Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IE2767

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kontribut tas-settur tax-xogħol fl-injam għall-bilanċ tal-karbonju” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    ĠU C 230, 14.7.2015, p. 39–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    14.7.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 230/39


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-kontribut tas-settur tax-xogħol fl-injam għall-bilanċ tal-karbonju”

    (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

    (2015/C 230/06)

    Relatur:

    is-Sur JÍROVEC

    Korelatur:

    is-Sur PESCI

    Nhar is-27 ta’ Frar 2014, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    Il-kontribut tas-settur tax-xogħol fl-injam għall-bilanċ tal-karbonju.

    Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI), inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-13 ta’ Novembru 2014.

    Matul il-503 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 2014 (seduta tal-10 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’119 voti favur, 1 vot kontra u 5 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji offruti mill-prodotti tal-injam fil-bilanċ tal-karbonju u tiżdied il-kompetittività tal-industrija Ewropea tax-xogħol fl-injam (1) u l-kapaċità tagħha biex tmexxi l-innovazzjoni, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fassal ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin.

    1.2.

    Il-KESE jirrikonoxxi li l-leġislazzjoni Ewropea u nazzjonali qed ikollha impatt kbir fuq l-industriji tax-xogħol fl-injam. Għaldaqstant, il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jesploraw l-opportunitajiet kollha relatati mal-użu tal-injam bħala materjal li mhuwiex ta’ ħsara għall-ambjent sabiex jagħtu spinta lill-kompetittività ta’ dan is-settur, jippromovu l-impjieg u jappoġġjaw l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni.

    1.3.

    Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea ħalli, b’konsultazzjoni mal-partijiet interessati, tfassal linji gwida Ewropej dwar il-provvista tal-injam ħalli l-provvista tal-injam tiżdied u jiġi promoss użu sostenibbli tas-sorsi tal-injam. Għandhom ikunu inklużi l-prinċipji tal-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Ir-rakkomandazzjonijiet stipulati fil-gwida ta’ prattika tajba dwar il-mobilizzazzjoni sostenibbli tal-injam fl-Ewropa (2010) għandhom jiġu kkunsidrati u fejn meħtieġ żviluppati.

    1.4.

    Il-KESE jfakkar fl-importanza li jiġu esklużi “palits u injam li jiġi rkuprat wara l-użu” mid-definizzjoni ta’ “bijomassa terzjarja”.

    1.5.

    Kif il-KESE diġà rrikonoxxa fl-Opinjoni tiegħu dwar “L-opportunitajiet u l-isfidi għal settur Ewropew tax-xogħol fl-injam u tal-għamara iktar kompetittiv”, adottata f’Ottubru 2011 (2) u b’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Komunikazzjoni riċenti tal-UE dwar “Tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari: programm ta’ skart żero għall-Ewropa”, il-KESE jenfasizza l-fatt li l-prinċipju tal-‘użu kaskata’ (użu, użu mill-ġdid, riċiklaġġ, irkupru tal-enerġija) – meta dan ikun teknikament fattibbli b’konformità ma’ karatteristiċi nazzjonali u reġjonali speċifiċi – jirrappreżenta l-aqwa mod biex jiġi massimizzat l-użu effiċjenti ta’ riżorsi tal-injam. Il-KESE huwa sodisfatt li wara t-talba tiegħu għall-għarfien tal-importanza tal-prinċipju “kaskata” tal-injam, dan il-prinċipju ġie traspost f’diversi dokumenti tal-UE bħal “Rinaxximent Industrijali Ewropew”, “Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti”, u d-dokument ta’ ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “A Blueprint for the EU forest-based industries (woodworking, furniture, pulp & paper manufacturing and converting, printing)” li jakkompanja l-Komunikazzjoni dwar “Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti”. Madankollu, il-Kumitat ma jistax jappoġġja l-idea ta’ regoli legalment vinkolanti u huwa favur approċċ ibbażat fuq is-suq miftuħ u l-libertà tal-parteċipanti tas-suq.

    1.6.

    L-opzjonijiet tal-ġestjoni għall-materjali tal-kostruzzjoni għandhom jinkludu miżuri sabiex jiġi evitat li materjali ta’ riċiklaġġ bħall-injam jintremew f’miżbla. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tal-UE u lill-partijiet interessati sabiex jiddefinixxu linji gwida u rakkomandazzjonijiet dwar il-ġbir tal-iskart tal-injam u soluzzjonijiet għat-trattament tal-injam wara l-użu.

    1.7.

    Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tal-UE biex tintroduċi regola li tirrifletti sew il-karatteristiċi akustiċi ta’ spazji magħluqa, peress li l-injam jista’ jkollu rwol essenzjali fl-iżolament akustiku. Fil-fatt, l-injam għandu l-kapaċità jiżola kmamar b’mod akustiku minn ħsejjes esterni u jnaqqas il-ħin ta’ riverberazzjoni. Għandhom jiġu esplorati l-opportunitajiet relatati mal-applikazzjonijiet tal-injam.

    1.8.

    Il-KESE jitlob lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati sabiex jiddefinixxu pjani ta’ azzjoni nazzjonali mfassla biex iżidu l-użu tal-injam fil-kostruzzjoni u l-infrastrutturi ekoloġiċi. L-awtoritajiet lokali għandhom ikunu direttament involuti fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-pjani ta’ azzjoni.

    1.9.

    Il-KESE, billi jirrikonoxxi li l-injam mhuwiex daqstant familjari fost il-bennejja u l-periti daqs materjali oħra, jistieden lill-Istati Membri sabiex jistabbilixxu inizjattivi għall-promozzjoni ta’ kultura tal-injam. Barra minn hekk, ir-rappreżentanti tal-industriji Ewropej tax-xogħol fl-injam u l-imsieħba soċjali Ewropej għandhom jiddefinixxu kampanji nazzjonali koordinati sabiex ipinġu stampa aktar attraenti tas-settur.

    2.   Deskrizzjoni tas-settur Ewropew tax-xogħol fl-injam. Sfidi u opportunitajiet. L-impatt possibbli tal-leġislazzjoni tal-UE fuq il-kompetittività tas-settur.

    2.1.

    L-industriji Ewropej tax-xogħol fl-injam jiġġeneraw introjtu annwali ta’ madwar EUR 122 biljun fuq valur ta’ produzzjoni ta’ aktar minn EUR 115-il biljun. Skont il-Eurostat, fl-2012 l-industriji tax-xogħol fl-injam kienu jammontaw għal aktar minn 3 11  000 kumpanija. Madwar 1 26  000 kumpanija kienu attivi wkoll fin-negozju tal-għamara. Fl-industriji tax-xogħol tal-injam stricto senso, l-industrija fejn jisserraw l-injam kienet magħmula minn madwar 40  000 kumpanija, filwaqt li s-sottosetturi l-oħra tal-prodotti tax-xogħol fl-injam kienu jammontaw għal madwar 1 45  000 kumpanija. Minkejja t-titjib li sar, dawn iċ-ċifri ma jirriflettux is-sitwazzjoni reali peress li mhux bilfors qed jitqiesu l-kumpaniji ż-żgħar, skont ir-rappurtar tal-Istat Membru. Fis-settur tal-għamara u tal-elementi tal-kostruzzjoni, l-għadd ta’ kumpaniji żgħar huwa konsiderevoli. Għaldaqstant, l-għadd reali tal-kumpaniji jista’ jiġi stmat li hu aktar minn 3 75  000 kumpanija.

    2.2.

    Fl-2012, is-settur tax-xogħol fl-injam esperjenza tnaqqis kbir fl-għadd ta’ impjiegi madwar l-UE kollha. It-tnaqqis medju ammonta għal 4,4 %, iżda ċ-ċifri varjaw minn -3,2 % fil-Ġermanja għal saħansitra -13,7 % fi Spanja. Il-Kroazja u d-Danimarka wrew l-akbar żidiet fl-għadd ta’ impjiegi filwaqt li Spanja (-13,7 %), Ċipru (-13,1 %) u s-Slovakkja (-11,5 %) esperjenzaw l-akbar tnaqqis fl-2012.

    Il-politiki Ewropej u nazzjonali għandhom impatt kbir fuq il-kompetittività tas-settur tax-xogħol fl-injam. Kif ġie enfasizzat fir-Rapport dwar il-kompetittività tal-UE għall-2014, l-ispejjeż tal-produzzjoni, ix-xogħol u l-materja prima għandhom tendenza jkunu ogħla fl-Ewropa milli f’ħafna reġjuni oħra, li jwassal għal riskju għoli ta’ delokalizzazzjoni għall-partijiet kbar tas-settur. Għaldaqstant, l-Ewropa għandha titlob biex il-prodotti li jidħlu fis-suq tal-UE jkollhom l-istess standards soċjali, ambjentali u ta’ sigurtà bħal dawk prodotti fl-Ewropa. Barra minn hekk, il-KESE jenfasizza l-fatt li s-settur tax-xogħol fl-injam Ewropew ikompli jiffaċċja żidiet sinifikanti fl-ispejjeż tal-produzzjoni, b’mod speċjali fir-rigward tar-reżini u l-enerġija. L-ispejjeż tal-enerġija Ewropea huma tliet darbiet ogħla minn dawk fl-Istati Uniti.

    2.3.

    L-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli u s-sussidji relatati qed inaqqas id-disponibbiltà tal-materji primi tal-injam u qed iżid il-prezz tagħhom. Fl-2012, madwar 15 % jew 182 miljun metri kubiċi tal-injam kollu maħsud fir-reġjun tal-KEE kien stmat bħala karburant mill-injam. Mill-aktar Inkjesta Konġunta dwar l-Enerġija mill-Injam riċenti tal-KEE/FAO (JWEE 2011), jidher li l-enerġija mill-injam hija l-komponent prinċipali tal-enerġija rinnovabbli, li tammonta għal 38,4 % tas-sorsi tal-enerġiji rinnovabbli kollha. Skont l-istudju Ewropew riċenti dwar “Il-provvista u d-domanda tal-materja prima tal-injam għall-industriji tal-ipproċessar tal-injam” (“Study on the wood raw material supply and demand for the EU wood-processing industries”), ikkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea għall-Indufor (3), “l-ammont ta’ injam użat għal skopijiet ta’ enerġija fl-UE ikun ekwivalenti għall-ammont totali ta’ injam maħsud fil-preżent kieku kellha tintlaħaq il-mira tal-enerġija rinnovabbli sal-2020. Sal-2016 ser ikun hemm 63 Mm3 ta’ injam inqas meta mqabbla mar-rekwiżiti tal-injam antiċipati mill-Istati Membri tal-UE fil-Pjani ta’ Azzjoni Nazzjonali tagħhom dwar l-Enerġija Rinnovabbli.”

    2.4.

    Filwaqt li jqis il-Komunikazzjoni Ewropea l-ġdida dwar il-qafas tal-enerġija u l-klima 2030, u d-domanda biex jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli għal mill-inqas 27 % sal-2030, il-KESE jqis li huwa essenzjali li jiġu kkunsidrati modi differenti kif tittejjeb il-mobilizzazzjoni tal-injam fl-UE, pereżempju billi jiġu kkunsidrati r-rakkomandazzjonijiet fil-Good practice guidance on the sustainable mobilisation of wood in Europe (Linji gwida ta’ prattika tajba dwar il-mobilizzazzjoni sostenibbli tal-injam fl-Ewropa), sabiex jiġu identifikati soluzzjonijiet biex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil tal-kompetizzjoni bejn utenti differenti tar-riżorsi tal-bijomassa.

    2.5.

    Bil-kunsiderazzjoni ta’ dan, il-KESE jistieden lill-Istati Membri biex jivvalutaw l-ammont tal-bijomassa tal-injam fil-pajjiż jew ir-reġjun li huwa bla dubju disponibbli għall-użu tal-enerġija u l-volumi li l-industrija tax-xogħol fl-injam diġà tuża bħala materja prima.

    2.6.

    Barra minn hekk, il-KESE jiddeplora l-persistenza f’bosta Stati Membri ta’ dispożizzjonijiet li jillimitaw l-użu tal-injam f’bini ta’ ħafna sulari kif ukoll regolamenti diskriminatorji dwar in-nirien. Ir-regolamenti dwar in-nirien huma l-ostaklu ewlieni għall-użu tal-injam fil-bini f’ħafna pajjiżi. L-istandards Ewropej għas-sigurtà kontra n-nirien fil-bini sar qbil dwarhom, iżda s-sikurezza kontra n-nirien tibqa’ responsabbiltà nazzjonali. Dawn ir-regolamenti għandhom jitneħħew immedjatament peress li dawn jirrappreżentaw biċ-ċar ostakli tas-suq għall-espansjoni tal-prodotti tal-injam fis-settur tal-kostruzzjoni (4).

    2.7.

    Fl-aħħar nett, il-KESE jiddeplora l-esklużjoni tas-setturi Ewropej tat-twavel b’bażi ta’ injam u ta’ fejn jiġi sserrat l-injam mil-lista tas-setturi li għadhom jiġu meqjusa bħala vulnerabbli għar-rilaxx tal-karbonju. It-tneħħija ta’ dawn is-setturi mil-lista probabbilment ser tintensifika d-delokalizzazzjoni li diġà qed isseħħ tas-setturi ta’ manifattura hawn fuq imsemmija lejn pajjiżi barra mill-UE. Iż-żamma taż-żewġ setturi fil-lista hija essenzjali sabiex jiġi limitat l-impatt negattiv tal-pressjoni kompetittiva li qed isofru l-kumpaniji kollha minħabba ż-żidiet kbar ħafna fil-prezzijiet tal-injam li ġejjin mill-kompetizzjoni mas-settur tal-enerġija tal-bijomassa. Mill-2008 sal-2013, is-settur Ewropew tat-twavel b’bażi tal-injam waħdu għalaq 51 impjant, li rriżulta f’telf tal-kapaċità ta’ 10  386 Mm3. Uħud minn dawn il-linji li ngħalqu żżarmaw u reġgħu ntramaw barra mill-fruntieri tal-Unjoni Ewropea. Iż-żamma tal-industriji tal-manifattura fi ħdan il-fruntieri Ewropej għandha tkun prijorità għal dawk kollha li jfasslu l-politika u b’mod partikolari għall-Kummissjoni Ewropea. Għaldaqstant, id-direttorati ġenerali rilevanti tal-Kummissjoni tal-UE huma mħeġġa jieħdu miżuri sabiex jiggarantixxu l-kompetittività tal-industriji Ewropej u jevitaw id-delokalizzazzjoni tas-settur ta’ manifattura.

    2.8.

    Miżura effettiva biex tiżgura l-kompetittività tal-industrija tal-Ewropa u tilqa’ kontra d-delokalizzazzjoni tal-produzzjoni tista’ tkun taxxa ġdida tal-enerġija/karbonju li twaqqaf id-diskriminazzjoni tal-produtturi Ewropej.

    3.   It-tisħiħ tal-użu tal-prodotti tal-injam għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

    3.1.

    It-tisħin globali jikkostitwixxi tħassib politiku kbir. Fil-fatt, dan għandu impatti serji fuq is-saħħa tal-bniedem u r-riżorsi naturali. L-għażliet li nagħmlu dwar il-materjali li nużaw jista’ jkollhom effett sinifikanti fuq l-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju li huma waħda mill-kawżiet ewlenin tat-tisħin globali. It-terminoloġija ta’ prodotti “ekoloġiċi” u/jew “mhux ta’ ħsara għall-ambjent” qed jiġu aċċettati aktar fil-wisa’ fost il-produtturi u l-konsumaturi. Fl-istess ħin, qed jiġu stabbiliti politiki nazzjonali u Ewropej sabiex iħeġġu dawn il-prodotti. Il-KESE jqis li l-LCA (5) (il-valutazzjonijiet taċ-ċiklu tal-ħajja – Life-Cycle Assessments) jirrappreżentaw l-għodda ta’ ġestjoni ambjentali adegwata għall-futur.

    3.2.

    L-Ewropa tista’ tnaqqas b’mod drastiku l-emissjonijiet tas-CO2 billi żżid il-bir ta’ karbonju li nħoloq mill-foresti tagħha (billi tiġi ottimizzata l-ġestjoni tagħhom) u billi jiżdied l-użu ta’ prodotti tal-injam li ġew prodotti b’mod sostenibbli. Huwa xjentifikament ippruvat li l-użu tal-prodotti tal-injam fil-kostruzzjoni u l-ħajja ta’ kuljum għandu effett pożittiv fuq il-klima. L-ammont ta’ karbonju maħżun fis-siġar u fi prodotti tal-injam relatati jiddependi mill-ispeċi tas-siġra, il-kundizzjonijiet ta’ tkabbir (l-ambjent), l-età tas-siġra u d-densità tas-siġar tal-madwar. Madankollu, intwera li jekk jiġi sostitwit metru kubiku ta’ injam b’materjali oħra ta’ kostruzzjoni, dan jirriżulta f’medja sinifikanti ta’ 0,75-1t fi ffrankar ta’ CO2. Barra minn hekk, 1 m3 ta’ injam jaħżen 0,9 t ta’ CO2.

    3.3.

    Studju riċenti mmexxi mill-Università ta’ Yale, bit-titlu “Carbon” fossil fuel and biodiversity mitigation with wood and forests (6)" (Il-karbonju, il-karburanti fossili u l-mitigazzjoni tal-bijodiversità bl-injam u l-foresti) skopra li l-użu ta’ aktar injam fil-kostruzzjoni tal-bini u tal-pontijiet inaqqas sostanzjalment l-emissjonijiet globali tad-diossidu tal-karbonju u l-konsum tal-karburanti fossili. Ir-riċerkaturi skoprew li żieda fl-użu tal-prodotti tal-injam għall-ekwivalenti ta’ 34 % ikollha effetti profondi u pożittivi. Bejn 14 % u 31 % tal-emissjonijiet tas-CO2 jistgħu jiġu evitati billi s-CO2 jinħażen fiċ-ċelluloża u l-linjin tal-prodotti tal-injam.

    3.4.

    Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tappoġġja lill-Istati Membri u lis-settur Ewropew tal-forestrija sabiex jidentifikaw u jistabbilixxu miżuri, u possibbilment inċentivi għall-użu ta’ prodotti tal-injam maħsud b’ċikli tal-ħajja twal (7). Iktar ma jdum jintuża l-injam, u jintuża mill-ġdid, iktar idum jaħżen fih id-diossidu tal-karbonju. L-iskart tal-materjal mill-injam (stricto senso) jista’ jiġi minimizzat prinċipalment peress li l-partijiet kollha tal-injam jistgħu jintużaw u jintużaw mill-ġdid b’mod effiċjenti, filwaqt li fl-aħħar nett dejjem jista’ jinħaraq sabiex tiġi rkuprata l-enerġija tiegħu (8). Jekk l-Ewropa trid tindirizza b’mod effettiv it-tibdil fil-klima, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom iħeġġu l-użu tal-prodotti tal-injam u joħolqu kuntest politiku favorevoli li fih jiġi massimizzat iċ-ċiklu tal-ħajja tal-injam.

    4.   L-injam fil-kostruzzjoni

    4.1.

    Il-kostruzzjoni u t-tħaddim tal-bini għandu benefiċċji ambjentali sinifikanti. Globalment, il-binjiet huma responsabbli għal 20 % tal-konsum kollu tal-ilma, 25-40 % tal-użu tal-enerġija, u 30-40 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. L-għażla tal-prodotti użati għall-kostruzzjoni jew ir-rinovazzjoni għandha impatt sinifikanti fuq l-ambjent. Għaldaqstant, il-KESE jirrikonoxxi li l-injam għandu rwol importanti fl-iżvilupp ta’ binjiet sostenibbli li mhumiex ta’ ħsara għall-ambjent. L-opportunitajiet relatati mal-użu tal-injam fil-kostruzzjoni mhumiex sfruttati bis-sħiħ u dan jaffettwa l-kompetittività tal-industriji tax-xogħol fl-injam. Il-KESE jixtieq janalizza kif jista’ jtejjeb din is-sitwazzjoni mingħajr ma jinħolqu effetti ta’ ħsara għall-materjali l-oħra.

    4.2.

    L-injam ilu rikonoxxut bħala materjal li mhuwiex ta’ ħsara għall-ambjent għal varjetà wiesgħa ta’ prodotti. L-istudji tal-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja wrew li l-prodotti tal-injam joffru vantaġġi ambjentali kbar. L-injam huwa wieħed mill-ftit materjali ta’ kostruzzjoni mija fil-mija rinnovabbli, jaħżen is-CO2 u huwa iżolatur naturali minħabba l-bwiet tal-arja fl-istruttura ċellolari tiegħu. Huwa materjal sigur, sod u tista’ tiddependi fuqu – anki f’kundizzjonijiet ta’ stress għoli bħall-uragani u t-terremoti, kif ukoll meta jkun hemm in-nirien.

    4.3.

    L-opzjonijiet ta’ ġestjoni ta’ tmiem il-ħajja għall-materjali ta’ kostruzzjoni jinkludu elementi bħall-użu mill-ġdid, ir-riċiklaġġ u l-irkupru. Is-sitwazzjoni attwali turi li ħafna mill-iskart ta’ kostruzzjoni għadu jmur fil-miżbla, li jżid il-piż fuq il-ġestjoni tal-miżbla stess. Il-materjali bħall-injam jistgħu jiġu riċiklati direttament fl-istess prodott għall-użu mill-ġdid jew jistgħu jiġu rikostitwiti fi prodotti oħra għall-użu. Il-KESE juri li r-riċiklaġġ jirrikjedi proċessar mill-ġdid li normalment mhuwiex ekonomikament fattibbli sakemm ma tiġix organizzata ġabra effiċjenti viċin tas-sors tal-materjal. Għal din ir-raġuni, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni tal-UE u lill-partijiet interessati involuti sabiex jiġbru l-prattiki tajba kollha eżistenti fil-livell nazzjonali sabiex jiddefinixxu linji gwida u rakkomandazzjonijiet dwar il-ġbir tal-iskart tal-injam u soluzzjonijiet għat-trattament tal-injam wara l-użu. It-tnaqqis u r-riċiklaġġ tal-materjali ta’ kostruzzjoni u demolizzjoni jista’ jnaqqas ukoll l-ispejjeż ġenerali ta’ kostruzzjoni u rimi.

    4.4.

    L-industrija tal-kostruzzjoni hija l-ikbar utent tal-prodotti tal-injam. F’pajjiż bħall-Finlandja, madwar 70-80 % tal-prodotti tal-injam Finlandiżi jispiċċaw jintużaw fil-kostruzzjoni. Dan l-aħħar, il-kostruzzjoni tal-istrutturi tal-injam ħadet spinta ‘l quddiem f’bosta pajjiżi Ewropej, l-aktar fir-Renju Unit, l-Irlanda u Franza. Madankollu, il-KESE jagħraf li l-użu tal-injam jista’ jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-ekonomija ekoloġika u għal din ir-raġuni għandu jiġi promoss.

    4.5.

    Il-KESE jirrikonoxxi li l-għarfien dwar il-vantaġġi tal-użu tal-injam fil-kostruzzjoni huwa pjuttost limitat. Dan mhuwiex biss il-każ għall-periti; l-utenti aħħara ta’ spiss ma jkunux jafu biżżejjed dwar il-proprjetajiet tal-injam. Dan l-għarfien limitat ta’ spiss iwassal għal użu limitat tal-injam u b’konsegwenza ta’ dan għal problemi li jaffettwaw ħażin l-immaġni tal-injam. Barra minn hekk, in-nuqqas ta’ ħaddiema kkwalifikati fil-kostruzzjoni tal-istrutturi tal-injam għad-djar inaqqas l-iżvilupp ta’ dan il-metodu ta’ kostruzzjoni f’ħafna pajjiżi Ewropej.

    4.6.

    Il-KESE jitlob lill-industriji Ewropej tax-xogħol fl-injam u l-imsieħba soċjali biex iwaqqfu kampanji koordinati ta’ informazzjoni sabiex ipinġu stampa aktar attraenti tas-settur. Iż-żgħażagħ għandhom jitħeġġu jagħżlu skemi ta’ edukazzjoni u taħriġ li jħejjuhom adegwatament għal karriera fl-industrija tax-xogħol fl-injam.

    5.   Aspetti soċjali relatati maż-żieda tal-użu tal-materjali tal-injam u t-tisħiħ tar-rwol tal-industriji tax-xogħol fl-injam fl-ekonomija  (9)

    5.1.

    Il-KESE jenfasizza l-fatt li ħafna mill-ħaddiema tax-xogħol fl-injam jitħarrġu fuq ix-xogħol u jakkumulaw il-ħiliet b’mod informali minn ħaddiema tal-esperjenza. Ħafna mill-ħaddiema tax-xogħol fl-injam jitgħallmu l-livell bażiku ta’ kif iħaddmu l-magni u l-kompiti tax-xogħol fi ftit xhur, iżda biex isiru ħaddiema tas-sengħa fix-xogħol fl-injam ta’ spiss jeħtieġu sentejn jew iktar. L-impjieg jinħoloq ukoll billi l-ħaddiema jiġu pprovduti b’taħriġ u edukazzjoni adattati għall-ħtiġijiet u r-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, il-KESE jtenni li l-programmi ta’ riċerka u innovazzjoni għandhom jagħtu spinta ‘l quddiem lill-impjiegi u t-tkabbir madwar l-UE kollha. Għaldaqstant, is-settur tax-xogħol fl-injam huwa mħeġġeġ jisfrutta l-opportunitajiet disponibbli fi ħdan il-programm Orizzont 2020.

    5.2.

    Il-Komunikazzjoni riċenti tal-UE dwar l-Effiċjenza fir-Riżorsi fis-Settur tal-Bini għandha tiġi implimentata b’mod ambizzjuż mill-Istati Membri sabiex ikunu żgurati l-investimenti fir-rinnovazzjoni tal-binjiet u jinħoloq l-impjieg.

    5.3.

    Il-KESE jirrikonoxxi li l-ħoss akustiku f’żoni pubbliċi għandu impatt serju fuq is-saħħa tal-bniedem (10). L-injam mhuwiex biss materjal importanti li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent; jekk jintuża bħala materjal ta’ iżolament jista’ joffri wkoll għadd ta’ benefiċċji soċjali u tas-saħħa. Fil-fatt, l-injam jista’ jkollu rwol essenzjali fl-iżolament akustiku u bħala materjal ta’ assorbiment. L-injam għandu l-kapaċità jinsula kmamar b’mod akustiku minn ħsejjes esterni u jnaqqas il-ħin ta’ riverberazzjoni. Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tintroduċi regola li tirrifletti sew il-karatteristiċi akustiċi tal-ispażji magħluqa. Peress li l-injam jista’ jipproduċi ħoss (meta tħabbat fuqu direttament) u jista’ jamplifika jew jassorbi l-mewġiet tal-ħoss li ġejjin minn korpi oħra, għandhom jiġu esplorati l-opportunitajiet relatati mal-applikazzjonijiet tal-injam. L-injam għandu impatt pożittiv, ippruvat xjentifikament, fuq il-kwalità tal-arja/il-kumdità fuq ġewwa.

    5.4.

    Fil-livell nazzjonali hemm bosta inizjattivi sabiex in-nies jiġu edukati dwar l-opportunitajiet biex jużaw l-injam bħala materjal mhux ta’ ħsara għall-ambjent, iżda m’hemmx koordinazzjoni reali. Żieda fil-konsum tal-prodotti tal-injam hija relatata biċ-ċar għall-kampanji ta’ informazzjoni li għandhom jitwettqu fil-livell nazzjonali. L-għan ewlieni tal-kampanji edukattivi dwar l-injam huwa li jinħolqu attitudnijiet pożittivi – tekniċi u kulturali – favur l-użu tal-injam.

    5.5.

    Bħala eżempju interessanti ta’ prattika tajba, il-KESE jixtieq isemmi l-inizjattiva bit-titlu “WOODDAYS”. L-avveniment (11) tnieda fil-21 ta’ Marzu 2014 f’Milan. Dan kien programm ta’ għaxart ijiem li ffoka fuq bliet li qed jikbru u d-densifikazzjoni urbana intelliġenti effiċjenti fl-użu tar-riżorsi bl-injam. L-avveniment ittella’ sabiex l-injam jitqiegħed bħala materjal għall-kostruzzjoni li s’issa kellu potenzjal mhux rikonoxxut f’xenarju fejn il-kostruzzjoni bl-injam ser ikollha rwol kbir fil-futur – eżatt fil-qalba tal-bliet tagħna. Dan l-avveniment ser jerġa’ jittella’ wkoll fi bliet Ewropej oħra: Bratislava, Ljubljana u Brussell.

    5.6.

    Il-KESE jixtieq juri li l-programmi kbar għall-kostruzzjoni ekoloġika jvarjaw mhux ftit fit-trattament tal-użu tal-prodotti tal-injam. Filwaqt li wħud jiffukaw fuq il-prestazzjoni iktar milli fuq il-materjal użat, programmi oħra jagħmlu “restrizzjonijiet” fuq l-injam bħala materjal aċċettabbli (mingħajr ma jagħmlu “rekwiżiti” bħal dawn fuq prodotti oħra ta’ kostruzzjoni). Iż-żieda fl-użu tal-injam għandu jkollha varjetà ta’ impatti pożittivi fuq l-ekonomija tal-UE. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li jiġu stabbiliti miri obbligatorji għall-użu tal-injam fil-kostruzzjoni, fuq l-eżempju ta’ Franza.

    6.   Il-mobilizzazzjoni tal-injam

    6.1.

    Iż-żieda fl-użu tal-injam fil-kostruzzjoni u fil-ħajja ta’ kuljum teħtieġ soluzzjonijiet u miżuri sabiex tiżdied il-mobilizzazzjoni tal-injam (inklużi soluzzjonijiet imfassla sabiex jiġi rkuprat aktar injam, prodotti u residwi tal-injam minn skart industrijali u dak wara l-użu, għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ) u jiġi estiż iċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti tal-injam.

    6.2.

    Provvista sostenibbli u kontinwa ta’ materja prima tal-injam hija kruċjali għaż-żamma ta’ industrija kompetittiva ta’ prodotti tal-injam. Ir-rakkomandazzjonijiet stipulati fil-gwida ta’ prattiki tajba dwar il-mobilizzazzjoni sostenibbli tal-injam fl-Ewropa (2010) għandhom jiġu kkunsidrati u, fejn meħtieġ, żviluppati.

    6.3.

    Fi snin riċenti, il-provvista tal-injam ġiet taħt pressjoni qawwija primarjament minħabba miżuri Ewropej u nazzjonali li jippromovu l-użu ta’ sorsi rinnovabbli ta’ enerġija, li parzjalment irriżultaw fil-ħruq tal-injam. Il-KESE jfakkar fl-importanza li jiġu esklużi “palits u injam li jiġi rkuprat wara l-użu” mid-definizzjoni ta’ “bijomassa terzjarja”. Dawn il-materjali huma kontribut kbir ta’ materja prima f’uħud mit-tipi ta’ prodotti manifatturati minn manifatturi tat-twavel b’bażi tal-injam u f’ċerti każijiet jistgħu jammontaw għal sa 95 % tal-kontribut tal-injam (12).

    6.4.

    Hawnhekk il-KESE jenfasizza li l-prinċipju tal-“użu kaskata” (użu, użu mill-ġdid, riċiklaġġ, irkupru tal-enerġija) – meta jkun ekonomikament u teknikament fattibbli b’konformità ma’ pekuljaretajiet nazzjonali jew reġjonali speċifiċi u mal-bilanċ bejn id-domanda u l-provvista tal-injam – jirrappreżenta l-aqwa mod biex jiġi massimizzat l-użu effiċjenti tar-riżorsi tal-injam, il-materja prima naturali. Madankollu, il-Kumitat ma jistax jappoġġja l-idea ta’ regoli legalment vinkolanti u huwa favur approċċ ibbażat fuq is-suq miftuħ u l-libertà tal-parteċipanti tas-suq. L-użu tal-injam f’approċċ ta’ “użu kaskata” mhux biss jiżgura l-aqwa użu ekonomiku tal-materja prima, iżda jipprovdi wkoll benefiċċji importanti tal-klima permezz ta’ ħżin kontinwu tal-karbonju u effett ta’ sostituzzjoni, qabel ma jintuża bħala sors tal-enerġija.

    Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2014.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  Il-KESE jsegwi d-definizzjoni tas-“settur tax-xogħol fl-injam” ipprovduta mill-Klassifikazzjoni Ewropea tal-Attivitajiet Ekonomiċi (NACE) fil-Kodiċi C16: Manifattura ta’ injam u ta’ prodotti ta’ injam u sufra, ħlief għamara; manifattura ta’ artikoli ta’ tiben u ta’ materjal għall-immaljar. Serrar u inċanar ta’ injam. Manifattura ta’ prodotti tal-injam, sufra, tiben u materjal għall-immaljar. Manifattura ta’ folji tal-veneer u pannelli tal-injam. Manifattura ta’ art tal-parké mmuntata. Manifattura ta’ xogħol ta’ injam ieħor tal-bennejja. Manifattura ta’ kontenituri magħmula mill-injam. Manifattura ta’ prodotti oħrajn ta’ injam; manifattura ta’ oġġetti ta’ sufra, tiben u materjal għall-immaljar.

    (2)  Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-opportunitajiet u l-isfidi għal settur Ewropew tax-xogħol fl-injam u tal-għamara iktar kompetittiv” (opinjoni fuq inizjattiva proprja) ĠU C 24, 28.1.2012, p. 18).

    (3)  L-Indufor huwa grupp ta’ konsulenza internazzjonali indipendenti b’kumpaniji fil-Finlandja u n-New Zealand. Dan jipprovdi servizzi ta’ konsulenza lil klijenti kemm privati kif ukoll pubbliċi. L-approċċ tagħhom jinkludi l-aspetti kollha tal-iżvilupp sostenibbli – ekonomiku, soċjali u ambjentali. Il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom ikopri l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, l-investimenti tal-art għat-tkabbar tal-injam u għat-tkabbir innifsu, il-valutazzjonijiet tal-foresta u d-diliġenza xierqa, l-industrija tal-injam u dik ibbażata fuq il-fibra, il-prodotti bijoloġiċi, il-valutazzjoni u l-immappjar tar-riżorsi tal-foresti, is-servizzi tat-tibdil fil-klima u l-ekosistema fil-pajsaġġi tal-foresti, il-politika tal-foresti u l-istudji strateġiċi, kif ukoll il-konsulenza dwar is-sostenibbiltà u l-iżvilupp relatati mal-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u l-użu tal-art.

    (4)  F’ħafna pajjiżi, ir-regolamenti nazzjonali tal-bini għandhom tendenza jillimitaw l-użu tal-oqfsa tal-injam għall-kostruzzjoni ta’ bini b’ħafna sulari. Ir-raġuni għalfejn bosta pajjiżi żammew lura milli jużaw materjali li jieħdu n-nar hija l-inċertezza dwar in-nirien fil-bini. Madankollu, riċerka u żvilupp estensivi wrew li huwa preferibbli li jkun hemm regolamenti dwar il-bini li huma newtrali fir-rigward tal-materjal, u għal aktar minn għaxar snin f’ħafna pajjiżi kienu komuni regolamenti bbażati fuq il-funzjoni. L-injam jinħaraq, iżda b’mod kontrollat; saħansitra huwa possibbli li ssir stima ta’ kemm mis-sezzjoni trażversali tibqa’ ma tiġix affettwata min-nar wara li tkun ilha siegħa tinħaraq. L-injam huwa reżistenti ħafna għan-nirien – meta l-injam tqil jinħaraq, jinħoloq saff ta’ residwi ta’ struttura karbonizzata li jgħin biex jinżammu l-qawwa u l-integrità strutturali tal-injam fuq ġewwa, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju li jikkrolla kollox.

    (5)  L-LCA huma għodda għall-identifikazzjoni tar-rilaxxi ambjentali u għall-valutazzjoni tal-impatti assoċjati kkawżati minn proċess, prodott jew attività. Din hija għodda utli għall-industrija fit-tfittxija ta’ mudelli ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet prattiċi u faċli għall-utent għall-iżvilupp ta’ prodotti ambjentalment tajjeb.

    (6)  Journal of Sustainable Forestry 33:248-275, 2014.

    (7)  Kif rikonoxxut fid-Deċiżjoni Ewropea COM(2012) 93 final dwar regoli tal-kontabilità dwar l-emissjonijiet u l-assorbimenti tal-gassijiet serra li jirriżultaw mill-attivitajiet relatati mal-użu tal-art, mat-tibdil fl-użu tal-art u mal-forestrija u dwar informazzjoni li tikkonċerna l-azzjonijiet relatati ma’ dawk l-attivitajiet, l-użu sostenibbli miżjud ta’ prodotti tal-injam maħsud jista’ jillimita b’mod sostanzjali l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-atmosfera u jsaħħaħ l-assorbimenti ta’ gassijiet serra mill-atmosfera

    (8)  Id-data miġbura fl-istudju Taljan riċenti “Analisi del ciclo di vita (LCA – life cycle assessment) di confronto tra utilizzo del legno post-consumo per la produzione di un pannello grezzo in legno truciolare e per il recupero energetico” urew li minħabba l-impatt fuq it-tibdil fil-klima, l-użu ta’ materja prima riċiklata tal-injam f’impjant tal-produzzjoni tat-twavel huwa aktar vantaġġuż mill-attività ta’ kombustjoni f’impjant tal-enerġija tal-bijomassa. Dan l-istudju tmexxa mill-istut ta’ riċerka Taljan eAmbiente, c/o Parco Scientifico Tecnologico VEGA. L-istudju ġie ppreżentat waqt is-seduta tal-KESE dwar il-kontribut tas-settur tax-xogħol fl-injam għall-bilanċ tal-karbonju li saret f’Mestre (l-Italja) fid-19 ta’ Settembru 2014.

    (9)  . Il-KESE jqis li l-aspetti soċjali u l-osservazzjonijiet li ġew preżentati fl-Opinjoni tal-KESE dwar L-opportunitajiet u l-isfidi għal settur Ewropew tax-xogħol fl-injam u tal-għamara iktar kompetittiv għadhom validi.

    (10)  . “Noise health effects are the health consequences of elevated sound levels. Elevated workplace or other noise can cause hearing impairment, hypertension, ischemic heart disease, annoyance, and sleep disturbance. Changes in the immune system and birth defects have been attributed to noise exposure”. (Kif ġie rappurtat hawnhekk: Passchier-Vermeer W, Passchier WF (2000). Noise exposure and public health. Environ. Health Perspect. 108 Suppl 1: 123–31. doi:10.2307/3454637. JSTOR 3454637. PMC 1637786. PMID 10698728.)

    (11)  L-avveniment “WOODDAYS” huwa inizjattiva ta’ pro-Holz Austria b’kooperazzjoni mad-Dipartiment tal-Kostruzzjoni bl-Injam fl-Università Teknika ta’ Munich u bl-appoġġ tal-Organizzazzjoni Ewropea tal-Industrija fejn jiġi sserrat l-injam (European Organisation of the Sawmill Industry (EOS)) u l-Federazzjoni Ewropea tat-Twavel (European Panel Federation (EPF)).

    (12)  Il-Grupp Taljan “Saviola” – magħruf għall-islogan: “Għinuna nsalvaw is-siġar” – huwa l-proċessur ewlieni tal-iskart tal-injam fid-dinja, b’kapaċità ta’ riċiklaġġ ta’ 1,5 miljun tunnellata ta’ injam wara l-użu fis-sena. Il-filosofija tal-produzzjoni tagħhom tibbaża fuq l-irkupru u l-użu mill-ġdid ta’ materji primi sekondarji li jistgħu jinħolqu mill-ġdid u jintużaw mill-ġdid mingħajr il-bżonn li jinqatgħu siġar ġodda permezz ta’ proċess ekonomikament u ekoloġikalment sostenibbli. It-tipi ta’ injam miġbura mill-Grupp: palits, ċestuni tal-frott, kaxxi għat-tbaħħir.


    APPENDIĊI

    għall-opinjoni tas-CCMI

    It-test li ġej tal-opinjoni tas-CCMI inċaħad mis-CCMI favur emenda, iżda rċieva aktar minn kwart tal-voti.

    Punt 6.4

    6.4.

    Hawnhekk il-KESE jenfasizza li l-prinċipju tal-“użu kaskata” (użu, użu mill-ġdid, riċiklaġġ, irkupru tal-enerġija) – meta jkun ekonomikament u teknikament fattibbli b’konformità ma’ pekuljaretajiet reġjonali speċifiċi – jirrappreżenta l-aqwa mod biex jiġi massimizzat l-użu effiċjenti tar-riżorsi tal-injam, il-materja prima naturali. Assortimenti adattati tal-injam għandhom jintużaw fiżikament iktar milli jservu ta’ karburant. L-użu tal-injam f’approċċ ta’ “użu kaskata” mhux biss jiżgura l-aqwa użu ekonomiku tal-materja prima, iżda jipprovdi wkoll benefiċċji importanti tal-klima permezz ta’ ħżin kontinwu tal-karbonju u effett ta’ sostituzzjoni, qabel ma jintuża bħala sors tal-enerġija.


    Top