni għas-servizz ma ssirx bil-flus, iżda b’forma ta’ servizz ieħor jew remunerazzjoni mhux monetarja; u (iii) sitwazzjonijiet li fihom is-servizz jingħata liberament mingħajr ebda ritorn.

    6.5.

    Ir-regoli dwar il-VAT applikabbli għas-sitwazzjoni (i) t’hawn fuq jistgħu jinsiltu mir-regoli u l-prinċipji tal-liġi eżistenti kif stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, filwaqt li s-sitwazzjoni (ii) tista’ ma taqax fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli dwar il-VAT li jeżisti llum.

    6.5.1.

    Fir-rigward taċ-ċirkostanzi prattiċi li possibbilment jaqgħu taħt il-punt (ii), il-KESE jitlob li ssir analiżi bir-reqqa ta’ jekk l-attivitajiet tal-pjattaformi kollaborattivi humiex soġġetti għall-obbligi tal-VAT. Tabilħaqq, il-qafas legali f’dan il-qasam mhuwiex ċar attwalment, b’mod partikolari dwar servizzi li u, kif issemma qabel, ma jeħtiġux ħlas monetarju, iżda jużaw data dwar il-konsumaturi, il-preferenzi u d-drawwiet tagħhom għal skopijiet kummerċjali.

    6.6.

    Fil-fehma tal-KESE, huwa importanti li l-Kummissjoni tindirizza u tirregola l-kwistjoni tal-VAT fl-ekonomija kollaborattiva bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni tagħha, possibbilment billi tapplika regoli u prinċipji semplifikati taħt ċerti livelli limiti tal-fatturat – kif diġà sar f’xi pajjiżi – sabiex jiġu limitati l-ispejjeż tal-konformità, b’mod partikolari għall-SMEs u l-fornituri ta’ servizz okkażjonali.

    6.7.

    Il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali għandhom jippromovu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fl-applikazzjoni tar-regoli dwar il-VAT għas-settur tal-ekonomija kollaborattiva.

    7.   Kummenti finali

    7.1.

    Il-KESE jappoġġja l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva, fejn il-PE jinnota li “l-intraprendituri Ewropej juru tendenza qawwija li joħolqu pjattaformi kollaborattivi għal skopijiet soċjali, u jagħraf li qed jikber dejjem aktar l-interess fl-ekonomija kollaborattiva abbażi ta’ mudelli ta’ negozju kooperattivi” (4).

    7.2.

    Il-karatteristiċi speċifiċi tal-ekonomija kollaborattiva, il-potenzjal innovattiv tagħha u l-ħtieġa li r-regoli dwar it-taxxa jiġu adattati għat-tkabbir esponenzjali tas-settur jitolbu l-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fl-attivitajiet ta’ konsultazzjoni u analiżi promossi mill-Kummissjoni Ewropa. L-għan ta’ dan il-grupp għandu jkun dak li jlaqqa’ flimkien il-partijiet interessati tas-settur, ir-rappreżentanti tal-istituzzjonijiet tal-UE/l-amministrazzjonijiet finanzjarji nazzjonali, u l-ispeċjalisti akkademiċi sabiex jitnieda dibatittu konġunt dwar kwistjonijiet relatati mat-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva.

    7.3.

    Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi aktar rakkomandazzjonijiet għal skambju aħjar tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tat-tassazzjoni u għal trattament ugwali tal-fornituri ta’ servizz. Il-Kumitat iqis li jkun meħtieġ titfassal opinjoni ta’ segwitu sabiex jiġu vvalutati aktar ir-rekwiżiti tal-politika dwar it-taxxa, kif ukoll l-impatt u l-eżiti tat-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali.

    7.4.

    Fir-rigward tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-konsumaturi involuti fl-ekonomija kollaborattiva, il-KESE hawnhekk jirreferi għall-Opinjoni dwar L-ekonomija kollaborattiva u l-awtoregolazzjoni  (5). Madankollu, f’dan il-kuntest, huwa importanti li wieħed jiftakar li l-impatt tal-ekonomija kollaborattiva fuq is-suq tax-xogħol għandu effetti sinifikanti ħafna, li jirrikjedu attenzjoni speċifika għall-protezzjoni tal-ħaddiema, b’mod partikolari fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet għall-kura tas-saħħa u s-sistema tas-sigurtà soċjali.

    7.4.1.

    F’dan ir-rigward, il-KESE jenfasizza għal darb’oħra l-bżonn li jitqies l-impatt tal-ekonomija kollaborattiva fuq is-suq tax-xogħol u jirrimarka li l-protezzjoni sħiħa tal-ħaddiema u l-fornituri ta’ servizz hija għan li għandu dejjem jitqies mil-leġislaturi tal-UE u dawk nazzjonali.

    Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2017.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    (1)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 36 , punt 8.2.4.

    (2)  Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara l-artiklu tal-Forum Ekonomiku Dinji: https://www.weforum.org/agenda/2015/08/is-data-the-new-currency/

    (3)  Għal aktar informazzjoni ara d-dokument “IMF/OECD Report for the G20 Finance Ministers Tax Certainty” (Rapport tal-IMF/OECD għat-Taxxa tal-Ministri tal-Finanzi tal-G20 dwar iċ-ċertezza tat-taxxa).

    (4)  Rapport dwar aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva (2017/2003(INI), 11 ta’ Mejju 2017.

    (5)  ĠU C 303, 19.8.2016, p. 36, punt 8.2.4.


    Top