EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE5038

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-varar ta' eCall interoperabbli fl-UE kollha” COM(2013) 315 final — 2013/0166 (COD) u dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jikkonċerna r-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall mmuntata fil-vettura u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE” COM(2013) 316 final — 2013/0165 (COD)

ĠU C 341, 21.11.2013, p. 47–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.11.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/47


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-varar ta' eCall interoperabbli fl-UE kollha”

COM(2013) 315 final — 2013/0166 (COD)

u dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jikkonċerna r-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall mmuntata fil-vettura u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE”

COM(2013) 316 final — 2013/0165 (COD)

2013/C 341/11

Relatur Ġenerali: is-Sur McDONOGH

Nhar l-1 ta’ Lulju 2013 u nhar il-5 ta’ Lulju 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 91 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar il-varar ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha

COM(2013) 315 final – 2013/0166 COD.

Nhar is-27 ta’ Ġunju 2013 u nhar l-1 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jikkonċerna r-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall mmuntata fil-vettura u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE

COM(2013) 316 final – 2013/0165 (COD).

Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-492 sessjoni plenarja tiegħu tat-18 u d-19 ta’ Settembru 2013 (seduta tad-19 ta' Settembru) li jaħtar lis-Sur McDonogh bħala relatur ġenerali u adotta din l-Opinjoni b’141 vot favur u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-Kumitat jinnota li fl-2012 mietu 28 000 persuna u korrew 1,5 miljun fit-toroq tal-UE. Il-Kumitat jemmen bis-sħiħ li huwa importanti ħafna għas-soċjetà li tnaqqas in-numru ta' mwiet fit-toroq u jilqa' l-għan ambizzjuż tal-Kummissjoni li bejn l-2011 u l-2020 tnaqqas iċ-ċifri għan-nofs tal-livelli tal-2010.

1.2

Il-Kumitat jilqa' l-proposta tad-Deċiżjoni u r-Regolament tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-eCall biex tiżgura li minn Ottubru 2015 il-mudelli kollha tal-karozzi tal-passiġġieri u tal-vetturi ħfief ikollhom l-eCall 112 u li tinħoloq l-infrastruttra li hemm bżonn sabiex iċ-ċentri tas-sejħiet ta' emerġenza (PSAPs – Public Safety Answering Points - Ċentri li jwieġbu għas-Sejħiet marbutin mas-Sikurezza Pubblika) ikunu jistgħu jirċievu u jindirizzaw l-eCalls u b'hekk jiżguraw kompatibbiltà, interoperabbiltà u kontinwità tas-servizz mifrux fl-UE tal-eCall.

1.3

Il-KESE jaqbel mal-konklużjonijiet tal-valutazzjoni tal-impatt tal-eCall li wrew li l-introduzzjoni obbligatorja tal-eCall kienet l-uniku mod kif jitwasslu l-benefiċċji tal-eCall liċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-Kumitat, f'diversi opinjonijiet tiegħu ta l-parir lill-Kummissjoni li approċċ volontarju mhux ser ikollu suċċess.

1.4

Il-KESE jinnota li l-proposti ser japplikaw biss għat-tipi ta' vetturi ġodda li ġew reġistrati fl-1 ta' Ottubru 2015 jew wara u li l-mudelli eżistenti jistgħu jkomplu jiġu manifatturati u mibjugħa mingħajr eCall wara dik id-data. Filwaqt li jifhem l-ispiża finanzjarja possibbli fuq il-manifatturi tal-vetturi, il-Kumitat jitlob lill-fabbrikanti sabiex jinstallaw it-teknoloġija tal-eCall kemm jista' jkun malajr fuq it-tipi eżistenti ta' vetturi li ser jiġu manifatturati wara Ottubru 2015.

1.5

Il-Kumitat jinnota li l-proposti ma jinkludux id-disppożizzjoni tat-teknoloġija tal-eCall fir-rigward tal-muturi u l-vetturi motorizzati b'żewġ roti. Billi r-riskju ta' mewt u inċidenti għax-xufiera u l-passiġġieri ta' dan it-tip ta' vetturi huwa problema sinifikanti, il-KESE jitlob lill-fabbrikanti u l-Istati Membri jestendu s-sistema tal-eCall għall-vetturi motorizzati b'żewġ roti kemm jista' jkun malajr.

1.6

Il-Kumitat jitlob mill-ġdid lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti kemm jista' jkun malajr dwar it-titjib tas-sigurtà attiva u passiva tal-vetturi motorizzati b'żewġ roti.

1.7

Il-KESE jinsab impressjonat bis-suċċess li kellhom l-awtoritajiet tas-sigurtà fit-triq stabbiliti f'numru ta' Stati Membri sabiex jipprovdu sorveljanza dwar l-implimentazzjoni ta' strateġija nazzjonali tas-sigurtà fit-triq, saiex jagħtu pariri dwar il-politika tas-sigurtà fit-triq u jippromovu l-aqwa prattiki tas-sigurtà fit-triq. Il-Kumitat jemmen li għandha tiġi stabbilita Aġenżija Ewropea għas-Sigurtà fit-Triq sabiex tgħin biex tiġi armonizzata u tħeġġeġ l-implimentazzjoni tas-sigurtà fit-triq fl-UE inkluż l-implimentazzjoni tal-eCall. Dan il-korp ikun jinkludi esperti tas-sigurtà fit-triq maħtura mill-Istati Membri.

1.8

Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għall-ħafna Opinjonijiet preċedenti tal-KESE (1) li ddiskutew is-suġġett tas-sigurtà fit-triq u li kkummentaw dwar il-bżonn tal-introduzzjoni obbligatorja tal-eCall.

2.   Il-kontenut tal-proposti

2.1   eCall

L-eCall hija teknoloġija magħmula biex tibgħat seħjiet ta' emerġenza mill-vettura permezz tan-numru stabbilit fl-UE kollha, il-112, jew awtomatikament fil-każ ta' inċident jew meta tiġi attivata manwalment. Is-sistema tal-eCall iċċempel awtomatikament il-112 - in-numru uniku ta' emerġenza fl-Ewropa - f'każ ta' inċident serju. Hija tikkomunika l-post tal-vettura lis-servizzi ta' emerġenza anki jekk ix-xufier ma jkunx konxju jew ma jkunx jista' jagħmel it-telefonata. Fl-2011 il-Kummissjoni adottat ir-Rakkomandazzjoni 2011/750/UE li tistabbilixxi li l-operaturi tan-netwerk tal-mobile għandhom jiżguraw li n-netwerks tagħhom kapaċi jwettqu l-eCalls.

2.2   Attwalment 0,7 % tal-vetturi biss huma mgħammra bis-sistemi privati tal-eCall u l-ammont ftit li xejn qed jiżdied. Dawn is-sistemi privati ma joffrux interoperabbiltà jew kontinwità mifruxa fl-UE.

2.3   Abbozz ta’ Regolament

L-abbozz ta' Regolament ifittex li joħloq il-ħtiġijiet tal-approvazzjoni tat-tip għat-teknoloġija tal-eCall u jitlob li minn Ottubru 2015 jiġu installatai fil-mudelli l-ġodda tal-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi kummerċjali ħfief. Il-proposta tistabbilixxi obbligi għall-fabbrikanti u l-Istati Membri, ir-rekwiżiti tal-privatezza u l-protezzjoni tad-data tal-utenti, il-vetturi in kwistjoni u d-data tal-introduzzjoni.

2.4   Abbozz ta’ Deċiżjoni

L-abbozz ta' deċiżjoni jfittex li jiżgura li l-PSAPs kollha huma mitluba jindirizzaw l-eCalls meta dawn jidħlu b'mod awtomatiku jew manwali fil-każ ta' inċident. Il-Kummissjoni tixtieq tiżugra li sal-1 ta' Ottubru 2014 l-eCalls jiġu ġenerati, trażmessi u indirizzati b'mod konsistenti fl-UE.

2.5   Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament

Il-Proposta għal Regolament tistabbilixxi r-rekwiżiti legali, fosthom:

2.5.1

Il-fabbrikanti tal-karozzi tal-passiġġieri u tal-vetturi ħfief għandhom jiżguraw li dawn il-vetturi jinħadmu u jiġu approvati b'konformità mas-sistemi tal-eCall sa minn Ottubru 2015.

2.5.2

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li mill-1 ta' Ottubru 2015, it-tipi ta' vetturi ġodda koperti mill-proposta għal Regolament jirċeivu l-Approvazzjoni tat-Tip ta' Vetturi Sħaħ tal-Komunità Ewropea.

2.5.3

L-awtoritajiet tal-approvazzjoni tat-tip għandhom jiżguraw li dawn il-vetturi jikkonformaw mal-istandards preskritti qabel ma jinħareġ ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip.

2.5.4

Il-fabbrikanti għandhom jiżguraw li t-teknoloġija tal-eCall ma tkunx tippermetti d-detezzjoni konstanti tal-vetturi.

2.5.5

Hemm bżonn ta' salvagwardji suffiċjenti kontra s-sorveljanza u l-utenti għandhom jiġu provduti bl-informazzjoni dwar kif id-data użata mis-sistema ser tiġi proċessata.

2.5.6

Il-Kummissjoni tista' tadotta Atti Delegati sabiex tistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi ta' sistemi interni fil-vettura, tiddefinixxi r-rekwiżiti relatati mal-privatezza tal-utenti u abbażi tal-analiżi tal-ispejjeż/benefiċċji, li teżenta ċerti klassijiet ta' vetturi tal-passiġġieri u vetturi ħfief.

3.   Kummenti ġenerali

3.1

Il-Kumitat jinnota li s-sena l-oħra mietu 28 000 persuna u korrew 1.5 miljun fit-toroq tal-UE. Meta tintalab il-preżenza tas-servizzi ta' emerġenza f'inċident tat-traffiku, kull minuta hija kritika sabiex tiġi salvata ħajja u titnaqqas is-serjetà tal-korrimenti. Madanakollu il-persuni li jkorru f'inċident mhux dejjem ikollhom il-kapaċità fiżika li jċemplu s-servizzi ta' emerġenza.

3.2

It-teknoloġija tal-eCall tindirizza din il-problema billi tinforma s-servizzi ta' emerġenza immedjatament anki jekk ix-xufier jew il-passiġġier ma jkunx konxju jew ma jkunx kapaċi jagħmel it-telefonata. Il-KESE jinnota wkoll li t-teknoloġija eCall mistennija tħaffef il-wasla tal-persunal tal-emerġenza b'madwar 40 % fiż-żonu urbani u 50 % fiż-żoni rurali u li meta tibda tintuża b'mod mifrux, l-eCall ser issalva bosta mijiet ta' ħajjiet fl-Ewropa kull sena u tnaqqas is-serjetà tal-korrimenti u t-trawma f'għexieren ta' eluf ta' każijiet.

3.3

Xi Stati Membri diġà għandhom awtoritajiet tas-sigurtà fit-triq stabbiliti b'mandat nazzjonali li jevalwaw l-istrateġija tas-sigurtà fit-triq u jagħtu pariri lill-gvernijiet dwar l-azzjonijiet prijoritarji. Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fit-Triq b'mandat ċar għall-oqsma kollha tas-sigurta fit-triq (l-infrastruttura, il-vetturi u l-utenti tat-toroq) fl-Unjoni kollha tista' tgħin biex ittejjeb l-implimentazzjoni ta' strateġija tas-sigurtà fit-triq armonizzata fl-UE. Aġenzija bħal din jista' jkollha kompiti speċifiċi f'termini ta' identifikazzjoni, speċifikazzjoni, twaqqif u promozzjoni tal-prattiki tajba kif ukoll it-titjib tal-iskambju transkonfinali tal-informazzjoni u l-kollaborazzjoni.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-proposta tapplika biss għall-approvazzjoni tat-tip ta' vetturi ġodda tal-passiġġieri u vetturi ħfief u ma timponix rekwiżit li jiżgura li l-eCall jiġi installat qabel l-ewwel reġistrazzjoni li jfisser li t-tipi eżistenti ta' vetturi bħal dawn jistgħu jkompli jiġu manifatturati u mibjugħa mingħajr l-eCall. Il-Kumitat jinnota li minħabba din il-politika, il-penetrazzjoni sħiħa tas-servizz tal-eCall mhux sa tkun possibbli qabel l-2033. Filwaqt li jifhem il-bżonn li jitqiesu l-impatt finanzjarju u l-problemi possibbli relatati mad-disinn fuq il-manifatturi tal-vetturi, il-Kumitat jitlob lill-fabbrikanti sabiex jinstallaw it-teknoloġija eCall kemm jista' jkun malajr fuq it-tipi eżistenti ta' vetturi li ser jiġu manifatturati wara Ottubru 2015.

4.2

Ir-Regolament dwar ir-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip għall-użu tas-sistema tal-eCall fil-vetturi mhux ser tapplika għall-vetturi motorizzati b'żewġ roti (muturi eċċ.). Il-periklu li s-sewwieqa ta’ dawn il-vetturi jġarrbu ferita gravi huwa bejn 18 u 20 darba ogħla minn dak tas-sewwieqa tal-karozzi. Hemm bżonn ta' attenzjoni speċjali meta jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tas-sigurtà fit-triq għal din il-kategorija ta' vetturi ta' riskju għoli. Barra mill-immuntar tat-teknoloġija tal-eCall, hemm bżonn ta' proposti għat-titjib tas-sigurtà attiva u passiva tal-vetturi motorizzati b'żewġ roti.

Brussell, 19 ta’ Settembru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  ĠU C 80, 30.3.2004, p. 77, ĠU C 168, 20.7.2007, p. 71, ĠU C 77, 31.3.2009, p. 70, ĠU C 48, 15.2.2011, p. 27 u ĠU C 132, 3.5.2011, p. 94.


Top