EUR-Lex El acceso al Derecho de la Unión Europea

Volver a la página principal de EUR-Lex

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 52015AE3697

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE” (COM(2015) 215 final)

ĠU C 13, 15.1.2016, p. 192/200 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 13/192


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE”

(COM(2015) 215 final)

(2016/C 013/28)

Relatur:

is-Sur Bernd DITTMANN

Nhar l-1 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE”

(COM(2015) 215 final).

Is-sottokumitat dwar ir-regolamentazzjoni aħjar, imwaqqaf skont l-Artikolu 19 tar-Regoli ta’ Proċedura, u inkarigat sabiex jipprepara l-ħidma dwar is-suġġett, adotta l-abbozz ta’ Opinjoni tiegħu nhar it-2 ta’ Settembru 2015 b’unanimità.

Matul il-510 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Settembru 2015 (seduta tas-16 ta’ Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’174 vot favur, 3 voti kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Ir-Regolamentazzjoni Aħjar (RA) u intelliġenti hija kompitu komuni għall-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri kollha bl-objettiv primarju li tittejjeb il-kwalità tar-regolamentazzjoni Ewropea għall-benefiċċju taċ-ċittadini, il-kumpaniji, il-konsumaturi u l-impjegati. Ir-RA madanakollu ma tiħux post id-deċiżjonijiet politiċi. Ir-RA hija proċess kontinwu. Diġà nkiseb ħafna iżda għad hemm ħafna potenzjal għal titjib ukoll.

1.2.

Il-KESE ilu żmien twil iwettaq ħidma estensiva fuq is-suġġett tar-RA, kif turi l-ġabra ta’ dikjarazzjonijiet l-aktar importanti tiegħu dwar ir-RA (1). B’dan il-mod huwa qiegħed jieħu responsabbiltà partikolari għall-appoġġ u l-aċċettanza tal-liġi Ewropea u r-RA fis-soċjetà ċivili.

1.3.

Il-KESE jinnota li m’huwiex qiegħed jiġi rikonoxxut suffiċjentement fl-aġenda tar-RA f’konformità mar-rwol u l-funzjoni fdati lilu fit-Trattati tal-UE u fil-ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew (PE). Huwa jitlob l-inklużjoni tal-korpi konsultattivi tal-UE fil-Ftehim Interistituzzjonali.

1.4.

Il-KESE huwa favur l-involviment komprensiv tal-partijiet interessati permezz ta’ konsultazzjonijiet matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ ta’ azzjoni politika u jirreferi hawn għall-opinjoni tal-KESE dwar l-evalwazzjoni tal-linji gwida għall-konsultazzjoni. Huwa jenfasizza li jqis li l-għażla korretta tal-grupp fil-mira flimkien ma’ kunsiderazzjoni tar-rappreżentattività tal-partijiet interessati huma elementi essenzjali u li jġibu ‘l quddiem ir-regolamentazzjoni aħjar.

1.5.

Fil-fehma tal-KESE għandu jiġi żgurat li l-għażla ta’ esperti għall-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju, il-pjattaforma REFIT kif ukoll għall-kumitati l-oħra kollha, is-seduti, il-workshops, il-laqgħat ta’ ħidma u kuntesti oħra, issir fl-ogħla livell ta’ indipendenza, imparzjalità u trasparenza possibbli.

1.6.

Il-KESE jitlob li l-Ftehim Interistituzzjonali jiġbor fih kemm l-awtoregolazzjoni kif ukoll il-koregolazzjoni li, hija u titqies soluzzjoni għal kwistjonijiet politiċi, jiġu kkunsidrati fuq l-istess livell ma’ miżuri regolatorji oħra.

1.7.

Il-KESE jitlob li t-trilogi informali jkunu riżervati għal emerġenzi partikolari u li l-biċċa l-kbira tar-regolamentazzjoni ssir permezz tal-proċedura leġislattiva normali.

1.8.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti iktar attenzjoni lin-nuqqasijiet waqt l-implimentazzjoni u l-eżekuzzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE fl-Istati Membri u jitlob li jintużaw regolamenti minflok direttivi.

2.   L-aġenda tar-RA – valutazzjoni bażika

2.1.

Il-KESE huwa konvint li l-miżuri u l-istrumenti tar-RA għandhom jikkontribwixxu sabiex jittejbu l-kwalità u l-effettività tal-atti legali Ewropej, sabiex jinħolqu regoli sempliċi, li jinftiehmu u konsistenti, li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-għanijiet deskritti fit-Trattati tal-UE kif ukoll għat-tisħiħ u l-ikkompletar tas-suq intern Ewropew, u li jikkostitwixxu wkoll valur miżjud għaċ-ċittadini, il-kumpaniji, il-konsumaturi u l-impjegati fl-Ewropa.

2.2.

L-Ewropa hija żona ġudizzjarja komuni li trid tiggarantixxi qafas legali tajjeb, affidabbli u li jista’ jiġi implimentat. Il-kunċett tar-RA, li l-għan tiegħu huwa li jiffoka kemm fuq miżuri ex-ante fil-livell tal-UE kif ukoll fuq l-implimentazzjoni u l-eżekuzzjoni konsistenti tal-leġislazzjoni tal-UE fl-Istati Membri u li jipprevedi wkoll miżuri tar-RA matul iċ-ċiklu tal-ħajja (2) sħiħ ta’ att legali, se jagħti kontribut siewi għall-integrazzjoni Ewropea u għaċ-ċittadini sakemm mhux biss jiġu introdotti proċeduri u strumenti teknokratiċi, iżda li barra minn hekk l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri kollha jagħmlu sforz sabiex tiġi stabbilita kultura tar-RA.

2.3.

Il-Kummissjoni qed tippreżenta l-Komunikazzjoni tagħha u d-dokumenti assoċjati bħala bidu ġdid. Mingħajr ebda dubju, il-proposti għandhom jiġu deskritti bħala ambizzjużi. Iżda l-Kumitat jixtieq jirrimarka wkoll li r-RA mhijiex tema ġdida, iżda ilha tiġi diskussa u żviluppata għal ħafna snin. Kwalunkwe titjib li nkiseb permezz ta’ dan ikkontribwixxa sabiex il-leġislazzjoni tal-UE, fil-prinċipju, hija ta’ kwalità għolja għall-użu miċ-ċittadini, il-kumpaniji, il-konsumaturi u l-impjegati fl-Ewropa. Il-KESE huwa tal-fehma li meta mqabblin mal-leġislaturi nazzjonali jew internazzjonali, il-mekkaniżmi u l-proċeduri stabbiliti fil-livell tal-UE jiffunzjonaw tajjeb sabiex jiżguraw il-kwalità għolja tar-regolamentazzjoni (3). Kif se jixhed dan ir-rapport, xorta waħda għad hemm potenzjal għal titjib. Madankollu, il-KESE jirrikonoxxi li bl-għajnuna tar-RA diġà ntlaħaq u nkiseb ukoll ħafna.

2.4.

Fil-kuntest tal-kritika li qed tiżdied rigward il-kunċett tar-RA, il-KESE jenfasizza li fil-fehma tiegħu, il-kwistjoni m’għandhiex tkun favur “iktar” jew “inqas” regolazzjoni fl-UE, jew li ċerti oqsma politiċi ma jiġux irregolati jew jiġu posposti fil-konfront ta’ prijoritajiet oħrajn, bir-riżultat li jiġu ddubitati l-valuri li jiddefinixxu l-UE: il-ħarsien soċjali, il-ħarsien tal-ambjent u d-drittijiet fundamentali (4). Ir-RA qabelxejn hija għodda li biha jkun żgurat li l-miri politiċi bbażati fuq l-evidenza fil-fatt jintlaħqu b’mod effettiv u fid-dawl tal-valuri msemmijin preċedentement, mingħajr ma jkunu ristretti d-drittijiet ambjentali, tal-konsumaturi jew l-istandards soċjali u mingħajr ma jsiru bidliet fil-kompetenza fl-istruttura istituzzjonali permezz tal-istabbiliment ta’ korpi ġodda. Ir-RA ma tistax u m’għandhiex tissostitwixxi deċiżjonijiet politiċi.

2.5.

Il-KESE qed jikkoopera b’mod attiv fil-qasam tat-tfassil demokratiku u fl-implimentazzjonital-leġislazzjoni tal-UE. Il-KESE ilu snin jinvolvi ruħu b’mod komprensiv fis-suġġett tar-RA u fassal għadd ta’ opinjonijiet li jinkludu rakkomandazzjonijiet konkreti għall-elaborazzjoni ulterjuri tal-kunċett. Sommarju ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet huwa disponibbli (5), u għandu jintuża bħala inċentiv u ġabra ta’ ideat għat-titjib ulterjuri tal-aġenda tar-RA. Dan jixhed li l-KESE għandu responsabbiltà speċjali għall-appoġġ u l-aċċettanza tal-miri tar-RA fis-soċjetà ċivili. Il-Kumitat huwa lest ukoll li issa stess jipprovdi l-kontribut tiegħu għal RA trasparenti, demokratika u konsistenti.

2.6.

Il-KESE jiddispajċih li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-pakkett sħiħ dwar ir-RA jinvokaw biss b’mod insuffiċjenti r-rwol, il-funzjoni u r-rappreżentattività tal-KESE kif stabbiliti fit-Trattati, li jwassal sabiex ma jkunx sfruttat il-potenzjal sħiħ li jsir użu mill-kompetenzi u l-għarfien espert tal-membri tiegħu u jkunu ssodisfatti l-kompiti tal-KESE. Il-KESE huwa involut f’din l-aġenda tar-RA biss fil-kuntest tal-pjattaforma REFIT (ex-post), li b’mod inadegwat tirrifletti l-kompiti tal-Kumitat u r-responsabbiltà tiegħu li jsaħħaħ il-leġittimità demokratika u l-effettività tal-istituzzjonijiet.

2.7.

Għaldaqstant, il-KESE jitlob li jittieħed inkunsiderazzjoni b’mod adegwat fl-aġenda dwar ir-RA. Dan ir-rapport jinkludi proposti dwar kif u f’liema oqsma għandu jkun involut il-KESE.

3.   Ftehim Interistituzzjonali – lejn kultura komuni ta’ Regolamentazzjoni Aħjar

3.1.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fost l-oħrajn tindirizza l-miżuri ppjanati tal-Ftehim Interistituzzjonali. Il-KESE jqis il-proposta li jintlaħaq Ftehim Interistituzzjonali bħala waħda mill-elementi ewlenin tal-aġenda tar-RA. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiġi appoġġjata sabiex tiżviluppa kontinwament l-objettivi tar-RA bil-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili kollha kemm hi. Madankollu, biex tikseb dan din teħtieġ l-assistenza b’mod partikolari tal-entitajiet leġislattivi tal-Kunsill u l-PE. Il-proposta għal Ftehim Interistituzzjonali hija ambizzjuża u tista’ tirnexxi biss jekk ikun hemm impenn ċar min-naħa tal-istituzzjonijiet kollha fir-rigward tal-objettivi u l-kontenut tar-RA u permezz ta’ applikazzjoni konsistenti tal-proposti inklużi fil-Ftehim Interistituzzjonali fid-dawl tat-Trattati tal-UE. Il-falliment tan-negozjati jkun ifisser pass kbir lura, li potenzjalment anki jisfaxxa l-impenji tal-Ftehim Interistituzzjonali tal-2003.

3.2.

Għalkemm ir-rwol u l-importanza tal-KESE huma rikonoxxuti mill-PE (6) fl-ebda parti tal-Ftehim Interistituzzjonali ma jittieħed kont tal-KESE u l-KtR jew tar-rwol u l-funzjoni tagħhom fil-Ftehim, kif kienu kkonferiti lilhom permezz tat-Trattati. Dan mhuwiex aċċettabbli.

3.3.

Sakemm il-KESE jiġi kkonsultat fil-ħin mill-Kummissjoni, huwa lest li jappoġġja lill-istituzzjonijiet tal-UE fit-twettiq ta’ miżuri ta’ regolamentazzjoni aħjar, fl-iżvilupp ta’ ideat ġodda, f’li jagħti kontribut komprensiv u fil-qafas tar-responsabbiltajiet tiegħu fi proġetti pjanati, li tiġi żgurata kwalità għolja tagħhom u li jsegwi l-inizjattivi tal-UE jew f’każijiet partikolari ikun pjattaforma fejn jiġu ttestjati l-inizjattivi pjanati.

3.4.

Għaldaqstant, il-KESE jappella għall-inklużjoni taż-żewġ istituzzjonijiet konsultattivi tal-UE fil-Ftehim Interistituzzjonali fir-rigward tal-miżuri tar-RA li kienu fdati bihom fit-Trattati tal-UE u fil-ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-PE.

3.5.

Il-valutazzjoni tal-kontenut sostantiv konkret tal-Ftehim Interistiuzzjonali ser issir f’opinjoni fuq inizjattiva proprja li jiġi adottat mill-Kunsill u l-PE.

4.   Valutazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar l-Aġenda tar-RA

4.1.    Bidla fil-funzjonament fil-livell Ewropew

4.1.1.

Il-Kummissjoni qiegħda tfittex li tikseb regolamentazzjoni u riżultati aħjar permezz tal-istruttura interna ġdida tagħha, l-allinjament tal-miżuri tagħha ma’ linji gwida politiċi, l-istabbiliment ta’ programm ta’ ħidma konsistenti fil-livell tal-UE u interazzjoni msaħħa mal-istituzzjonijiet.

4.1.2.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni daħlet fi skambju strutturat mal-Kunsill u l-PE dwar il-programm ta’ ħidma annwali u l-programmazzjoni pluriennali u li skont il-ftehim ta’ kooperazzjoni mal-KESE tikkonsultah qabel il-pubblikazzjoni tal-programm ta’ ħidma annwali; L-iskambju għandu jkopri ċ-ċiklu sħiħ tal-ipprogrammar u, permezz ta’ djalogu regolari bejn il-KESE, il-PE, il-Kummissjoni u l-Kunsill, jiġu ggarantiti effetti ta’ sinerġija, billi jkun żgurat li l-miżuri tal-programm ta’ ħidma jistgħu jkunu ssorveljati b’mod immirat anki wara l-adozzjoni tagħhom u jkunu jistgħu jtejbu l-kooperazzjoni ġenerali. Il-KESE jissuġġerixxi li l-ippjanar ta’ inizjattivi u prijoritajiet ġodda għandu jitwettaq ukoll fid-dawl ta’ u filwaqt li jiġu kkunsidrati strateġiji u pjani ta’ integrazzjoni eżistenti (bħal pereżempju l-Istrateġija Ewropa 2020 tal-UE, il-Programm dwar it-Tkabbir Annwali u s-Semestru Ewropew/rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż) u għandu jinkludi informazzjoni ddettaljata dwar kif il-miżuri ppjanati se jkunu inkorporati fl-istrateġiji eżistenti u jirriflettu l-objettivi tagħhom. B’dan il-mod ikun evitat li ċerti oqsma politiċi u objettivi ma jirbħux fuq strateġiji diġà eżistenti jew ikunu inferjuri għalihom.

4.2.    Konsultazzjoni aħjar, iktar ftuħ u trasparenza

4.2.1.

Il-Kummissjoni qiegħda tippjana li tinvolvi lill-partijiet interessati matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ ta’ miżura politika permezz ta’ konsultazzjonijiet. Il-pjani direzzjonali, il-valutazzjonijiet tal-impatt inizjali, l-atti legali adottati mill-Kummissjoni, il-valutazzjonijiet ex-post u l-kontrolli ta’ idoneità, kif ukoll l-abbozzi ta’ atti legali delegati u atti ta’ implimentazzjoni se jkunu s-suġġett ta’ konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati. Il-ġustifikazzjoni tal-atti legali wkoll se tittejjeb.

4.2.2.

L-objettiv li tinkiseb iktar trasparenza u involviment aktar b’saħħtu tal-partijiet interessati matul iċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ ta’ att legali, fil-prinċipju, huwa milqugħ mill-KESE. Il-KESE b’mod konsistenti enfasizza l-importanza ta’ konsultazzjoni intensiva tal-partijiet interessati kollha (7), għaliex din tista’ tikkontribwixxi għall-kwalità u l-adegwatezza tar-regolamentazzjoni b’tali mod li tinstab triq tan-nofs bejn il-kisba tal-objettivi politiċi fuq naħa waħda u li jiġi żgurat it-tnaqqis tal-piż amministrattiv fuq in-naħa l-oħra. Konsultazzjoni aħjar għandha tissensibilizza dwar il-problemi u għalhekk ittejjeb l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet (8).

4.2.3.

F’Lulju 2015, f’Opinjoni dwar l-evalwazzjoni tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati (9), il-KESE għamel suġġerimenti għat-titjib tal-konsultazzjoni tal-partijiet interessati, li għalihom issir referenza komprensiva fil-kuntest ta’ din l-Opinjoni. F’dan ir-rigward, il-KESE jirrikonoxxi li l-linji gwida, kollox ma’ kollox, jinkludu regoli tajbin biex ikunu jistgħu jsiru konsultazzjonijiet siewja mil-lat kwalitattiv. Madankollu, kif tixhed biċ-ċar l-Opinjoni msemmija preċedentement, għad hemm ħafna każijiet (anki attwali) fejn il-linji gwida l-ġodda mhumiex qed jiġu applikati b’mod konsistenti mis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni. Għaldaqstant il-KESE jappella sabiex l-applikazzjoni tal-linji gwida bħala standards ta’ kwalità għall-konsultazzjoni tal-partijiet interessati tkun preskritta b’mod vinkolanti fi ħdan il-Kummissjoni.

4.2.4.

L-għażla korretta tal-grupp fil-mira għal konsultazzjoni partikolari hija essenzjali biex tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa. Il-KESE jista’ jieħu sehem, fil-qafas tal-kompetenzi tiegħu u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet kollha kkonċernati u mal-Kummissjoni, fl-identifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi fi ħdan ċerti gruppi fil-mira (10). Il-KESE jqis li huwa neċessarju li permezz tal-mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni msaħħin mal-partijiet interessati, tiġi żgurata t-trasparenza fl-għażla tal-esperti fil-bords, waqt konferenzi, f’workshops eċċ.. Fl-istess waqt trid tiġi kkunsidrata iktar ir-rappreżentattività tal-partijiet interessati u tkun prevista valutazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva fl-ipproċessar tar-riżultati, skont jekk reazzjoni tkunx oriġinat minn persuna individwali jew organizzazzjoni rappreżentattiva tas-soċjetà ċivili. Il-kummenti li joriġinaw minn organizzazzjoni għandhom jingħataw iktar importanza.

4.2.5.

Il-kwalità tal-mistoqsijiet (ta’ spiss suġġestivi), l-għażla tagħhom u l-mekkaniżmi ta’ feedback tal-Kummissjoni ħafna drabi mhumiex sodisfaċenti (11). Il-KESE ppreżenta sett komprensiv ta’ proposti dwar kif dawn in-nuqqasijiet jistgħu jkunu rimedjati (12). B’hekk fit-tfassil tal-kwestjonarji dwar il-konsultazzjonijiet jista’ jkollu influwenza kemm billi jikkontribwixxi mistoqsijiet jew, billi jintuża regolarment bħala “bord tal-ittestjar” biex jeżamina jekk il-mistoqsijiet humiex rilevanti. L-eżaminazzjoni u l-monitoraġġ tal-konsultazzjonijiet u l-iżvilupp ta’ osservatorju xieraq mill-KESE (13) jistgħu jagħtu kontribut adegwat biex tittejjeb il-kwalità tal-konsultazzjonijiet.

4.2.6.

It-tfassil xieraq tal-perjodi tal-konsultazzjonijiet huwa importanti wkoll. Il-proċess ta’ regolamentazzjoni m’għandux jittawwal bla bżonn minħabba l-konsultazzjonijiet; inkella perjodi ta’ erba’, tmien jew tnax-il ġimgħa għall-konsultazzjoni dwar inizjattivi parzjalment kumplessi jew tekniċi ħafna jistgħu jkunu qosra wisq biex jinġabru l-kummenti rilevanti. L-ippjanar strutturat u aġġornat kontinwament tal-konsultazzjoni (fil-pjani direzzjonali tal-Kummissjoni) u n-notifika tal-għanijiet tagħha inkluża l-indikazzjoni ta’ perjodu ta’ żmien affidabbli, jistgħu jgħinu lill-partijiet interessati jħejju l-parteċipazzjoni tagħhom.

4.2.7.

Sabiex ikomplu jiżdiedu t-trasparenza u ċ-ċarezza għall-partijiet interessati, il-KESE jissuġġerixxi li jkun żgurat li fuq is-sit elettroniku ċentrali tal-Kummissjoni għall-konsultazzjonijiet (14) ikunu kkunsidrati l-konsultazzjonijiet attwali kollha tal-istituzzjonijiet tal-UE iżda wkoll ta’ aġenziji Ewropej u korpi downstream (15) kif ukoll il-konsultazzjonijiet kollha dwar atti delegati u atti ta’ implimentazzjoni, ippreżentati b’mod uniformi u ċar filwaqt li jsiru iktar magħrufin madwar l-Ewropa kollha fil-forma ta’ strateġija ta’ komunikazzjoni komprensiva.

4.2.8.

Il-konsultazzjoni dwar l-atti delegati (Artikolu 290 TFUE) u l-atti ta’ implimentazzjoni (Artikolu 291 TFUE) hija partikolarment milqugħa. In-nuqqas ta’ trasparenza, l-inċertezza legali evidenti u l-kontroll politiku inadegwat tas-sistema tal-konsultazzjoni preċedenti dwar atti sottolegali huma bir-raġun ħafna drabi kkritikati (16). Barra minn hekk, il-KESE jissuġġerixxi l-introduzzjoni ta’ reġistru proprju dwar atti delegati, skont ir-reġistru dwar il-komitoloġija. L-applikazzjoni ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni għandha tkun ristretta u ġġustifikata b’mod speċjali. Miżuri fuq livell downstream jeħtieġu jkunu orjentati b’mod konsistenti mal-att legali bażiku. Id-deċiżjonijiet politiċi ma jistgħux jiddgħajfu minn atti delegati u ta’ implimentazzjoni.

4.2.9.

Barra minn hekk, għandu jkun żgurat li ma jkun hemm l-ebda duplikazzjoni ta’ konsultazzjonijiet jew kontenut ta’ atti delegati jew ta’ implimentazzjoni ma’ konsultazzjonijiet dwar linji gwida ta’ aġenziji tal-UE jew il-kontenut tagħhom.

4.2.10.

Prinċipalment għandha ssir distinzjoni bejn il-konsultazzjonijiet tal-imsieħba soċjali skont il-prinċipji tad-djalogu soċjali stabbiliti fit-Trattat tal-UE (l-Artikoli 154, 155 tat-TFUE) u l-konsultazzjoni pubblika tal-partijiet interessati kollha tas-soċjetà ċivili skont l-Artikolu 11(3) tat-TUE. It-tnejn li huma għandhom il-funzjoni speċifika u l-leġittimità differenti tagħhom.

4.2.11.

Huwa minnu li l-argumenti fit-toolbox dwar ir-RA jixhdu li l-konsultazzjonijiet mal-imsieħba soċjali mhumiex soġġetti għall-istandards minimi tal-konsultazzjonijiet u għaldaqstant ir-regoli għall-konsultazzjonijiet pubbliċi. Madankollu, il-KESE jixtieq jenfasizza b’mod ċar li din il-komunikazzjoni bl-ebda mod ma tista’ tittieħed bħala skuża sabiex il-konsultazzjonijiet tal-imsieħba soċjali Ewropej jew ir-riżultati tan-negozjati tagħhom ikunu soġġetti għal kontroll ex-ante jew ex-post permezz tal-konsultazzjonijiet pubbliċi. Id-djalogu soċjali huwa proċedura speċjali prevista fit-TFUE (17) li għandha tiġi rispettata. Għaldaqstant, il-konsultazzjonijiet pubbliċi ma jistgħux jissostitwixxu l-konsultazzjonijiet mal-imsieħba soċjali (18). L-implimentazzjoni tar-riżultati minn ftehimiet tal-imsieħba soċjali għandha tiġi żgurata skont ir-regoli tal-Artikolu 155 TFUE (19).

4.3.    Għodod imtejba għal soluzzjonijiet aħjar

4.3.1.

Il-Kummissjoni fil-futur se tapplika l-linji gwida integrati l-ġodda dwar ir-RA (20) fil-każ ta’ miżuri ġodda, u hija impenjata li tittestja possibbiltajiet mhux leġislattivi, bħalma huma l-koregolamentazzjoni -u l-awtoregolamentazzjoni, u se tagħti attenzjoni partikolari lill-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir”, lit-test tal-SMEs u lill-eżenzjoni possibbli tal-mikrointrapriżi minn rekwiżiti Ewropej partikolari.

4.3.2.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-linji gwida dwar ir-RA ġew speċifikati, riveduti u ċċarati f’verżjoni kkonsolidata u kkomplementati permezz ta’ toolbox. Il-KESE huwa tal-fehma li dawn l-istrumenti jistgħu jipprovdu kontribut sinifikanti għal regolamentazzjoni aħjar u appoġġ wiesa’ kif ukoll applikazzjoni konsistenti min-naħa tal-impjegati tal-Kummissjoni permezz ta’ rappreżentazzjoni uniformi f’dokument. Is-Segretarjat Ġenerali għandu jiżgura l-konformità magħhom min-naħa tas-servizzi kollha tal-Kummissjoni.

4.3.3.

Il-Kummissjoni ssostni li l-linji gwida dwar ir-RA għandhom jiżguraw li “l-għan li l-UE tibqa’ kompetittiva u li l-iżvilupp tal-UE jibqa’ sostenibbli jibqgħu prijorità f’kull ma [tagħmel]” (21). F’dan ir-rigward, l-azzjoni tal-UE għandha tkun f’relazzjoni bbilanċjata bejn il-miri prinċipali tal-UE u l-promozzjoni tal-kompetittività. Min-naħa tiegħu, il-KESE jitlob sabiex kull proposta leġislattiva u mhux leġislattiva tkun soġġetta għal eżaminazzjoni effettiva u konsistenti b’mod simili għall-għanijiet tal-Artikolu 3 tat-TUE, u li t-“test dwar il-kompetittività” jitwettaq regolarment.

4.3.4.

Il-KESE minn dejjem fakkar li l-proċeduri għandhom ikunu iktar trasparenti u li dejjem għandu jittieħed kont iktar ibbilanċjat tal-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, soċjali, ambjentali u tal-konsumatur (22). Dan irid jiġi eżaminat b’mod konsistenti waqt kull valutazzjoni tal-impatt. Il-KESE jista’ jikkontribwixxi għall-valutazzjoni bbilanċjata ta’ dawn l-istrumenti u proċeduri fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu.

4.3.5.

Fil-prinċipju, il-leġislazzjoni għandha titfassal b’tali mod li tista’ tkun tiġi applikata għall-kumpaniji kollha bl-istess mod. L-impenn imġedded tal-Kummissjoni speċjalment lejn il-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi tal-SMEs (inklużi l-mikroimpriżi) għandu jkun milqugħ.

4.3.6.

Ma hemmx dubju li r-regolazzjoni permezz tal-leġislazzjoni hija neċessarja għal negozji ta’ kull daqs, iżda ħafna drabi toħloq ukoll problemi għall-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ intrapriżi żgħar, speċjalment il-mikrointrapriżi. Il-KESE jirrimarka li l-mikrointrapriżi ma għandhomx jiġu eżentati b’mod ġenerali. Għall-kuntrarju, għandu jiġi adottat approċċ każ b’każ għal proposti leġislattivi, li jsegwi valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa (23). Dan irid iqis ukoll l-interessi tal-mikrointrapriżi u d-drittijiet tal-ħaddiema u l-konsumaturi ma għandhomx ikunu ristretti.

4.3.7.

Il-KESE jilqa’ t-trasformazzjoni tal-Bord tal-Valutazzjoni tal-Impatt f’Bord għall-Kontroll Regolatorju u jħeġġeġ li jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ trasparenza, imparzjalità u indipendenza possibbli tal-esperti. L-inklużjoni ta’ esperti esterni huwa pass fid-direzzjoni t-tajba. B’dan il-mod se jkun żgurat li l-bord ikun iktar imparzjali, u fl-istess waqt, l-estensjoni tal-qasam ta’ kompetenza tiegħu biex jinkludi valutazzjonijiet u kontrolli tal-idoneità se twassal għal iktar koerenza u sinerġija fil-valutazzjonijiet tal-impatt. Il-mira xorta għandha tkun li jkun stabbilit bord indipendenti uniku għall-valutazzjoni tal-impatt, li jaġixxi għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE u jkollu djalogu mal-istituzzjonijiet konsultattivi stabbiliti, il-KESE u l-KtR. Dan il-bord indipendenti għandu jagħmel użu minn esperti esterni, ikollu president estern u jeżamina l-proposti tal-Kummissjoni (24). Il-Kummissjoni għandha tagħmilha ċara li l-mira tagħha hija bord estern indipendenti u li l-kompożizzjoni preżenti għandha titqies biss bħala pass intermedju addizzjonali f’din id-direzzjoni. B’dan il-mod tkun tista’ tiġi żgurata t-trasparenza u l-kompetenza professjonali u jiġi evitat li l-leġislazzjoni tal-UE tkun iggwidata mill-interessi.

4.3.8.

Il-KESE enfasizza l-importanza tal-awtoregolamentazzjoni u l-koregolamentazzjoni fi studji (25) u opinjonijiet (26) u l-aspetti karatteristiċi tagħhom bħala każ ta’ “sussidjarjetà orizzontali” (27). Il-Ftehim Interistituzzjonali tal-2013 dwar ir-RA kien jinkludi kapitolu speċifiku dwar din il-kwistjoni. Il-KESE jemmen li, f’ċerti każijiet, l-awtoregolazzjoni u/jew il-koregolazzjoni jistgħu jkunu metodi effettivi ta’ prevenzjoni jew utli bħala mezz komplementari għall-azzjoni leġislattiva fil-kuntest ta’ qafas leġislattiv komprensiv ċar, definit tajjeb u msejjes fuq il-prinċipji tat-trasparenza, l-indipendenza, l-effettività u r-responsabbiltà, fost affarijiet oħra (28).

4.3.9.

Għandha tinħoloq iktar trasparenza permezz tal-applikazzjoni ta’ miżuri tar-RA, b’mod partikolari fid-dawl tal-użu tat-trilogi informali li żdied b’mod sinifikanti (29). Dan jista’ jintlaħaq billi l-konklużjonijiet tal-laqgħa tat-trilogu kif ukoll ir-riżultat tat-trilogu jiġu ppubblikati qabel l-adozzjoni fil-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Filwaqt li rrid nagħrfu li b’mod ġenerali l-użu tat-trilogi għandu jħaffef il-proċess leġislattiv, huwa joħloq ukoll il-problema ewlenija tal-prattika leġislattiva attwali fejn l-Istati Membri fil-Kunsill dejjem qed iżidu l-hekk imsejħin pakketti tan-negozjati fost l-atti legali differenti sabiex tintlaħaq maġġoranza għad-direttivi individwali. Dan ħafna drabi jseħħ mingħajr trasparenza u taħt pressjoni qawwija ta’ ħin, mingħajr involviment suffiċjenti tal-esperti mill-Istati Membri, tal-PE jew tal-Kummissjoni, kif ukoll mingħajr eżaminazzjoni suffiċjenti tal-effetti ta’ elementi ċentrali ta’ dawn il-pakketti ta’ negozjati. Dan ma jistax ma jħallix impatt fuq il-kwalità u t-trasparenza tar-regolamentazzjoni.

4.3.10.

Għaldaqstant, fil-kuntest tal-proċedura għal RA, għandu jkun żgurat li t-trilogi informali jkunu riżervati għal emerġenzi partikolari u li l-biċċa l-kbira tar-regolamentazzjoni ssir permezz tal-proċedura leġislattiva normali. Dan biss jiggarantixxi l-leġittimità u l-parteċipazzjoni demokratika sħiħa.

4.4.    It-tisħiħ tal-valutazzjoni ex-post, il-Programm REFIT u l-Pjattaforma REFIT

4.4.1.

Il-Kummissjoni tibqa’ tipproponi li tingħata iktar importanza lill-evalwazzjoni, li jsiru valutazzjonijiet tal-atti legali matul iċ-“ċiklu tal-ħajja” sħiħ, li l-Programm REFIT ikun imfassal b’mod iktar immirat, li dan ikun inkorporat fil-programm ta’ ħidma u li jsiru kontrolli tal-idoneità għal dan il-għan. L-implimentazzjoni tal-atti legali għandha tittejjeb u għandha tiġi stabbilita Pjattaforma REFIT, li fiha l-KESE se jkollu siġġu wieħed.

4.4.2.

Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li jitqiegħed enfasi fuq l-evalwazzjonijiet u li jkunu involuti istituzzjonijiet tal-UE oħra u s-soċjetà ċivili f’dan il-proċess. Il-valutazzjonijiet ex-post li fihom l-objettivi ddikjarati jitqabblu mar-riżultati stabbiliti, jirrappreżentaw strumenti ta’ analiżi importanti, speċjalment fid-dawl tal-fatt li, f’konformità mal-mudell taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ att legali, il-konklużjonijiet miksuba minnhom jista’ jkollhom influwenza diretta fuq valutazzjoni possibbli tal-impatt għar-reviżjoni ta’ att. Huwa jilqa’ l-fatt li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili organizzata, ir-rappreżentanti tal-kumpaniji u tal-persuni impjegati u l-konsumaturi, li normalment huma d-destinatarji ta’ atti legali, għandhom ikunu involuti f’dan il-proċess permezz ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi mmirati. Il-KESE, madankollu, jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li għandu jingħata bidu għall-valutazzjonijiet biss wara perjodu raġonevoli mill-implimentazzjoni ta’ att legali sabiex tkun tista’ tinġabar data u informazzjoni rilevanti dwar l-effetti tiegħu (30).

4.4.3.

L-involviment tal-KESE f’dan il-proċess huwa essenzjali. Il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-Kummissjoni u l-PE jipprovdu għall-involviment tal-KESE f’dan ir-rigward, li barra minn hekk jistgħu jwasslu għal sinerġiji fil-kooperazzjoni mal-PE. Fid-dawl tal-mudell taċ-ċiklu tal-ħajja ta’ att legali kif deskritt hawn fuq, dan ikun jiżgura li l-input tal-KESE jittieħed inkunsiderazzjoni f’fażi bikrija. F’każ ta’ bżonn, il-KESE jista’ jwettaq il-valutazzjonijiet tiegħu stess, jippreżenta r-riżultati fil-pjattaforma REFIT flimkien ma’ partijiet interessati oħrajn u l-Istati Membri, kif ukoll il-Kummissjoni u b’hekk itejjeb il-kooperazzjoni tiegħu mal-istituzzjonijiet u jipprovdi suġġerimenti għal evalwazzjonijiet tal-programm REFIT. L-inklużjoni tal-programm REFIT fil-programm ta’ ħidma annwali sussegwenti tal-Kummissjoni tiżgura kontribut addizzjonali tal-KESE għall-ippjanar tal-programm.

4.4.4.

Il-KESE jilqa’ l-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-proċeduri u l-istrumenti tal-programm REFIT. F’dan il-kuntest huwa jirreferi għal Opinjonijiet preċedenti tiegħu (31).

4.4.5.

Ir-revoka ta’ atti legali antikwati partikolari hija l-prattika tal-Kummissjoni, u dan għandu jibqa’ jseħħ. It-twettiq ta’ kontrolli tal-idoneità wkoll huwa approvat fil-prinċipju (32). Il-Kummissjoni għandha tippreżenta u tippubblika l-kontrolli tal-idoneità kollha li jitwettqu, li jinsabu għaddejjin jew huma ppjanati fuq is-sit elettroniku b’mod trasparenti.

4.4.6.

L-istabbiliment ta’ pjattaforma REFIT bil-parteċipazzjoni tal-KESE huwa milqugħ b’mod espliċitu. Il-pjattaforma għandha tiġbor u tanalizza proposti mmirati lejn it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi li jirriżultaw mir-regoli tal-Unjoni u l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom fl-Istati Membri. Il-KESE jħeġġeġ li tingħata importanza lil kompożizzjoni bbilanċjata tal-grupp tal-partijiet interessati, minn dan se jiddependi s-suċċess tal-pjattaforma. Il-KESE huwa rrappreżentat minn espert ta’ grad għoli fil-grupp tal-partijiet interessati. Madankollu, il-Kummissjoni għandha tikkjarifika kif il-mandat rappreżentattiv tal-KESE u tal-KtR huwa relatat mal-pjattaforma REFIT. Għandu jiġi kkunsidrat ir-rwol istituzzjonali partikolari tal-KESE u l-KtR meta mqabbel ma’ dak tal-partijiet interessati l-oħra. Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri f’dan il-bord, fil-prinċipju, hija milqugħa għaliex din għandha tagħmilha possibbli li jkun hemm skambju mar-rappreżentanti tal-Istati Membri fi kwalunkwe waqt. Il-PE għandu jkun informat b’mod regolari dwar ix-xogħol tal-pjattaforma REFIT u għandu jkollu l-possibbiltà li jipparteċipa fil-laqgħa annwali tal-pjattaforma.

4.4.7.

Fil-fehma tal-KESE, wieħed mill-ikbar difetti tal-aġenda Ewropea għal RA huwa li l-Istati Membri mhumiex involuti biżżejjed. Dan mhuwiex biss problematiku għall-Istati Membri, iżda wkoll għall-UE, u għaldaqstant, fl-aħħar mill-aħħar, mhuwiex sorprendenti li l-Istati Membri, fin-nuqqas ta’ miżuri u pjani ta’ implimentazzjoni mfassla bir-reqqa u bbażati fuq l-evidenza kif ukoll miżuri għall-eżekuzzjoni effettiva, kultant jimplementaw il-leġislazzjoni tal-UE b’mod inċert, ittardjat, żbaljat jew saħansitra jonqsu milli jimplimentawha.

4.4.8.

Huwa ta’ dispjaċir li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tiħux kont ta’ dan u ma tipprovdix suġġerimenti dwar kif tista’ tirrimedja dan. Minħabba f’hekk, fl-2013 kien għad kellhom jiġu introdotti 1 300 proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istati Membri. Attwalment il-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu minħabba traspożizzjoni tardiva huma inqas problematiċi (fi tmiem l-2013 kien hemm 390 każ pendenti), iżda kif diġà ġara fl-2012, il-biċċa l-kbira tal-proċeduri ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (62 % tal-każijiet kollha) kienu jikkonċernaw in-nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-UE fl-oqsma tal-ambjent, it-taxxi, it-trasport kif ukoll is-suq intern u s-servizzi (33).

4.4.9.

Possibbiltà waħda tista’ tkun li, f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tagħmel iktar enfasi fuq l-informazzjoni pubblika, għaliex fl-aħħar mill-aħħar kienu l-gvernijiet tal-Istati Membri, li ma ttrasponewx, jew li għamlu dan b’mod żbaljat jew tardiv, u li approvaw din ir-regolamentazzjoni fil-Kunsill. Huma għandhom jitqiesu responsabbli għall-applikazzjoni universalment difettuża tal-acquis tal-UE, li huwa kkonfermat mill-ġdid kull sena fir-rapporti dwar l-applikazzjoni tal-liġi tal-UE. Il-Kummissjoni għandha teżamina wkoll b’mod sistematiku liema miżuri huma essenzjali biex titwettaq bidla radikali tas-sitwazzjoni attwali u għandha tikkunsidra l-proposti preċedenti tal-KESE (34).

4.4.10.

F’każ ta’ bżonnijiet regolatorji għandu jkun eżaminat fuq bażi ta’ każ b’każ u skont il-kontenut u l-kuntest jekk humiex iktar adattati direttivi jew regolamenti. Pereżempju, sabiex ikunu evitati miżuri ta’ implimentazzjoni differenti jew regolamentazzjoni żejda (35), għandhom jintużaw iktar regolamenti minflok direttivi (36). Dan ikun jipprovdi iktar ċarezza legali u protezzjoni legali.

4.4.11.

L-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE u l-applikazzjoni tiegħu, barra minn hekk, huma indikaturi importanti għall-evalwazzjoni sussegwenti tagħha li għandha ssir mill-gvernijiet rispettivi. L-obbligu tal-Kummissjoni li tfassal “Pjani ta’ implimentazzjoni” għal direttivi importanti (37), li għandhom jiffaċilitaw it-traspożizzjoni fl-Istati Membri permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ min-naħa tal-Kummissjoni, huma elementi favorevoli fil-pakkett il-ġdid dwar ir-RA. Ma’ dawn tgħodd il-possibbiltà li l-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jippreżentaw dokumenti ta’ spjegazzjoni dwar l-istrateġija nazzjonali ta’ traspożizzjoni u biex iwettqu verifika tal-konformità fuq żewġ livelli. Fil-fehma tal-KESE dan għandu definittivament jitqies bħala pass fid-direzzjoni t-tajba. Għad irridu naraw kemm dawn il-miżuri se jirnexxu.

Brussell, is-16 ta’ Settembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.int-opinions&itemCode=36193

(2)  F’dan il-kuntest, iċ-ċiklu tal-ħajja jkopri l-ħolqien ta’ inizjattiva fi ħdan il-Kummissjoni, mill-fażi tal-preparazzjoni sal-fażi tal-abbozzar, l-adozzjoni tal-proġett min-naħa tal-Kummissjoni, il-proċedura leġislattiva, id-dħul fis-seħħ tal-att legali, l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni mill-Istati Membri, l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni, il-verifika permezz tal-programm REFIT u, jekk ikun hemm bżonn, l-aġġornament, ir-reviżjoni, ir-revoka u l-preżentazzjoni mill-ġdid ta’ proġett.

(3)  European Court of Auditors Report 2010: Commission’s system represents EU and international best practice in terms of its transparency and its comprehensiveness.

(4)  COM(2015) 215 final.

(5)  http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.int-opinions&itemCode=36193

(6)  Rapport dwar il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT): Is-Sitwazzjoni Attwali u l-Perspettivi (2014/2150(INI)); relatur: Sylvia-Yvonne Kaufmann fil-punt 19.

(7)  ĠU C 48, 15.2.2011, p. 48.

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar Evalwazzjoni tal-konsultazzjonijiet tal-Kummissjoni mal-partijiet interessati, ĠU C 383, 17.11.2015, p. 57.

(9)  Ara n-nota 8 f’qiegħ il-paġna.

(10)  Ara n-nota 8 f’qiegħ il-paġna.

(11)  Ara n-nota 8 f’qiegħ il-paġna.

(12)  Ara n-nota 8 f’qiegħ il-paġna.

(13)  Ara n-nota 8 f’qiegħ il-paġna.

(14)  http://ec.europa.eu/yourvoice/consultations/index_mt.htm

(15)  B’mod partikolari, pereżempju, l-awtoritajiet Superviżorji Ewropej EIOPA, ESMA, EBA.

(16)  Opinjoni tal-KESE dwar Atti Delegati, (ara l-paġna 145 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(17)  L-Artikolu 154(2) u (3) tat-TFUE.

(18)  Kif stipulat ukoll fir-Rapport dwar il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT): Is-Sitwazzjoni Attwali u l-Perspettivi (2014/2150(INI)), punt 10.

(19)  Eżempju negattiv: Hairdressing Agreement.

(20)  SWD(2015) 111.

(21)  COM(2015) 215 final, punt 3.1.

(22)  ĠU C 230 14.7.2015, p. 66.

(23)  ĠU C 327 12.11.2013, p. 33.

(24)  Ara n-nota 23 f’qiegħ il-paġna.

(25)  http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.int-opinions.32948

(26)  ĠU C 291, 04/09/2015, p. 29.

(27)  Ara n-nota 23 f’qiegħ il-paġna.

(28)  ĠU C 230, 14.7.2015, p. 66, punt 5.10.

(29)  Dan kien jikkonċerna 80 % tar-regolamentazzjoni waqt l-aħħar leġislatura tal-PE.

(30)  Ara n-nota 22 f’qiegħ il-paġna.

(31)  Ara n-nota 22 f’qiegħ il-paġna.

(32)  Ara n-nota 23 f’qiegħ il-paġna.

(33)  Il-31 Rapport Annwali dwar il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-liġi tal-UE (COM(2014) 612 final).

(34)  Ara n-nota 22 f’qiegħ il-paġna.

(35)  Il-KESE qed jiffinalizza studju sħiħ li jindirizza din il-kwistjoni b’mod komprensiv.

(36)  Meta mqabbla mal-leġiŻlatura tal-2000-2004, meta kienu jintużaw iktar direttivi milli regolamenti (155 regolament u 191 direttiva), il-proporzjon għall-użu tar-regolamenti nbidel ħafna fl-aħħar leġislatura (2010–2014), hekk kif żdied l-użu ta’ regolamenti (383) minflok direttivi (136).

(37)  Better Regulation Guidelines (SWD(2015) 111 final), Kapitel IV: http://ec.europa.eu/smart-regulation/guidelines/docs/swd_br_guidelines_en.pdf


ANNESS

It-test li ġej tal-abbozz ta’ opinjoni tal-Kumitat inċaħad favur emenda adottata mill-Assemblea

Punt 4.3.10

Il-KESE jirrikonoxxi għalhekk l-inizjattiva li ssir valutazzjoni tal-impatt tal-emendi rilevanti b’mod partikolari tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew (li kienet element ukoll tal-Ftehim Interistituzzjonali tal-2003), peress li tista’ jtejjeb b’mod sinifikanti l-kwalità tar-regolamentazzjoni. Fl-istess waqt jiddispjaċih li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ma tindirizzax din il-problema biżżejjed. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-proċedura għal RA, għandu jkun żgurat li t-trilogi informali jkunu riżervati għal emerġenzi partikolari u li l-biċċa l-kbira tar-regolamentazzjoni ssir permezz tal-proċedura leġislattiva normali. Dan biss jiggarantixxi l-leġittimità u l-parteċipazzjoni demokratika sħiħa.

Riżultat tal-votazzjoni: Favur: 106 Kontra: 59 Astensjonijiet: 19


Arriba