EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015AE1828

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni” (COM(2015) 135 final – 2015/0068 (CNS)) u l-“Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE” (COM(2015) 129 final – 2015/0065 (CNS))

ĠU C 332, 8.10.2015, p. 64–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.10.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 332/64


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni”

(COM(2015) 135 final – 2015/0068 (CNS))

u l-“Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE”

(COM(2015) 129 final – 2015/0065 (CNS))

(2015/C 332/07)

Relatur ġenerali:

is-Sur Petru Sorin DANDEA

Nhar il-31 ta’ Marzu 2015, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 115 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“il-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni”

(COM(2015) 135 final – 2015/0068 (CNS))

u

“l-Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE”

(COM(2015) 135 final – 2015/0068 (CNS))

Nhar is-17 ta’ Marzu 2015, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul il-508 sessjoni plenarja tiegħu tas-27 u t-28 ta’ Mejju 2015 (seduta tas-27 ta’ Mejju 2015) li jaħtar lis-Sur Dandea bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b’148 vot favur, 11-il vot kontra u 15-il astensjoni.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ l-proposta għal Direttiva mressqa mill-Kummissjoni Ewropea, fejn tkompli bl-implimentazzjoni tal-miżuri li jinsabu fil-pjan ta’ azzjoni sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa (1).

1.2.

Il-KESE jaqbel li, fil-qafas tal-mekkaniżmu ta’ skambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni rregolat bid-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE, tiġi inkluża l-informazzjoni relatata mad-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem u mal-arranġamenti antiċipati dwar il-prezzijiet li f’ċerti sitwazzjonijiet jintużaw min-negozji b’attivitajiet transkonfinali sabiex jiżviluppaw strutturi li jħassru l-bażi tat-taxxa fl-Istati Membri u jagħmlu ħsara lill-effiċjenza tas-suq intern.

1.3.

Il-KESE huwa kontra l-evażjoni leċita tat-taxxa li, minkejja li mhiex illeċita, xorta waħda hija prattika immorali peress li tippermetti lill-intrapriżi li jużawha li jħallsu, f’termini assoluti, taxxi ħafna inqas għoljin miċ-ċittadini jew l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju.

1.4.

Il-KESE jqis li l-miżuri previsti fl-abbozz ta’ Direttiva jistgħu jwasslu sabiex jitnaqqas id-dħul finanzjarju mitluf tal-Istati Membri u li, b’konsegwenza, huwa jirrakkomanda li dawn jiġu adottati minnufih.

1.5.

L-informazzjoni relatata mad-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem u l-arranġamenti antiċipati dwar il-prezzijiet hija importanti ħafna u tista’ tgħin lill-Istati Membri jittraċċaw it-tranżazzjonijiet artifiċjali. Madankollu, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, f’ħafna każijiet, jista’ jkun diffiċli li tranżazzjoni tiġi legalment kwalifikata bħala artifiċjali. Għalhekk jirrakkomanda lill-Istati Membri sabiex jagħmlu sforz u jittrasponu b’mod l-aktar korrett id-dispożizzjonijiet li jidhru fl-abbozz ta’ Direttiva.

1.6.

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kumissjoni Ewropea sabiex tintensifika l-isforzi tagħha ta’ negozjar fil-livell tal-OECD bil-għan li jiġi adottat l-istandard relatat mal-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt (BEPS) u li jkun jinkludi d-dispożizzjonijiet li jidhru fl-abbozz għal Direttiva. L-istandard BEPS u l-istandard tal-OECD relatat mal-iskambju awtomatiku u obbligatorju tal-informazzjoni għandhom jikkostitwixxu l-istrumenti l-aktar utli fil-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa fil-livell globali.

1.7.

Il-KESE jilqa’ l-proposta mressqa mill-Kummissjoni li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE (Direttiva dwar it-tassazzjoni ta’ dħul minn tfaddil – Direttiva dwar it-Tfaddil). Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE, tkopri l-prodotti finanzjarji kollha, inklużi dawk li jagħmlu parti mid-Direttiva dwar it-Tfaddil. Din il-proposta ta’ tħassir għandha l-għan li tevita li żewġ standards jiġu applikati b’mod parallel u tippermetti li r-regolamenti jiġu ssemplifikati.

2.   Proposti tal-Kummissjoni

2.1.

Nhar it-18 ta’ Marzu 2015, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat tliet dokumenti (2) għall-implimentazzjoni ta’ miżuri inklużi fil-Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (3). L-ewwel dokument, COM(2015) 135 final, huwa proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni. It-tieni dokument huwa l-Komunikazzjoni COM(2015) 136 final, li tiddeskrivi l-progress fil-qasam tat-trasparenza fiskali u l-miżuri ppjanati mill-Kummissjoni biex din tiżdied. It-tielet dokument, COM(2015) 129 final, huwa proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tħassar id-Direttiva 2003/48/KE (Direttiva dwar it-tassazzjoni ta’ dħul minn tfaddil, imsejħa Direttiva dwar it-Tfaddil).

2.2.

Permezz tal-proposta għal Direttiva li temenda d-Direttiva 2011/16/UE, l-għan tal-Kummissjoni huwa li tiġi żgurata kooperazzjoni amministrattiva komprensiva u effettiva bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa billi jiġi implimentat skambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni fir-rigward tad-deċiżjonijiet fiskali antiċipati transkonfinali u tal-arranġamenti antiċipati dwar il-prezzijiet użati mill-intrapriżi. F’ċerti każijiet, dawn il-prattiki jistgħu jwasslu għal livell baxx ta’ tassazzjoni fl-Istat Membru fejn tinħareġ id-deċiżjoni u, fl-istess ħin, jistgħu jnaqqsu b’mod sostanzjali d-dħul li għandu jiġi intaxxat fl-Istati Membri l-oħra involuti.

2.3.

Il-proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE (id-Direttiva dwar it-tassazzjoni ta’ dħul minn tfaddil, imsejħa d-Direttiva dwar it-Tfaddil) hija meħtieġa peress li wara li fid-9 ta’ Diċembru 2014 ġiet adottata d-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni, li timplimenta fil-liġi tal-UE l-istandard globali għall-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji, din ser tkopri wkoll it-tfaddil, flimkien ma’ kategoriji oħra ta’ dħul. Għal din ir-raġuni, huwa xieraq li titħassar id-Direttiva dwar it-Tfaddil bil-għan li jiġi evitat li żewġ standards jiġu applikati b’mod parallel, peress li dan iwassal ukoll għal piż amministrattiv addizzjonali u sproporzjonat għall-intrapriżi.

2.4.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-trasparenza fiskali fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa turi l-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-miżuri li jinsabu fil-Pjan ta’ Azzjoni sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa. Il-Kummissjoni tippreżenta wkoll il-miżuri li jistgħu jiġu implimentati fil-futur.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Bit-tressiq ta’ abbozz ta’ Direttiva li jemenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni, il-Kummissjoni tkompli bl-implimentazzjoni tal-miżuri li jinsabu fil-Pjan ta’ Azzjoni sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa li ppreżentat fl-aħħar tal-2012 fuq talba tal-Kunsill Ewropew. Fl-Opinjoni tiegħu (4), il-KESE laqgħa l-preżentazzjoni tal-pjan u esprima l-appoġġ tiegħu għall-Kummissjoni fil-ġlieda kontra dawn il-prattiki li jolqtu s-suq intern.

3.2.

L-abbozz ta’ Direttiva għandu l-għan li fil-kategoriji ta’ informazzjoni sottoposti għall-iskambju awtomatiku obbligatorju jiddaħħlu dawk li jikkonċernaw id-deċiżjonijiet fiskali antiċipati transkonfinali u l-arranġamenti antiċipati dwar il-prezzijiet. L-intrapriżi ta’ spiss jitolbu dawn id-deċiżjonijiet lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa sabiex jiksbu l-konferma li l-attivitajiet kummerċjali tagħhom huma legali. Id-deċiżjonijiet fiskali mhumiex problema fihom innifishom u jintużaw minn bosta Stati Membri. Madankollu, xi kultant dawn jintużaw mill-intrapriżi sabiex jimplimentaw strutturi li jippermettulhom li jħallsu inqas taxxa u dan iwassal għal erożjoni tal-bażi tat-taxxa fl-Istati Membri u jimmina l-effikaċja tas-suq intern. Il-KESE huwa favur li din l-informazzjoni tkun inkluża fil-kategorija koperta mill-iskambju awtomatiku obbligatorju, sakemm din tkun meħtieġa mill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu l-ippjanar aggressiv tat-taxxa.

3.3.

Il-bidliet proposti mill-Kummissjoni ser jippermettu wkoll lill-Istati Membri biex jidentifikaw kwalunkwe strutturi stabbiliti mill-intrapriżi li jwasslu għal tnaqqis fil-bażijiet nazzjonali tat-taxxa, pereżempju permezz tal-ipprezzar ta’ trasferiment, li jwasslu għal livell baxx ta’ taxxa fuq id-dħul f’pajjiżi differenti mill-Istat Membru fejn ikun sar dan id-dħul. Il-KESE kemm-il darba wera li hu kontra dawn il-prattiki li, mingħajr ma huma illegali, xorta waħda huma immorali minħabba li jħeġġu lill-Istati Membri jżidu l-livell ta’ tassazzjoni fuq il-kontribwenti ż-żgħar, kemm jekk huma intrapriżi kif ukoll jekk huma persuni naturali, li, f’termini assoluti, jispiċċaw iħallsu aktar taxxi mill-intrapriżi kbar.

3.4.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-evażjoni fiskali legali kif ukoll il-frodi u l-evażjoni fiskali illegali għandhom dimensjoni transkonfinali importanti, u l-globalizzazzjoni u żieda fil-mobbiltà tal-kontribwenti huma fatturi li jikkontribwixxu għal dan il-fenomenu. Il-KESE jqis li l-miżuri previsti fl-abbozz ta’ Direttiva jistgħu jwasslu sabiex jitnaqqas id-dħul finanzjarju mitluf tal-Istati Membri u li, b’konsegwenza, huwa jirrakkomanda li dawn jiġu adottati minnufih.

3.5.

L-inklużjoni tat-tfaddil fil-kategoriji ta’ dħul li jkunu soġġetti għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni skont id-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni tissemplifika s-sistema regolatorja waqt li fl-istess ħin tiżdied it-trasparenza tal-proċess ta’ tassazzjoni. Il-KESE jappoġġja l-abbozz ta’ Direttiva li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE (id-Direttiva dwar it-tassazzjoni ta’ dħul minn tfaddil, imsejħa Direttiva dwar it-Tfaddil), li l-ambitu tagħha ttieħed u ġie estiż fid-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE li emendat id-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

L-ippjanar aggressiv tat-taxxa, li huwa mħeġġeġ minn xi intrapriżi b’attivitajiet transkonfinali, huwa responsabbli għal telf baġitarju għall-Istati Membri, fl-ordni ta’ mijiet ta’ biljuni ta’ euro fis-sena. Il-KESE huwa favur li d-deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem u l-arranġamenti antiċipati dwar il-prezzijiet maħruġa mill-awtoritajiet nazzjonali jiġu inklużi fost il-kategorija ta’ informazzjoni soġġetti għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni regolat mill-Artikolu 8(5)(a) tad-Direttiva 2011/16/UE, u jqis li din l-emenda hija meħtieġa bil-għan li tissaħħaħ it-trasparenza fiskali u jiġi miġġieled dan il-fenomenu negattiv.

4.2.

Il-fatt li l-Istati Membri, skont id-dispożizzjonijiet tal-proposta għal Direttiva, ser ikollhom aċċess għall-informazzjoni dwar żewġ tipi ta’ deċiżjonijiet ma jiżgurax madankollu li l-istrutturi użati mill-intrapriżi biex jevitaw li jħallsu t-taxxi ser jiġu eradikati. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, dawn l-istrutturi jisfruttaw il-lakuni fil-leġislazzjonijiet nazzjonali jew id-diskrepanzi bejniethom. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jassumu l-kompitu li jissemplifikaw u jarmonizzaw il-qafas ġuridiku eżistenti, sew fil-livell Ewropew u sew f’dak nazzjonali.

4.3.

L-informazzjoni relatata mad-deċiżjonijiet fiskali bil-quddiem u l-arranġamenti antiċipati dwar il-prezzijiet hija importanti ħafna u tista’ tgħin lill-Istati Membri jittraċċaw it-tranżazzjonijiet artifiċjali. Permezz tal-implimentazzjoni tar-regola ġenerali kontra l-abbuż, stabbilita fid-Direttiva 2011/96/UE (Direttiva dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti), l-Istati Membri jistgħu jirkupraw it-telf tad-dħul fiskali li jseħħ minħabba tranżazzjonijiet artifiċjali. Madankollu, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, f’ħafna każijiet, jista’ jkun diffiċli li tranżazzjoni tiġi legalment kwalifikata bħala artifiċjali.

4.4.

Il-KESE jfakkar il-proposta li għamel f’opinjoni preċedenti fejn l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċedura sabiex l-intrapriżi li jinkoraġġixxu l-evażjoni legali tat-taxxa, jew iwettqu l-attivitajiet tagħhom permezz ta’ territorji rikonoxxuti bħala rifuġji fiskali, jiġu pprojbiti milli jaċċessaw il-fondi pubbliċi u l-fondi tal-UE.

4.5.

Minħabba l-ammont kbir ta’ informazzjoni li ser ikun soġġett għall-iskambju awtomatiku obbligatorju u minħabba li tipi ġodda ta’ informazzjoni ser jiżdiedu ma’ dawk li diġà huma koperti bl-Artikolu 8 tad-Direttiva, il-KESE jirrakkomanda lill-Istati Membri sabiex jiżguraw ir-riżorsi umani u t-teknoloġiji tal-informazzjoni meħtieġa għal implimentazzjoni korretta tad-dispożizzjonijiet previsti fl-abbozz ta’ Direttiva. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-persunal tal-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali responsabbli għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni għandu jitħarreġ kemm fl-użu korrett tal-formoli li għandhom jiġu stabbiliti b’mod konġunt mal-Kummissjoni u li għandhom jiffaċilitaw dan l-iskambju ta’ informazzjoni, kif ukoll fir-reġistrazzjoni ta’ dan it-tagħrif fir-reġistru ċentrali futur li ser jiġi ġestit mill-Kummissjoni.

4.6.

Wara l-bidliet implimentati fl-2013 u dawk rakkomandati f’dan l-abbozz ta’ Direttiva, id-Direttiva 2011/16/UE tipprovdi għall-iskambju ta’ informazzjoni għat-tipi ewlenin kollha ta’ dħul tal-persuni fiżiċi kif ukoll tal-persuni ġuridiċi. Dan ifisser li l-Istati Membri ser ikollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-informazzjoni dwar id-dħul magħmul fit-territorju tal-Unjoni Ewropea. L-istrutturi stabbiliti mill-intrapriżi li jħeġġu l-ippjanar aggressiv tat-taxxa jinvolvu wkoll, f’ħafna sitwazzjonijiet, ġurisdizzjonijiet jew territorji barra l-UE. Sa fejn il-proposta mressqa mill-Kummissjoni fl-abbozz ta’ Direttiva tkun aktar ambizzjuża mill-abbozz ta’ standard BEPS (erożjoni tal-bażi u trasferiment tal-profitt) li attwalment qed jiġi negozjat fil-livell tal-OECD, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom ta’ kooperazzjoni sabiex l-istandard BEPS u l-istandard għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni jsiru tabilħaqq standards globali.

4.7.

Il-KESE jilqa’ l-proposta mressqa mill-Kummissjoni li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE (Direttiva dwar it-tassazzjoni ta’ dħul minn tfaddil – Direttiva dwar it-Tfaddil). B’mod konkret, kif diġà spjegajna, id-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE, tkopri l-prodotti finanzjarji kollha, inklużi dawk li jagħmlu parti mid-Direttiva dwar it-Tfaddil. L-għan tal-proposta għal Direttiva huwa li jiġi evitat li żewġ standards relatati mal-iskambju ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji jiġu applikati b’mod parallel Għalhekk, ir-regoli dwar it-tassazzjoni huma semplifikati u jsiru aktar trasparenti.

Brussell, is-27 ta’ Mejju 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  COM(2012) 722 final – Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa

(2)  COM(2015) 135 final – Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni.

COM(2015) 136 final – Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-trasparenza fiskali kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa.

COM(2012) 129 final – Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE.

(3)  COM(2012) 722 final – Pjan ta’ Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa.

(4)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Pjan ta’ azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa” (ĠU C 198, 10.7.2013, p. 34).


Top