EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017AE0655

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni ta’ data personali f’komunikazzjoni elettronika u li jħassar id-Direttiva 2002/58/KE (Regolament ‘dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjoni Elettronika’)” [COM(2017) 10 final — 2017/0003 (COD)]

ĠU C 345, 13.10.2017, p. 138–144 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

13.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 345/138


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni ta’ data personali f’komunikazzjoni elettronika u li jħassar id-Direttiva 2002/58/KE (Regolament ‘dwar il-Privatezza u l-Komunikazzjoni Elettronika’)”

[COM(2017) 10 final — 2017/0003 (COD)]

(2017/C 345/23)

Relatur:

Laure BATUT

Konsultazzjoni

Parlament Ewropew, 16.2.2017

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 9.3.2017

Bażi legali

Artikoli 16 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

14.6.2017

Adottata fil-plenarja

5.7.2017

Sessjoni plenarja Nru

527

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

155/0/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jikkundanna bil-qawwa li s-sovrapożizzjoni tat-testi dwar il-protezzjoni tad-data, l-ammont kbir ta’ testi, u l-fatt li huma tant kumplessi, u li wieħed irid jikkonsulta minn test għal ieħor kontinwament sabiex jifhem, ifisser li l-qari u l-implimentazzjoni tagħhom huwa improbabbli ħlief għal grupp żgħir ta’ nies bl-għarfien speċjalizzat, u b’hekk il-valur miżjud tagħhom mhuwiex aċċessibbli għaċ-ċittadin. Dan huwa ċar fl-abbozz kollu tar-regolament. Huwa jirrakkomanda l-pubblikazzjoni onlajn ta’ fuljett li jiddeskrivi fil-qosor lill-pubbliku u jagħmel l-informazzjoni aċċessibbli għal kulħadd.

1.2.

Il-KESE jenfasizza li fost l-alternattivi proposti fl-analiżi tal-impatt, il-Kummissjoni għażlet dik li tirrinforza b’mod “imkejjel” ir-rispett għall-privatezza. Tista’ tiggarantixxi bilanċ mal-interessi tal-industrija? Il-Kummissjoni ma tippreċiżax liema aspetti tat-tisħiħ sinifikanti tar-rispett tal-privatezza jistgħu jkunu ta’ ħsara għall-interessi tal-industrija. Din il-pożizzjoni ddgħajjef it-test mill-bidu nett.

1.3.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni:

1.

tikkunsidra li llum kollox jista’ jsir data u jiġi kkomunikat b’mod elettroniku b’konsegwenzi għall-privatezza tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi;

2.

tiċċara l-applikazzjoni tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem fil-proposta (l-Artikoli 5, 8 u 11) kif ukoll il-possibilitajiet ta’ restrizzjoni li jistgħu jsiru mil-liġijiet nazzjonali (il-premessa 26);

3.

tirrevedi l-Artikoli 5 u 6 tal-proposta. Billi permezz tagħhom isiru komunikazzjonijiet elettroniċi, l-Internet u t-telefonija mobbli huma servizzi ta’ interess ġenerali li l-aċċess għalihom għandu jkun universali, disponibbli u affordabbli mingħajr mal-konsumaturi jkunu mġiegħla, biex jibbenefikaw minn dawn is-servizzi, jippermettu t-trattament tad-data tagħhom kif meħtieġ mill-operatur. Għaldaqstant, irid ikun previst l-obbligu li tiġi proposta sistematikament lill-utent il-possibbiltà li jirrifjuta abbażi ta’ informazzjoni li tinftiehem (cookies, tracking wall, eċċ.).

4.

tistabbilixxi b’mod ċar li l-lex specialis proposta biex tikkompleta r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data tirrispetta l-prinċipji ġenerali ta’ dan it-test u ma tnaqqasx mill-protezzjonijiet li stabbilixxa, u li kwalunkwe pproċessar, inkluż il-kejl tal-udjenza tal-web (web audience measuring) ikun soġġett għall-prinċipji tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (l-Artikolu 8);

5.

tiżgura stabilità regolatorja liċ-ċittadini u lill-impriżi u, għalhekk, tiċċara t-test tar-Regolament u l-kontenut tal-miżuri ta’ implimentazzjoni biex tevita għadd kbir ta’ atti delegati;

6.

tiżviluppa strateġija li tista’ tinforma lill-konsumaturi kollha dwar il-fatt li l-Unjoni tibqa’ fidila lejn il-prinċipji tagħha tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, li x-xewqa tagħha huwa li tara li tiġi rrispettata l-privatezza mhux biss mill-operaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, iżda wkoll mis-servizzi OTT (Over-The-Top);

7.

tevita li s-saħħa tkun bieb miftuħ għall-isfruttament tal-privatezza u tad-data personali għal finijiet kummerċjali mill-komunikazzjonijiet elettroniċi;

8.

tinsab imħassba dwar l-ekonomija kollaborattiva, it-trasferimenti u l-użu ta’ data permezz ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi minn pjattaformi, li spiss jinsabu barra mill-UE;

9.

tikkunsidra l-Internet tal-oġġetti, li huwa invadenti ħafna u li jista’ jkun vettur għal vjolazzjonijiet tal-privatezza waqt it-trażmissjonijiet ta’ data permezz tal-komunikazzjonijiet elettroniċi;

10.

tikkunsidra dak li jsegwi t-trasferiment tad-data u tipproteġi d-data maħżuna mill-persuni peress li l-parti l-kbira tagħha hija privata (irrispettivament mill-interfaċċja, inkluż il-cloud computing);

11.

tiċċara l-protezzjoni tat-trasferimenti ta’ data minn magna għal magna (M2M) u tiddedikalha artikolu, u mhux biss premessa (12);

12.

toħloq portal Ewropew (DĠ Ġustizzja) aċċessibbli u li jinftiehem minn kulħadd, biex tgħin liċ-ċittadini jorjentaw ruħhom fil-ġungla tat-testi u jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom, li jagħtihom aċċess għat-testi Ewropej u nazzjonali, għar-rimedji legali u għall-ġurisprudenza (pereżempju: tiċċara l-premessa 25 u l-Artikoli 12 u 13);

13.

tagħti lill-awtoritajiet superviżorji l-mezzi sabiex jaqdu l-kompiti tagħhom (il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, l-awtoritajiet nazzjonali); u

14.

tippermetti lill-konsumaturi jintroduċu azzjonijiet kollettivi fil-livell Ewropew sabiex jiksbu d-drittijiet tagħhom f’konformità ma’ direttiva, lil hinn mir-rakkomandazzjoni C(2013)401&3539 (1).

2.   Elementi tal-kuntest leġislattiv

2.1.

In-netwerks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi evolvew ħafna minn mindu daħlu fis-seħħ id-Direttivi 95/46 u 2002/58/KE (2) dwar ir-rispett tal-privatezza fil-komunikazzjonijiet elettroniċi.

2.2.

Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data adottat fl-2016 [ir-Regolament (UE) 2016/679] sar il-bażi tal-azzjonijiet u stipula l-prinċipji prinċipali, inklużi għad-data ġudizzjarja u kriminali. Skont dan ir-Regolament, id-data personali tista’ tinġabar biss taħt kundizzjonijiet stretti u għal skopijiet leġittimi u fir-rispett tal-kunfidenzjalità (Artikolu 5 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data).

2.2.1.

F’Ottubru 2016, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Direttiva li tistabbilixxi Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (3) (li fih 300 paġna), li għadu ma ġiex adottat, iżda li hija tirreferi għalih għal ċerti definizzjonijiet li la jidhru fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u lanqas fit-test li qed jiġi kkunsidrat.

2.2.2.

Żewġ proposti datati Jannar 2017 jindikaw ċerti aspetti billi jibbażaw fuq ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data; dawn huma l-proposta għal Regolament dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni [COM(2017) 8 final, relatur: is-Sur Pegado Liz], u t-test taħt konsiderazzjoni [COM(2017) 10 final], dwar ir-rispett għall-ħajja privata u l-protezzjoni ta’ data personali.

2.3.

It-tliet testi ċċitati hawn fuq se jkunu applikabbli fl-istess data, mill-25 ta’ Mejju 2018, u jimmiraw li jarmonizzaw id-drittijiet u l-proċeduri ta’ kontroll.

2.4.

Għandu jiġi nnutat li biex jiġi ffaċilitat dan l-approċċ, ġie deċiż li jintuża, għall-protezzjoni tal-privatezza, regolament Ewropew minflok direttiva.

3.   Introduzzjoni

3.1.

Is-soċjetà ċivili tixtieq tifhem jekk, fid-dinja għalkollox diġitali li qed tissawwar, l-Unjoni toffrix valur miżjud li jiżgura spazji fejn il-privatezza tista’ toħroġ bla biża’.

3.2.

Id-data ġġenerata kontinwament tagħmel lill-utenti traċċabbli u identifikabbli kullimkien. L-ipproċessar ta’ data li jsir f’ċentri fiżiċi, li jinsabu fil-parti l-kbira tagħhom barra mill-Ewropa, iqajjem ċerta biża’.

3.3.

Il-“Big Data” saret flus; din tippermetti, permezz tal-ipproċessar intelliġenti tagħha, li “jinħoloq profil”, “jinbiegħu” l-persuni fiżiċi u ġuridiċi, u li jinkisbu flus mingħajr ma jkunu jafu l-utenti.

3.4.

Iżda fuq kollox, id-dehra ta’ atturi ġodda fis-settur tal-ipproċessar tad-data minbarra l-fornituri tal-aċċess għall-Internet trid twassal għal reviżjoni tat-testi.

4.   Sommarju tal-proposta

4.1.

Permezz ta’ dan it-test, il-Kummissjoni trid toħloq ekwilibriju bejn il-konsumaturi u l-industrija:

hija tawtorizza l-użu tad-data mill-operaturi filwaqt li l-utent finali jkun jista’ jżomm il-kontroll wara li jkun ta l-kunsens tiegħu;

hija tesiġi li l-operaturi jiddikjaraw x’ħa jagħmlu b’din id-data;

hija żżomm it-tielet alternattiva ta’ analiżi tal-impatt li hija favur rinfurzar “imkejjel” tar-rispett għall-privatezza, u mhux ir-raba’ alternattiva li tipproponi tisħiħ konsiderevoli.

4.2.

Il-proposta tirrigwarda l-użu tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, li japplika b’mod ġenerali bl-istess mod bħall-kunfidenzjalità tad-data privata u d-dritt li d-data titħassar, u tikkonċerna l-aspett partikolari tar-rispett tal-privatezza u tal-protezzjoni ta’ data personali fit-telekomunikazzjonijiet; tipproponi li tintroduċi regoli aktar eżiġenti għall-protezzjoni tal-privatezza, kif ukoll kontrolli koordinati u sanzjonijiet.

4.3.

Hija ma tistabbilixxix miżuri speċifiċi dwar il-“lakuni” fid-data personali li jkunu ġejjin mill-utenti nfushom, iżda tikkonferma mill-ewwel artikoli (Artikolu 5) l-prinċipju tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

4.4.

Il-fornituri jistgħu jipproċessaw il-kontenut tal-komunikazzjonijiet elettroniċi:

sabiex jipprovdu servizz lil utent finali li jkun ta l-kunsens tiegħu;

għall-utenti finali kkonċernati (Artikolu 6(3)(a) u (b)) li jkunu taw il-kunsens tagħhom.

4.5.

Huma obbligati li jħassru jew irendu d-data anonima wara li d-destinatarji tagħha jirċevuha.

4.6.

Skont l-Artikolu 4(11) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, il-“kunsens” tal-persuna kkonċernata ifisser kwalunkwe indikazzjoni tax-xewqat tal-persuna kkonċernata mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa li permezz tagħha l-persuna kkonċernata, permezz ta’ dikjarazzjoni jew permezz ta’ azzjoni affermattiva ċara, turi li taqbel mal-ipproċessar ta’ data personali relatata magħha.

4.7.

L-abbozz iżomm ir-rekwiżiti ta’ kunsens espress b’mod espliċitu, definiti mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, bl-oneru tal-prova impost fuq l-operaturi.

4.8.

It-trattament jistrieħ fuq dan il-kunsens. Il-kontrollur irid ikun “jista’ juri li s-suġġett tad-data ta kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu” (Artikolu 7(1) tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data).

4.9.

Id-dritt tal-UE jew id-dritt nazzjonali jistgħu japplikaw ċerti limitazzjonijiet (obbligi u drittijiet) għall-kunfidenzjalità biex jiżguraw l-interessi pubbliċi jew missjoni ta’ spezzjoni.

4.10.

Il-persuni fiżiċi jridu jkunu taw il-kunsens tagħhom biex jidhru f’direttorju elettroniku pubblikament disponibbli, bil-possibilitajiet li jivverifikaw u jikkoreġu d-data li tikkonċerna lilhom (Artikolu 15).

4.11.

Id-dritt ta’ oġġezzjoni għandu jippermetti lil kull utent li jimblokka l-użu tad-data tiegħu fdata lil parti terza (pereżempju negozjant), imbagħad meta jintbagħat kull messaġġ (Artikolu 16). Ir-regoli l-ġodda se jagħtu lill-utenti kontroll akbar fuq il-parametri tagħhom (cookies, identifikaturi) u l-komunikazzjonijiet “mhux mitluba” (spam, messaġġi, SMS, telefonati) jistgħu jiġu mblukkati f’każ li l-utent joġġezzjona.

4.12.

Rigward l-identifikazzjoni tat-telefonati u l-imblukkar ta’ telefonati mhux mixtieqa (Artikoli 12 u 14), ir-Regolament jenfasizza li dawn id-drittijiet huma wkoll drittijiet tal-persuni ġuridiċi.

4.13.

L-istrutturar ta’ sistema ta’ kontroll hija konformi mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (Kapitolu VI dwar l-awtoritajiet superviżorji u Kapitolu VII dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet superviżorji).

4.13.1.

Huma l-Istati Membri u l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli mill-protezzjoni tad-data li għandhom jiżguraw il-konformità mar-regoli dwar il-kunfidenzjalità. L-awtoritajiet superviżorji l-oħrajn jistgħu, fil-kuntest ta’ assistenza reċiproka, jiktbu oġġezzjonijiet li jistgħu jintbagħtu lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali. Huma għandhom jikkooperaw ma’ dawn tal-aħħar u mal-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ mekkaniżmu ta’ konsistenza (Artikolu 63 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data).

4.13.2.

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) huwa responsabbli min-naħa tiegħu biex jiżgura l-applikazzjoni konsistenti tar-Regolament eżaminat (Artikoli 68 u 70 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data).

Huwa jista’ jintalab jippubblika linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki sabiex iħeġġeġ l-applikazzjoni konsistenti tar-Regolament.

4.14.

Il-persuni fiżiċi u ġuridiċi utenti finali għandhom dritt għal rimedju legali sabiex iħarsu l-interessi tagħhom minn xi ksur; jistgħu għalhekk jiksbu kumpens għad-danni mġarrba.

4.15.

L-ammonti previsti għal multi amministrattivi huma maħsuba biex jaġixxu bħala deterrent, peress li għal dawk li huma ħatja ta’ ksur ikunu jistgħu jitilgħu sa għaxar miljun euro u, għad-ditti, sa 2 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla (Artikolu 23). Fejn m’hemm l-ebda dispożizzjoni għal sanzjoni amministrattiva, l-Istati Membri jistabbilixxu pieni u jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dan.

4.16.

It-test il-ġdid dwar ir-rispett tal-privatezza u l-użu ta’ data personali se jkun japplika mill-25 ta’ Mejju 2018, għaldaqstant fl-istess data tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data tal-2016, kif ukoll ir-Regolament dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, u l-abbozz ta’ Direttiva dwar ir-riformulazzjoni tal-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi [COM(2016) 590 final], jekk jiġu adottati.

4.17.

Il-kamp ta’ applikazzjoni huwa l-lex specialis li timplimenta r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data:

ratione jure: bażi ġuridika

Hija bbażata fuq l-Artikoli 16 (protezzjoni tad-data) u 114 (is-suq uniku) tat-TFUE, iżda wkoll fuq l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Ir-Regolament jikkompleta r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data f’dak li jirrigwarda d-data li tista’ titqies bħala data personali.

ratione personae: atturi

Huma l-utenti finali, persuni fiżiċi u ġuridiċi, kif definiti fl-abbozz tal-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, kontra l-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni, mhux biss il-fornituri tradizzjonali, iżda fuq kollox l-atturi l-ġodda li s-servizzi l-ġodda tagħhom ma joffru ebda garanzija lill-utenti. It-tekniki msejħa “ta’ tidwir” tal-OTT (messaġġi istantanji, SMS, tekniki ta’ voice over IP, interfaċċi multipli, eċċ.) joħorġuhom attwalment mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-testi eżistenti.

ratione materiae: id-data

Il-proposta ma tinkludix dispożizzjonijiet dwar iż-żamma ta’ data fil-cloud u tħalli f’idejn l-Istati Membri biex jaġixxu, skont l-Artikolu 23 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (rigward ir-restrizzjoni tad-dritt ta’ oġġezzjoni) u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punt 1.3 fil-Memorandum ta’ Spjegazzjoni).

L-utent ikollu jagħti l-kunsens tiegħu għaż-żamma tad-data u tal-metadata ġġenerata fis-sistemi (id-data, il-ħin, il-post, eċċ.), inkella din id-data trid tiġi anonimizzata jew imħassra.

ratione loci: fejn?

L-istituzzjonijiet iwettqu l-attivitajiet ta’ pproċessar fl-Istati Membri jew inkella waħda mill-istituzzjonijiet tagħhom li tinsab fi Stat Membru titqies responsabbli għall-kontroll, l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza se jaqdu r-rwol tagħhom u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) se jissorvelja l-proċess kollu.

4.18.

L-objettivi tal-UE: is-suq uniku diġitali

Wieħed mill-objettivi tas-suq uniku diġitali huwa li jinħolqu kundizzjonijiet ta’ servizzi diġitali sikuri u li tinkiseb il-fiduċja tal-utenti sabiex jiġi żviluppat, fost affarijiet oħra, il-kummerċ onlajn, l-innovazzjonijiet, u b’riżultat ta’ dan, l-impjiegi u t-tkabbir (Memorandum ta’ Spjegazzjoni, punt 1.1)-.

L-abbozz ta’ Regolament inkwistjoni jipprevedi wkoll tip ta’ armonizzazzjoni bejn it-testi u koerenza bejn l-Istati Membri.

Kull tliet snin, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tar-Regolament li se tippreżenta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-KESE (Artikolu 28).

5.   Kummenti ġenerali

5.1.

Il-Kumitat jilqa’ l-implimentazzjoni simultanja fl-Unjoni kollha ta’ sett konsistenti ta’ regoli li jipproteġu d-drittijiet tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi relatati mad-data diġitali permezz tal-komunikazzjonijiet elettroniċi.

5.1.1.

Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Unjoni qed taqdi r-rwol tagħha ta’ difensur tad-drittijiet taċ-ċittadini u tal-konsumaturi.

5.1.2.

Huwa jenfasizza li għalkemm il-mira hija l-armonizzazzjoni, l-interpretazzjoni ta’ diversi kunċetti hija r-responsabilità tal-Istati Membri, u dan jibdel ir-Regolament fi speċi ta’ direttiva li tħalli spazju wiesa’ għall-kommodifikazzjoni ta’ data privata. B’mod partikolari, il-qasam tas-saħħa huwa bieb miftuħ għall-ġbir ta’ kwantitajiet enormi ta’ data privata.

5.1.3.

L-Artikoli 11(1), 13(2), 16(4) u (5), u 24 huma pjuttost dispożizzjonijiet għal miżuri ta’ “traspożizzjoni” li jixirqu għal direttiva u mhux għal regolament. Hemm diskrezzjoni wisq kbira għall-operaturi bil-għan li tittejjeb il-kwalità tas-servizzi (l-Artikoli 5 u 6). Dan ir-Regolament għandu jkun parti integrali mill-proposta għal Direttiva imsejjħa “Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi” [COM(2016) 590 final)].

5.1.4.

Il-KESE jikkundanna bil-qawwa l-fatt li s-sovrapożizzjoni, l-ammont kbir ta’ dawn it-testi u l-kumplessità tagħhom ifisser li apparti minn ċerti gruppi ta’ nies intiżi dwar il-qasam, dawn mhux se jinqraw. Fil-fatt, huwa neċessarju li wieħed jikkonsulta minn test għal ieħor kontinwament. Barra minn hekk, il-valur miżjud tagħhom mhuwiex viżibbli għaċ-ċittadin. Din id-diffikultà ta’ qari u din il-kumplessità tal-proposta huma kuntrarji għall-ispirtu tal-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT) u tal-għan ta’ “regolamentazzjoni aħjar”, se jagħmluha diffiċli li jiġi interpretat u se jiftħu lakuni fil-protezzjoni.

5.1.5.

Bħala eżempju, il-proposta għal Regolament ma fihiex definizzjoni tal-kunċett ta’ “operatur”; wieħed irid jirreferi għall-abbozz tal-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (4), li għadu ma daħalx fis-seħħ, li se jibdel ir-regoli tas-settur bħala parti mis-suq uniku diġitali, jiġifieri d-Direttiva qafas 2002/21/KE, id-Direttiva “awtorizzazzjoni” 2002/20/KE, id-Direttiva “servizz universali” 2002/22/KE u d-Direttiva “aċċess” 2002/19/KE, kif ġew emendati; ir-Regolament (KE) Nru 1211/2009 li jistabbilixxi l-BEREC, id-Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju 676/2002/KE, id-Deċiżjoni 2002/622/KE li tistabbilixxi grupp għall-politika tal-ispettru tar-radju u d-Deċiżjoni 243/2012/UE li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju (l-RSPP). Ir-referenza fundamentali tibqa’ naturalment ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (ara l-paragrafu 2.2) li l-proposta eżaminata tipproponi li jitlesta u għalhekk hija sussidjarja għalih.

5.2.

Il-KESE jenfasizza b’mod partikolari l-kontenut tal-Artikolu 8 dwar il-protezzjoni tad-data miżmuma f’tagħmir terminali u l-eċċezzjonijiet potenzjali, u dan huwa artikolu fundamentali ’l għaliex jagħti lis-soċjetà tal-informazzjoni l-possibbiltajiet li jkollha aċċess għad-data privata. Huwa jenfasizza wkoll il-kontenut tal-Artikolu 12 dwar ir-restrizzjoni tal-identifikazzjoni ta’ min qed iċempel u tal-linja konnessa – artikoli ftit huma aċċessibbli għal min mhuwiex intiż fil-qasam.

5.2.1.

Id-Direttiva tal-1995 (Artikolu 2) iddefinixxiet id-“data personali” bħala kull data relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (suġġett tad-data). Ir-Regolament eżaminat iwessa’ l-protezzjoni tad-data għall-metadata u issa japplika għall-persuni fiżiċi bħalma japplika għall-persuni ġuridiċi. Għandu jiġi enfasizzat mill-ġdid li l-abbozz għandu objettiv doppju: minn naħa li jipproteġi d-data personali u min-naħa l-oħra li jassigura ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tad-data u tas-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fi ħdan l-UE (Artikolu 1).

5.2.2.

Il-KESE jenfasizza li r-rieda li tiġi protetta d-data tal-persuni ġuridiċi (Artikolu 1(2)) se tiltaqa’ ma’ testi oħrajn fejn hija nieqsa: ma jintqalx b’mod ċar li jridu japplikaw għall-każ tagħhom (ara r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, id-data fl-istituzzjonijiet Ewropej).

5.3.

Il-KESE jistaqsi jekk l-għan reali ta’ din il-proposta huwiex li ssir aktar enfasi fuq l-Artikolu 1(2) tagħha jiġifieri li tiżgura “l-moviment liberu ta’ data ta’ komunikazzjoni elettronika u ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika fl-Unjoni, li la għandu jkun ristrett u lanqas ipprojbit għal raġunijiet relatati mar-rispett għall-privatezza u l-komunikazzjonijiet ta’ persuni fiżiċi, minflok li jiżgura realment dak li tħabbar fl-Artikolu 1(1) tagħha, jiġifieri “d-dritt għar-rispett għall-privatezza u l-komunikazzjonijiet ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi u l-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali”.

5.4.

Kollox huwa bbażat fuq l-espressjoni tal-kunsens tal-persuna, fiżika jew ġuridika. Għaldaqstant, għall-KESE, l-utenti għandhom ikunu informati, imħarrġa, u attenti, għaliex ladarba jagħtu l-kunsens tagħhom, il-fornitur jista’ jkompli jipproċessa l-kontenut u l-metadata biex jikseb l-aktar azzjonijiet u qligħ possibbli. Kemm hawn min jaf li cookie hija traċċatur qabel jaċċettawha? Li l-utenti jiġu edukati dwar kif għandhom jużaw id-drittijiet tagħhom, bħall-anonimizzazzjoni jew il-kriptaġġ, għandhom ikunu prijoritajiet relatati ma’ dan ir-Regolament.

6.   Kummenti speċifiċi

6.1.

Id-data privata għandha tinġabar biss minn organizzazzjonijiet li jirrispettaw huma nfushom kundizzjonijiet stretti ħafna u li jimmiraw għal għanijiet magħrufa u leġittimi (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data).

6.2.

Il-Kumitat jiddispjaċih mill-ġdid “li hemm għadd kbir ta’ eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet li jaffettwaw il-prinċipji dikjarati tal-liġi għall-protezzjoni tad-dejta personali” (5). Il-bilanċ bejn il-libertà u s-sigurtà għandu jibqa’ l-marka tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-bilanċ bejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-industrija. Il-grupp ta’ ħidma dwar l-Artikolu 29 stqarr b’mod sever li fl-analiżi tiegħu tal-abbozz ta’ Regolament (WP247 tal-4.4.2017, opinjoni 1/2017, punt 17) dan naqqas il-livell ta’ protezzjoni definit fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, jiġifieri fir-rigward tal-lokalizzazzjoni tat-terminal, in-nuqqas ta’ limitazzjoni tal-ambitu tad-data li tista’ tinġabar, u ma jistabbilixxi l-ebda protezzjoni tal-privatezza bħala prinċipju (punt 19).

6.3.

Id-data hija bħal estensjoni tal-persuna, identità fantażma, bħal “Shadow-ID”. Id-data hija tal-persuna li toħloqha, iżda wara li tkun trattata, ma tibqax taħt l-influwenza ta’ dik il-persuna. Għaż-żamma u t-trasferiment tad-data, kull Stat jibqa’ responsabbli u mhemmx armonizzazzjoni minħabba l-limitazzjonijiet possibbli tad-drittijiet miftuħa mill-abbozz tat-test. Il-Kumitat jenfasizza r-riskju ta’ disparitajiet marbut mal-fatt li l-limitazzjoni tad-drittijiet titħalla għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri.

6.4.

Tqum mistoqsija speċjalment għall-persuni li jaħdmu fl-intrapriżi: ta’ min hi d-data li jiġġeneraw waqt il-ħidma tagħhom? U kif tiġi protetta?

6.5.

Is-sistema tal-kontroll mhijiex ċara ħafna (6); minkejja s-superviżjoni mill-KEPD, il-garanziji kontra l-arbitraġġ ma jidhrux biżżejjed, u l-ħin meħtieġ biex il-proċedimenti jwasslu għal sanzjoni ma ġiex ivvalutat.

6.6.

Il-KESE jitlob li jinħoloq portal Ewropew fejn ikunu miġbura u aġġornati t-testi kollha Ewropej u nazzjonali, id-drittijiet kollha, ir-rimedji legali, il-każijiet ta’ ġurisprudenza, elementi prattiċi li jgħinu liċ-ċittadini u lill-konsumaturi jorjentaw ruħhom fil-ġungla tat-testi u tal-applikazzjonijiet fil-prattika, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom. Dan il-portal irid ikun ispirat talinqas mill-preskrizzjonijiet tad-Direttiva (UE) 2016/2102 tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibilità tas-siti web u l-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku, u l-prinċipji mħaddna fil-premesi 12, 15 u 21 tal-proposta għal direttiva dwar L-Att Ewropew għall-Aċċessibbiltà 2015/0278(COD) u joffri kontenut aċċessibbli u komprensibbli għall-utenti finali kollha. Il-KESE huwa lest li jieħu sehem fl-istadji ta’ definizzjoni ta’ dan il-portal.

6.7.

Fl-Artikolu 22 tonqos referenza għall-“azzjonijiet kollettivi” kif diġà nnota l-KESE fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi.

6.8.

Il-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni materjali (Artikolu 2(2)), l-estensjoni tas-setgħa tal-ipproċessar tad-data mingħajr il-kunsens tas-sid (Artikolu 6(1) u (2)), u l-kunċett improbabbli li jinkiseb il-kunsens tal-utenti KOLLHA kkonċernati (punt 3 subparagrafu b) u l-Artikoli 8(1), (2) u (3)), il-limitazzjonijiet għad-drittijiet li jistgħu japplikaw l-Istati Membri jekk iħossu li huma miżuri “meħtieġa, xierqa u proporzjonati”, huma kollha regoli li l-kontenut tagħhom tant jista’ jiġi interpretat b’diversi modi li jirriżulta kuntrarju għal protezzjoni reali tal-privatezza. Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-protezzjoni ta’ data personali li tirrigwarda lill-minorenni.

6.9.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon id-dritt ta’ skrutinju stipulat fl-Artikolu 12, iżda jirrimarka dwar il-formulazzjoni partikolarment stretta li tidher li tiffavorixxi l-użu ta’ telefonati “mhux magħrufa” jew “moħbija”, bħallikieku l-anonimità kienet rakkomandata, meta fil-fatt il-prinċipju għandu jkun l-identikazzjoni tat-telefonati.

6.10.

Il-komunikazzjonijiet mhux mitluba (Artikolu 16) u l-prospezzjoni diretta diġà huma s-suġġett tad-Direttiva dwar il-“prattiki kummerċjali żleali” (7). Is-sistema prestabbilita għandha tkun opt-in (l-aċċettazzjoni) u mhux opt-out (ir-rifjut).

6.11.

Il-valutazzjoni mill-Kummissjoni hija prevista kull tliet snin, madankollu, fil-qasam diġitali, din l-iskadenza hija twila wisq. Wara żewġ valutazzjonijiet, id-dinja diġitali tkun inbidlet kompletament. Madankollu, id-delega (Artikolu 25), li tista’ tiġi estiża, għandu jkollha terminu fiss, li jista’ jiġġedded.

6.12.

Il-leġislazzjoni għandha tħares id-drittijiet tal-utenti (Artikolu 3 tat-TUE), filwaqt li tiżgura l-istabilità ġuridika meħtieġa għall-attività kummerċjali. Il-KESE jiddispjaċih li l-fluss tad-data minn magna għal magna (M2M) mhuwiex inkluż fil-proposta: wieħed irid jirreferi għall-Kodiċi Ewropew tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (il-Proposta għal Direttiva, Artikoli 2 u 4).

6.12.1.

L-Internet tal-oġġetti (IoT) (8) se jwassal lill-“BigData” għall-“Huge Data” imbagħad għall-“All Data”. Dan huwa importanti għall-mewġ ta’ innovazzjoni fil-ġejjieni. U l-magni, kbar u żgħar, jikkomunikaw u jittrażmettu data privata bejniethom (l-arloġġ tiegħek jirreġistra t-taħbit tal-qalb, li jitrażmetti lill-kompjuter tat-tabib tiegħek, eċċ.). Ħafna atturi diġitali nedew il-pjattaforma tagħhom stess riservata għall-oġġetti konnessi: Amazon, Microsoft, Intel jew, fi Franza, Orange u La Poste.

6.12.2.

L-IoT ta’ kuljum jista’ faċilment ikun soġġett għal intrużjonijiet malizzjużi, il-kwantitajiet ta’ informazzjoni personali li jistgħu jinġabru mill-bogħod qed jiżdiedu (ġeolokalizzazzjoni, data dwar is-saħħa, flussi ta’ vidjows u awdjo). Il-lakuni fil-protezzjoni tad-data jinteressaw, fost oħrajn, lill-kumpaniji tal-assigurazzjoni li qed jibdew joffru lill-klijenti tagħhom li jadottaw mezzi konnessi u jassumu r-responsabilità tal-imġiba tagħhom.

6.13.

Għadd ta’ ġganti tal-Internet jippruvaw jibdlu l-applikazzjoni oriġinali tagħhom f’pjattaforma: għalhekk huwa xieraq li ssir distinzjoni bejn l-applikazzjoni Facebook mill-pjattaforma Facebook, li tippermetti lill-iżviluppaturi jibnu applikazzjonijiet aċċessibbli mill-profili tal-utenti. Amazon, min-naħa tagħha kienet applikazzjoni web speċjalizzata fil-bejgħ onlajn. Illum, din saret pjattaforma, li tippermetti lil partijiet terzi – minn individwi għal gruppi kbar – li jbiegħu l-prodotti tagħhom billi jieħdu vantaġġ mir-riżorsi ta’ Amazon: ir-reputazzjoni, il-loġistika, eċċ. Dan kollu jseħħ permezz ta’ trasferimenti ta’ data personali.

6.14.

L-ekonomija kollaborattiva qed tara l-proliferazzjoni tal-pjattaformi: “pjattaforma li, permezz ta’ mezzi elettroniċi fost oħrajn, tqiegħed f’kuntatt, min-naħa, diversi atturi li jkollhom oġġetti jew servizzi u, min-naħa l-oħra, għadd kbir ta’ utenti” (9). Għalkemm dawn ikunu mfittxija għall-attività u l-impjiegi li jipprovdu, il-KESE huwa mħasseb dwar kif se jkun jista’ jiġi kkontrollat it-trasferiment tad-data li jiġġeneraw, kemm fl-applikazzjoni tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data kif ukoll f’dik ta’ dan ir-Regolament.

Brussell, il-5 ta’ Lulju 2017.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  11.6.2013-IP/13/525 u Memo13/531-DG Ġustizzja.

(2)  Id-Direttiva 2002/58/KE tipprojbixxi fost l-oħrajn il-junk mail (spam) (Artikolu 13) billi tistabbilixxi, wara l-emenda tal-2009, il-prinċipju msejjaħ ta’ “opt-in”, li taħtu operatur irid jikseb il-kunsens tad-destinatarju qabel ma jibgħatlu “messaġġi kummerċjali”.

(3)  COM (2016) 590 final, 12.10.2016, Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, p. 2. (ĠU C 125, 21.4.2017, p. 56).

(4)  COM(2016)590 finali u l-Annessi 1 sa 11, 12.10.2016 (ĠU C 125, 21.4.2017, p. 56).

(5)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 56ĠU C 110, 9.5.2006, p. 83.

(6)  Il-Kapitolu IV ta’ dan ir-Regolament jirreferi għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VII, b’mod partikolari l-Artikolu 68 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.

(7)  ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22, Artikoli 8 u 9.

(8)  WP247/17 Opinjoni tal-1.4.2017, ĠU C 12, 15.1.2015, p. 1.

(9)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 56.


Top