This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52016AE6003
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Establishing a new Partnership Framework with third countries under the European Agenda on Migration’ (COM(2016) 385 final)
Opinioni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-twaqqif ta’ Qafas ta’ Sħubija ġdid ma’ pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni” [COM(2016) 385 final]
Opinioni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-twaqqif ta’ Qafas ta’ Sħubija ġdid ma’ pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni” [COM(2016) 385 final]
ĠU C 173, 31.5.2017, p. 66–72
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
31.5.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 173/66 |
Opinioni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “It-twaqqif ta’ Qafas ta’ Sħubija ġdid ma’ pajjiżi terzi skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni”
[COM(2016) 385 final]
(2017/C 173/12)
Relatur: |
Cristian PÎRVULESCU |
Konsultazzjoni |
Il-Kummissjoni Ewropea, 17.8.2016 |
Bażi legali |
Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa |
|
|
Sezzjoni kompetenti |
Sezzjoni għar-Relazzjonijiet Esterni |
Adottata fis-sezzjoni |
31.1.2017 |
Adottata fil-plenarja |
22.2.2017 |
Sessjoni plenarja Nru |
523 |
Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet) |
225/4/2 |
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
L-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni għandha titfassal b’tali mod li tikkunsidra bis-sħiħ id-dimensjoni umanitarja tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u l-UE m’għandhiex tinsal-impenji fundamentali u r-regoli legalment vinkolanti tagħha li jipproteġu l-ħajjiet u d-drittijiet tal-bniedem, speċjalment tal-persuni li jinsabu f’periklu. |
1.2. |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jappoġġja l-viżjoni li qed toħroġ fid-dieher wara s-Summit tal-Belt Valletta, li sar f’Novembru 2015, li l-għan ewlieni tiegħu kien li jagħti rispons fit-tul għall-migrazzjoni, filwaqt li jindirizza l-għeruq ta’ dak li jikkawża l-migrazzjoni u joħloq djalogu ma’ pajjiżi terzi bbażatat fuq il-kooperazzjoni u r-responsabbiltà konġunta. Il-KESE jittama li d-Djalogu Ewro-Afrikan dwar il-Migrazzjoni u l-Iżvilupp (il-“Proċess ta’ Rabat”) u l-Proċess ta’ Khartoum ser jikkontribwixxu għal implimentazzjoni rapida tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta. |
1.3. |
Il-KESE jappoġġja l-ftehimiet imfassla apposta u speċifiċi ma’ kull pajjiż, b’rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem. Il-flessibbiltà tipprovdi l-perspettiva u t-taħlita ta’ azzjonijiet u inċentivi adatti. |
1.4. |
Filwaqt li l-ħtieġa għal koordinazzjoni politika u semplifikazzjoni hija ċara, jidher li l-Aġenda dwar il-Migrazzjoni qed issir politika globali, filwaqt li tieħu post politiki oħra sabiex jintlaħqu l-azzjonijiet u l-objettivi tagħha (eż. tal-viċinat, l-għajnuna għall-iżvilupp u l-kummerċ). Filwaqt li jirrikonoxxi l-importanza tal-politika tal-migrazzjoni, il-KESE jqis ukoll li l-politiki l-oħra għandhom l-istess importanza u ta’ min isegwihom, u jirrakkomanda li l-parteċipazzjoni fil-politika dwar il-migrazzjoni ma tintużax bħala kundizzjoni għall-kooperazzjoni f’oqsma oħra ta’ politika. L-għan ewlieni tal-koordinazzjoni huwa li jitħeġġu s-sinerġija, il-komplementarjetà u l-komprensività bejn l-oqsma varji ta’ politika. |
1.5. |
Għandha ssir distinzjoni bejn in-nuqqas ta’ kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi minħabba nuqqas ta’ rieda politika u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni minħabba nuqqas ta’ kapaċità u riżorsi. It-tnejn li huma jridu jiġu indirizzati iżda permezz ta’ mezzi differenti. Sabiex jiġu żgurati s-sostenibbiltà u r-reżiljenza, l-enfasi għandha tkun l-ewwel fuq il-bini tal-kapaċità. L-għajnuna ma għandha tiddependi taħt l-ebda ċirkustanza mir-riammissjoni u l-kontrolli mal-fruntieri. |
1.6. |
L-ekonomija hija ċentrali sabiex jiġu indirizzati l-għeruq ta’ dak li jikkawża l-migrazzjoni, iżda dan m’għandux ifisser li jitwarrbu d-dimensjonijiet politiċi, istituzzjonali u amministrattivi tal-istabbiltà u l-prosperità. L-istrateġija jeħtieġ tiġi aġġustata mill-ġdid sabiex tinkludi appoġġ aktar immirat u b’impenn akbar fi tliet oqsma: is-soluzzjoni tal-kunflitti u l-bini tal-istat, il-promozzjoni tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, u l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili. |
1.7. |
Sabiex jiġu trattati l-għeruq ta’ dak li jikkawża l-migrazzjoni fuq perjodu twil ta’ żmien, pajjiż kwalunkwe jkollu bżonn gvern vijabbli u leġittimu, istituzzjonijiet rappreżentattivi b’saħħithom, partiti effettivi, mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. L-UE għandha tikkunsidra li tagħti attenzjoni u appoġġ adatti għall-assistenza demokratika u mhux tittratta l-kwistjonijiet tad-demokrazija bħala “ambjent tan-negozju ġenerali”, peress li tissemma fit-tielet pilastru tal-Pjan ta’ Investiment Estern. |
1.8. |
L-iżvilupp ta’ kanali ta’ migrazzjoni legali u ta’ kapaċitajiet istituzzjonali biex jappoġġjaw il-migrazzjoni legali għandu jkun prijorità fi ħdan il-Qafas ta’ Sħubija ma’ pajjiżi terzi, għall-UE, l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. |
1.9. |
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaqdu rwol sinifikanti sabiex jagħmlu r-risistemazzjoni, l-ivvjaġġar u l-akkoljenza tal-migranti u tar-refuġjati aktar sikuri u umani. Il-proposta għandha tikkunsidra mill-ġdid ir-rwol ta’ u l-appoġġ għall-attivitajiet tagħhom, minn organizzazzjonijiet lokali fil-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu tagħhom lil dawk li jieħdu sehem f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ u fil-ġestjoni tal-akkoljenza u l-integrazzjoni. Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-azzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti kollha involuti fil-ġestjoni tal-migrazzjoni. |
1.10. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi, fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, jieħdu sehem fl-implimentazzjoni tal-politika dwar il-migrazzjoni u l-asil, b’konformità mal-obbligi legali internazzjonali u bil-għan li jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem u li tiġi ffaċiltata l-integrazzjoni. |
1.11. |
L-UE u l-Istati Membri, direttament jew indirettament, għandhom jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u josservaw il-prinċipju tan-non-refoulement abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra meta jwettqu dawn l-azzjonijiet u l-proċeduri. |
1.12. |
L-UE għandha tkun ċerta meta tagħti l-istatus ta’ “pajjiż sikur” lil pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, sabiex ma tiksirx il-prinċipju tan-non-refoulement (1). |
1.13. |
Il-Kummissjoni fasslet il-viżjoni strateġika tagħha dwar kif l-azzjoni esterna tal-UE tista’ trawwem ir-reżiljenza u l-indipendenza ta’ persuni spustati bil-forza f’postijiet li huma kemm jista’ jkun viċin il-pajjiż ta’ oriġini tar-refuġjati. Filwaqt li din il-viżjoni għandha ċerti vantaġġi, għandu jiġi nnutat li l-UE, bħala attur internazzjonali responsabbli u b’għadd ta’ riżorsi, għandha wkoll obbligu morali u legali li tgħin lil dawk li jfittxu l-protezzjoni internazzjonali, b’konformità mat-trattati internazzjonali. |
1.14. |
Il-KESE jappoġġja ż-żieda fir-rati ta’ ritorn u riammissjoni, bi preferenza għar-ritorn volontarju u enfasi fuq ir-riintegrazzjoni. Ir-ritorn volontarju b’enfasi fuq ir-riintegrazzjoni għandu jkun wieħed mill-għażliet strateġiċi ewlenin li l-UE u l-Istati Membri jagħmlu fil-ġestjoni tal-proċess tal-migrazzjoni. |
1.15. |
Fil-patti u l-ftehimiet kollha, l-UE għandha tiżgura li jintużaw l-aktar inċentivi pożittivi, li l-għajnuna tkun imfassla u organizzata tajjeb, u li tindirizza wkoll il-kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi tal-gvern, tippromovi d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u tinkludi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċessi kollha, speċjalment dawk lokali u nazzjonali. |
1.16. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri, u lill-gvernijiet ta’ pajjiżi terzi biex jinvolvu u jappoġġjaw lill-gruppi tad-dijaspora kemm jista’ jkun. Dawn jistgħu jkunu riżorsa prezzjuża għall-iżvilupp fit-tul tal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, kif ukoll jagħtu kontribut prezzjuż lis-soċjetà u lill-ekonomija Ewropej. Il-promozzjoni tad-diversità u l-aċċess miftuħ għad-dinja hija pilastru tas-soċjetà Ewropea u l-politika dwar il-migrazzjoni għandha tosserva dawn iż-żewġ prinċipji. |
1.17. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jipparteċipaw bis-sħiħ fi sforzi biex jikkoordinaw il-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni. Is-solidarjetà u l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri huma żewġ prerekwiżiti għal implimentazzjoni effettiva tas-Sħubiji Qafas ma’ pajjiżi terzi. |
1.18. |
Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea toħloq il-pjattaforma ta’ djalogu li ppjanat bil-għan li tinkludi fiha l-kontribut tan-negozji, it-trejdjunjins u msieħba soċjali oħra, sabiex l-ekonomija Ewropea u l-migranti nnifishom jiksbu l-aqwa benefiċċji possibbli mill-migrazzjoni (2). Il-KESE huwa lest li jikkoopera fil-ħolqien u l-funzjonament adatt tagħha. |
2. Kuntest (abbażi tal-Komunikazzjoni tal-KE)
2.1. |
Inkisbu ħafna affarijiet minn mindu ġiet adottata l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, mhux l-inqas lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Mijiet ta’ eluf ta’ persuni ġew salvati fuq il-baħar (3). Is-Summit tal-Belt Valletta f’Novembru 2015 ressaq il-kwistjonijiet tal-migrazzjoni fil-qalba tar-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi Afrikani. |
2.2. |
Madankollu, fadal ħafna xi jsir. L-UE għadha qed tħabbat wiċċha ma’ kriżi umanitarja. Il-pajjiżi terzi u l-imsieħba tal-UE qed jospitaw ir-refuġjati, ħafna minnhom minorenni mhux akkumpanjati mġiegħla jħallu djarhom, kif ukoll ħafna migranti ekonomiċi li jixtiequ jiġu l-Ewropa. |
2.3. |
L-għan aħħari tal-Qafas ta’ Sħubija huwa li jservi ta’ impenn koerenti u mfassal apposta fejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jaġixxu f’mod koordinat u jużaw strumenti, għodod u effetti ta’ lieva biex jistabbilixxu sħubijiet komprensivi (patti) ma’ pajjiżi terzi għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni b’rispett sħiħ tal-obbligi tad-drittijiet tal-bniedem u umanitarji tagħna. |
2.4. |
Għandha tittieħed azzjoni immedjata mal-imsieħba ewlenin f’dawn l-oqsma, fejn għandhom jiġu stabbiliti miri speċifiċi u li jistgħu jitkejlu: ħidma ma’ msieħba ewlenin sabiex jittejjeb il-qafas leġislattiv u istituzzjonali għall-migrazzjoni; għajnuna konkreta għall-bini tal-kapaċità rigward il-ġestjoni tal-fruntieri u l-migrazzjoni, inkluża l-protezzjoni tar-refuġjati; żieda fir-rati ta’ ritorn u riammissjoni bi preferenza għar-ritorn voluntarju u enfasi fuq ir-riintegrazzjoni; trażżin tal-flussi irregolari filwaqt li jiġu offruti kanali ta’ migrazzjoni legali, inkluża żieda fl-isforzi ta’ risistemazzjoni. |
3. Kummenti ġenerali
3.1. |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-migrazzjoni ġestita kif imiss hija opportunità għall-UE, għall-pajjiżi ta’ oriġini u għall-migranti u l-familji tagħhom. Il-migrazzjoni hija karatteristika integrali tas-soċjetà umana. Fl-istorja reċenti tal-popli Ewropej, il-migrazzjoni hija importanti ħafna. |
3.2. |
Jinqalgħu l-problemi meta l-persuni ma jitilqux b’mod volontarju; fejn bosta migranti jiġu sfurzati jħallu l-post ta’ residenza tagħhom minħabba faqar estrem, gwerer jew diżastri naturali. Dawn il-persuni huma vulnerabbli ferm. Jekk il-pajjiżi Ewropej jonqsu milli jniedu proċeduri u liġijiet marbutin mal-ġestjoni li jagħmluha iżjed faċli li l-migrazzjoni tkun ipproċessata permezz ta’ proċeduri legali u trasparenti, ħafna persuni li jemigraw bl-użu ta’ rotot irregolari, ta’ spiss b’sogru gravi għal ħajjithom, jiġu sfruttati minn netwerks kriminali involuti fil-kuntrabandu u t-traffikar tal-bnedmin. |
3.3. |
Il-KESE jwissi li, meta jkunu qed jiġu żviluppati politiki u liġijiet għall-organizzazzjoni tal-migrazzjoni u l-kontrolli tal-fruntieri, għandha tingħata l-attenzjoni meħtieġa biex dawn jikkonformaw bis-sħiħ mal-Konvenzjonijiet dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. |
3.4. |
Il-proposta tal-Kummissjoni tintroduċi l-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni tant meħtieġa fil-proċeduri u l-istrumenti użati għall-ġestjoni tal-proċess tal-migrazzjoni li kulma jmur qed issir iktar kumplessa. Minħabba n-natura u d-dinamika tax-xejriet ta’ migrazzjoni reċenti, huwa ta’ benefiċċju li jkun hemm reviżjoni u aġenda aktar ċara tal-prijoritajiet. |
3.5. |
Il-KESE jqis li l-enfasi fuq is-salvataġġ tal-persuni f’riskju waqt li jkunu qed jivvjaġġaw hija ġustifikata għalkollox. Din għandha tkun prijorità assoluta għall-UE u l-Istati Membri. Minkejja li għadhom qed jintilfu ħajjiet fuq il-baħar, il-Kumitat ifaħħar ir-rwol taċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u l-persunal militari u ċivili involuti f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ. |
3.5.1. |
Apparti l-għanijiet fuq perjodu qasir ta’ żmien tal-patti: li jissalvaw il-ħajjiet fil-Baħar Mediterran; li tiżdied ir-rata tar-ritorn lejn il-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu; li jiġi żgurat li l-migranti u r-refuġjati jibqgħu viċin pajjiżhom kemm jista’ jkun u li jiġi evitat li jagħmlu vjaġġi perikolużi, il-KESE jħeġġeġ ukoll lill-KE tinkludi l-protezzjoni tal-migranti tul l-hekk imsejħa rotta tal-Balkani, li ħajjithom u s-sikurezza tagħhom jistgħu jkunu fil-periklu, u l-ħolqien ta’ rotot legali għall-migrazzjoni. |
3.6. |
Il-KESE jtenni li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar donaturi tal-iżvilupp u umanitarji u li l-UE tipprovdi appoġġ sinifikanti lil refuġjati, persuni spostati internament u komunitajiet ospitanti pereżempju fil-Qarn tal-Afrika u ż-żoni tal-Lag taċ-Ċad (il-Kenja, is-Somalja, l-Uganda, l-Etjopja u s-Sudan). |
3.6.1. |
L-Aġenda dwar il-Migrazzjoni għandha tkun imfassla biex tikkunsidra bis-sħiħ l-ambitu tad-dimensjoni umanitarja. L-UE għandha diffikultà fil-ġestjoni tal-flussi attwali tal-migrazzjoni u tar-refuġjati. Madankollu, m’għandhiex tinsal-impenji u r-regoli legalment vinkolanti fundamentali tagħha li tipproteġi l-ħajjiet u d-drittijiet tal-bniedem, speċjalment ta’ dawk li jinsabu f’periklu. |
3.7. |
L-Aġenda dwar il-Migrazzjoni ser tirnexxi biss sal-punt fejn il-pajjiżi terzi jkunu lesti u kapaċi jaħdmu mill-qrib mal-UE u l-Istati Membri. Kull pajjiż għandu l-profil proprju tiegħu fir-rigward tal-migrazzjoni. Għadd minnhom huma pajjiżi ta’ oriġini u jgħaddu minn kunflitt, tensjonijiet u nuqqasijiet serji, filwaqt li oħrajn huma pajjiżi ta’ tranżitu li huma aktar stabbli iżda wkoll aktar vulnerabbli. Xi wħud minnhom ikollhom jaffaċċjaw numru sproporzjonat ta’ refuġjati u migranti li qed ifittxu s-sikurezza u l-għajnuna fit-territorji tagħhom, b’mod partikolari fil-Libanu, it-Turkija u l-Ġordan. Ir-rieda u l-kapaċità tagħhom biex jimplimentaw miżuri li jirriżultaw minn din is-sħubija dwar il-migrazzjoni jiddependu minn fatturi storiċi, politiċi, ekonomiċi, ta’ sigurtà u kulturali diversi u kumplessi. Għaldaqstant, huwa neċessarju li jinstabu l-perspettiva t-tajba u t-taħlita adatta ta’ azzjonijiet u inizjattivi b’rabta ma’ kull waħda minnhom. Fl-istess ħin, il-patti għandu jkollhom enfasi komuni, waħda li tinkoraġġixxi l-iżvilupp istituzzjonali, demokratiku, soċjali u ekonomiku tal-pajjiżi terzi. |
3.8. |
Jeħtieġ li l-Aġenda dwar il-Migrazzjoni tissaħħaħ aktar u titlob aktar koordinazzjoni ma’ oqsma ta’ politika rilevanti oħra. Fil-proposta tal-Kummisjoni, hemm previsti tliet oqsma bħal dawn: il-viċinat, l-għajnuna għall-iżvilupp, u l-kummerċ. Fil-Politika Ewropea tal-Viċinat, bejn wieħed u ieħor nofs il-finanzjament ser ikun iddedikat għal kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni. Fil-politika tal-iżvilupp, il-proposta tipprevedi l-introduzzjoni ta’ inċentivi pożittivi u negattivi li jippremjaw dawk il-pajjiżi li jissodisfaw l-obbligu internazzjonali tagħhom li jieħdu lura ċ-ċittadini tagħhom stess, u dawk li jikkooperaw fil-ġestjoni tal-flussi ta’ migranti irregolari minn pajjiżi terzi, kif ukoll dawk li jieħdu azzjoni biex jilqgħu lil persuni li qed jaħarbu kunflitti u persekuzzjoni. Huma previsti wkoll konsegwenzi għal dawk li ma jikkooperawx mal-linji politiċi ta’ riammissjoni u ta’ ritorn. Fir-rigward tal-politika tal-kummerċ, fejn l-UE tista’ tagħti trattament preferenzjali lill-imsieħba tagħha, il-KE tipproponi li l-kooperazzjoni ma’ politiki ta’ migrazzjoni għandha tkun fattur fl-evalwazzjoni tal-preferenzi kummerċjali taħt il-“GSP+” (sistema ġeneralizzata ta’ preferenzi). |
3.9. |
Minbarra dawn, l-oqsma kollha ta’ politika, inklużi l-edukazzjoni, ir-riċerka, it-tibdil fil-klima, l-enerġija, l-ambjent u l-agrikoltura, fil-prinċipju għandhom ikunu parti minn pakkett, jiġu previsti bħala sensittivi għall-migrazzjoni, u jagħtu l-akbar effett ta’ lieva għad-diskussjoni. |
3.10. |
Filwaqt li l-ħtieġa għal koordinazzjoni politika u semplifikazzjoni hija ċara, din l-istrateġija tqajjem xi tħassib. Jidher li l-Aġenda dwar il-Migrazzjoni qed issir politika globali, filwaqt li tieħu post politiki oħrajn li jsegwu l-attivitajiet u l-objettivi tagħha. Dan jista’ jaffettwa lil dawn il-politiki l-oħra, li kull waħda minnhom hija leġittima fir-rigward tal-għanijiet u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Il-politika tal-viċinat għandha ġġib stabbiltà u prosperità lill-fruntiera tal-UE, u enfasi sproporzjonata fuq il-migrazzjoni tista’ twassal biex oqsma rilevanti oħra jingħataw il-ġenb. Il-politika tal-iżvilupp għandha wkoll objettivi b’firxa wiesgħa, inklużi għajnuna għal komunitajiet vulnerabbli u l-bini ta’ prospetti ekonomiċi u soċjali aħjar għal għexieren ta’ miljuni ta’ persuni. Il-politika tal-kummerċ għandha wkoll dimensjoni ta’ żvilupp sinifikanti, filwaqt li ġġib aktar opportunitajiet għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi. |
3.11. |
Filwaqt li jirrikonoxxi li l-Aġenda tal-Migrazzjoni hija importanti, il-KESE jikkunsidra li kull politika hija tal-istess importanza u ta’ min isegwiha. L-għan ta’ koordinazzjoni huwa primarjament dak li tippromovi sinerġija, kumplementarjetà u komprensività tad-diversi oqsma ta’ politika. |
3.12. |
B’rabta ma’ dan, il-mod speċifiku li bih tissawwar il-koordinazzjoni tal-politika jissuġġerixxi l-possibbiltà ta’ approċċ kundizzjonali u koerċittiv – il-pajjiżi terzi għandhomm jikkooperaw mal-UE u l-Istati Membri fir-riammissjoni u r-ritorn taċ-ċittadini tagħhom stess, fil-ġestjoni tal-flussi ta’ migrazzjoni fit-territorji tagħhom u fuq il-fruntieri, u fl-akkoljenza ta’ persuni li qed jaħarbu mill-kunflitt u l-persekuzzjoni. Inkella, jista’ jiġi pperikolat l-aċċess għall-fondi u l-għajnuna tal-UE u għas-suq tal-UE. Din l-alternattiva tista’ tkun problematika u fl-aħħar mill-aħħar ma tkunx effettiva. Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi fl-aġenda dwar il-migrazzjoni hija mmexxija minn tħassib intern u kapaċitajiet interni. Għandha ssir distinzjoni bejn in-nuqqas ta’ kooperazzjoni minħabba nuqqas ta’ rieda politika u n-nuqqas ta’ kooperazzjoni minħabba nuqqas ta’ kapaċità u riżorsi. It-tnejn li huma jridu jiġu indirizzati iżda b’mezzi differenti. Sabiex jiġu żgurati s-sostenibbiltà u r-reżiljenza, l-enfasi għandha tkun l-ewwel fuq il-bini tal-kapaċità. Huwa importanti ħafna wkoll li ssir distinzjoni bejn l-assistenza għall-iżvilupp u l-kooperazzjoni b’rabta mal-migrazzjoni. Din tal-aħħar ma għandhiex tiddependi mill-ewwel waħda taħt l-ebda ċirkustanza. |
3.13. |
Meta jiġu indirizzati l-“għeruq ta’ dak li jikkawża” l-migrazzjoni, il-proposta tal-Kummissjoni tirreferi kważi esklużivament għall-ekonomija. Hija tenfasizza wkoll ir-rwol tal-investituri privati li jkunu qed ifittxu opportunitajiet ġodda ta’ investiment fi swieq emerġenti. Kif iddikjarat fil-proposta: “Minflok il-migranti irregolari jitħallew li jirriskjaw ħajjithom huma u jippruvaw jilħqu s-swieq tax-xogħol Ewropej, għandhom ikunu mmobilizzati riżorsi privati u pubbliċi Ewropej għal investiment f’pajjiżi terzi ta’ oriġini”. |
3.14. |
Il-Kummissjoni tipprevedi ukoll Pjan ta’ Investiment Estern ambizzjuż, bi tliet pilastri: “l-ewwel pilastru jippermetti li riżorsi pubbliċi skarsi jintużaw b’mod innovattiv, biex jiġi mobilizzat l-investiment privat billi joffri garanziji u fondi konċessjonali addizzjonali. It-tieni pilastru jkun jiffoka fuq l-assistenza teknika, u jgħin lill-awtoritajiet u lill-kumpaniji lokali jiżviluppaw numru ogħla ta’ proġetti bankabbli u jagħmilhom magħrufa lill-komunità internazzjonali tal-investituri. It-tielet pilastru jimmira għall-ambjent tan-negozju ġenerali billi jrawwem il-governanza tajba, jiġġieled il-korruzzjoni, ineħħi l-ostakli għall-investiment u d-distorsjonijiet tas-swieq.” |
3.15. |
L-ekonomija hija kruċjali fl-indirizzar tal-għeruq ta’ dak li jikkawża l-migrazzjoni. Għandha tintrabat mill-qriba mad-dimensjonijiet politiċi, istituzzjonali, amministrattivi u soċjali tal-istabbiltà u l-prosperità. It-tagħlimiet minn għexieren ta’ snin ta’ ħidma ta’ għajnuna u żvilupp juru li l-istituzzjonijiet huma fundamentali u fin-nuqqas ta’ qafas u infrastruttura adatti, id-dinamika prevista ma tintlaħaqx. L-investituri privati ma jinvestux f’pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu jekk ma jkunux stabbli. Il-finanzjament għall-investiment, l-iżvilupp u oqsma oħra ta’ politika għandu jibqa’ distint iżda jkollu għanijiet komplementari. |
3.16. |
Bosta mill-pajjiżi terzi, speċjalment dawk li saru pajjiżi ta’ oriġini għar-refuġjati u l-migranti, għandhom problemi fundamentali għall-istabbiltà u l-effettività tal-gvern. L-infrastrutturi u l-ekonomiji tagħhom huma dgħajfa u s-sistemi amministrattivi tagħhom huma sottożviluppati. Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat sforz imġedded għas-soluzzjoni tal-konflitti u l-bini tal-istat. Dan mhuwiex biss fil-każ tas-Sirja u l-Libja, iżda wkoll f’ħafna pajjiżi oħra. Ir-rikonoxximent ta’ dan il-fatt jista’ jgħin fil-prijoritizzazzjoni tal-miżuri u fl-identifikazzjoni tar-raġunijiet proprji għalfejn il-persuni finalment jaħarbu minn jew jgħaddu minn dawk it-territorji. Miżuri definiti b’mod ristrett, pereżempju taħriġ tal-gwardji tal-fruntiera u t-trasferiment tat-teknoloġija lilhom, iż-żarmar tan-netwerks ta’ kuntrabandisti, jew l-għoti ta’ inċentivi għar-ritorn, ikollhom impatt pożittiv iżda limitat ħafna. Il-migrazzjoni hija fenomenu li huwa marbut ma’ dgħufijiet tal-istat u nuqqasijiet ta’ natura u livelli differenti. |
3.17. |
L-inklużjoni tat-tielet pilastru tal-Pjan ta’ Investiment Estern ta’ governanza bħala “ambjent tan-negozju ġenerali” mhijiex biżżejjed sabiex tkopri l-firxa ta’ kwistjonijiet li jeħtieġ jiġu indirizzati. Sabiex jiġu trattati l-għeruq ta’ dak li jikkawża l-migrazzjoni fuq perjodu twil ta’ żmien, il-pajjiż ikollu bżonn gvern vijabbli u leġittimu, istituzzjonijiet rappreżentattivi b’saħħithom, partiti effettivi, mezzi tal-komunikazzjoni tal-massa u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. L-UE għandha tikkunsidra li tagħti attenzjoni u appoġġ adatti għall-assistenza demokratika. Dan huwa rilevanti mhux biss fil-qafas tal-migrazzjoni iżda wkoll f’oqsma oħra ta’ politika bħall-viċinat u l-kummerċ. |
3.18. |
Fil-proposta tal-Kummissjoni, ir-rwol tas-soċjetà ċivili mhuwiex rikonoxxut u appoġġjat biżżejjed. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaqdu rwol importanti sabiex ir-risistemazzjoni, l-ivvjaġġar u l-akkoljenza tal-migranti u r-refuġjati jsiru aktar sikuri u aktar umani. Mill-kampijiet tar-refuġjati, ir-rotot tal-migranti, inkluż il-baħar, sas-siti ta’ akkoljenza fl-UE, dawn jagħtu kontribut siewi jekk mhux indispensabbli. Il-proposta għandha tikkunsidra mill-ġdid ir-rwol tal-attività tagħhom u l-appoġġ għaliha, minn organizzazzjonijiet lokali fil-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, sa dawk li jipparteċipaw f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ u fil-ġestjoni tal-akkoljenza u l-integrazzjoni. Barra minn hekk, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom ikunu involuti fil-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-azzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti kollha involuti fil-ġestjoni tal-migrazzjoni. Il-ħidma u r-rispons tagħhom jistgħu jqarrbu l-proċess kollu lejn l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem rikonoxxuti u mħarsa mit-trattati internazzjonali u tal-UE. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1. |
Fl-organizzazzjoni tal-attivitajiet u l-proċeduri kollha, l-UE u l-Istati Membri, direttament jew indirettament, għandhom jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u josservaw il-prinċipju tan-non-refoulement, abbażi tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra. |
4.2. |
Il-KESE huwa mħasseb ferm dwar il-ftehim bejn l-UE u t-Turkija u l-impatt tiegħu fuq id-drittijiet fundamentali tal-individwi soġġetti għalih. Id-Dikjarazzjoni UE-Turkija ġiet ikkontestata minn gruppi tas-soċjetà ċivili u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, peress li din ikkunsidrat lit-Turkija bħala “pajjiż sikur”. L-UE għandha tkun ċerta meta tagħti l-istatus ta’ “pajjiż sikur” lil pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, sabiex ma tiksirx il-prinċipju tan-non-refoulement. |
4.3. |
Il-Kummissjoni stabbilixxiet il-viżjoni strateġika tagħha dwar kif l-azzjoni esterna tal-UE tista’ trawwem ir-reżiljenza u l-indipendenza ta’ persuni spustati bil-forza f’postijiet li huma kemm jista’ jkun viċin il-pajjiż ta’ oriġini tar-refuġjati (4). Filwaqt li din il-viżjoni għandha ċerti vantaġġi, għandu jiġi nnutat li l-UE, bħala attur internazzjonali responsabbli u b’għadd ta’ riżorsi, għandha wkoll l-obbligu morali u legali tagħha li tgħin lil dawk li jfittxu l-protezzjoni internazzjonali. |
4.4. |
Nilqgħu b’sodisfazzjon il-passi operattivi li għandhom l-għan li jiġġieldu kontra l-kuntrabandu tal-migranti. Il-kuntrabandisti jimponu prezzijiet kbar ħafna biex jgħinu lill-migranti u jesponuhom għal riskji serji. Fl-istess ħin, il-ġlieda kontra l-kuntrabandu mhux ser issolvi l-kwistjonijiet strutturali tal-migrazzjoni. Għal darb’oħra, il-ħolqien ta’ rotot legali għall-migrazzjoni huwa kruċjali u jnaqqas id-dipendenza tal-migranti min-netwerks tal-kuntrabandu. |
4.5. |
Jeħtieġ jiġi introdott mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni bejn il-livell tal-UE u dak tal-Istati Membri sabiex jimplimentaw il-patti. Jekk xi Stati Membri għandhom rabtiet storiċi ma’ pajjiżi terzi, dawn jistgħu jiġu mobilizzati biex jiżguraw kooperazzjoni aħjar. |
4.6. |
Il-KESE jilqa’ bi pjaċir il-proposta futura għal sistema ta’ risistemazzjoni strutturata li tipprovdi approċċ komuni għal wasla bla periklu u legali fl-Unjoni għall-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali permezz tar-risistemazzjoni, bħala dimostrazzjoni diretta tal-impenn tal-UE li tgħin lill-pajjiżi li jinsabu taħt l-akbar pressjoni (5). Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Belt Valletta kien jinkludi impenn mill-UE u l-Istati Membri biex iniedu proġetti pilota li jiġbru flimkien offerti għal migrazzjoni legali. Madankollu, il-proposta għandha tkun ħafna aktar ċara u tidentifika proġetti speċifiċi li għandhom jiġu implimentati. |
4.7. |
Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riforma tal-Karta Blu (6) ppreżentata fis-7 ta’ Ġunju 2016, li għandha l-għan li tattira migranti b’livell għoli ta’ ħiliet lejn is-suq tax-xogħol tal-UE. |
4.8. |
Il-KESE jilqa’ bi pjaċir it-tfassil ta’ patti li jfittxu li jżidu l-effettività u s-sostenibbiltà tal-proċess ta’ ritorn u jipprovdu finanzjament adatt lill-pajjiżi ta’ riammissjoni u b’mod partikolari lill-komunitajiet li ser jintegraw mill-ġdid lill-persuni li jirritornaw. L-għoti ta’ inċentivi lill-awtoritajiet u ‘l-individwi huwa indispensabbli biex jiġi żgurat proċess effettiv. |
4.9. |
Il-KESE jappoġġja ż-żieda fir-rati tar-ritorn u r-riammissjoni, bi preferenza ċara għar-ritorn volontarju u enfasi fuq ir-riintegrazzjoni. Dan għandu jkun wieħed mill-għażliet strateġiċi ewlenin li l-UE u l-Istati Membri jagħmlu fil-ġestjoni tal-proċess tal-migrazzjoni. Dan iżid il-probabbiltà li dawk involuti jikkooperaw ilkoll u, aktar importnati, jibdel il-migrazzjoni fi xprun potenzjali għall-iżvilupp lokali. |
4.10. |
L-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri għandhom jiġu kkoordinati fil-livell globali. Il-KESE jaqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tappoġġja l-istabbiliment ta’ skema globali ta’ risistemazzjoni bl-appoġġ tan-NU sabiex tippermetti risistemazzjoni rapida u effiċjenti f’pajjiżi sikuri. L-UE għandha kemm ir-riżorsi kif ukoll l-esperjenza biex tagħmel differenza, saħansitra permezz ta’ sforz lejn proċess aktar globali u multilaterali għall-ġestjoni tal-migrazzjoni. |
4.11. |
Il-KESE jappoġġja b’mod ġenerali d-direzzjoni tas-sħubijiet speċifiċi ma’ pajjiżi terzi: il-konklużjoni ta’ patti mal-Ġordan u l-Lebanon, filwaqt li l-kooperazzjoni UE-Tuneżija tilħaq il-livell li jmiss; it-tnedija u l-ftehim dwar patti man-Niġer, in-Niġerja, is-Senegal, il-Mali u l-Etjopja; u l-appoġġ għall-Gvern Libjan b’Kunsens Nazzjonali. F’dawn il-patti u l-ftehimiet, l-UE għandha tiżgura li jintużaw l-aktar inċentivi pożittivi, li l-għajnuna tkun imfassla u organizzata tajjeb, u li tindirizza wkoll il-kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi tal-gvern, tippromovi d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem u tinkludi lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-proċessi kollha, speċjalment dawk lokali u nazzjonali. |
4.12. |
Il-KESE jirrikonoxxi l-isforzi fuq in-naħat kollha sabiex il-Qafas ta’ Sħubija jsir operattiv u effettiv, kif ippreżentat fl-Ewwel Rapport ta’ Progress ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea (7). It-tnedija tal-proġetti ffinanzjati mill-Fond Fiduċjarju tal-UE għall-Afrika fil-ħames pajjiżi ta’ prijorità hija sinjal li l-kooperazzjoni hija possibbli. Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jaħdmu lejn adozzjoni rapida tar-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, strument ewlieni fil-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, it-tkabbir inklużiv, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali u l-integrazzjoni reġjonali barra mill-Ewropa. |
Brussell, it-22 ta’ Frar 2017.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) ĠU C 71, 24.2.2016, p. 82.
(2) Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, COM(2015) 240 final, p. 15-17.
(3) Biss biss, fl-operazzjonijiet Taljani “Mare Nostrum” ġew salvati 140 000 persuna mill-Baħar Mediterran. Mill-2015 ‘l hawn, permezz tal-operazzjonijiet tal-UE fil-Mediterran ġew salvati aktar minn 400 000 persuna.
(4) COM(2016) 234 final tas-26 ta’ April 2016.
(5) Ara COM(2016) 197 final tas-6 ta’ April 2016.
(6) COM(2016) 378 final.
(7) COM(2016) 700 final.