Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0240

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar it-titjib tal-aċċess għall-ġustizzja: l-għajnuna legali f’tilwim ċivili u kummerċjali transkonfinali (2012/2101(INI))

ĠU C 65, 19.2.2016, p. 12–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

19.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 65/12


P7_TA(2013)0240

It-titjib tal-aċċess għall-ġustizzja: l-għajnuna legali f’tilwim ċivili u kummerċjali transkonfinali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar it-titjib tal-aċċess għall-ġustizzja: l-għajnuna legali f’tilwim ċivili u kummerċjali transkonfinali (2012/2101(INI))

(2016/C 065/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE tas-27 ta' Jannar 2003 biex ittejjeb l-aċċess għal ġustizzja f'tilwimiet bejn il-konfini billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma' għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn (1),

wara li kkunsidra r-Rapport tat-23 ta’ Frar 2012 mill-Kummissjoni għall-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/8/KE biex ittejjeb l-aċċess għal ġustizzja f’tilwimiet bejn il-konfini billi tistabbilixxi regoli komuni minimi konnessi ma’ għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn (COM(2012)0071),

wara li kkunsidra l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-Aċċess Internazzjonali għall-Ġustizzja,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Opinjoni tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A7-0161/2013),

A.

billi l-Artikolu 47(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jgħid li “Għandha tingħata għajnuna legali lil dawk li ma jkollhomx mezzi biżżejjed, fil-każijiet fejn din l-għajnuna hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja”;

B.

billi d-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE fiha dispożizzjonijiet li jiżguraw li ċ-ċittadini involuti f’tilwimiet bejn il-konfini jkollhom aċċess għall-ġustizzja;

C.

billi d-dispożizzjoni prinċipali ta’ din id-Direttiva tiżgura li l-għajnuna legali ma tistax tiġi miċħuda sempliċement fuq il-bażi li tilwima hija transkonfinali fin-natura tagħha, u għalhekk, kull Stat Membru jżomm is-sistema ta’ għajnuna legali tiegħu, iżda għandu jagħmilha disponibbli għal persuni minn Stati Membri oħra;

D.

billi d-Direttiva tistabbilixxi kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna legali transkonfinali, marbuta b’mod partikolari mar-riżorsi finanzjarji, is-suġġett tat-tilwima, u n-natura transkonfinali tat-tilwima;

E.

billi l-għajnuna legali għandha tingħata biss lil persuni li r-riżorsi finanzjarji tagħhom ma jippermettulhomx li jkollhom aċċess għall-ġustizzja mingħajr għajnuna bħal din;

F.

billi dawk ir-riżorsi huma valutati fuq il-bażi tal-linji gwida fis-seħħ fl-Istat Membru li fih tippresjedi l-Qorti, u limiti fissi huma fis-seħħ f’bosta Stati Membri;

G.

billi dawn il-limiti jvarjaw b’mod konsiderevoli minn Stat Membru għal ieħor, u ċittadin li huwa kkunsidrat fil-bżonn ta’ għajnuna legali fi Stat Membru wieħed jista’ ma jkunux ikkunsidrat fil-bżonn ta’ għajnuna legali fi Stat ieħor, u billi l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva jirrikonoxxi mhux ħażin il-problema;

H.

billi, sabiex jiġu indirizzati dawn id-diskrepanzi, għandu jiġi kkunsidrat jekk ċittadin għandux ukoll jitħalla japplika għall-għajnuna legali fl-Istat Membru ta’ residenza tiegħu u jħalli lill-awtoritajiet ta’ dak l-Istat Membru jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni tiegħu;

I.

billi, sabiex jiġu ffaċilitati l-affarijiet kemm għaċ-ċittadin kif ukoll għall-awtoritajiet li japplikaw id-Direttiva, iċ-ċittadini għandhom jingħataw l-għażla, f’każ ta’ talbiet transkonfinali għal għajnuna legali, li t-talba tagħhom tiġi deċiża jew fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom jew fl-Istat Membru fejn tippresjedi l-Qorti jew fejn għandha tiġi infurzata d-deċiżjoni;

J.

billi, jekk tingħata din l-għażla, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw il-kriterji tagħhom stess, minflok ikollhom jgħaddu t-talba jew jirreferu għall-kundizzjonijiet u l-linji gwida ta’ Stati Membri oħra;

K.

billi ċ-ċittadini li d-dritt tagħhom għall-għajnuna legali jkun ġie rikonoxxut fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom jistgħu jingħataw ċertifikat dwar dan, li jiġi onorat mill-awtoritajiet tal-Istat Membru li fih kienet qed tippresjedi l-Qorti jew fejn kellha tiġi infurzata d-deċiżjoni;

L.

billi għajnuna legali transkonfinali skont id-Direttiva tkopri wkoll l-ispejjeż addizzjonali inerenti f’każijiet transkonfinali, bħall-ispejjeż ta’ interpretazzjoni, traduzzjoni u vvjaġġar;

M.

billi l-informazzjoni dwar l-għajnuna legali għaċ-ċittadini għandha tiġi pprovduta f’waħda mil-lingwi tal-UE sabiex jiġi żgurat li jkunu ġew infurmati dwar l-għażliet tagħhom għal għajnuna legali b’lingwa li jifhmu;

N.

billi l-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-Aċċess Internazzjonali għall-Ġustizzja tinkludi dispożizzjonijiet simili f’livell internazzjonali, iżda din hija applikata biss minn 17 mis-27 Stat Membru;

O.

billi l-Istati Membri l-oħra għandhom għalhekk jiġu mħeġġa jiffirmaw jew jirratifikaw il-Konvenzjoni;

Applikazzjoni tad-Direttiva 2003/8/KE

1.

Jifraħ lill-Kummissjoni dwar is-sottomissjoni tar-rapport tagħha dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/8/KE;

2.

Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Kummissjoni ma tindirizzax speċifikament il-proċeduri Ewropej li għalihom tapplika wkoll id-Direttiva dwar l-Għajnuna Legali, bħal pereżempju l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar, minkejja l-fatt li l-applikazzjoni tad-Drettiva għall-proċedura msemmija hawn fuq waqt il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2009 sal-31 ta’ Diċembru 2010 setgħet ċertament ġiet eżaminata;

3.

Jinnota b’soddisfazzjon li l-Istati Membri kollha ttrasponew id-Drettiva; Jinnota, madankollu, li l-interpretazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar ċerti pnti tvarja fost l-Istati Membri;

4.

Jinnota li, f’rapport sussegwenti, għandhom jiġu inklużi n-numru u l-oqsma tal-kawżi, imqassma skont il-pajjiż, biex tinkiseb stampa aktar dettaljata u aktar preċiża dwar kif qed jintuża l-istrument;

Iż-żieda fl-għarfien tad-dritt għal għajnuna legali transkonfinali

5.

Jiddispjaċih mill-fatt li relattivament ftit ċittadini u prattikanti jidhru li huma konxji mid-drittijiet mogħtija mid-Direttiva;

6.

Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jieħdu miżuri li jżidu l-għarfien tad-dritt għal għajnuna legali transkonfinali f’kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, u b’hekk isaħħu l-moviment liberu taċ-ċittadini;

7.

Jirrikonoxxi l-ħidma tajba magħmula mill-portal e-Justice tal-UE, in-Netwerk Ġudizzjarju tal-UE kif ukoll mill-e-CODEX (Ġustizzja elettronika permezz tal-Iskambju ta' Data Onlajn), b'mod partikolari bid-disponibilità fil-portal e-Justice tal-forom ta' għajnuna legali previsti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE; jitlob, madankollu, li tiżdied iċ-ċarezza u li jkun aktar simplifikat l-aċċess għal dawn il-forom ta' għajnuna legali u l-forom ta' għajnuna legali nazzjonali f'dawn il-pjattaforom kollha, inkluża informazzjoni ċara u prattika dwar liema hu l-aħjar mod kif wieħed japplika għall-għajnuna legali fl-Istati Membri differenti f'tilwimiet ċivili u kummerċjali transkonfinali;

8.

Jitlob, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex iniedu kampanja ta’ informazzjoni effettiva sabiex jintlaħqu numru kbir ta’ benefiċjarji potenzjali kif ukoll prattikanti legali;

9.

Iqis li anki proċeduri oħra Ewropej, bħal pereżempju l-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u l-Proċedura tal-Ordni ta’ Ħlas Ewropea, mhumiex magħrufa sew u li l-politika ta’ informazzjoni attwali, jekk tibqa’ tiġi segwita, mhux se tikkontribwixxi biex tagħmilhom aktar magħrufa;

10.

Jirrimarka li t-teknoloġiji u l-għodod ta’ komunikazzjoni ġodda jistgħu jintużaw biex jippermettu l-aċċess għal informazzjoni dwar l-għajnuna legali; jirrakkomanda, għalhekk, li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jużaw firxa wiesgħa ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni, inklużi kampanji u pjattaformi interattivi bbażati fuq l-Internet bħalma hu l-Portal e-Justice, bħala modi effettivi fil-konfront tal-ispejjeż biex jintlaħqu ċ-ċittadini;

11.

Jinnota li sabiex tkun żgurata l-kontinwità tal-proċedimenti mibdija, għandu jkun hemm titjib fil-ħażna temporanja u permanenti tal-forom meħtieġa għall-għajnuna legali, kif ukoll il-forom għal proċeduri oħrajn, partikolarment il-Proċedura għal Talbiet Żgħar u l-Proċeduri ta’ Ħlas Ewropej, li fost l-oħrajn jiżguraw li dawn ikunu jidhru bl-istess mod fil-lingwi kollha, inkluż fuq il-websajt tal-Atlas Ġudizzjarju Ewropew dwar Kwistjonijiet Ċivili u l-Portal Ewropew e-Justice; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri immedjati għal dan il-għan;

L-iżgurar ta’ appoġġ legali kompetenti

12.

Jikkunsidra li għandhom jiġu stabbiliti databases ta’ professjonisti legali b’ħiliet lingwistiċi u tal-liġi komparattiva biżżejjed biex jaħdmu fuq każijiet ta’ għajnuna legali transkonfinali, biex b’hekk jiġi żgurat li jinħatru professjonisti legali li jkunu kapaċi jaħdmu fuq każijiet bħal dawn; filwaqt li jirrikonoxxi d-databases ġuridiċi transkonfinali eżistenti, bħalma hi l-pjattaforma “Sib Avukat” (Find-a-Lawyer), bħala eżempji ta’ prattika tajba f’dan il-qasam, jitlob li tali għodod jiġu żviluppati aktar bil-ħsieb li jiġu integrati f’database ta’ professjonisti legali fuq il-Portal e-Justice;

13.

Jissuġġerixxi skemi ta’ taħriġ speċjali biex jipprovdu lill-prattikanti legali b’kompetenza transkonfinali, b’enfasi fuq korsijiet tal-lingwa u l-liġi komparattiva; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tappoġġja taħriġ speċifiku għall-avukati li jipprovdu l-għajnuna legali;

14.

Jirrikonoxxi li l-appoġġ legali u t-taħriġ għandhom implikazzjonijiet f'termini ta' spiża għall-Istati Membri u li fis-sitwazzjoni ekonomika kurrenti l-finanzjament għalihom jista' jkun limitat f'ħafna Stati Membri; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tipprovdi fondi fejn ikun possibbli għall-Istati Membri, biex tiżgura taħriġ legali konsistenti u ta’ livell għoli dwar l-għajnuna legali transkonfinali fil-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali;

L-iffaċilitar tat-tħaddim tad-Direttiva għaċ-ċittadini

15.

Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-proċeduri ta’ applikazzjoni jkunu sempliċi, sabiex iċ-ċittadini jkunu dejjem jistgħu japplikaw għall-għajnuna legali mingħajr l-għajnuna ta’ prattikant legali; huwa favur li ċ-ċittadini li jidħlu għal tali proċeduri jiġu infurmati awtomatikament dwar l-eżistenza tal-Portal e-Justice, bil-ħsieb li jiġi żgurat li jkunu infurmati aħjar;

16.

Jikkunsidra li jkun xieraq li, konformi mas-sistemi ta’ għajnuna legali nazzjonali eżistenti, tiġi stabbilita awtorità kompetenti unika fl-ambitu tal-għajnuna legali transkonfinali b’uffiċċju ċentrali f’kull Stat Membru, li tirċievi u tittrażmetti l-applikazzjonijiet għall-għajnuna legali;

17.

Huwa tal-opinjoni li bil-għan li jiġu stabbiliti kriterji ekonomiċi għall-għoti tal-għajnuna legali, għandha tingħata aktar konsiderazzjoni għal-livelli differenti tal-għoli tal-ħajja fl-Istati Membri varji u li għandu jkun ippreċiżat kif dawn id-differenzi jistgħu jiġu kkunsidrati;

18.

Jissuġġerixxi li l-applikanti għandhom jingħataw l-għażla li japplikaw għall-għajnuna legali fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom jew fl-Istat Membru fejn tippresjedi l-Qorti jew fejn qed tiġi infurzata d-deċiżjoni; jinnota li, taħt arranġamenti bħal dawn, l-awtoritajiet ta’ kull Stat Membru mbagħad ikunu jistgħu japplikaw il-kriterji tagħhom stess meta jiddeċiedu dwar l-applikazzjoni;

19.

Jipproponi li kwalunkwe deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ residenza li tingħata l-għajnuna legali, kif evidenzjat minn ċertifikat komuni, għandu jkollha wkoll effett fl-Istat Membru fejn tippresjedi l-Qorti jew fejn tiġi infurzata d-deċiżjoni;

20.

Jirrakkomanda li l-ispejjeż koperti mill-għajnuna legali jinkludu wkoll l-ispejjeż ta’ kull preżenza obbligatorja quddiem imħallef jew awtorità oħra li tevalwa t-talba jew spejjeż assoċjati ma’ dan.

21.

Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-gruppi l-aktar vulnerabbli biex jiżguraw li l-ħtiġijiet tagħhom ikunu kkunsidrati;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal emenda tad-Direttiva kif propost hawn fuq, bil-ħsieb li jiġu stabbiliti standards ogħla komuni għall-għajnuna legali transkonfinali;

L-inkoraġġiment ta’ forom alternattivi ta’ appoġġ legali

23.

Iħeġġeġ l-Istati Membri biex jistabbilixxu sistemi aktar effiċjenti għall-kooperazzjoni bejn il-korpi pubbliċi u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi sabiex jagħmlu l-għajnuna legali u l-pariri legali aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini;

24.

Jitlob li l-qrati nazzjonali jkunu konnessi permezz ta’ sistema ta’ twissija bikrija sabiex, meta ssir applikazzjoni għall-assistenza fi Stat Membru wieħed, Stat Membru ieħor isir konxju tagħha;

25.

Jissuġġerixxi wkoll kooperazzjoni akbar bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-korpi u l-organizzazzjonijiet legali professjonali bħall-assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-avukati u s-soċjetajiet tal-liġi;

26.

Jilqa’ l-inizjattivi numerużi li wrew li kienu eżempji tajbin tal-aħjar prattika fil-qasam tal-pariri legali bla ħlas, li jinkludu l-aġenziji pro bono u l-kliniċi legali;

27.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jiżguraw id-disponibbiltà tal-għajnuna legali prekontenzjuża u jiffaċilitaw l-aċċess għaliha, inkluż pariri dwar l-użu ta’ metodi alternattivi ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim, li ħafna drabi jkunu aktar effettivi fil-konfront tal-ispejjeż u jaħlu inqas ħin mil-litigazzjoni;

Aspetti internazzjonali tal-għajnuna legali

28.

Jistieden lill-Istati Membri li għadhom ma ffirmawx u/jew ma rratifikawx il-Konvenzjoni tal-Aja tal-25 ta’ Ottubru 1980 dwar l-Aċċess Internazzjonali għall-Ġustizzja biex jagħmlu dan, sabiex itejbu l-aċċess taċ-ċittadini għall-ġustizzja barra mill-Unjoni Ewropea;

o

o o

29.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Istati Membri.


(1)  ĠU L 26, 31.1.2003, p. 41.


Top