Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE6414

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea COM(2013) 522 final – 2013/0248 (COD)

    ĠU C 170, 5.6.2014, p. 45–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 170/45


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea

    COM(2013) 522 final – 2013/0248 (COD)

    2014/C 170/07

    Relatur: is-Sur DIMITRIADIS

    Nhar il-5 ta' Settembru 2013 u l-10 ta' Settembru 2013, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew rispettivament ddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 175 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea

    COM(2013) 522 final – 2013/0248 (COD).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-14 ta' Novembru 2013.

    Matul l-494 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Diċembru 2013 (seduta tal-10 ta' Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'153 vot favur, 3 voti kontra u 4 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet

    1.1

    Fil-prinċipju, il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-mod li ħadem bih sa issa l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) (1), li huwa appoġġja l-ħolqien tiegħu sa mill-bidu nett (2).

    1.2

    Il-KESE huwa tal-fehma li r-Regolament 2012/2002 dwar il-funzjonament tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi emendat minnufih – ħaġa li jmissha ilha li saret (3) – u jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward, allavolja l-proposta l-ġdida hija partikolarment konservattiva, anke fil-fehma tal-Parlament Ewropew (4).

    1.3

    Il-KESE huwa tal-fehma li, meta fl-2005, il-Kunsill irrifjuta l-proposta (5) tal-Kummissjoni, huwa tilef l-opportunità li jibni sisien ġodda għall-funzjonmant tal-Fond.

    1.4

    Il-KESE huwa tal-fehma li jeħtieġ li jittieħdu l-miżuri adatti kollha biex jitnaqqas il-piż tal-burokrazija fil-funzjonament tal-FSUE, u li l-proċeduri marbutin miegħu jsiru b'pass iżjed mgħaġġel (6).

    1.5

    Il-KESE jaqbel mat-tibdil li l-Proposta l-ġdida għal Regolament (7) qed tirrakomanda, f'dak li jirrigwarda l-introduzzjoni ta' ħlas bil-quddiem, definizzjoni iżjed ċara ta' “diżastri maġġuri” u “diżastri reġjonali straordinarji”, u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra l-Istati Membri li ma jiħdux il-passi meħtieġa għall-prevenzjoni tad-diżastri.

    1.6

    Il-KESE huwa tal-fehma li, minkejja l-perjodu partikolarment diffiċli mil-lat finanzjarju li għaddejja minnu bħalissa l-UE, hija għandha talloka iżjed riżorsi baġitarji għall-attivitajiet tal-FSUE f'każ li sfortunatament ikun hemm diżastru partikolarment.

    1.7

    Fil-fehma tal-KESE, il-kundizzjonijiet li taħthom jintuża l-FSUE għandhom jiġu ċċarati bis-sħiħ, sabiex ma jkunx hemm stennijiet mingħajr bażi jew isir għodda għall-immanuvrar politiku, iżda wkoll sabiex ma jkunx hemm diżappunt fost il-popolazzjonijiet li jkunu għaddejjin minn żminijiet partikolarment ibsin.

    1.8

    IL-KESE huwa tal-fehma li għodod bħall-FSUE jipprovdu lill-UE b'opportunità ideali biex jixħtu dawl fuq l-unità u s-solidarjetà tagħha, bil-kundizzjoni li jiġu użati b'mod adegwat u li l-UE tgħarraf liċ-ċittadini Ewropej bl-inizjattivi u l-għajnuna li tipprovdi.

    1.9

    Fil-fehma tal-KESE, l-azzjonijiet previsti għandhom jinkludu wkoll id-diżastri li jiġru għal għarrieda minħabba l-“fenomenu tal-gassijiet b'effett ta' serra”, it-tibdil fil-klima inġenerali, iżda wkoll id-diżastri dovuti għal atti terroristiċi.

    1.10

    Il-KESE jistaqsi għala l-limiti stabbiliti biex diżastru jiġi ddikjarat “maġġuri” għadhom daqstant għoljin; dan iġiegħel lill-FSUE juża r-riżorsi tiegħu biss b'mod eċċezzjonali u biss billi jiġu applikati l-klawżoli ta' deroga tiegħu. Huwa tal-fehma li dawn il-limiti minimi msemmija dwar l-iskala tal-ħsara rreġistrata huma partikolarment għoljin, u għandhom jitnaqqsu.

    1.11

    Il-klawżola tas-sussidjarjetà, li l-Kunsill japplika b'mod rigoruż, tirrappreżenta element dissważiv u tikkumplika b'mod sostanzjali l-isforzi tal-Kummissjoni. Il-KESE jitlob li din tiġi applikata b'mod iżjed flessibbli.

    1.12

    Huwa konvint li f'ħafna każijiet, setgħu ġew evitati u għad jistgħu jiġu evitati diżastri serji permezz tal-użu ta' mekkaniżmi u fondi Ewropej eżistenti, kif ukoll permezz tal-użu tal-għarfien eżistenti.

    1.13

    Huwa jaqbel mal-prinċipju ta' “min iniġġes iħallas”.

    1.14

    Josserva li, sfortunatament, f'dawn l-aħħar snin fl-Ewropa kien hemm żieda sostanzjali fl-għadd ta' diżastri serji.

    1.15

    Huwa jitlob lill-Istati Membri jtejbu l-proċeduri u l-mekkaniżmi interni tagħhom, sabiex tiġi ffaċilitata l-ħidma tal-Kummissjoni, billi tingħata fi żmien propizju informazzjoni affidabbli, valida u msejsa fuq bażi soda.

    1.16

    Huwa jemmen li l-perjodu ta disa' sa tnax-il xahar li fih trid titħallas l-għajnuna huwa twil wisq u ma jissodisfax l-għan ta' għajnuna urġenti u immedjata.

    1.17

    Il-KESE huwa tal-fehma li għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar ir-reklamar u l-promozzjoni tal-Fond, sabiex iċ-ċittadini jiffamiljarizzaw ruħhom mal-azzjonijiet li jwettaq.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    Il-FSUE twaqqaf fl-2002 wara l-għargħar katastrofiċi li laqtu lill-Ewropa Ċentrali u tat-Tramuntana, bil-għan li jipprovdi lill-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati milqutin minn diżastri naturali maġġuri u għajnuna sussidjarja sabiex tintradd lura l-ħajja ekonomika u soċjali fir-reġjuni milqutin.

    2.2

    Il-FSUE twaqqaf skont proċeduri ta' urġenza meta ġie skopert li, minkejja li l-UE kellha fondi sostanzjali biex tirreaġixxi f'każ ta' diżastri naturali fid-dinja kollha, ma kellhiex l-għodod adatti biex tiffaċċja diżastri simili fit-territorju tagħha jew dak tal-pajjiżi kandidati.

    2.3

    Minn mindu twaqqaf, il-Fond wettaq ħidma sodisfaċenti f'ħafna ċirkustanzi, iżda kien hemm ukoll għadd ta' difetti strutturali jew burokratiċi li l-Kummissjoni ppruvat issib soluzzjoni għalihom permezz tal-Proposta għal Regolament tagħha tal-2005 li, għalkemm intlaqgħet b'sodisfazzjon mill-Parlament Ewropew, ġiet irrifjutata mill-Kunsill.

    2.4

    Il-baġit annwali tal-Fond huwa ta' massimu ta' EUR 1 biljun, ammont li sa issa wera li ma kienx biżżejjed.

    3.   Ir-regolament fis-seħħ dwar il-funzjonament tal-Fond

    3.1

    Id-dispożizzjonijiet prinċipali tar-regolament li jistabbilixxi l-FSUE huma dawn li ġejjin:

    3.1.1

    Il-Fond twaqqaf bex jgħin lill-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati li jkunu qed jiffaċċjaw diżastri naturali maġġuri, u biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jaġixxu b'mod urġenti u effiċjenti.

    3.1.2

    Huwa jkopri l-Istati Membri u l-pajjiżi li bdew in-negozjati tal-adeżjoni.

    3.1.3

    Huwa jirrappreżenta għodda komplementari u jipprovdi għajnuna sussidjarja biex jiġu rifinanzjati attivitajiet urġenti.

    3.1.4

    L-aspetti prinċipali tad-diżastri maġġuri li huma l-iżjed enfasizzati huma: il-kundizzjonijiet tal-għajxien, l-ambjent naturali u l-ekonomija.

    3.1.5

    B“diżastri maġġuri” jeħtieġ li nifhmu, fil-kuntest tat-test, dawk id-diżastri li jikkawżaw ħsara konsiderevoli mil-lat finanzjarju jew bħala persentaġġ tad-dħul nazzjonali gross (DNG) (8).

    3.1.6

    Huwa jistipula li l-FSUE għandu jopera permezz ta' proċeduri partikolarment rapidi u jieħu deċiżjonijiet b'mod immedjat.

    3.1.7

    F'kull każ, huwa l-Istat benefiċjajru li għandu r-responsabbiltà li jimplimenta l-għajnuna.

    3.2

    Ir-regolament jistipula li huma meħtieġa l-ogħla livell ta' trasparenza u ġestjoni finanzjarja prudenti.

    3.3

    Fid-dawl tas-somom kbar li ġew stabbiliti għad-“diżastri naturali maġġuri”, huwa jintroduċi wkoll klawżoli ta' deroga dwar id-“diżastri straordinarji” u dawk f'“pajjiż tal-viċinat”, iżda huma suġġetti għal kriterji partikolarment rigorużi u sa massimu ta' EUR 75 miljun. Dawn id-dispożizzjonijiet eċċezzjonali saru r-regola għall-interventi tal-FSUE, minħabba s-somom partikolarment għoljin li inizjalment ġew stabbiliti għad-diżastri maġġuri.

    3.4

    B'konformità mar-regolament, il-prijoritajiet prinċipali tal-FSUE f'każ ta' diżastru maġġuri huma dawn li ġejjin:

    3.4.1

    il-funzjonament mill-ġdid immedjat tal-infrastruttura u t-tagħmir fl-oqsma tal-enerġija, l-ilma u l-ilma mormi, it-telekomunikazzjoni, it-trasport u l-edukazzjoni;

    3.4.2

    il-forniment ta' akkomodazzjoni temporanja u l-iffinanzjar tas-servizzi tas-salvataġġ;

    3.4.3

    it-teħid ta' miżuri għall-protezzjoni tal-wirt kulturali;

    3.4.4

    it-tindif immedjat taż-żoni milqutin mid-diżastri.

    3.5

    L-Istat Membru milqut għandu, mill-iżjed fis possibbli u mhux iżjed minn għaxar ġimgħat wara l-bidu tad-diżastru, iressaq talba għall-għajnuna quddiem il-Kummissjoni, li fiha jispeċifika l-iskala tal-għajnuna mitluba.

    4.   Il-proposta biex jiġi emendat ir-regolament

    4.1

    L-emenda għar-Regolament 2012/2002 diskuss hawnhekk, li jirregola l-funzjonament tal-FSUE, tipprevedi t-tibdil li ġej:

    4.1.1

    Hija tintegra l-attività tal-Fond fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid għall-perjodu 2014-2020.

    4.1.2

    Hija tiddefinixxi b'mod ċar il-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond, u tillimitah għad-diżastri naturali, inklużi dawk ikkaġunati mill-bniedem.

    4.1.3

    Hija tistabbilixxi limitu ġdid, ta' 1,5 % tal-PDG reġjonali fil-livell tan-NUTS 2 (popolazzjoni bejn it-800 000 u t-3 miljun abitant) għal “diżastri reġjonali”.

    4.1.4

    Hija tipprevedi l-possibbiltà li, fuq talba tal-Istat Membru kkonċernat, il-Fond jagħmel pagamenti bil-quddiem b'mod rapidu sa mhux iżjed minn 10 % tal-ammont previst tal-għajnuna finanzjarja, b'limitu stabbilit ta' EUR 30 miljun.

    4.1.5

    Għall-ewwel darba, hija tikkunsidra d-diżastri li jiżvolġu bil-mod, bħan-nixfa.

    4.1.6

    Hija tintroduċi dispożizzjonijiet li jinkoraġġixxu prevenzjoni iżjed effettiva tad-diżastri, u tinkoraġġixxi l-użu tal-leġislazzjoni tal-UE fil-qasam tal-prevenzjoni, u fl-istess ħin tagħti lill-Kummissjoni d-dritt li tirrifjuta talba għall-għajnuna mill-Fond imressqa minn Stat Membru partikolari jekk dan ikun wera negliġenza serja jew jekk jerġa' jkun hemm diżastru simili.

    4.1.7

    Hija tipprevedi dispożizzjonijiet ġodda dwar l-eleġibbiltà tal-VAT u teskludi l-possibbiltà li l-assistenza teknika tibbenefika mill-Fond.

    4.1.8

    Hija tawtorizza, taħt ċirkustanzi eċċezzjonali, deroga minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju.

    4.1.9

    Sabiex diżastru jkun jista' jiġi definit bħala maġġuri, hija tistabbilixxi ammont ta' EUR 3 biljun jew 0,6 % tad-dħul nazzjonali gross.

    5.   Il-perspettiva tal-KESE

    5.1

    Il-KESE qabel mal-ħtieġa li r-Regolament 2012/2002 dwar il-funzjonament tal-FSUE jiġi emendat, b'mod li l-Fond:

    5.1.1

    isir mekkaniżmu iżjed effiċjenti biex, f'każ ta' diżastri naturali, jappoġġja lill-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi tal-viċinat;

    5.1.2

    jikseb ukoll kompetenzi biex jintervjeni f'diżastri kkaġunati minħabba inċidenti industrijali jew teknoloġiċi;

    5.2

    Huwa tal-fehma li l-ammonti previsti huma inadegwati f'każ ta' diżastri massivi li jistgħu jolqtu nħawi kbar tal-UE (inċidenti nukleari, pandemiji, eċċ.), u jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lil dan l-aspett.

    5.3

    Jaqbel bis-sħiħ mal-isforzi tal-Kummissjoni biex tħaffef il-pass tal-proċeduri li jirregolaw il-funzjonament tal-FSUE, bil-kundizzjoni li dejjem jiġu ttrattati permezz ta' mekkaniżmi affidabbli, b'regoli ċari u sempliċi ta' funzjonament.

    5.4

    Jitlob lill-Istati Membri li jużaw il-mekkaniżmi tal-Fond b'mod prudenti, sabiex ma jkunx hemm reazzjonijiet negattivi fil-konfront tal-UE.

    5.5

    Jaqbel mal-proċedura tal-pagamenti bil-quddiem, kif ukoll mal-applikazzjoni tal-kategorija ta' “ħsara estiża”, pereżempju għall-każijiet ta' nixfa. Jemmen ukoll li r-riforestazzjoni għandha tagħmel parti wkoll tal-ħidma ta' rkupru li ssir wara diżastri naturali.

    5.6

    Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tkun partikolarment severa fil-konfront tal-Istati Membri li, minkejja l-eżistenza ta' leġislazzjoni tal-UE u fondi Ewropej speċifiċi, juru negliġenza li twassal għal diżastri serji.

    5.7

    Il-KESE huwa tal-fehma li, fil-ġejjieni, it-tibdil fil-klima ser iwassal għal iżjed diżastri naturali, u għalhekk jitlob lill-Kummissjoni tinkludi dawn id-diżastri fir-regolament li qed jiġi rivedut.

    5.8

    Huwa tal-fehma li s-soċjetà ċivili dejjem taqdi rwol partikolarment importanti matul diżastri serji, u jitlob li l-Kummissjoni tintroduċi fir-regolament emendat il-possibbiltà li jiġu ffinanzjati wkoll organizzazzjonijiet speċjalizzati u liċenzjati ta' din ix-xorta li għandhom l-istrutturi u l-għarfien meħtieġa biex jipprovdu s-servizzi tagħhom.

    5.9

    Huwa tal-fehma li l-funzjonament effiċjenti tal-mekkaniżmi bħall-FSUE jagħmilha possibbli li l-UE tagħti xhieda tas-solidarjetà tagħha b'mod konkret u effettiv, u jitlob lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri meħtieġa kollha biex iċ-ċittadini Ewropej jiġu mgħarrfa dwar ir-rwol tal-Unjoni.

    5.10

    Il-KESE huwa konvint li l-finanzjament tal-FSUE għandu jkun integrat fil-baġit ġenerali tal-UE sabiex jitnaqqas id-dewmien ikkaġunat mill-proċeduri attwali, li jsiru bil-mod wisq u huma burokratiċi, u li jinvolvu lill-Kunsill, il-Parlament u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, għandu jkun hemm ukoll mekkaniżmu li jissupplementa l-finanzjament f'każ ta' diżastru ta' skala eċċezzjonalment kbira li jitlob għajnuna addizzjonali.

    5.11

    Il-KESE jaqbel mal-Parlament Ewropew li l-valur limitu ta' 1,5 % tal-PDG reġjonali fil-livell tan-NUTS 2 huwa partikolarment għoli u jeskludi bosta diżastri serji mill-Fond, liema ħaġa twassal għal diżappunt kbir fost iċ-ċittadini. Għalhekk, huwa jipproponi li dan jonqos għal 1 % sabiex ikopri prinċipalment il-pajjiżi b'għadd baxx ta' popolazzjoni.

    Brussell, 10 ta' Diċembru 2013

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002, ĠU L 311/3, 14.11.2002 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 14 Volum 01 p. 181-186).

    (2)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea”ĠU C 61, 14.3.2003, p. 187-188.

    (3)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea”ĠU C 28, 3.2.2006, p. 69 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (4)  Rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-Fond Ewropew ta' Solidarjetà, implimentazzjoni u applikazzjoni C2012/2075 A7-0398/2012, 20 ta' Diċembru 2012.

    (5)  Proposta għal Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, COM(2005) 108 final (mhux disponibbli bil-Malti).

    (6)  Opinjoni tal-KESE dwar “Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-futur tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea”, ĠU C 181, 21.6.2012, p. 52.

    (7)  Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, COM(2013) 522 final, 25 ta' Lulju 2013.

    (8)  Biex diżastru jiġi kkunsidrat bħala “maġġuri”, irid ikun ikkawża ħsarat għall-ammonta ta' mill-inqas EUR 3 biljun, skont il-prezzijiet tal-2012, jew jirrappreżenta 0,6 % tad-DNG tal-pajjiż ikkonċernat.


    Top