Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016AE2981

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (Riformulazzjoni)” [COM(2016) 270 finali — 2016/0133(COD)] dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil u li tħassar ir-Regolament (UE) Nru 439/2010” [COM(2016) 271 final — 2016/0131(COD)] u dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-‘Eurodac’ għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida għall-idenifikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li qed jirresjiedu illegalment u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi (Riformulazzjoni)” [COM(2016) 272 final — 2016/0132(COD)]

    ĠU C 34, 2.2.2017, p. 144–150 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    2.2.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 34/144


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (Riformulazzjoni)”

    [COM(2016) 270 finali — 2016/0133(COD)]

    dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil u li tħassar ir-Regolament (UE) Nru 439/2010”

    [COM(2016) 271 final — 2016/0131(COD)]

    u dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-‘Eurodac’ għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida għall-idenifikazzjoni ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li qed jirresjiedu illegalment u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi (Riformulazzjoni)”

    [COM(2016) 272 final — 2016/0132(COD)]

    (2017/C 034/24)

    Relatur:

    is-Sur MORENO DÍAZ

    Konsultazzjoni

    Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 15/06/2016

    Bażi legali

    Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

     

    [COM(2016) 270 finali — 2016/0133(COD)], [COM(2016) 271 final — 2016/0131(COD)], [COM(2016) 272 final — 2016/0132(COD)]

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

    Adottata fis-sezzjoni

    27/09/2016

    Adottata fil-plenarja

    19/10/2016

    Sessjoni plenarja Nru

    520

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    215/1/4

    1.   Konklużjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jqis indispensabbli li jkun hemm riforma effiċjenti u effettiva tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) kif ukoll titjib tal-mezzi legali ta’ aċċess għall-Unjoni Ewropea, mill-perspettiva tar-rispett tad-drittijiet tal-persuni li jsofru minn persekuzzjoni.

    1.2.

    Għal dan il-għan għandha tiġi proposta sistema komuni u obbligatorja ġenwina għall-Istati Membri kollha sabiex jiġu armonizzati l-leġislazzjonijiet nazzjonali kollha jew – fin-nuqqas ta’ dan – għandha mill-inqas tiġi introdotta sistema komuni ta’ rikonoxximent reċiproku tar-riżoluzzjonijiet dwar l-asil bejn il-pajjiżi membri kollha tal-UE li tkun tippermetti Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA).

    1.3.

    Fi kwalunkwe każ, il-KESE jilqa’ l-għan propost li jitħaffu l-proċeduri li jiddeterminaw għall-finijiet ta’ effiċjenza akbar, iżda jqis li għandhom jiġu ċċarati u inklużi d-dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni fir-rigward tal-kwistjonijiet proċedurali, it-trattament individwalizzat tal-applikazzjonijiet, iż-żamma tal-klawżoli diskrezzjonali, iż-żamma tal-iskadenza ta’ meta jintemm l-obbligu għal Stat Membru biex jassumi responsabbiltà, id-drittijiet tal-applikanti u l-limitazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ allokazzjoni korrettiva.

    1.4.

    Huwa neċessarju li tiġi żgurata l-konsistenza tad-dispożizzjonijiet proposti fir-Regolament mad-dispożizzonijiet eżistenti f’dan il-qasam u l-miżuri relatati li l-KE beħsiebha tiżviluppa bħala parti mill-bidla fundamentali tas-SEKA u l-konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni.

    1.5.

    Kull Stat Membru għandu jkun responsabbli biex jipprovdi informazzjoni dettaljata u aġġornata lill-applikant dwar il-proċeduri skont is-sistema ta’ Dublin f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 4.

    1.6.

    Bil-għan li jkun hemm sostenibbiltà effettiva tas-sistema fir-rigward l-aċċess rapidu tal-applikanti għall-proċedura tal-asil u l-kapaċità li l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri jimplimentaw is-sistema, hemm bżonn li jiġi garantit il-prinċipju tal-proporzjonalità.

    2.   Sfond

    2.1.

    Fis-6 ta’ April 2016, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni li fiha nnutat in-nuqqasijiet fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet ta’ “Dublin”, u tidentifika ħames oqsma ta’ prijorità biex tittejjeb din is-sitwazzjoni.

    2.2.

    Il-Kummissjoni tipproponi riforma fis-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil sabiex tinħoloq sistema iktar ekwa, effiċjenti u sostenibbli billi jiġi emendat ir-Regolament attwali (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

    2.3.

    Il-Kummissjoni tinnota li s-sistema ta’ Dublin ma tfasslitx biex jiġi żgurat li r-responsabbiltà tinqasam b’mod sostenibbli, ekwu u effiċjenti fir-rigward ta’ dawk li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali fl-UE kollha. L’hekk imsejħa “Sistema ta’ Dublin” ma ħadmitx b’mod adegwat u lanqas b’mod standardizzat: l-esperjenza f’dawn l-aħħar snin uriet li, f’każ ta’ flussi migratorji kbar, numru limitat ta’ Stati Membri jkollhom jeżaminaw il-maġġoranza tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, li xi kultant dan iwassal għall-ksur dejjem jiżdied tar-regoli tal-asil fl-Unjoni Ewropea.

    2.4.

    Biex tirrimedja dawn in-nuqqasijiet, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi emendat ir-Regolament bl-għanijiet li ġejjin:

    tissaħħaħ l-effiċjenza tas-sistema billi jiġi stabbilit Stat Membru wieħed responsabbli għall-eżami tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali;

    jiġu skoraġġuti l-abbużi tas-sistema tal-asil u jiġu evitati movimenti sekondarji tal-applikanti fi ħdan l-UE;

    tiġi stabbilita sistema iktar ġusta ta’ tqassim permezz ta’ mekkaniżmu korrettiv li awtomatikament jidentifika jekk Stat Membru jkollu għadd sproporzjonat ta’ applikazzjonijiet għall-asil;

    tiġi pprovduta kjarifika tal-obbligi tal-applikanti għall-asil fl-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ dawk l-obbligi;

    jiġi emendat ir-Regolament Eurodac sabiex jiġi adattat għall-bidliet fis-sistema ta’ Dublin u biex jiġi żgurat li dan jiġi applikaw sew;

    jissaħħaħ il-mandat tal-Uffiċċju Ewropew għall-Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) waqt li tiġi stabbilita l-Aġenzija tal-Asil tal-Unjoni Ewropea.

    3.   Analiżi

    3.1.    Il-kriterji ta’ Dublin proposti sabiex tiġi determinata r-responsabbiltà tal-Istat Membru

    Skont ir-Regolament attwali (UE) 604/2013, il-kriterji ġenerali l-aktar użati sabiex jiġu determinati t-trasferimenti huma d-dokumentazzjoni u l-post tad-dħul, li jwassal għal teħid importanti ħafna ta’ responsabbiltà mill-Istati Membri bi fruntieri esterni. L-informazzjoni li tinsab f’Eurodac u s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) huma aċċettati bħala prova mill-maġġoranza tal-Istati Membri, madankollu, f’xi okkażjonijiet mhumiex ikkunsidrati bħala evidenza suffiċjenti.

    Fil-proposta, il-kriterju biex jiġi determinat l-Istat Membru ser jintuża darba biss u l-Artikolu 9 jistipola li applikant għandu japplika fl-ewwel Stat Membru li jidħol fih, irrispettivament minn jekk id-dħul kienx irregolari jew ta’ residenza legali. Il-kriterji ta’ ġerarkija deskritti fl-Artikoli 10 sa 17 għandhom dispożizzjonijiet simili:

    3.1.1.

    Minorenni: Ir-riforma proposta tqis il-kunsiderazzjonijiet stabbiliti iżda biss għal dawk il-minorenni mhux akkumpanjati li qegħdin japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali.

    3.1.2.

    Membri tal-familja: Il-proposta twessa’ d-definizzjoni ta’ membri f’żewġ sensi: testendiha għall-aħwa u tqis il-familji li jiġu ffurmati qabel il-wasla fl-Istat Membru, iżda mhux neċessarjament fil-pajjiż ta’ oriġini kif definita fir-Regolament ta’ Dublin III. Iż-żewġ kunsiderazzjonijiet huma ta’ importanza vitali, u b’mod partikolari, nenfasizzaw is-sitwazzjonijiet ta’ tbatija li jseħħu meta l-aħwa ma jitqiesux bħala “membri tal-familja” u li f’ħafna sitwazzjonijiet dan jolqot lill-minorenni mhux akkumpanjati, li l-uniċi konnessjonijiet mal-familja fi Stat Membru jkunu l-aħwa.

    3.1.3.

    Dokument ta’ residenza jew viża: Il-proposta żżomm ir-responsabbiltà tal-Istat Membru biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali meta joħroġ dawn id-dokumenti, iżda tintroduċi kunsiderazzjonijiet sabiex jiġu ċċarati l-kriterji ta’ responsabbiltà.

    3.1.4.

    Dħul irregolari minn ġo Stat Membru: Il-proposta telimina d-dispożizzjonijiet relatati mat-tmiem tar-responsabbiltà tnax-il xahar wara d-data ta’ meta jkun seħħ il-qsim mhux awtorizzat ta’ fruntiera.

    3.1.5.

    Klawżoli diskrezzjonali: Il-proposta tillimita l-abbiltà tal-Istati Membri u tistabbilixxi biss il-possibbiltà li jieħdu r-responsabbiltà għal applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li ma tkunx ir-responsabbiltà tagħhom abbażi ta’ relazzjonijiet familjari li ma jaqgħux taħt id-definizzjoni ta’ membri tal-familja.

    3.1.6.

    Fir-rigward tal-persuni dipendenti, m’hemm l-ebda modifika għall-proposta u, għalhekk, jekk l-applikant ikun dipendenti fuq l-assistenza tat-tfal, l-aħwa jew il-ġenituri li jkunu legalment residenti f’wieħed mill-Istati Membri minħabba tqala, wild reċenti, mard serju, diżabilità serja jew età avvanzata, jew meta l-istess persuni jiddependu mill-assistenza tal-applikant, l-Istati Membri għandhom ilaqqgħuhom jew jiġbruhom mal-applikant dejjem jekk kien hemm rabtiet fil-pajjiż ta’ oriġini u l-persuni inkwistjoni jistgħu jipprovdu dik l-assistenza u jiddikjaraw dan bil-miktub.

    3.2.    Proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali

    3.2.1.

    Il-proposta għal riforma tar-Regolament ta’ Dublin għandha l-għan li tistabbilixxi sistema aktar ġusta u sostenibbli, billi tiġi ssemplifikata l-proċedura u tiżdied l-effettività, iżda l-modifiki introdotti mhumiex dejjem imfassla biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

    L-Artikolu 3 tal-proposta għal riforma jintroduċi l-analiżi tal-kriterji ta’ ammissibbiltà ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, qabel ma jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli, mingħajr ma tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ membri tal-familja fi Stat Membru ieħor jew il-bżonnijiet tal-minorenni.

    Il-kriterji ta’ eliġibbiltà li jistgħu jiġu vvalutati minn qabel huma l-kunċetti ta’ pajjiż terz sigur, l-ewwel pajjiż ta’ asil, pajjiż ta’ oriġini sigur u l-kunċett ġuridiku indeterminat ta’ periklu għas-sigurtà.

    Il-proposta tintroduċi modifiki fir-rigward tal-limiti ta’ żmien, fejn tnaqqas b’mod sinifikanti u ġew aċċellerati l-proċeduri tar-riammissjoni.

    3.2.2.

    Ir-riforma telimina ċ-ċirkostanzi li fihom tintemm ir-responsabbiltà li huma stabbiliti fl-Artikolu 19 (li l-applikant volontarjament joħroġ mill-UE għal aktar minn tliet xhur, jew jitkeċċa). Dan jimplika li l-istess Stat Membru għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe applikazzjoni li titressaq minn persuna fi kwalunkwe ħin, anke jekk tkun irritornat fil-pajjiż tal-oriġini tagħha għal perjodi twal ta’ żmien, is-sitwazzjoni personali u familjari tagħha jkunu inbidlu fil-frattemp jew il-kundizzjonijiet fl-Istat Membru inkwistjoni jkunu inbidlu sostanzjalment.

    3.3.    Il-garanziji proċedurali u r-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-proċess sabiex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli

    3.3.1.

    Dritt għall-informazzjoni: L-Artikolu 6(1) isaħħaħ id-dritt għall-informazzjoni tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali soġġetti għal proċeduri li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli, u jispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta.

    3.3.2.

    Dritt għal appell effettiv: L-Artikolu 27 tar-riforma jeħtieġ li n-notifika tad-deċiżjoni tat-trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli ssir bil-miktub lill-applikant mingħajr dewmien. Din in-notifika għandha tinforma lill-applikant bil-possibbiltà li jappella d-deċiżjoni. L-Artikolu 28 jiggarantixxi l-effett sospensiv tal-appelli kontra d-deċiżjonijiet ta’ trasferiment tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u jistabbilixxi l-iskadenzi, minkejja li qosra wisq (sebat ijiem biss sabiex isir appell), għall-proċedura ta’ eżami mill-ġdid.

    3.3.3.

    Dritt għal-libertà ta’ moviment u ż-żamma ta’ applikanti sommessi għall-proċess li jiddetermina l-Istat responsabbli: L-Artikolu 29 tal-proposta jnaqqas għan-nofs iż-żmien tal-proċeduri fil-każ li l-persuna li tkun qed tapplika tkun tinsab f’detenzjoni. Barra minn hekk inaqqas minn sitta għal erba’ ġimgħat iż-żmien biex jitwettaq it-trasferiment jew, fil-każ oppost, biex il-persuna tinħeles.

    3.4.    Dmirijiet u sanzjonijiet

    3.4.1.

    Il-proposta tintroduċi b’mod espliċitu l-obbligi tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali:

    l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha ssir fl-ewwel pajjiż li fih ikunu daħlu b’mod irregolari jew fil-pajjiż fejn huwa permess li joqgħod legalment;

    għandha tiġi ppreżentata l-informazzjoni u l-provi kollha malajr kemm jista’ jkun, u mhux aktar tard mill-intervista li ssir biex jiġi determinat l-Istat responsabbli, kif ukoll għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet tal-Istat Membru sabiex jiġi determinat liema Stat Membru huwa responsabbli;

    għandhom ikunu preżenti u disponibbli għall-awtoritajiet tal-Istat Membru li jkun qed jiddetermina liema huwa l-Istat Membru responsabbli;

    għandhom jikkonformaw mat-trasferiment lejn l-Istat Membru responsabbli.

    3.4.2.

    Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, l-Artikolu 5 jistipula l-konsegwenzi proċedurali u ta’ akkoljenza sproporzjonati, li jmorru kontra l-istandards tad-Direttivi attwali relatati mal-proċedura (id-Direttiva 2013/32/UE) u mal-akkoljenza (id-Direttiva 2013/33/UE) u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE:

    Fil-każ li l-applikazzjoni ma titressaqx fl-Istat Membru li fih ikun awtorizzat li joqgħod l-applikant, jew fl-Istat Membru li jkun daħal fih b’mod irregolari, l-analiżi tal-applikazzjoni għandha titwettaq permezz tal-proċedura mħaffa, skont l-Artikolu 31(8) tad-Direttiva 2013/32/UE. Madankollu, dan l-Artikolu ma jipprevedix għal każijiet bħal dawn, u dan ifisser li proċedura hija applikata għal firxa wiesgħa ta’ applikazzjonijiet. Fil-prattika dan iwassal għal skadenzi qosra li matulhom l-applikazzjoni trid tiġi analizzata fil-fond, tnaqqis fil-garanziji u diffikultajiet akbar li jiġu identifikati persuni vulnerabbli f’perjodi qosra ta’ żmien. Dan huwa rilevanti b’mod partikolari għall-obbligu stabbilit fl-Artikolu 24(3) tad-Direttiva 2013/32/UE li ma jiġux applikati proċeduri mħaffa f’każijiet ta’ applikanti partikolarment vulnerabbli.

    Għandhom jitqiesu biss l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni mogħtija qabel l-intervista għad-determinazzjoni tal-Istat responsabbli. Madankollu, f’ħafna każijiet, sabiex jiġu ċċertifikati r-rabtiet familjari, ikun hemm bżonn prova ta’ parentela, u din tieħu ż-żmien.

    Il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza stabbiliti fl-Artikolu 14 sa 19 tad-Direttiva 2013/33/UE huma esklużi fi kwalunkwe Stat Membru ieħor: fost dawn il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza li jistgħu jiġu esklużi hemm l-aċċess għas-sistema edukattiva mill-minorenni (Artikolu 14 tad-Direttiva 2013/33/UE) li huwa ksur ċar tad-dritt għall-edukazzjoni tal-minorenni (Artikoli 14 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE), il-kura tas-saħħa li ma tkunx limitata għall-emerġenzi (Artikolu 19 tad-Direttiva 2013/33/UE) u livell ta’ ħajja adegwat li jiggarantixxi l-għajxien u l-protezzjoni tas-saħħa fiżika u mentali (Artikolu 17 tad-Direttiva 2013/33/UE).

    il-possibbiltà għal appell kontra applikazzjoni miċħuda għall-protezzjoni internazzjonali hija eskluża għall-applikanti li ġew irrifjutati u li ġew ittrasferiti lejn Stat Membru ieħor (l-Artikolu 20(5) tal-proposta). Din id-dispożizzjoni tista’ tikser l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32/UE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

    3.5.    Mekkaniżmu ta’ allokazzjoni korrettiva

    Huwa stabbilit mekkaniżmu korrettiv kontra l-possibbiltà ta’ diskrepanza fin-numru ta’ applikazzjonijiet li kull Stat Membru għandu jipproċessa skont il-kriterji msemmija hawn fuq. Biex tiġi ddeterminata sitwazzjoni bħal din, huwa kkalkulat, skont il-PGD u l-popolazzjoni, valur ta’ referenza tan-numru ta’ applikazzjonijiet u rilokazzjonijiet li kull Stat Membru jkollu l-kapaċità jerfa’. Jekk din iċ-ċifra taqbeż il-150 %, jiġi attivat il-mekkaniżmu korrettiv b’mod awtomatiku, u l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali jiġu rilokati minn dan l-Istat Membru (benefiċjarju) lejn Stati Membri oħrajn (ta’ allokazzjoni) li jkollhom inqas applikanti.

    3.6.    Tisħiħ tas-sistema EURODAC

    Il-proposta tal-Kummissjoni tinkludi pjan sabiex tiġi adattata is-sistema Eurodac u għandha l-għan li ttejjeb is-sistema maħluqa fl-2000 għall-organizzazzjoni u l-użu ta’ bażi ta’ data Ewropea li fiha jiġu reġistrati l-marki tas-swaba’ tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u ta’ diversi kategoriji ta’ migranti f’sitwazzjoni irregolari. L-għan ta’ din is-sistema huwa li jiffaċilita l-applikazzjoni tar-Regolament ta’ Dublin, billi jagħmilha possibbli li jiġi ddeterminat liema Stat Membru kien l-ewwel punt tad-dħul fl-UE ta’ applikant għall-protezzjoni internazzjonali. Tipprovdi għall-possibbiltà li jiġi estiż l-ambitu tal-azzjoni u li tinkludi u taħżen id-data ta’ persuni minn pajjiżi terzi li mhumiex applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u li joqogħdu b’mod irregolari fl-UE.

    3.7.    Mandat ġdid għall-Aġenzija tal-Asil tal-UE

    Il-Kummissjoni tipproponi li jiġi modifikat il-mandat tal-EASO sabiex jiġi ffaċilitat il-funzjonament tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil u r-Regolament ta’ Dublin.

    Il-Kummissjoni tipprevedi t-trasformazzjoni tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil billi jiġi estiż il-mandat tiegħu biex jiżdied ir-rwol tiegħu u tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil.

    4.   Rakkomandazzjonijiet speċifiċi

    4.1.    Minorenni mhux akkompanjati

    Id-dispożizzjonijiet jikkontradixxu “l-aħjar interessi tat-tfal” fid-dawl tal-bosta każijiet ta’ minorenni mhux akkumpanjati li, minħabba ċirkustanzi differenti, ma jidħlux fil-proċedura għall-protezzjoni internazzjonali, u lanqas ma jiżguraw evalwazzjoni tal-bżonnijiet individwali tagħhom.

    4.2.    Dħul irregolari minn ġo Stat Membru

    L-eliminazzjoni tat-tmiem tar-responsabbiltà ta’ tnax-il xahar wara d-data tal-qsim tal-fruntiera mhux awtorizzat tidher li tmur kontra wieħed mill-għanijiet prijoritarji tar-riforma, jiġifieri li t-tqassim tar-responsabbiltajiet isir b’mod sostenibbli u li s-sistema tkun aktar ekwa. L-eliminazzjoni tat-tmiem ma tiggarantixxix dan is-sens ta’ ġustizzja għall-Istati Membri li jinsabu fil-fruntieri esterni.

    4.3.    Klawsoli diskrezzjonali

    4.3.1.

    Il-KESE ma jaqbilx li l-klawżola tiġi restritta biss għall-każijiet ta’ rabtiet familjari li huma differenti mid-definizzjoni ta’ membri ta’ familja minħabba li huwa importanti li jitqies li dan jista’ jwassal għal problemi fi Stat Membru li mhumiex biss kwantitattivi – minħabba n-numru ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali – iżda wkoll kwalitattivi, u dawn jolqtu kwistjonijiet konnessi mal-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva 2013/32/UE dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali fir-rigward tal-aċċess għall-proċedura tal-asil għal persuni li jkunu qed ifittxu l-protezzjoni internazzjonali, informazzjoni u pariri, il-garanziji proċedurali u l-proċeduri speċjali għall-persuni fil-bżonn. Barra minn hekk id-Direttiva 2013/33/UE riformulata dwar il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tinkludi regoli komuni sabiex l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ ħajja komparabbli fl-Istati Membri kollha, kif ukoll ir-rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tagħhom.

    4.3.2.

    Jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn l-ebda Stat Membru ma jkun f’pożizzjoni li jiggarantixxi d-dispożizzjonijiet inklużi f’dawn id-Direttivi. Għalhekk huwa meħtieġ li jinżammu l-kliem tar-Regolament ta’ Dublin III dwar id-deċiżjoni li kwalunkwe Stat Membru li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li titressaq għandu, anki jekk dan l-eżami ma jaqax taħt ir-responsabbiltà tiegħu.

    4.3.3.

    Barra minn hekk għandu jitqies li ħafna applikanti għall-protezzjoni internazzjonali għandhom mard serju u/jew diżabbiltà gravi, u ma għandhom l-ebda familja fl-ebda Stat Membru: madankollu, minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom, l-applikanti ma jistgħux, għal raġunijiet mediċi, jiġu trasferiti lejn l-Istat Membru responsabbli, li jistabbilixxi relazzjoni tiegħu ta’ dipendenza mal-Istat Membru li fih tkun saret l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Hemm bżonn li dawn il-każijiet jiġu inklużi fl-abbozz ġdid ta’ proposta tal-klawsoli diskrezzjonali.

    4.3.4.

    Huwa essenzjali li l-preżunzjoni ta’ responsabbiltà għal raġunijiet umanitarji jew kulturali tinżamm sabiex tiġi garantita l-għajnuna għall-persuni li jkunu qed ifittxu protezzjoni internazzjonali f’sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà partikolari, skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/32/UE u biex jiġi garantit trattament divrenzjali skont il-valutazzjoni taċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom.

    4.4.    Proċess ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali

    4.4.1.

    L-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà mingħajr analiżi minn qabel tal-eżistenza ta’ membri tal-familja fi Stat Membru ieħor jew il-bżonnijiet tat-tfal, fejn din twassal għar-rifjut ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali, tista’ tkun f’kunflitt mad-dritt għall-ħajja tal-familja bħalma huwa rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

    4.4.2.

    L-applikazzjoni awtomatika tal-kunċetti ta’ pajjiż terz sigur, l-ewwel pajjiż ta’ asil, pajjiż ta’ oriġini sigur u l-kunċett legali ta’ riskju għas-saħħa tista’ twassal għal sitwazzjonijiet diskriminatorji skont in-nazzjonalità jew ir-rotot migratorji. Barra minn hekk, fil-każ ta’ pajjiż ta’ oriġini sigur u riskju għas-sigurtà, l-Artikolu 3(3) jistipula li għandha tiġi applikata proċedura mħaffa. Dan l-ipproċessar imħaffef fl-ebda każ ma jista’ jimmina l-garanziji proċedurali minħabba l-veloċità tal-iskadenzi. U lanqas ma jista’ jwassal għal evalwazzjoni li ma tkunx individwali ta’ dawn l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, kif inhu pprojbit bl-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2013/32/UE.

    4.4.3.

    L-Artikolu 33 tal-proposta ma jintroduċi l-ebda titjib fir-rigward ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar każijiet vulnerabbli, sitwazzjonijiet mediċi u każijiet oħra individwali tal-applikanti li ser jiġu ttrasferiti, minkejja li dan huwa wieħed mill-akbar dgħufijiet identifikati fl-applikazzjoni prattika tas-sistema ta’ Dublin.

    4.4.4.

    Id-dispożizzjonijiet dwar it-tmiem ta’ responsabbiltà fejn l-applikant joħroġ b’mod volontarju mill-UE għal aktar minn tliet xhur jew ikun tkeċċa tista’ twassal għal sitwazzjonijiet fejn ma jitqisux ir-rabtiet familjari li jkun ġew iffurmati fil-pajjiż ta’ oriġini wara l-ewwel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-UE, jew fejn il-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza u ta’ proċeduri li kienu ssodisfati matul l-ewwel applikazzjoni ma jiġux garantiti fl-Istati Membru responsabbli matul it-tieni applikazzjoni.

    4.5.    Garanziji proċedurali

    4.5.1.

    Fir-rigward tad-dritt għall-informazzjoni, id-dispożizzjoni dwar it-trażmissjoni ta’ informazzjoni permezz ta’ fuljett ta’ informazzjoni ma tikkunsidrax il-fatt li f’ħafna Stati Membri dan jinkludi biss informazzjoni ġenerali, f’lingwaġġ ftit jew xejn mifhum mill-applikanti. Din l-informazzjoni għandha dejjem tingħata fl-intervista.

    4.5.2.

    Fir-rigward tad-dritt għal rimedju effettiv, nemmnu li dan ir-rimedju m’għandux ikun limitat biss għat-tliet każijiet koperti, peress li dan jillimita l-aċċess għal protezzjoni legali effettiva fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

    ir-riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fl-Istat Membru responsabbli minħabba nuqqasijiet fis-sistema tal-asil;

    deċiżjonijiet ta’ trasferiment ibbażati fuq il-kriterju relatat mal-minorenni (Artikolu 10), fuq il-kriterju tal-familja, (Artikoli 11, 12 u 13) u fuq il-kriterju tal-persuni dipendenti (Artikolu 18);

    deċiżjonijiet li tiġi assunta r-responsabbiltà għall-eżami (l-ebda trasferiment), fejn ma ġewx applikati il-kriterji tal-familja.

    4.5.3.

    Fir-rigward tad-dritt għal-libertà tal-moviment u l-possibbiltà li jiġu detenuti l-applikanti soġġetti għall-proċeduri li jiddeterminaw l-Istat responsabbli, il-limitazzjoni fuq il-perjodu ta’ detenzjoni (ġimagħtejn) ma tintroduċi xejn ġdid fir-rigward ta’ każijiet eċċezzjonali fejn tiġi ordnata d-detenzjoni. Minħabba prattiki diverġenti fil-pajjiżi identifikati mill-Kummissjoni stess, huwa rakkomandabbli li jiġu stabbiliti kriterji ċari u preċiżi dwar in-natura eċċezzjonali tad-detenzjoni u l-valutazzjoni tal-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżura.

    4.6.    Mekkaniżmu ta’ allokazzjoni korrettiva

    4.6.1.

    L-użu ta’ kriterju tant għoli, 150 % tal-kapaċità tal-Istat Membru kkonċernat, jista’ jikkomprometti l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza u ta’ proċeduri tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li huma diġà preżenti f’dak l-Istat sakemm tintlaħaq din iċ-ċifra. Jekk, skont il-kriterji, tiġi stabbilita kapaċità ta’ akkoljenza, jidher loġiku li jiġi attivat dan il-mekkaniżmu meta tinqabeż din il-kapaċità u mhux wieħed jistenna sal-150 %. Barra minn hekk, sabiex dan il-mekkaniżmu jkun effettiv, l-allokazzjoni għandha tiġi applikata għal dawk kollha li huma eliġibbli sabiex japplikaw għall-asil, ikun xi jkun il-pajjiż ta’ oriġini.

    4.6.2.

    Dan il-mekkaniżmu huwa applikat qabel ma jiġi determinat liema Stat Membru huwa responsabbli, li titwettaq sussegwentement mill-Istat Membru fejn ġew allokati l-applikanti. Dan jimplika li, wara li jkun ġie trasferit mill-Istat Membru benefiċjarju lejn l-Istat Membru ta’ allokazzjoni, l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali jista’ jerġa’ jiġi trasferit lejn it-tielet Stat Membru, fejn tkun tinsab il-familja tiegħu, u dan jirriżulta f’nuqqas ta’ effettività tas-sistema u f’aktar dewmien għall-aċċess għall-proċeduri li jiddeterminaw l-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali.

    4.6.3.

    Barra minn hekk, billi l-mekkaniżmu huwa awtomatiku, ma jqisx iċ-ċirkustanzi individwali tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u lanqas il-ħtiġijiet speċjali bħas-sitwazzjonijiet ta’ vulnerabbiltà, li jistgħu jiskoraġġixxu t-trasferiment lejn l-Istat Membru ta’ allokazzjoni.

    4.6.4.

    Il-mekkaniżmu korrettiv ma jqisx l-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li jkunu waslu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din ir-riforma, jibqgħu esklużi mill-allokazzjoni l-applikanti li ġew irrifjutati qabel ma ġie applikat il-kriterju sabiex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli, skont l-Artikolu 3, kif ukoll l-applikanti li jaslu fi Stat Membru qabel ma jintlaħaq il-150 % ta’ kapaċità ta’ akkoljenza. Dan kollu jista’ jfixkel milli jintlaħaq l-għan aħħari ta’ dan il-mekkaniżmu u għandu effett limitat ħafna fit-tqassim tar-responsabbiltà tal-eżami tal-applikazzjonijiet u tal-akkoljenza.

    4.6.5.

    Il-possibbiltà li l-Istati Membri jagħżlu li ma jieħdux sehem f’dan il-mekkaniżmu korrettiv, billi jħallsu ċertu ammont ta’ fluss għal kull applikant għall-protezzjoni internazzjonali li ma jiġix allokat fit-territorju tiegħu, tista’ twassal għal sitwazzjonijiet diskriminatorji, billi l-Istati Membri jagħżlu fuq il-bażi tar-reliġjon, l-etniċità jew in-nazzjonalità liema applikanti għall-protezzjoni internazzjonali jaċċettaw fit-territorju tagħhom u liema le.

    4.7.    Is-sistema Eurodac

    Kwalunkwe kunsiderazzjoni rigward l-adattament tar-Regolament għandha tiġġustifika l-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-miżuri meħuda skont is-sensittività tad-data inkluża, partikolarment fir-rigward tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali u l-kunfidenzjalità tal-proċeduri.

    4.8.    Mandat għall-Aġenzija tal-Asil tal-UE

    Il-KESE jappoġġja l-proposti peress li minn mindu tnieda l-EASO għandhom ma ntlaħqux l-għanijiet proposti. Iqis li huwa neċessarju li fil-proposta l-ġdida jissaħħaħ u jiġi żviluppat ir-rwol tal-Forum ta’ Konsultazzjoni tal-organizzazzjonijiet li attwalment jeżisti u li fil-prattika ddgħajfet il-kapaċità tiegħu. L-Aġenzija futura għandha tqis l-informazzjoni ta’ dawn l-organizzazzjonijiet u l-ħidma li titwettaq f’kull Stat Membru sabiex tiġi mmonitorjata l-applikazzjoni korretta tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil u l-implimentazzjoni tiegħu.

    Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2016.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Georges DASSIS


    Top