Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015IP0095

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2015 fil-Jum Internazzjonali tar-Rom – l-anti-Żingariżmu fl-Ewropa u r-rikonoxximent, min-naħa tal-UE, tal-jum ta' tifkira tal-ġenoċidju tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija (2015/2615(RSP))

    ĠU C 328, 6.9.2016, p. 4–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.9.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 328/4


    P8_TA(2015)0095

    Jum Internazzjonali tar-Rom – l-anti-Żingariżmu fl-Ewropa u r-rikonoxximent, min-naħa tal-UE, tal-jum ta' tifkira tal-ġenoċidju tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2015 fil-Jum Internazzjonali tar-Rom – l-anti-Żingariżmu fl-Ewropa u r-rikonoxximent, min-naħa tal-UE, tal-jum ta' tifkira tal-ġenoċidju tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija (2015/2615(RSP))

    (2016/C 328/02)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari t-tieni inċiż u mir-raba' sas-seba' inċiż tiegħu,

    wara li kkunsidra, fost l-oħrajn, l-Artikolu 2, l-Artikolu 3(3), it-tieni inċiż, u l-Artikoli 6 u 7 TUE,

    wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta' Diċembru 2000 (minn hawn 'l isfel imsejħa “il-Karta”), ipproklamata fit-12 ta' Diċembru 2007 fi Strasburgu u li daħlet fis-seħħ mat-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Marzu 2011 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-inklużjoni tar-Rom (1), il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta' April 2011 dwar Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom fl-2020 (COM(2011)0173), il-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-2 ta' April 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-UE għal strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom (COM(2014)0209), u r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2013 dwar miżuri effettivi ta' integrazzjoni tar-Rom fl-Istati Membri,

    wara li kkunsidra r-riżultati tal-istħarriġ pilota dwar ir-Rom tal-2011, imwettaq mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ħarsien tal-Minoranzi Nazzjonali u l-Konvenzjoni Ewropea għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

    wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa dwar iż-żieda fl-anti-Żingariżmu u l-vjolenza razzista kontra r-Rom fl-Ewropa, adottata fl-1 ta' Frar 2012,

    wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Politika Ġenerali Nru 13 tal-Kummissjoni Ewropea kontra r-Razziżmu u l-Intolleranza (ECRI) dwar il-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu u d-diskriminazzjoni kontra r-Rom,

    wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni komprensiv, adottat mill-Istati parteċipanti tal-OSKE, fosthom l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi kandidati, li hu ffukat fuq it-titjib tal-qagħda tar-Rom u s-Sinti fiż-żona tal-OSKE, li bih l-Istati jintrabtu fost l-oħrajn li jsaħħu l-isforzi tagħhom bil-għan li jiġi żgurat li r-Rom u s-Sinti jkunu jistgħu jieħdu sehem sħiħ u ndaqs fis-soċjetajiet tagħna, kif ukoll biex tinqered id-diskriminazzjoni kontrihom,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi r-Rom, b'popolazzjoni stmata li tilħaq bejn l-10 u t-12-il miljun persuna fl-Ewropa, hija l-ikbar minoranza etnika fl-Ewropa;

    B.

    billi l-kelma “Rom” tintuża f'din ir-riżoluzzjoni bħala terminu ġenerali li jinkludi gruppi differenti relatati fl-Ewropa kollha, kemm sedentarji kif ukoll mhux, bħar-Rom, Travellers, Sinti, Manouches, Kalés, Romanichels, Boyash, Ashkali, Eġizzjani, Yenish, Doms u Loms, li jistgħu jkunu differenti f'termini ta' kultura u ta' stil ta' ħajja;

    C.

    billi l-anti-Żingariżmu, it-tip speċjali ta' razziżmu dirett lejn ir-Rom, huwa ideoloġija bbażata fuq is-superjorità razzjali, forma ta' diżumanizzazzjoni u razziżmu istituzzjonali fuq sfond ta' diskriminazzjoni storika, li fost modi oħrajn, huma espressi permezz tal-vjolenza, l-inċitament għall-mibegħda, l-isfruttament, l-istigmatizzazzjoni u l-iktar tip sfaċċat ta' diskriminazzjoni;

    D.

    billi l-anti-Żingariżmu huwa wieħed mill-ikbar kawżi ta' diskriminazzjoni u emarġinazzjoni li sofrew il-popli Rom storikament f'bosta pajjiżi Ewropej;

    E.

    billi bosta Rom għadhom jgħixu f'kundizzjonijiet fqar ħafna u jħabbtu wiċċhom ma' livelli estremi ta' esklużjoni soċjali u diskriminazzjoni;

    F.

    billi s-sitwazzjoni tar-Rom Ewropej, li storikament kienu parti mis-soċjetà f'bosta pajjiżi Ewropej, mingħajr stat uniku ta' appartenenza, u kkontribwixxew fl-Ewropa bħala ċittadini, tvarja bejn il-minoranzi nazzjonali fl-Ewropa, u dan jiġġustifika miżuri speċifiċi fil-livell Ewropew; billi r-Rom huma parti mill-kultura u mill-valuri tal-Ewropa;

    G.

    billi n-nisa Rom spiss jaffrontaw diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali abbażi tas-sess u l-oriġini etnika u aċċess limitat għall-impjiegi, l-edukazzjoni, is-saħħa, is-servizzi soċjali u t-teħid tad-deċiżjonijiet, billi d-diskriminazzjoni tista' sseħħ fi ħdan soċjetà integrata f'kuntest ta' razziżmu kontra r-Rom li dejjem qiegħed jikber, iżda wkoll fi ħdan il-komunitajiet tan-nisa dovut għas-sess tagħhom;

    H.

    billi l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta' April 2011 dwar Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma talbet lill-Istati Membri jadottaw jew jiżviluppaw ulterjorment approċċ komprensiv għall-integrazzjoni tar-Rom u jappoġġaw għadd ta' għanijiet komuni; billi r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2013 tistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri politiċi effikaċi biex jiżguraw trattament indaqs tar-Rom u jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tagħhom, inkluż aċċess ugwali għall-edukazzjoni, l-impjiegi, l-assistenza tas-saħħa u l-alloġġi;

    I.

    billi d-data tas-27 ta' Jannar, jum il-liberazzjoni tal-kamp ta' konċentrament ta' Auschwitz-Birkenau, intgħażlet min-Nazzjonijiet Uniti bħala l-Jum Internazzjonali ta' Tifkira tal-Olokawst;

    J.

    billi skont l-istimi, mill-inqas 500 000 Rom inqatlu matul it-Tieni Gwerra Dinjija min-Nazisti u mir-reġimi l-oħrajn u mill-alleati tagħhom, u billi f'xi pajjiżi 'l fuq minn 80 % tal-popolazzjoni Rom ġew sterminati; billi mill-inqas 23 000 Rom inqatlu bil-gass fil-Zigeunerlager (kamp taż-żingari) ta' Auschwitz-Birkenau matul it-Tieni Gwerra Dinjija u, f'lejla waħda, mit-2 sat-3 ta' Awwissu 1944, 2 897 Rom – il-biċċa l-kbira nisa, tfal u anzjani – inqatlu f'dak il-kamp; billi għalhekk, it-2 ta' Awwissu ntgħażel mill-organizzazzjonijiet Rom bħala l-jum għall-kommemorazzjoni tal-vittmi kollha Rom ta' dan il-ġenoċidju;

    K.

    billi l-ġenoċidju tar-Rom min-Nazisti u mir-reġimi l-oħrajn u mill-alleati tagħhom matul it-Tieni Gwerra Dinjija huwa fatt li għadu injorat mill-parti l-kbira, u għalhekk mhuwiex rikonoxxut mill-pubbliku ġenerali, u spiss mhuwiex rikonoxxut jew mgħallem fl-iskejjel, u b'hekk il-popli Rom jinsabu fost il-vittmi “injorati” tal-ġenoċidju matul it-Tieni Gwerra Dinjija;

    L.

    billi l-kommemorazzjoni tad-delitti kontra l-umanità u tal-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem hija fundamentali bil-għan li jiġu promossi l-kawżi tal-paċi, tar-rikonċiljazzjoni, tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa; billi l-ġenoċidju tar-Rom fl-Ewropa jistħoqqlu rikonoxximent sħiħ proporzjonat għall-gravità tad-delitti kommessi min-Nazisti u mir-reġimi l-oħra li kienu elaborati biex jeliminaw fiżikament ir-Rom mill-Ewropa, kif ukoll il-Lhud u l-gruppi l-oħrajn fil-mira;

    M.

    billi r-rikonoxximent u l-kommemorazzjoni tal-ġenoċidju tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija huma importanti biex lir-Rom jingħatalhom, meta jkun xieraq, riżarċiment għall-atroċitajiet kommessi kontrihom min-Nazisti u mir-reġimi l-oħra u mill-alleati tagħhom matul it-Tieni Gwerra Dinjija;

    N.

    billi r-rikonoxximent tal-ġenoċidju tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija u l-istabbiliment ta' Jum Ewropew ta' tifkira jkun jirrappreżenta għalhekk pass simboliku importanti 'l quddiem fil-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu u jikkontribwixxi għall-għarfien ġenerali tal-istorja tar-Rom fl-Ewropa;

    1.

    Jesprimi tħassib kbir għaż-żieda fl-anti-Żingariżmu, kif tidher fost oħrajn mir-retorika anti-Rom u mill-attakki vjolenti kontra r-Rom fl-Ewropa, fosthom omiċidji, li huma inkompatibbli man-normi u mal-valuri tal-Unjoni Ewropea u jikkostitwixxu ostaklu gravi għas-suċċess tal-integrazzjoni soċjali tar-Rom u għall-garanzija tar-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem tagħhom;

    2.

    Jenfasizza li d-diskriminazzjoni u l-emarġinazzjoni mhuma qatt ikkawżati mid-dgħufija inerenti ta' individwu jew ta' grupp li jġarrab tali diskriminazzjoni u emarġinazzjoni, iżda jirriżultaw fil-biċċa l-kbira mill-inkapaċità tas-soċjetà ġenerali li tirrikonoxxi d-drittijiet tal-individwi u mill-inkapaċità li jiġu fornuti l-istrutturi neċessarji għall-individwi biex jinvokaw tali drittijiet;

    3.

    Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod effikaċi d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità, bil-għan li jipprevjenu u jeliminaw id-diskriminazzjoni kontra r-Rom, partikolarment fl-impjiegi, fl-edukazzjoni u fl-aċċess għall-alloġġi;

    4.

    Jissottolinja l-bżonn ta' ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu f'kull livell u b'kull mezz, u jenfasizza li tali fenomenu huwa forma ta' razziżmu partikolarment persistenti, vjolenti, rikorrenti u komuni; jistieden lill-Istati Membri jkomplu jsaħħu l-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu bħala parti mill-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom li jippromwovu l-aħjar prattiki;

    5.

    Jilqa' pożittivament l-involviment tal-komunitajiet Rom u tal-NGOs fl-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom, u jappella għall-involviment ulterjuri tagħhom fid-disinn, fil-monitoraġġ, fl-evalwazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom;

    6.

    Jisħaq fuq il-bżonn li jiġi garantit li l-miżuri speċifiċi għad-drittijiet tan-nisa u tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jkunu inklużi fl-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom, u li l-valutazzjoni u l-monitoraġġ annwali jqisu l-perspettiva relatata mad-drittijiet tan-nisa u mal-ugwaljanza tal-ġeneri f'kull sezzjoni tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom;

    7.

    Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jqisu lit-tfal bħala prijorità huma u jimplimentaw il-Qafas tal-UE għal Strateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom, u jtenni l-importanza tal-promozzjoni tal-aċċess indaqs għall-alloġġi, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u għall-kundizzjonijiet ta' ħajja dinjitużi għat-tfal Rom;

    8.

    Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod effikaċi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali, bil-għan li jirnexxilhom jikkumbattu l-anti-Żingariżmu, ir-retorika anti-Rom u l-attakki vjolenti kontrihom, kif ukoll l-apoloġija, iċ-ċaħda jew il-minimizzazzjoni goffa tal-ġenoċidju tar-Rom;

    9.

    Ifakkar li r-Rom jagħmlu parti mill-kultura u mill-valuri kondiviżi tal-Ewropa, u jinkoraġġixxi għalhekk lill-Istati Membri u lill-pajjiżi Ewropej l-oħra jaffrontaw l-istorja tar-Rom permezz ta' djalogu maċ-ċittadini u maż-żgħażagħ, partikolarment f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġenoċidju tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija;

    10.

    Jikkundanna totalment u inekwivokabbilment il-forom kollha ta' razziżmu u diskriminazzjoni li tagħhom huma vittma r-Rom, u jissottolinja l-bżonn li jiġi miġġieled b'mod effikaċi l-anti-Żingariżmu jekk irridu li l-miżuri adottati f'oqsma oħra jkunu effikaċi;

    11.

    Jistieden f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni tagħmel monitoraġġ u tivvaluta b'mod effikaċi r-rispett min-naħa tal-Istati Membri tal-valuri fundamentali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li d-drittijiet fundamentali, id-demokrazija u l-istat tad-dritt ikunu rispettati fl-Istati Membri kollha, tagħmel monitoraġġ effikaċi tar-rispett min-naħa tal-Istati Membri ta' dawn il-valuri, u tiżgura reazzjoni tagħha għall-eventwali ksur sistematiku ta' tali valuri;

    12.

    Jirrikonoxxi għalhekk b'mod solenni l-fatt storiku tal-ġenoċidju tar-Rom li sar matul it-Tieni Gwerra Dinjija;

    13.

    Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu uffiċjalment dan il-ġenoċidju u forom oħrajn ta' persekuzzjoni tar-Rom, bħad-deportazzjoni u l-internament li saru matul it-Tieni Gwerra Dinjija;

    14.

    Jiddikjara li għandu jiġi stabbilit jum Ewropew għall-kommemorazzjoni tal-vittmi tal-ġenoċidju tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija u li dan il-jum għandu jissemma Jum tat-Tifkira tal-Olokawst tar-Rom Ewropej;

    15.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-OSKE u lin-Nazzjonijiet Uniti.


    (1)  ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 112.


    Top