Välj vilka experimentfunktioner du vill testa

Det här dokumentet är ett utdrag från EUR-Lex webbplats

Dokument 52014IP0218

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, fejn tidħol id-definizzjoni ta' “nanomaterjali maħdumin” (C(2013)08887 – 2013/2997(DEA))

ĠU C 378, 9.11.2017, s. 92–94 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 378/92


P7_TA(2014)0218

L-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, fejn tidħol id-definizzjoni ta' “nanomaterjali maħdumin”

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, fejn tidħol id-definizzjoni ta' “nanomaterjali maħdumin” (C(2013)08887 – 2013/2997(DEA))

(2017/C 378/12)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (C(2013)08887),

wara li kkunsidra l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2)(t), l-Artikolu 18(3) u (5) u l-Artikolu 51(5) tiegħu,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel ġdid (COM(2013)0894),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (2),

wara li kkunsidra l-listi tal-Unjoni li kienu stabbiliti bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 tal-11 ta’ Novembru 2011 li jemenda l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel (3) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1130/2011 tal-11 ta’ Novembru 2011 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-addittivi tal-ikel billi jistabbilixxi lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel, l-aromatizzanti u n-nutrijenti tal-ikel (4),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 tal-25 ta' Marzu 2010 li jistabbilixxi programm għar-rivalutazzjoni tal-addittivi tal-ikel approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-addittivi tal-ikel (5),

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

wara li kkunsidra l-Artikolu 87(a)(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (“FIC”) jistabbilixxi li l-ingredjenti tal-ikel kollha li jkunu preżenti fil-forma ta' nanomaterjali maħdumin għandhom ikunu indikati b'mod ċar fil-lista tal-ingredjenti tal-ikel, bil-għan li jkun żgurat l-għoti ta' informazzjoni lill-konsumaturi; billi, konsegwentement, l-FIC jistabbilixxi definizzjoni ta' ''nanomaterjali maħdumin'';

B.

billi l-Artikolu 18(5) tar-Regolament FIC jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li taġġusta u tadatta, permezz ta' atti delegati, id-definizzjoni msemmija fih ta' ''nanomaterjali maħdumin'' għall-progress tekniku jew xjentifiku jew għal definizzjonijiet miftiehma f'livell internazzjonali, bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi ta' dak ir-regolament;

C.

billi r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/696/UE tagħti definizzjoni ġenerali ta' nanomaterjali;

D.

billi, permezz tar-Regolamenti tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 u (UE) Nru 1130/2011, ġew stabbiliti listi komprensivi tal-Unjoni li jelenkaw l-addittivi tal-ikel li kienu permessi għall-użu qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008, wara rieżami tal-konformità tagħhom mad-dispożizzjonijiet ta' dan tal-aħħar;

E.

billi r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni jeskludi l-addittivi tal-ikel kollha inklużi fil-listi tal-Unjoni mid-definizzjoni l-ġdida ta' ''nanomaterjali maħdumin'', u minflok jissuġġerixxi li l-ħtieġa ta' rekwiżiti speċifiċi tat-tikkettar relatati man-nanomaterjali b'rabta ma' dawn l-addittivi għandhom jiġu indirizzati fil-kuntest tal-programm ta' valutazzjoni mill-ġdid skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010, billi jiġu emendati, jekk ikun meħtieġ, il-kundizzjonijiet għall-użu fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 u l-ispeċifikazzjonijiet għal dawk l-addittivi tal-ikel, stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (6);

F.

billi, attwalment, huma preċiżament l-addittivi tal-ikel li jistgħu jkunu preżenti bħala nanomaterjali fl-ikel;

G.

billi din l-eżenzjoni ġenerali tannulla d-dispożizzjonijiet dwar it-tikkettar għall-addittivi kollha tal-ikel li huma nanomaterjali maħdumin; billi dan iċaħħad il-liġi mill-'effet utile' ewlieni tagħha u jmur kontra l-għan bażiku tad-Direttiva li tfittex li jintlaħaq livell għoli ta' protezzjoni tas-saħħa u tal-interessi tal-konsumaturi billi tistabbilixxi bażi li fuqha l-konsumaturi aħħarin ikunu jistgħu jagħmlu għażliet informati;

H.

billi l-Kummissjoni tiġġustifika din l-eżenzjoni ġenerali għall-addittivi kollha tal-ikel eżistenti billi tistqarr li “jekk dawn l-addittivi tal-ikel jiġu indikati fil-lista tal-ingredjenti u warajhom tiżdied il-kelma 'nano' fil-parentesi, jaf tħawwad lill-konsumaturi għax tista’ tkun qed tissuġġerixxi li dawk l-addittivi huma ġodda filwaqt li fir-realtà ilhom jintużaw fl-ikel f’dik il-forma għal għexieren ta’ snin”;

I.

billi din il-ġustifikazzjon hija żbaljata u irrilevanti, peress li r-Regolament FIC ma jipprevedix distinzjoni bejn nanomaterjali eżistenti u dawk ġodda, iżda espliċitament jirrikjedi t-tikkettar tal-ingredjenti kollha li jkunu preżenti fil-forma ta' nanomaterjali maħdumin;

J.

billi l-intenzjoni dikjarata tal-Kummissjoni li tindirizza l-ħtieġa għal rekwiżiti speċifiċi ta' tikkettar rigward l-addittivi tal-ikel fil-listi tal-Unjoni fil-kuntest tal-programm ta' rievalwazzjoni mhijiex f'lokha, minħabba li tħawwad kwistjonijiet ta' sikurezza ma' rekwiżiti ġenerali ta' tikkettar għall-informazzjoni tal-konsumaturi; billi dan jissuġġerixxi wkoll li l-Kummissjoni tiddubita l-istess ħtieġa għal tikkettar speċifiku għan-nanomaterjali, ħaġa li tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament FIC; billi addittiv tal-ikel jew huwa nanomaterjal jew mhuwiex, u tali rekwiżiti ta' tikkettar għandhom ikunu implimentati għall-addittivi tal-ikel kollha awtorizzati li huma nanomaterjali, irrispettivament mill-kundizzjoniiet tal-użu jew minn speċifikazzjonijiet oħra;

K.

billi, barra minn hekk, mhuwiex aċċettabbli li ssir referenza għal programm ta' rievalwazzjoni mhux relatat li diġà kien jeżisti meta l-leġiżlatur iddeċieda li jdaħħal rekwiżiti speċifiċi ta' tikkettar fir-Regolament FIC, f'tentattiv li dawk ir-rekwiżiti ta' tikkettar jixxejnu tliet snin wara;

1.

Joġġezzjoni għar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni;

2.

Iqis li r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni mhuwiex kompatibbli mal-għan u l-kontenut tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 u li jeċċedi s-setgħat delegati konferiti lill-Kummissjoni skont dan tal-aħħar;

3.

Jitlob li l-Kummissjoni tressaq att delegat ġdid li jqis il-pożizzjoni tal-Parlament;

4.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u jikkomunikalha li r-regolament delegat ma jistax jidħol fis-seħħ;

5.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(3)  ĠU L 295, 12.11.2011, p. 1.

(4)  ĠU L 295, 12.11.2011, p. 178.

(5)  ĠU L 80, 26.3.2010, p. 19.

(6)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).


Upp