Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0022

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Jannar 2016 dwar baħħara Estonjani u tar-Renju Unit detenuti fl-Indja (2016/2522(RSP))

    ĠU C 11, 12.1.2018, p. 116–117 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.1.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 11/116


    P8_TA(2016)0022

    Ċittadini tal-UE taħt detenzjoni fl-Indja, b'mod partikolari baħħara Estonjani u tar-Renju Unit

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Jannar 2016 dwar baħħara Estonjani u tar-Renju Unit detenuti fl-Indja (2016/2522(RSP))

    (2018/C 011/12)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), b'mod partikolari l-Artikoli 9, 10 u 14 tiegħu,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS),

    wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi fit-12 ta' Ottubru 2013 l-ekwipaġġ ta' 35 persuna (inklużi 14-il Estonjan u 6 Brittaniċi, kif ukoll Indjani u Ukreni) tal-bastiment privat MV Seaman Guard Ohio, li jtajjar il-bandiera tas-Sierra Leone u bbażat fl-Istati Uniti, kien arrestat fl-istat tat-Tamil Nadu (l-Indja) u akkużat b'pussess illegali ta' armi fl-ilmijiet tal-Indja;

    B.

    billi l-ekwipaġġ apparentement kien fuq missjoni kontra l-pirati, ma wettaq l-ebda att aggressiv kontra ċittadini Indjani u b'mod konsistenti ċaħad li wettaq imġiba ħażina;

    C.

    billi l-akkużi twaqqgħu immedjatament wara imma l-awtoritajiet Indjani appellaw u l-Qorti Suprema ordnat li jsir il-proċess; billi l-irġiel ma setgħux iħallu l-Indja jew jaħdmu matul dak il-perjodu;

    D.

    billi kienu involuti trattativi b'mod estensiv u regolari fl-ogħla livelli bejn l-awtoritajiet tal-Indja u l-kontropartijiet Brittaniċi u Estonjani tagħhom, inkluż f'livell ministerjali kif ukoll tal-Prim Ministri; billi dan inkluda talba għar-ritorn bikri tal-14-il Estonjan u s-sitt Brittaniċi minn fost l-ekwipaġġ, filwaqt li nġibdet l-attenzjoni għat-tbatija finanzjarja tal-familji tagħhom u s-sofferenza mentali;

    E.

    billi fit-12 ta' Jannar 2016 kull wieħed mill-35 baħri u gwardji ingħata s-sentenza massima ta' 5 snin “ħabs iebes” u mmultat 3,000 rupee (40 EUR); billi l-irġiel issa jinsabu fil-ħabs ta' Palayamkottai, fit-Tamil Nadu; billi huma qed jikkunsidraw li jressqu appell kontra s-sentenzi fi żmien preskritt ta' 90 jum;

    F.

    billi din il-bidla fil-ġrajjiet qajmet stagħġib u biża' minn diversi nħawi;

    1.

    Jirrispetta s-sovranità u l-ġuriżdizzjoni tal-Indja fuq it-territorju tagħha u jirrikonoxxi l-integrità tas-sistema legali tal-Indja;

    2.

    Jikkondividi t-tħassib u sensittività fundati sew tal-Indja abbażi tal-esperjenza reċenti fir-rigward tat-terroriżmu;

    3.

    Jinsab konxju li l-persunal involut kien irrapportat impenjat fuq ħidma kontra l-pirati u li t-timijiet tal-protezzjoni abbord urew li kienu l-miżura unika l-iktar effettiva kontra l-piraterija u li jistħoqqilhom l-appoġġ tal-komunità internazzjonali, inkluż tal-Indja;

    4.

    Jistieden lill-awtoritajiet tal-Indja jiżguraw li l-każ tal-ekwipaġġ tal-MV Seaman Guard Ohio jiġi trattat fuq bażi ta' rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u legali tal-konvenuti, bi qbil mal-obbligi mniżżla f'diversi karti tad-drittijiet tal-bniedem, trattati u konvenzjonijiet li l-Indja ffirmat għalihom;

    5.

    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Indja biex jużaw att ta' simpatija f'dan il-każ, ħalli jsolvu l-proċedimenti legali malajr kemm jista' jkun, u biex jeħilsu l-persunal kollu kkonċernat sakemm jingħalqu l-proċessi ġudizzjarji sabiex jimminimizzaw l-effetti ħżiena fuq dawk involuti u l-familji tagħhom;

    6.

    Jirrakkomanda li l-Indja tikkunsidra li tiffirma d-Dokument ta' Montreux tat-18 ta' Settembru 2008 li, inter alia, jiddefinixxi kif id-dritt internazzjonali japplika għall-attivitajiet ta' kumpaniji militari u tas-sigurtà privati (PMSCs);

    7.

    Jenfasizza r-relazzjonijiet fit-tul u eċċellenti li jeżistu bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u l-Indja; iħeġġeġ lill-Indja u l-pajjiżi Ewropej ikkonċernati biex jiżguraw li dan l-inċident ma jitħalliex jaffettwa b'mod negattiv relazzjonijiet usa'; jenfasizza l-importanza ta' relazzjoni ekonomika, politika u strateġika mill-qrib bejn l-Indja u l-Istati Membri tal-UE kif ukoll l-UE;

    8.

    Jistieden lill-UE u lill-Indja jżidu l-kooperazzjoni f'materji ta' sigurtà marittima u ta' kontra l-piraterija, inkluż permezz tal-iżvilupp tad-duttrina internazzjonali u ta' proċeduri ta' operat standard, sabiex jisfruttaw b'mod sħiħ il-potenzjal offrut mir-rwol tal-Indja fir-reġjun; jemmen bis-sħiħ, barra minn hekk, li dan se jikkontribwixxi biex jiġu evitati milli jseħħu każijiet kontenzjużi simili fil-futur;

    9.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Gvernijiet u lill-Parlament tal-Indja.


    Top