|
Sommarju Eżekuttiv
|
|
Il-valutazzjoni tal-impatt dwar il-proposta għal Direttiva li temenda d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/315/ĠAI, fir-rigward l-iskambju ta’ informazzjoni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi u fir-rigward tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali (ECRIS), u tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/316/ĠAI
|
|
A. Ħtieġa ta' azzjoni
|
|
Għala? X'inhi l-problema li qed tiġi indirizzata?
|
|
Is-sistema elettronika eżistenti (ECRIS - Is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali) għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar kundanni preċedenti li ngħataw kontra persuna speċifika mill-qrati kriminali fl-UE għall-finijiet ta’ proċedimenti kriminali u, jekk tkun tippermetti l-liġi nazzjonali, għal finijiet oħra, mhix effiċjenti għal ċittadin ta' pajjiż terz (TCN -third-country national). L-ECRIS ma tinkludix mekkaniżmu biex jidentifika faċilment lill-Istati Membri li jkollhom informazzjoni dwar ir-rekord kriminali ta' TCN. L-Istati Membri li jridu jkunu jridu informazzjoni bħal din iridu jibagħtu talbiet "ġenerali" lill-Istati Membri kollha, inklużi l-Istati Membri (il-parti l-kbira tagħhom) li ma jkollhomx l-informazzjoni mitluba. Il-piż amministrattiv ikkawżat milli jkollok twieġeb talbiet "ġenerali" ġie identifikat bħala l-iktar element li jiswa l-flus (stmat għal sa EUR 78 miljun) tal-mod ta' kif taħdem l-ECRIS, li kieku l-Istati Membri kellhom jibagħtu sistematikament dawn it-talbiet. Billi l-ECRIS mhuwiex effiċjenti fir-rigward tat-TCN, fil-prattika, l-Istati Membri ma jużawx il-potenzjal kollu tal-ECRIS fir-rigward tat-TCN. Għalhekk, l-informazzjoni kompluta dwar l-istorja kriminali ta' TCN ikkundannat ma tkunx dejjem disponibbli għall-qrati, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, u awtoritajiet amministrattivi oħrajn skont il-liġi nazzjonali. Ma hemmx mezzi ta' skambju ta' informazzjoni oħrajn li huma daqstant effiċjenti jew aħjar.
|
|
X'mistennija tikseb din l-inizjattiva?
|
|
Objettivi ġenerali:
Li ttejjeb il-funzjonament ta’ qasam komuni ta’ sigurtà u ġustizzja billi ttejjeb l-iskambju ta’ informazzjoni f’materji kriminali.
Li tnaqqas il-kriminalità u trawwem il-prevenzjoni tal-kriminalità (anki fir-rigward tat-terroriżmu).
Li tassigura t-trattament indaqs tat-TCN u taċ-ċittadini tal-UE fir-rigward ta’ skambju effiċjenti ta’ informazzjoni ta’ rekords kriminali.
Objettivi speċifiċi:
Li tnaqqas l-għadd ta' talbiet mhux meħtieġa għal informazzjoni dwar ir-rekords kriminali relatati ma' TCN u l-kostijiet riżultanti.
Li żżid l-iskambju ta’ informazzjoni ta’ rekords kriminali permezz tal-ECRIS fir-rigward ta’ TCN.
|
|
X'inhu l-valur miżjud ta' azzjoni fil-livell tal-UE?
|
|
L-inizjattiva hija mistennija tipprovdi mekkaniżmu komuni li jimmira lejn skambju ta’ informazzjoni dwar kundanni kriminali standardizzat, rapidu, ikkoordinat u effiċjenti bejn l-Istati Membri. Dan l-objettiv ma jistax jinkiseb mill-Istati Membri waħedhom iżda jeħtieġ azzjoni kollettiva mill-Istati Membri kollha. Wieħed ma jistax jistenna li azzjoni mhux ikkoordinata fil-livell ta’ Stat Membru tipproduċi effetti suffiċjenti ta’ skala li jegħlbu n-nuqqasijiet tas-sistema fil-forma attwali tagħha.
|
|
B. Soluzzjonijiet
|
|
X'għażliet ta' politiki leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi ġew ikkunsidrati? Hemm alternattiva ppreferuta? Għala?
|
|
Alternattiva 1: iż-żamma tal-istatus quo.
Alternattiva 2: alternattiva mhux leġiżlattiva: proġett volontarju fost l-Istati Membri għal mekkaniżmu iktar effiċjenti għall-iskambju ta' informazzjoni dwar rekords kriminali ta' TCN, ikkofinanzjat mill-Kummissjoni.
Alternattiva 3 (l-alternattiva ppreferuta): alternattiva leġiżlattiva: mekkaniżmu ta' tfittxija biex jiġu identifikati l-Istati Membri li jkollhom informazzjoni dwar ir-rekord kriminali ta' TCN li jikkonsisti f'dejta tal-identità ta' TCN ikkundannat (index-filter) li tista' ssir tfittxija fih b'mekkaniżmu ta' tfittxija hit / no-hit. L-index-filter ikun anonimizzat u distribwit lill-Istati Membri l-oħra kollha u jippermettilhom li jagħmlu t-tfittxijiet mill-binjiet tagħhom stess. "Hit" tidentifika l-Istati Membri li jkollhom informazzjoni dwar ir-rekord kriminali dwar TCN partikolari. L-informazzjoni kompluta tista' mbagħad tintalab permezz tal-ECRIS stabbilita.
Alternattiva 4: bħall-alternattiva 3 imma d-dejta tal-indiċi tiġi ssejvjata f'entità ċentrali tal-UE u tkun anonimizzata.
L-alternattiva 3 hija l-alternattiva ppreferuta għax toffri mekkaniżmu biex jiġu identifikati b'mod effiċjenti liema Stati Membri jżommu informazzjoni ta’ rekords kriminali dwar TCN partikolari. Billi l-alternattiva 3 timplika obbligu legali għall-Istati Membri kollha, hija tiggarantixxi approċċ komuni. L-alternattiva 3 ma teħtieġx it-twaqqif ta' sistema addizzjonali fil-livell tal-UE, u għalhekk hija iktar kosteffikaċi mill-alternattiva 4.
|
|
Min jappoġġa liem alternattiva?
|
|
L-Istati Membri kollha jappoġġaw alternattiva regolatorja. Maġġoranza kbira tal-Istati Membri jistgħu jappoġġaw l-alternattiva 3 jekk is-softwer addizzjonali meħtieġ ikun jista' jiġi integrat bla xkiel fin-netwerks eżistenti fil-livell nazzjonali u jkun hemm appoġġ finanzjarju disponibbli. Xi ftit Stati Membri jappoġġaw l-alternattiva 4. Il-partijiet ikkonċernati mid-drittijiet fundamentali jaraw il-merti ta' sistema deċentralizzata meta mqabbla ma' waħda ċentrali.
|
|
C. Impatti tal-alternattiva ippreferuta
|
|
X'inhuma l-benefiċċji tal-alternattiva ppreferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)?
|
|
Ma hemm l-ebda impatt dirett sinifikanti fl-oqsma ekonomiċi, soċjali jew ambjentali.
|
|
X'inhuma l-kostijiet tal-alternattiva ppreferuta (jekk hemm, inkella dawk ewlenin)?
|
|
Il-kostijiet biex tiġi stabbilita huma:
- Għall-UE: EUR 1 089 000.
- għat-28 Stat Membru: EUR 768 000.
- Kostijiet totali biex tiġi stabbilita: EUR 1 857 000.
L-istimi tal-kostijiet kurrenti (manutenzjoni rikorrenti annwali u kostijiet amministrattivi) huma:
- Għall-UE: EUR 668 000.
- għat-28 Stat Membru: dawn il-kostijiet huma mistennija jiżdiedu gradwalment tul is-snin minn EUR 5 304 000 sa massimu ta' EUR 12 804 000.
- Il-kost kurrenti totali (imġarrab mit-28 Stat Membru u l-UE) huwa sussegwentement mistenni jiżdied gradwalment tul is-snin minn EUR 5 972 000 sa massimu ta' EUR 13 472 000.
|
|
Kif se jintlaqtu n-negozji, l-SMEs u l-mikrointrapriżi?
|
|
Mhux se jintlaqtu.
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali?
|
|
Ara aktar 'il fuq taħt "kostijiet tal-alternattiva ppreferuta".
|
|
Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra?
|
|
Mhux se jkun hemm impatti sinifikanti oħra.
|
|
D. Segwitu
|
|
Meta se tiġi riveduta l-politika?
|
|
Sentejn wara l-adozzjoni tal-istrument legali.
|