Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016XC1224(03)

    Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Ottubru 2015 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE (Il-Każ AT.39639 — Disk Drives Ottiċi) (notifikata bid-dokument C(2015) 7135)

    ĠU C 484, 24.12.2016, p. 27–29 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    24.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 484/27


    Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

    tal-21 ta’ Ottubru 2015

    li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE

    (Il-Każ AT.39639 — Disk Drives Ottiċi)

    (notifikata bid-dokument C(2015) 7135)

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    (2016/C 484/10)

    Fil-21 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003  (1) , il-Kummissjoni qiegħda hawnhekk tippubblika l-ismijiet tal-partijiet u tal-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, inkluża kull piena imposta, fid-dawl tal-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti tan-negozju tagħhom.

    1.   INTRODUZZJONI

    (1)

    Fil-21 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni li tirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 101 tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE fis-settur tad-disk drives ottiċi. Id-destinatarji tad-Deċiżjoni kkoordinaw l-imġiba tagħhom fis-sejħiet għal offerti għal disk drives ottiċi (“DDO”) għal laptops u kompjuters prodotti minn żewġ manifatturi tal-kompjuters, Dell, Inc. (“Dell”) u Hewlett Packard (“HP”).

    2.   DESKRIZZJONI TAL-KAŻ

    2.1.   Proċedura

    (2)

    Wara l-applikazzjoni għall-immunità konġunta ta’ Koninklijke Philips Electronics N.V., Lite-On IT Corporation u Philips & Lite-On Digital Solutions Corporation skont it-termini tal-Avviż ta’ Klemenza tal-2006, il-Kummissjoni indirizzat, fid-29 ta’ Ġunju 2009, talbiet immirati għall-informazzjoni indirizzati lill-impriżi li huma attivi fl-industrija u rċeviet talba għal klemenza sussegwenti minn Hitachi-LG Data Storage, Inc.

    (3)

    Fit-18 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”) f’dan il-każ. Id-destinatarji tad-Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet għarrfu bil-miktub il-fehmiet tagħhom dwar l-oġġezzjonijiet imqajma kontrihom u ngħataw l-opportunità li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jinstemgħu billi jieħdu sehem f’seduta ta’ smigħ orali li saret bejn id-29 u t-30 ta’ Novembru 2012.

    (4)

    Fit-18 ta’ Frar 2014, il-Kummissjoni adottat żewġ Dikjarazzjonijiet Supplimentari ta’ Oġġezzjonijiet (“DSO tat-18 ta’ Frar 2014”) sabiex tissupplimenta, timmodifika u/jew tiċċara l-oġġezzjonijiet indirizzati lil ċerti destinatarji tad-DO rigward ir-responsabbiltà tagħhom għall-ksur allegat.

    (5)

    Fl-1 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni Supplimentari ta’ Oġġezzjonijiet oħra (“id-DSO tal-1 ta’ Ġunju 2015”). L-għan ewlieni tad-DSO tal-1 ta’ Ġunju 2015 kien li jiġu ssupplimentati d-DO u d-DSO tat-18 ta’ Frar 2014 billi jiġu indirizzati l-oġġezzjonijiet mid-DO oriġinali lill-entitajiet ġuridiċi addizzjonali li jappartjenu għall-gruppi korporattivi li kienu destinatarji tad-DO.

    (6)

    Id-destinatarji tad-DSOs tat-18 ta’ Frar 2014 u tal-1 ta’ Ġunju 2015 ippreżentaw l-kummenti tagħhom bil-miktub lill-Kummissjoni, iżda ma talbux seduta orali.

    (7)

    Fit-3 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni ħarġet Ittra tal-Fatti lill-partijiet kollha. Id-destinatarji tal-Ittra tal-Fatti ppreżentaw il-kummenti tagħhom bil-miktub lill-Kummissjoni.

    (8)

    Il-Kumitat Konsultattiv dwar il-Prattiċi Restrittivi u l-Pożizzjonijiet Dominanti ħareġ opinjoni favorevoli fil-5 u l-15 ta’ Ottubru 2015.

    2.2.   Sommarju tal-ksur

    (9)

    Il-ksur involva kollużjoni fir-rigward ta’ sejħiet għal offerti organizzati minn Dell u HP fil-perjodu 2004-2008. L-investigazzjoni skopriet netwerk ta’ kuntatti bilaterali paralleli biex jimmanipula offerti, bis-sostituzzjoni ta’ inċertezzi inerenti f’kompetizzjoni b’kollużjoni. Il-partijiet ikkomunikaw lil xulxin l-intenzjonijiet tagħhom rigward il-klassifikazzjoni u/jew l-ipprezzar fis-sejħiet għal offerti u skambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva oħra relatata mal-akkwist.

    2.3.   Destinatarji

    (10)

    L-impriżi li ġejjin kisru l-Artikolu 101 tat-Trattat u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE billi pparteċipaw, matul il-perjodi indikati, fi ksur ta’ kartell fis-settur tad-disk drives ottiċi:

    (a)

    Philips Electronics North America Corporation, Koninklijke Philips N.V. (minn hawn ‘il quddiem “Philips”) mit-13 ta’ Settembru 2004 sas-6 ta’ Awwissu 2006

    (b)

    Lite-On Sales & Distribution, Inc., Lite-On Technology Corporation (minn hawn ‘il quddiem “Lite-On”) mit-23 ta’ Awwissu 2004 sal-4 ta’ Marzu 2007

    (c)

    Philips & Lite-On Digital Solutions USA, Inc., Philips & Lite-On Digital Solutions Corporation (minn hawn ‘il quddiem “PLDS”) mis-7 ta’ Awwissu 2006 sal-25 ta’ Novembru 2008

    (d)

    Hitachi-LG Data Storage Korea, Inc., Hitachi-LG Data Storage, Inc. (minn hawn ‘il quddiem “HLDS”) mit-23 ta’ Ġunju 2004 sal-25 ta’ Novembru 2008

    (e)

    Toshiba Samsung Storage Technology Korea Corporation, Toshiba Samsung Storage Technology Corporation (minn hawn ‘il quddiem “TSST”) mit-23 ta’ Ġunju 2004 sas-17 ta’ Novembru 2008

    (f)

    Sony Electronics Inc., Sony Corporation (minn hawn ‘il quddiem “Sony”) mit-23 ta’ Awwissu 2004 sal-15 ta’ Settembru 2006

    (g)

    Sony Optiarc America Inc., mill-25 ta’ Lulju 2007 sal-31 ta’ Ottubru 2007; Sony Optiarc Inc. (minn hawn ‘il quddiem “Optiarc”) mill-25 ta’ Lulju 2007 sad-29 ta’ Ottubru 2008

    (h)

    Quanta Storage Inc. mill-14 ta’ Frar 2008 sat-28 ta’ Ottubru 2008.

    2.4.   Rimedji

    (11)

    Id-Deċiżjoni tapplika l-Linji Gwida tal-2006 dwar il-multi (2).

    2.4.1.   L-ammont bażiku tal-multa

    (12)

    Sabiex jiġi rifless aħjar l-impatt konkret tal-kartell, jintuża sostitut għall-valur annwali ta’ bejgħ (ibbażat fuq il-valur attwali ta’ bejgħ ta’ DDO fiż-ŻEE magħmul mill-impriżi fil-perjodu rilevanti ta’ parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur) bħala l-bażi għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multi imposti.

    (13)

    Meta titqies in-natura tal-ksur u l-firxa ġeografika tiegħu, il-perċentwal tal-ammont varjabbli tal-multa u l-ammont addizzjonali (“il-ħlas tad-dħul”) hu stabbilit għal 16 % tal-valur tal-bejgħ għall-ksur.

    (14)

    L-ammont varjabbli hu mmultiplikat bin-numru ta’ snin jew bi frazzjonijiet tas-sena b’mod rispettiv għall-parteċipazzjoni tal-kumpanija fil-ksur, sabiex jitqies b’mod sħiħ il-perjodu tal-parteċipazzjoni fil-ksur għal kull impriża individwali. Il-Kummissjoni tqis it-tul attwali ta’ parteċipazzjoni fil-ksur tal-partijiet fuq bażi (imqarrba) ta’ kull xahar u pro rata.

    (15)

    Minħabba li l-kuntatti fir-rigward ta’ Dell bdew qabel dawk fir-rigward ta’ HP, il-valur tal-bejgħ huwa kkalkulat separatament għal kull klijent u żewġ multiplikaturi ta’ tul ta’ żmien huma applikati bħala konsegwenza.

    (16)

    Il-valur tal-bejgħ għal Philips, Sony u Optiarc ġie kkalkulat biss fuq il-bażi tal-bejgħ lil Dell, peress li ma ġiex stabbilit li dawn it-tliet impriżi pparteċipaw f’imġiba antikompetittiva fir-rigward ta’ HP.

    2.4.2.   Aġġustamenti għall-ammont bażiku

    (17)

    Ma hemm l-ebda ċirkostanzi aggravanti li ġew meqjusa mill-Kummissjoni f’dan il-każ.

    (18)

    Jiġi applikat fattur mitiganti lil Philips, Sony u Optiarc biex jintwera n-nuqqas ta’ għarfien u responsabbiltà tagħhom għall-parti mill-ksur uniku u kontinwat li jirrigwarda HP.

    2.4.3.   Żieda speċifika bħala deterrent

    (19)

    F’dan il-każ, multiplikatur ta’ dissważjoni ta’ 1,2 jiġi applikat lil Sony.

    2.4.4.   L-applikazzjoni tal-limitu tal-fatturat ta’ 10 %

    (20)

    L-ammonti finali individwali tal-multi huma taħt l-10 % tal-fatturat dinji tal-impriżi indirizzati kollha, ħlief TSST.

    2.4.5.   L-applikazzjoni tal-Avviż ta’ Klemenza tal-2006

    (21)

    L-impriżi Philips, Lite-On and PLDS kienu l-ewwel li ppreżentaw informazzjoni u evidenza li ssodisfat il-kundizzjonijiet tal-punt 8(a) tal-Avviż ta’ Klemenza tal-2006. Il-multa imposta hi mnaqqsa b’100 % għat-tliet impriżi.

    (22)

    L-impriża HLDS tingħata tnaqqis ta’ 50 % għall-ksur kif ukoll tnaqqis addizzjonali fl-applikazzjoni tal-aħħar paragrafu tal-punt 26 tal-Avviż ta’ Klemenza sal-punt li l-informazzjoni pprovduta minn HLDS ippermettiet lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi fatti li jestendu t-tul taż-żmien tal-ksur.

    3.   MULTI IMPOSTI MID-DEĊIŻJONI

    (23)

    Għall-ksur uniku u kontinwu tad-DDO, ġew imposti l-multi li ġejjin:

    (a)

    Koninklijke Philips N.V. u Philips Electronics North America Corporation, responsabbli in solidum: EUR 0

    (b)

    Lite-On Technology Corporation u Lite-On Sales & Distribution, Inc., responsabbli in solidum: EUR 0

    (c)

    Philips & Lite-On Digital Solutions Corporation u Philips & Lite-On Digital Solutions USA, Inc., responsabbli in solidum: EUR 0

    (d)

    Hitachi-LG Data Storage, Inc., Hitachi-LG Data Storage Korea, Inc., responsabbli in solidum: EUR 37 121 000

    (e)

    Toshiba Samsung Storage Technology Corporation u Toshiba Samsung Storage Technology Korea Corporation, responsabbli in solidum: EUR 41 304 000

    (f)

    Sony Corporation u Sony Electronics Inc., responsabbli in solidum: EUR 21 024 000

    (g)

    Sony Optiarc Inc.: EUR 9 782 000, li minnhom EUR 5 433 000 responsabbli in solidum ma’ Sony Optiarc America Inc.

    (h)

    Quanta Storage Inc.: EUR 7 146 000.


    (1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 411/2004 (ĠU L 68, 6.3.2004, p. 1).

    (2)  ĠU C 210, 1.9.2006, p. 2.


    Top