Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IE1275

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-mekkaniżmu ta’ kontroll Ewropew dwar l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 34, 2.2.2017, p. 8–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

2.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 34/8


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-mekkaniżmu ta’ kontroll Ewropew dwar l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2017/C 034/02)

Relatur:

is-Sur José Antonio MORENO DÍAZ

Korelatur:

is-Sur Ákos TOPOLÁNSZKY

Konsultazzjoni

Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, 21/01/2016

Bażi legali

Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

 

 

Sezzjoni kompetenti

Ix-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

27/09/2016

Adottata fil-plenarja

19/10/2016

Sessjoni plenarja Nru

520

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

202/1/7

1.   Osservazzjonijiet u proposti tal-KESE: mekkaniżmu tal-UE dwar l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali

1.1.

L-Unjoni Ewropea mhijiex biss suq komuni; hija unjoni ta’ valuri komuni, kif previst fl-Artikolu 2 tat-Trattat. Barra minn hekk, tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Dawn il-valuri, li fuqhom tissejjes l-Unjoni Ewropea, jiffurmaw il-bażi tal-integrazzjoni u huma parti mill-identità Ewropea. Minbarra li huma kriterji għall-adeżjoni, jeħtieġ li mbagħad jiġu rispettati fil-prattika mill-Istati Membri. Għalhekk huwa essenzjali li l-proċeduri tat-Trattat jiġu applikati meta dawn il-valuri jiġu mhedda. Il-KESE huwa tal-fehma li l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jieħdu approċċ proattiv u preventiv fl-attivitajiet politiċi tagħhom, sabiex jiġu antiċipati u evitati l-problemi.

1.2.

Bħal bosta organizzazzjonijiet Ewropej tas-soċjetà ċivili, il-KESE jinsab ixxukkjat mid-deterjorament tad-drittijiet tal-bniedem, it-tendenza populista u awtoritarja li qed tinfirex u mir-riskju li dan iġib miegħu għall-kwalità tad-demokrazija u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, drittijiet li huma garantiti kemm mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u jikkostitwixxu prinċipji ġenerali tal-liġi tal-UE (1).

1.3.

Il-valuri msemmija hawn fuq qed jiġu mhedda fl-Ewropa kollha. Bosta organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qed jikkundannaw is-sitwazzjoni f’diversi Stati Membri u qed jittamaw li l-KESE ser jadotta inizjattivi ġodda bl-għan li l-istituzzjonijiet tal-UE jirrispondu b’mod deċiżiv. Mhux biss l-Unjoni Ewropea tinsab fil-periklu iżda anke l-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet demokratiċi nazzjonali u Ewropej. Il-KESE jqis ir-riskju bħala gravi ħafna u sistemiku fin-natura tiegħu.

1.4.

Il-kontenut speċifiku tal-prinċipji u l-istandards li jiġu mill-istat tad-dritt jista’ jvarja fil-livell nazzjonali, skont is-sistema kostituzzjonali ta’ kull Stat Membru. Madankollu, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll dokumenti mħejjija mill-Kunsill tal-Ewropa, b’mod partikolari l-Kummissjoni ta’ Venezja, jipprevedu dawn il-prinċipji u l-valuri tal-UE. Fost dawn il-prinċipji nsibu l-legalità, li timplika proċess leġislattiv trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralistiku; il-projbizzjoni tal-arbitrarjetà min-naħa tas-setgħat eżekuttivi; qrati indipendenti u imparzjali; rieżami ġudizzjarju effettiv, inkluż ir-rispett għad-drittijiet fundamentali; l-ugwaljanza quddiem il-liġi; u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tal-persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.

1.5.

Kemm il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ikkonfermaw li dawn il-prinċipji mhumiex rekwiżiti purament formali u proċedurali, iżda jikkostitwixxu l-mezzi li jiżguraw konformità mad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u r-rispett tagħhom. L-istat tad-dritt huwa prinċipju kostituzzjonali b’komponenti kemm proċedurali kif ukoll sostantivi.

1.6.

Ir-rispett tal-istat tad-dritt huwa marbut intrinsikament mar-rispett tad-demokrazija u d-drittijiet fundamentali: ma jistax ikun hemm demokrazija u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali mingħajr ir-rispett tal-istat tad-dritt, u viċi versa: id-drittijiet fundamentali huma effettivi biss jekk tkun tista’ tittieħed azzjoni ġudizzjarja fil-konfront tagħhom. Id-demokrazija hija protetta permezz tar-rwol fundamentali tal-ġudikatura, inklużi l-qrati kostituzzjonali. Ta’ min isemmi wkoll li dawn huma d-drittijiet tal-persuni, mhux tal-Istati Membri jew tal-gvernijiet. Għalhekk, li jiġu difiżi għandha tkun prijorità urġenti.

1.7.

Fid-dawl tal-ħidma tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Affarijiet Kostituzzjonali u tar-rapporti tal-Kummissjoni u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea, il-KESE jemmen li – eventwalment – ikun jeħtieġ li jiġi emendat l-Artikolu 51 (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sabiex jiġi estiż il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u sabiex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet kollha tal-Karta japplikaw fl-Istati Membri (3).

1.8.

Hemm djalogu regolari bejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; tali djalogu jista’ jissaħħaħ jekk l-UE taderixxi mal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR). Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni, fl-ewwel nofs tal-2017, tressaq proposta li l-UE taderixxi ma’ din il-Konvenzjoni, li huwa stabbilit fl-Artikolu 6(2) tat-Trattat.

1.9.

L-obbligi li jaqgħu fuq il-pajjiżi kandidati skont il-kriterji ta’ Copenhagen għandhom ikomplu japplikaw għall-Istati Membri wara li jissieħbu mal-UE abbażi tal-Artikolu 2 tat-Trattat u għaldaqstant il-KESE jemmen li l-Istati Membri kollha għandhom jiġu vvalutati fuq bażi regolari sabiex tiġi verifikata l-konformità kontinwa tagħhom mal-valuri fundamentali tal-UE u sabiex jiġi evitat li tisfa fix-xejn il-fiduċja reċiproka.

1.10.

Il-KESE jemmen li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom isaħħu l-proċeduri u l-mekkaniżmi li jipproteġu u jiddefendu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri kollha. F’dawn l-aħħar snin u speċjalment qabel l-2014, bi tħassib indunajna li l-Kummissjoni, minkejja li nediet proċeduri ta’ ksur f’ċerti każijiet, naqset milli twettaq ir-rwol tagħha bħala gwardjan tat-Trattati b’mod effettiv u ma setgħetx tipprovdi risposta adegwata għall-ksur tal-prinċipji u l-valuri Ewropej li seħħew f’diversi Stati Membri.

1.11.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu approċċ attiv biex tipproteġi u tiddefendi l-valuri u l-prinċipji tal-UE, kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-TUE, fl-Istati Membri kollha u tuża l-qafas eżistenti tal-2014 kemm jista’ jkun.

1.12.

Il-KESE jipproponi l-adozzjoni ta’ approċċ komuni bejn it-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE (il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament). Id-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet huma essenzjali għal kwistjoni daqstant importanti. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kunsill jappoġġja l-qafas eżistenti tal-Kummissjoni billi jadotta deċiżjoni tal-Kunsill li ssaħħaħ il-qafas u tappoġġja żieda fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt.

1.13.

L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaqdu rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-valuri demokratiċi, il-funzjonament kif imiss tal-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali. Minħabba t-tnaqqis tal-ispazju demokratiku u l-limitazzjonijiet li jiffaċċjaw l-NGOs fl-Istati Membri, ir-rwol pożittiv tal-NGOs fil-livell lokali huwa ammirevoli. Il-Kumitat qed jaħdem b’mod attiv ħafna mal-imsieħba soċjali u l-NGOs dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u d-drittijiet tal-minoranzi, ir-refuġjati u l-immigranti.

1.14.

Il-KESE, bħala korp li jirrappreżenta s-soċjetà ċivili organizzata Ewropea, jixtieq jiftaħ djalogu mal-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament, bl-għan li titjieb il-governanza u tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, u jimplimenta sistema ta’ twissija bikrija.

1.15.

Il-KESE jemmen li huwa indispensabbli li jinħoloq mekkaniżmu Ewropew li jkun legalment vinkolanti, qafas li jinvolvi b’mod attiv lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Kunsill u li fih il-KESE jaqdi rwol importanti ta’ rappreżentant tas-soċjetà ċivili. Dan il-mekkaniżmu ser jikkomplementa l-qafas tal-Kummissjoni u d-djalogu intergovernattiv imniedi mill-Kunsill. Dan il-mekkaniżmu jista’ jissejjaħ il-“mekkaniżmu l-ġdid ta' Copenhagen” (4) u jkun soġġett għal sorveljanza demokratika u ġudizzjarja (5).

Dan il-mekkaniżmu għandu, fost affarijiet oħra, jeżamina aspetti bħal-legalità, il-ġerarkija tan-normi, iċ-ċertezza legali, l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni, l-aċċess liberu għall-ġustizzja u proċess ġust, il-prevenzjoni tal-abbuż tad-dritt u tal-arbitrarjetà min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi, is-separazzjoni tas-setgħat, ir-rispett u l-protezzjoni għall-pluraliżmu politiku, il-minoranzi u d-diversità soċjali u sesswali, eċċ., ir-rispett tal-libertà tal-espressjoni u tal-istampa, bil-għan li jiġu identifikati n-nuqqasijiet attwali u li jsir appell biex dawn jiġu rimedjati.

1.16.

Il-Kumitat jixtieq li l-abbozz ta’ rapport li qed jiġi diskuss mill-Kumitat LIBE tal-Parlament Ewropew jiġi adottat u li jintlaħaq ftehim interistituzzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-Patt tal-Unjoni Ewropea dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. B’mod ġenerali, il-KESE jappoġġja l-proposta peress li fiha l-bażi għall-implimentazzjoni ta’ ftehim interistituzzjonali li huwa legalment vinkolanti u li jsaħħaħ il-governanza Ewropea u l-koordinazzjoni tal-politika bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri. Il-KESE għandu jiġi inkluż f’dan il-patt, sabiex ikun possibbli dibattitu fi ħdan is-soċjetà ċivili fil-KESE u l-KESE għandu jaqdi rwol fis-Semestru tad-DRF propost.

1.17.

Il-mekkaniżmu għandu jkun ibbażat fuq indikaturi li huma stess ikunu bbażati fuq data kwantitattiva u kwalitattiva:

indikaturi dwar l-istat tad-dritt;

indikaturi dwar il-kwalità tad-demokrazija;

indikaturi dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

1.18.

Il-Kumitat jenfasizza l-importanza tat-Titoli I, II III u IV tal-Karta għall-iżvilupp tal-indikaturi, filwaqt li jitqies li d-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali fundamentali huma “indiviżibbli” mid-drittijiet ċivili u politiċi.

1.19.

Huwa importanti li kemm l-Istati Membri kif ukoll l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE jirrispettaw id-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet soċjali, b’mod partikolari fi żminijiet ta’ kriżi. Dan għandu japplika wkoll għar-relazzjonijiet u l-ftehimiet mal-pajjiżi terzi, mhux biss li jikkonformaw ma’ dawn id-drittijiet, iżda wkoll li jiżguraw li dawn jiġu infurzati.

1.20.

Il-mekkaniżmu jitlob it-tnedija ta’ sistema ta’ monitoraġġ u valutazzjoni bl-użu ta’ proċeduri trasparenti. Il-FRA għandu jingħata l-mandat espliċitu li jipprovdi għajnuna f’tali mekkaniżmu. Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Parlament li jitwaqqaf grupp ta’ esperti indipendenti (6) ippresedut mill-Kumitat Xjentifiku tal-FRA.

1.21.

Il-Kumitat jipproponi li jagħmel parti minn dan il-grupp. Huwa jipproponi wkoll li l-esperti maħtura mill-gvernijiet rispettivi jkunu l-ombudsmen ta’ kull Stat Membru.

1.22.

Fuq il-bażi tal-indikaturi u bl-użu ta’ proċeduri trasparenti, il-grupp ta’ esperti ser janalizza u jevalwa s-sitwazzjoni f’kull Stat Membru. F’dan ir-rigward, il-KESE jista’ jikkontribwixxi billi jorganizza missjonijiet fl-Istati Membri bil-għan li janalizza s-sitwazzjoni bil-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili lokali u jfassal rapporti.

1.23.

Il-KESE jappoġġja l-implimentazzjoni tas-semestru tad-DRF. Abbażi tar-rapporti tal-esperti, kull sena l-Kummissjoni ser tabbozza rapporti speċifiċi għal kull pajjiż individwali, inklużi rakkomandazzjonijiet; il-Parlament ser jorganizza dibattitu interparlamentari u jħejji riżoluzzjoni; il-Kunsill ser ikollu d-djalogu annwali u jadotta konklużjonijiet. Jeħtieġ li l-mekkaniżmu jiffunzjona fil-kuntest ta’ ċiklu annwali ġdid ta’ politika bl-għan li jiġi żgurat approċċ komuni u koerenti fl-UE.

1.24.

Il-Kumitat jixtieq jipparteċipa fit-tħejjija tal-ftehim interistituzzjonali, u hemm mnejn jikkunsidra l-possibbiltà li jwaqqaf grupp permanenti biex jorganizza seduti mas-soċjetà ċivili u jabbozza Opinjonijiet u rapporti f’dan ir-rigward.

1.25.

Bħala parti mis-semestru tad-DRF, bil-kooperazzjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jista’ jorganizza forum annwali biex janalizza s-sitwazzjoni tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u jista’ jabbozza proposti u rakkomandazzjonijiet biex jitressqu quddiem il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament. Il-Kumitat jista’ jikkoopera wkoll mal-istituzzjonijiet l-oħra fl-abbozzar ta’ valutazzjonijiet tal-impatt.

2.   It-Trattat u l-kwistjonijiet marbutin miegħu

2.1.

F’dawn l-aħħar ftit snin ġie enfasizzat in-nuqqas ta’ mekkaniżmi adatti biex iħarsu l-valuri kif stabbilit fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) li jgħid li “l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawn il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.”

2.2.

L-Unjoni hija msejsa fuq dawn il-valuri, li jinkludu r-rispett lejn id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem. L-UE għandha l-opportunità li tivverifika l-konformità ma’ dawn il-valuri fiż-żmien ta’ qabel l-adeżjoni fl-UE tal-Istat fil-qafas tal-hekk imsejħa “kriterji ta’ Copenhagen” jew “il-kriterji tal-adeżjoni” (7). Is-sħubija titlob li l-pajjiż applikant jiżgura l-istabbiltà tal-isitituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett għall-minoranzi u l-protezzjoni tagħhom.

2.3.

Madankollu, ma hemm l-ebda mekkaniżmu simili applikabbli wara l-adeżjoni tal-Istati Membri. In-nuqqas ta’ mekkaniżmu għall-monitoraġġ tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali jissejjaħ id-“dilemma ta’ Copenhagen”.

2.4.

Il-funzjonament kif imiss tal-UE huwa bbażat fuq il-“fiduċja reċiproka” bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri, kif ukoll bejn l-Istati Membri nnifishom: il-fiduċja li l-liġijiet u d-deċiżjonijiet b’rabta mal-politika jirrispettaw l-istess prinċipji fir-rigward tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali. Dan joħloq kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-moviment liberu tal-persuni, il-merkanzija, is-servizzi u l-kapital. Jagħmilha possibbli wkoll li l-gvernijiet jikkooperaw fi kwistjonijiet ta’ ġustizzja u affarijiet interni, fosthom il-liġi kriminali, l-asil u l-immigrazzjoni.

2.5.

L-Unjoni Ewropea nħolqot biex tiżgura l-paċi u l-prosperità fl-Istati Membri tagħha u ttejjeb il-benessri tal-popli tagħha; hija tiddependi mhux biss mill-eżistenza tal-kummerċ ħieles iżda wkoll mill-protezzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE. Dawn il-valuri fundamentali jiżguraw li ċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jgħixu ħielsa mill-oppressjoni u l-intolleranza bi gvernijiet demokratikament eletti u responsabbli li jaġixxu skont l-istat tad-dritt.

2.6.

F’dawn l-aħħar snin, ċerti deċiżjonijiet leġislattivi u politiċi meħudin f’diversi Stati Membri taw lok għal dibattiti u kunflitti mal-istituzzjonijiet Ewropej u ma’ Stati Membri oħra u l-“fiduċja reċiproka” tkissret. F’ħafna każijiet, ma ngħatatx l-attenzjoni dovuta lir-regoli tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, u l-Unjoni Ewropea ma kenitx kapaċi tipprovdi tweġiba adegwata.

2.7.

Il-KESE josserva bi tħassib kbir li f’għadd ta’ Stati Membri qed tiġi adottata leġislazzjoni u qed jiġu implimentati politiki li jissuġġerixxu deterjorament fil-kwalità tad-demokrazija: ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-iżjed dawk tal-minoranzi; nuqqas ta’ indipendenza tal-qrati ġudizzjarji u kostituzzjonali; restrizzjonijiet fuq is-separazzjoni tas-setgħat; limitazzjonijiet fuq il-libertà tal-istampa, il-libertà tal-opinjoni u l-libertà ta’ assemblea; limitazzjonijiet fuq il-libertà ta’ assoċjazzjoni, il-libertà ta’ informazzjoni, il-konsultazzjoni u n-negozjar kollettivi, u limitazzjonijiet fuq drittijiet fundamentali ċivili u soċjali oħra. F’diversi okkażjonijiet, l-Unjoni Ewropea kellha tiffaċċja għadd ta’ kriżijiet f’ċerti Stati Membri minħabba kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-istat tad-dritt, u l-Kummissjoni indirizzat dawn l-avvenimenti billi għamlet pressjoni politika u permezz tat-tnedija ta’ proċeduri ta’ ksur.

2.8.

Sal-lum, ma sar l-ebda użu mill-mekkaniżmi preventivi u repressivi previsti fl-Artikolu 7 tat-TUE, li huwa l-uniku artikolu fit-Trattati biex jiġu indirizzati l-ksur tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali f’oqsma li ma jagħmlux parti mill-kompetenza leġislattiva tal-UE. Hemm żewġ approċċi: dak preventiv u dak repressiv. Madankollu, fil-prattika dawn qatt ma ntużaw minħabba l-impatt politiku u r-rekwiżiti stretti li jirregolaw l-implimentazzjoni tagħhom: biss f’każ ta’ “riskju ċar” ta’ “ksur serju u persistenti”.

2.9.

Il-Kummissjoni u l-Parlament jistgħu jintervjenu fil-fażi preventiva. Fit-tieni stadju, il-Kunsill jista’ jippenalizza lill-Istat Membru bili jissospendi ċerti drittijiet, inklużi d-drittijiet tal-vot tar-rappreżentanti tiegħu fil-Kunsill.

2.10.

Madankollu, il-Kunsill igawdi minn marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni meta japplika dan peress li ma għandux kriterji speċifiċi u trasparenti biex jattiva l-proċedura, dwar liema indikaturi għandu juża jew x’se jkunu l-proċeduri ta’ evalwazzjoni. Il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja għandhom mandat limitat ħafna f’dawn is-sitwazzjonijiet (8); bl-istess mod, ma hemmx dispożizzjonijiet li jistipulaw li l-KESE jiġi kkonsultat.

3.   L-azzjonijiet tal-istituzzjonijiet Ewropej

3.1.

F’Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni dwar “Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt” (COM(2014)158). Il-qafas jiġi attivat f’każijiet fejn l-Istati Membri qed jieħdu miżuri jew qed jittolleraw sitwazzjonijiet li huma sistematiċi u probabbilment jaffettwaw b’mod negattiv l-integrità, l-istabbiltà jew il-funzjonament kif imiss tal-istituzzjonijiet u l-mekkaniżmi ta’ salvagwardja stabbiliti fil-livell nazzjonali biex jiżguraw l-istat tad-dritt. Dan jinkludi kwistjonijiet dwar l-istrutturi kostituzzjonali tagħhom, is-separazzjoni tas-setgħat, l-indipendenza jew l-imparzjalità tal-ġudikatura, jew is-sistema tagħhom ta’ kontroll ġudizzjarju, inkluża l-ġustizzja kostituzzjonali.

3.2.

Il-qafas tal-Kummissjoni għandu l-għan li jindirizza theddid għall-istat tad-dritt fl-Istati Membri qabel ma jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-mekkaniżmi stipulati fl-Artikolu 7 tat-TUE. Huwa r-responsabbiltà tal-Kummissjoni u huwa mfassal biex jimla lakuna. Mhuwiex alternattiva iżda mekkaniżmu li jippreċedi u jikkomplementa l-mekkaniżmi tal-Artikolu 7. F’każijiet fejn hemm evidenza ċara tal-eżistenza ta’ theddida sistemika għall-istat tad-dritt fi Stat Membru partikolari, dan il-qafas jiffaċilita djalogu strutturat bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istat Membru. Il-proċess tal-iskambju jinvolvi tliet fażijiet ewlenin: opinjoni tal-Kummissjoni, rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u segwitu tar-rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni tista’ tikkonsulta l-esperti meta twettaq l-evalwazzjoni tagħha (9).

3.3.

Il-Kumitat jilqa’ b’sodisfazzjon il-qafas li jsaħħaħ l-istat tad-dritt, adottat mill-Kummissjoni Ewropea. Madankollu, dan il-qafas jippreżenta sensiela ta’ limitazzjonijiet.

3.3.1.

L-evalwazzjoni ma tipprevedix analiżijiet komparattivi perjodiċi tal-problemi u l-kunflitti li jqumu fl-Istati Membri b’rabta mad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali. Abbażi tad-definizzjoni, il-qafas jista’ jiġi attivat biss meta l-problema ssir “sistemika”, li huwa limitu għoli. Jista’ jkun hemm theddida “sistemika” meta l-ġudikatura ma tkunx tista’ tibqa’ tiżgura li l-gvern jaġixxi fil-limiti tal-liġi, li diġà huwa pjuttost tard.

3.3.2.

Il-mod li bih il-Kummissjoni tanalizza l-informazzjoni għandu jkun trasparenti b’indikaturi speċifiċi jew proċeduri oġġettivi; għandha wkoll tistabbilixxi protokolli għall-konsultazzjoni tas-soċjetà ċivili u tal-KESE.

3.3.3.

Il-qafas ma jinkludi l-ebda rwol speċifiku għall-Parlament Ewropew għalkemm il-Parlament qed iniedi l-inizjattivi politiċi proprji tiegħu f’dan ir-rigward.

3.3.4.

Lanqas ma jipprevedi mudell għal kooperazzjoni interistituzzjonali iżjed mill-qrib.

3.4.

Il-KESE jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta’ segwitu fil-Kunsill għall-qafas biex jissaħħaħ l-istat tad-dritt.

3.4.1.

Fil-laqgħa tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill Affarijiet Ġenerali adotta Konklużjonijiet dwar ir-rwol tal-Kunsill biex jiżgura r-rispett tal-istat tad-dritt. Il-Kunsill impenja ruħu li jistabbilixxi djalogu annwali bejn l-Istati Membri, li jsir fi ħdan il-Kunsill Affarijiet Ġenerali u jitħejja mill-Coreper. Il-Presidenza Lussemburgiża nediet dan id-djalogu f’Novembru 2015, u huwa maħsub biex ikopri suġġetti speċifiċi li ma sarux pubbliċi: il-gvernijiet intalbu jitkellmu dwar kwalunkwe aspett tal-istat tad-dritt li riedu u jagħtu eżempju wieħed ta’ fejn kienu sejrin tajjeb u eżempju ieħor ta’ sfida. Ir-riżultat kien sensiela ta’ monologi, pjuttost milli djalogu. L-Istati ma kkooperawx permezz tal-għoti ta’ appoġġ, għajnuna jew kritika, u ma ngħatat jew waslet l-ebda rakkomandazzjoni u ma kien hemm l-ebda impenn li jsir segwitu biex isir titjib b’rabta mal-isfidi identifikati. Fi tmiem l-2016, taħt il-Presidenza Slovakka, il-Kunsill ser iwettaq evalwazzjoni tal-esperjenza.

3.4.2.

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ma kkunsidrawx il-qafas tal-istat tad-dritt tal-Kummissjoni u lanqas ma rreferew għalih. Il-Konklużjonijiet ma jipprovdux stampa ċara tar-rwol speċifiku li l-Kummissjoni, il-Parlament u l-KESE ser jaqdu f’dan id-djalogu.

3.5.

Il-Kummissjoni Juncker identifikat l-istat tad-dritt bħala wieħed mill-prijoritajiet tagħha u ħatret lis-Sur Timmermans, Viċi President responsabbli għall-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali. Mhuwiex magħruf, madankollu, jekk il-Kummissjoni hux ser tiżviluppa kriterji u indikaturi biex jiġi implimentat il-qafas tal-istat tad-dritt.

3.6.

Il-Kummissjoni attivat dan il-qafas għall-ewwel darba billi fetħet proċedura fil-każ tal-Polonja minħabba li kisret ir-regoli tal-UE, filwaqt li kkunsidrat valutazzjoni kritika tas-sitwazzjoni mill-Kummissjoni ta’ Venezja, korp tal-Kunsill tal-Ewropa (10).

3.7.

Attwalment, il-Kumitat LIBE tal-Parlament Ewropew qed jiddibatti abbozz ta’ rapport fuq inizjattiva proprja (11) li jinkludi “Rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali” (2015/2254 (INL) – Rapporteur: Sophia in ‘t Veld) li, fost kwistjonijiet oħra, “[j]itlob lill-Kummissjoni tissottometti, sa tmiem l-2016, abbażi tal-Artikolu 295 tat-TFUE, proposta għall-konklużjoni ta’ Patt tal-UE għad-Demokrazija, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet Fundamentali (DRF) fil-forma ta’ ftehim interistituzzjonali li jistabbilixxi arranġamenti li jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fil-qafas tal-Artikolu 7 tat-TUE, li jintegra, jallinja u jikkomplementa l-mekkaniżmi eżistenti, skont ir-rakkomandazzjonijiet dettaljati stabbiliti fl-Anness [hemm]hekk”.

3.7.1.

L-Anness fih l-ABBOZZ TA’ FTEHIM INTERISTITUZZJONALI: PATT TAL-UNJONI EWROPEA DWAR ID-DEMOKRAZIJA, L-ISTAT TAD-DRITT U D-DRITTIJIET FUNDAMENTALI li jrid jintlaħaq qbil dwaru mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni.

3.7.2.

Il-Patt jinkludi tabella ta’ valutazzjoni, dibattitu interparlamentari annwali, u arranġamenti sabiex jiġu rrimedjati r-riskji u l-ksur potenzjali u jiġu attivati l-friegħi preventivi u korrettivi tal-Artikolu 7.

3.7.3.

Il-Parlament jipproponi t-tnedija ta’ semestru interistituzzjonali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (DRF), li għandu jinkludi l-qafas tal-Kummissjoni, id-djalogu annwali tal-Kunsill u d-dibattitu interparlamentari. Is-Semestru Ewropew għandu jiġi megħjun minn segretarjat u grupp ta’ esperti, ippresedut mill-President tal-Kumitat Xjentifiku tal-FRA, li se jfassal indikaturi u jivvaluta s-sitwazzjoni fl-Istati Membri u r-rakkomandazzjonijiet.

3.7.4.

Iċ-ċiklu ta’ politika tad-DRF se jinkludi r-rapporti annwali tal-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament, u se jitwaqqaf grupp ta’ ħidma interistituzzjonali dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt.

Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Artikolu 6 tat-TUE.

(2)  Artikolu 51 “Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji tal-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju tas-sussidjarjetà u għall-Istati Membri biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni.”

(3)  Il-proposta tal-Konvenzjoni u l-Opinjonijiet tal-KESE ma inkludewx il-limitazzjonijiet deċiżi mill-Kunsill Ewropew fl-Artikolu 51.

(4)  Kif propost mill-Parlament Ewropew fir-Riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Jannar 2014 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE (2012), P7_TA(2012)1773, rapporteur: Louis Michel, 22 ta’ Novembru, punt 9.

(5)  Carrera, S., E. Guild u N. Hernanz (2013), The Triangular Relationship between Fundamental Rights, Democracy and the Rule of Law in the EU: Towards an EU Copenhagen Mechanism, Ktieb bil-qoxra ratba, Brussell: Ċentru għall-Istudji Politiċi Ewropej.

(6)  Maħtur mill-Istati Membri: ALLEA, ENNHRI, Kummissjoni ta’ Venezja, CEPEJ, NU, OECD.

(7)  Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Copenhagen, 21 u 22 ta’ Ġunju 1993.

(8)  Filwaqt li, fil-liġi tal-Unjoni, il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għandha mekkaniżmu li jippermetti lill-individwi li jiddefendu d-drittijiet tagħhom, l-Artikolu 7 huwa mekkaniżmu legali u politiku ġenerali li huwa espressament eskluż mill-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(9)  L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA); in-Netwerk tal-Presidenti tal-Qrati Ġudizzjarji Supremi tal-Unjoni Ewropea; il-Kunsill tal-Ewropa (Kummissjoni ta’ Venezja); l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli tal-Istat u tal-Ġurisdizzjonijiet Amministrattivi Supremi tal-Unjoni Ewropea u n-Netwerk Ewropew tal-Kunsilli għall-Ġudikatura.

(10)  Opinjoni dwar l-emendi għall-Att tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali tal-Polonja, il-Kummissjoni ta’ Venezja, 11 ta’ Marzu 2016.

(11)  http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//NONSGML+COMPARL+PE-576.988+01+DOC+PDF+V0//MT


Top