EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012IE1590

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-ħtieġa ta’ industrija Ewropea tad-difiża: aspetti industrijali, innovattivi u soċjali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 299, 4.10.2012, p. 17–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.10.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 299/17


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-ħtieġa ta’ industrija Ewropea tad-difiża: aspetti industrijali, innovattivi u soċjali” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2012/C 299/04

Relatur: is-Sur VAN IERSEL

Korelatur: is-Sinjura HRUŠECKÁ

Nhar id-19 ta’ Jannar 2012, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Il-ħtieġa ta’ industrija Ewropea tad-difiża: aspetti industrijali, innovattivi u soċjali.

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-11 ta’ Ġunju 2012.

Matul l-482 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-11 u t-12 ta’ Lulju 2012 (seduta tal-11 ta’ Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’132 voti favur, vot kontra u 9 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Id-dinja hija soġġetta għal tibdil ġeopolitiku rapidu. Il-pożizzjoni dominanti tad-dinja tal-Punent qed tiġi sfidata, kemm minn perspettiva ekonomika kif ukoll minn dik politika. Filwaqt li l-baġits għad-difiża fl-Unjoni Ewropea qed jitnaqqsu, qed naraw żieda fl-infiq relatat mad-difiża fiċ-Ċina, l-Indja, il-Brażil u r-Russja, fost pajjiżi oħra. Għalhekk, il-KESE jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jagħmlu valutazzjoni globali tal-aspetti determinanti tal-pożizzjoni u r-rwol tal-UE fid-dinja, bil-għan li jaslu għal aġġornament konvinċenti tal-politika estera, u dik tas-sigurtà u d-difiża tal-UE.

1.2

Il-politika tad-difiża hija influwenzata mill-interessi strateġiċi tal-pajjiżi, it-theddid perċepit u l-għanijiet politiċi, li fl-Ewropa huma definiti l-iżjed f’termini nazzjonali. Huwa evidenti li approċċi li għadda żmienhom iwasslu għal żieda fil-frammentazzjoni, lakuni kapaċità eċċessiva u nuqqas ta’ interoperabbiltà fil-kapaċitajiet Ewropej fil-qasam tad-difiża. L-argumenti favur titjib huma konvinċenti ferm; hija kwistjoni ta’ rieda politika. Dan l-argument kien diġà tressaq b’mod konvinċenti fl-1986! (1). Is-sitwazzjoni issa hija ħafna iżjed urġenti minn perspettiva politika u ekonomika u dik ta’ difiża. Il-KESE jitlob lill-Kunsill jaħdem bis-serjetà fuq pjan globali tal-UE fil-qasam tad-difiża.

1.3

Il-politika tas-sigurtà u tad-difiża għandha ssaħħaħ il-fiduċja li l-UE u l-Istati Membri għandhom fihom innifishom. Għandha trawwem fiduċja fost is-soċjetà u l-pubbliku inġenerali, suldati mogħnija b’mod adatt, in-negozji u l-forza tax-xogħol tas-settur. Iċ-ċittadini tal-UE għandhom id-dritt ikunu mħarsa b’mod adegwat. Huma meħtieġa dejjem iżjed armamenti Ewropej li jilqgħu b’mod adegwat għall-isfidi tal-futur. Għal dan il-għan, il-prattiki iżolati attwali tal-Istati Membri huma kompletament insuffiċjenti, u jaħlu wkoll il-flus tal-kontribwenti.

1.4

B’konformità mal-politiki u l-prattiki attwali fl-Istati Uniti u atturi dinjin (emerġenti) oħrajn, kif ukoll fid-dawl tar-responsabbiltà esklużiva tal-gvernijiet li jipproteġu ċ-ċittadini u jiżguraw is-sigurtà, il-KESE jenfasizza l-bżonn li jiġu definiti l-interessi strateġiċi Ewropej fil-qafas tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) (2). Fl-aħħar mill-aħħar, it-trijanglu tal-affarijiet barranin u s-sigurtà, il-politika tad-difiża, u l-kapaċità industrijali huwa indiviżibbli, li lkoll flimkien jappoġġjaw il-pożizzjoni tal-Ewropa fid-dinja u l-interessi ekonomiċi u politiċi u l-valuri tagħha (drittijiet tal-bniedem, demokrazija). Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandu jkun involut b’mod dirett.

1.5

Il-KESE jenfasizza li, jekk l-Ewropa tixtieq tkompli tħaddan industrija soda tas-sigurtà u d-difiża, billi toħloq massa kritika għall-effettività u l-kosteffiċjenza, hemm bżonn ta’ bidla radikali fil-mentalità u l-politiki. Dawn għandhom joħolqu futur stabbli u prevedibbli għall-forzi armati, kif jistħoqqlu l-piż ekonomiku u teknoloġiku tal-Ewropa. Fid-dawl ta’ differenzi kbar bejn l-Istati Membri, il-biċċa l-kbira tar-responsabbiltà f’dan ir-rigward hija tal-Istati Membri produtturi ewlenin.

1.6

Fil-fehma tal-KESE, jeżistu argumenti b’saħħithom favur it-tisħiħ tal-proċessi Ewropej għall-ippjanar u l-koordinazzjoni impenjata:

is-settur huwa kkumplikat u mogħni b’għarfien intensiv; jitlob ippjanar fit-tul

minkejja l-privatizzazzjoni, il-gvernijiet għandhom interess kbir fl-industrija tad-difiża bħala klijenti, regolaturi u fornituri ta’ liċenzji tal-esportazzjoni

ċerti nuqqasijiet fl-istruttura attwali u restrizzjonijiet baġitarji (severi) jitolbu aġġustamenti ġodda b’mod galbat minflok approċċi kontinwi mingħajr pjan definit li jdgħajfu l-kredibbiltà interna u esterna

għandha tiġi żgurata koordinazzjoni effettiva bejn il-pajjiżi produtturi ewlenin u dawk li jipproduċu inqas jew ma jipproduċux għalkollox biex jiġi promoss ix-xiri tal-armamenti fl-Ewropa, u biex isir użu mill-għarfien disponibbli kollu u mill-kumpaniji l-kbar u l-SMES tal-kontinent kollu

fl-aħħar nett, produzzjoni li tirnexxi fil-livell dinji min-naħa tal-industrija Ewropea ser tiddependi mill-iżvilupp ta’ suq domestiku stabbli fl-Ewropa.

1.7

Minbarra l-miżuri meħuda mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u l-Pakkett tad-Difiża tal-2007 (3), il-KESE jitlob għal politika industrijali Ewropea mfassla tajjeb għas-settur tad-difiża, u l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu tal-ħtiġijiet tal-gvern u l-fondi pubbliċi. Fil-qafas tal-Ewropa 2020, din il-politika industrijali għandha tissejjes fuq kompetenzi kondiviżi fil-livell nazzjonali u dak tal-UE – bis-sehem tal-EDA u l-Kummissjoni bħala msieħba msieħba – kif ukoll fuq konsultazzjonijiet mal-industrija tad-difiża u partijiet interessati oħra, fosthom imsieħba soċjali u l-bżonn ta’ djalogu soċjali strutturat tajjeb.

1.8

Il-politiki u l-fondi tal-UE għandhom jorbtu flimkien l-investimenti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, li jwassal għat-tnaqqis fil-frammentazzjoni u d-dupplikazzjoni tal-infiq pubbliku, u b’hekk jittejbu l-kwalità u l-interoperabbiltà.

1.9

Riċerka u żvilupp (R&Ż) avvanzati huma kruċjali għall-iżvilupp ta’ armamenti tal-“ġenerazzjoni l-ġdida” li huma meħtieġa ferm. Dawn it-tipi ta’ R&Ż qatt ma jistgħu jkunu fil-kompetenza esklużiva tal-industrija biss. Ir-responsabbiltà ewlenija hija tal-gvernijiet. Għaldaqstant, dan il-qasam huwa suxxettibbli ferm għat-tnaqqis baġitarju attwali. Il-Kunsill u l-partijiet interessati għandhom jidentifikaw b’mod urġenti u jniedu milll-iżjed fis possibbli programmi ta’ riċerka li jgħinu l-industrija Ewropea tindirizza dipendenzi mhux mixtieqa minn bnadi oħra. It-teknoloġija b’użu doppju (dual use technology) hija bżonjuża. Il-programm tal-UE fil-qasam tar-R&Ż għandu jipprovdi appoġġ. Għandu jiżgura kooperazzjoni transkonfinali effettiva fil-qasam tar-R&Ż.

1.10

Iż-żieda fit-tisħiħ tal-bażi tekonoloġika u industrijali tad-difiża Ewropea għandha tiġi ppjanata kemm jista’ jkun. Għal dan il-għan, jinħtieġu miżuri sodisfaċenti fil-livell tal-UE (4).

1.11

Hemm bżonn ta’ koordinazzjoni iżjed mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-EDA u partijiet interessati tal-UE oħra rilevanti. L-impenn imġedded tal-President, is-Sur Barroso (5), il-Viċi President, is-Sur Tajani, u l-Kummissarju, is-Sur Barnier, u t-twaqqif tat-Task Force dwar id-Difiża huma f’waqthom ferm. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon ukoll ir-riżoluzzjoni progressista tal-PE ta’ Diċembru li għadda dwar id-difiża Ewropea u l-firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet relatati (6).

1.12

Fl-istess spirtu u fid-dawl tat-tisħiħ tal-inizjattiva tat-Task Force dwar id-Difiża tal-KE, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tqajjem dawn il-kwistjonijiet pubblikament. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll li tipprovdi elementi ta’ tweġibiet kif xieraq għas-sejbiet li jirriżultaw mid-differenzi fil-kapaċitajiet industrijali u teknoloġiċi bejn l-Istati Membri kif ukoll mid-differenzi fil-livelli ta’ investiment fir-riċerka u d-difiża b’mod ġenerali.

2.   Introduzzjoni

2.1

L-Artikolu 42 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jgħid li l-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni għandha tkun parti integrali mill-politika estera u ta’ sigurtà komuni. L-Artikolu 42(3) jkompli jgħid li l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Unjoni b’kapaċitajiet militari għall-implimentazzjoni ta’ din il-politika. L-Aġenzija Ewopea għad-Difiża ilha tħabrek mill-2005 ’l hawn biex issaħħaħ il-bażi industrijali u teknoloġika tas-settur tad-difiża u tipprovdi tagħmir aħjar għas-suldati. Iżda, il-progress huwa limitat ħafna.

2.2

It-twettiq tas-suq intern u koordinazzjoni finanzjarja effettiva huma prijoritajiet ewlenin attwalment. L-Istrateġija Ewropa 2020 qed tagħti appoġġ qawwi liż-żewġ għanijiet li huma. Dan il-pass ġgantesk ’il quddiem għandu jispira wkoll passi ġodda fil-qasam tad-difiża Ewropea.

2.3

Iżda, ma jeżistix żvilupp simili fis-settur tad-difiża. Il-patt militari bejn Franza u r-Renju Unit tal-1998 ta x’jifhem li kien ser irawwem mentalità ġdida u bidu ġdid. L-istess spirtu ta’ kooperazzjoni iżjed mill-qrib fil-qasam tad-difiża kien rifless fit-twaqqif tal-Kumpanija Ewropea tal-Ajrunawtika, id-Difiża u l-Ispazju (European Aeoronautic Defence and Space Company – EADS) fl-2003. Dan, iżda, ma kienx ikkonsolidat. Huwa importanti nifhmu li l-pajjiżi hekk imsejħa tal-ittra ta’ intenzjoni (letter of intent – LoI) – jiġifieri l-grupp ta’ pajjiżi bl-ikbar kapaċità produttiva: Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, l-Italja, Spanja u l-Isvezja – għall-kuntrarju tal-intenzjonijiet preċedenti, għad ma ressqu l-ebda proposta fattibbli għar-razzjonalizzazzjoni jew il-konsolidazzjoni.

2.4

L-istaġnar wassal għal approċċi nazzjonali u enfasi fuq il-produzzjoni nazzjonali. Hemm ċerta rinazzjonalizzazzjoni. Kumpaniji industrijali bbażati fl-Ewropa lkoll qed jiffukaw fuq is-swieq tal-esportazzjoni. Ma hemmx kunċett strateġiku komuni, la fost il-gvernijiet u lanqas fost l-imsieħba industrijali.

2.5

Sadanittant, sfidi ġodda ser jaffettwaw dejjem iżjed is-swieq potenzjali. Sfida enormi hija l-iżvilupp tal-armamenti fl-ekonomiji l-ġodda. Iċ-Ċina, ir-Russja, l-Indja u l-Brażil (il-pajjiżi BRIC), segwiti minn pajjiżi iżgħar, qegħdin fi triqithom. Il-baġit tad-difiża taċ-Ċina huwa mistenni li jiżdied minn EUR 120 biljun attwalment għal EUR 250 biljun sal-2015. Ir-Russja ħabbret żieda enormi fil-baġit tad-difiża tagħha minn isa sal-2015. L-Istati Uniti jonfoq iżjed mid-doppju tal-baġit Ewropew globali: EUR 450 biljun v. EUR 204 biljun fl-2007 u l-baġit Ewropew qed jinxtorob dejjem iżjed. Il-baġit globali tar-R&Ż, l-iżjed l-iżjed, huwa 20 % ta’ dak Amerikan. 50 % tal-baġit Ewropew tad-difiża jintefqu fuq il-persunal, mentri fl-Istati Uniti jintefqu 25 % tal-baġit. L-Ewropa għandha iżjed persuni fl-armata, iżda huma attrezzati ferm inqas. Il-kundizzjonijiet dinjin qatt mhu ser ikunu kif kienu qabel. Iż-żmien mhux favurina.

2.6

Matul dawn l-aħħar deċennji, ħafna studji rrakkomandaw li l-industrija tad-difiża tiġi adattata għas-suq globali. Dawn ilkoll jagħtu xhieda ta’ problemi fit-tul, għax is-swieq tad-difiża huma imperfetti ħafna, u nsibu li l-biċċa l-kbira tal-Istati qed ikomplu jappoġġjaw l-industrija “tagħhom”. It-tentattivi għat-titjib tas-swieq, bħall-Pakkett tad-Difiża tal-UE tal-2007, għandhom l-għan li jegħlbu xi wħud min-nuqqasijiet tas-suq u prattiki nazzjonali diverġenti.

2.7

Il-kwistjonijiet preżenti huma kumplessi, parzjalment minħabba t-tul ta’ żmien eċċessiv mill-istadju tat-tfassil tal-prodotti sa meta jibdew jitħaddmu. Għalhekk, il-KESE huwa tal-fehma li approċċ wiesa’ minn perspettiva teknoloġka, ekonomika u soċjali ikun mod iżjed adatt biex jiġi diskuss dan il-qasam minn sempliċement jiġi eżaminat minn perspettiva ta’ difiża.

2.8

Punt prinċipali huwa d-differenza fil-kunċetti strateġiċi bejn il-pajjiżi b’industrija konsiderevoli tal-armamenti, b’mod partikolari rigward id-definizzjoni ta’ “interess essenzjali ta’ sigurtà nazzjonali”, u r-relazzjoni bejn is-sigurtà nazzjonali u s-swieq tal-esportazzjoni. Xi wħud mill-pajjiżi iżjed żgħar għandhom industrija żviluppata mhux ħażin, filwaqt li oħrajn prattikament m’għandhom l-ebda sit tal-produzzjoni. Huwa ċar li l-approċċi tal-pajjiżi kollha jvarjaw skont il-ħtiġijiet u l-potenzjal tagħhom. Ir-riżultat huwa frammentazzjoni u viżjoni varjata ħafna tal-industrija tad-difiża. L-operazzjonijiet bħal dawk fil-Libja joħorġu fid-dieher b’mod ċar ħafna d-disparitajiet dejjem akbar fis-sistemi disponibbli tal-armamenti. Il-konsegwenzi għandhom jiġu rikonoxxuti b’mod ċar u vvalutati.

2.9

Dawn l-iżviluppi jikkonċernaw kemm l-investimenti kif ukoll l-impjieg. L-industrija tad-difiża hija settur ta’ teknoloġija avvanzata li jimpjega b’mod dirett 600 000 persuna kkwalifikata u, b’mod indirett, żewġ miljun persuna oħra. Hemm pressjoni inkwetanti għal iżjed tnaqqis. Ta’ spiss, is-siti tal-produzzjoni jkollhom konċentrazzjonijiet reġjonali qawwija li jistgħu jsiru ċentri ta’ eċċellenza iżda li, għall-kuntrarju, huma fil-periklu li jintlaqtu minn tnaqqis finanzjarju. Dawn is-siti ser ibatu ħafna jekk ir-riorganizzazzjoni u t-tnaqqis isiru b’mod mhux ippjanat u mingħajr struttura.

2.10

Naturalment, l-impjieg attwali jirrappreżenta preokkupazzjoni prinċipali għall-gvernijiet individwali wkoll. Min-naħa tiegħu, dan jista’ jxekkel l-iżvilupp ta’ viżjoni komuni li hija meħteġa biex tindirizza kif imiss il-konsegwenzi soċjali ta’ industrija tad-difiża iżjed dgħajfa, inkluż it-telf ta’ għarfien speċjalizzat u l-effetti ta’ dan fuq il-kapital uman. Għall-kuntrarju, viżjoni komuni tiffavorixxi ħolqien ibbilanċjat tal-impjiegi u tevita r-riskju li r-riċerkaturi, l-ispeċjalisti tekniċi u dawk bi kwalifiki għoljin fix-xjenza jitilqu lejn pajjiżi terzi peress li dan imur kontra l-għanijiet li l-UE trid tilħaq bl-istrateġija Ewropa 2020.

2.11

L-approċċi tal-UE u l-qafs intergovernattiv jistgħu u għandhom jaħdmu fl-istess perspettiva. Ġaladarba tinżamm is-sovranità nazzjonali, il-kontribut ta’ kwalunkwe qafas komuni jagħti frott limitat, bi ftit li xejn titjib fir-rigward tal-kapaċità żejda, id-dupplikazzjonijiet u l-frammentazzjoni. Il-kontradizzjonijiet bejn il-filosofija tas-sovranità nazzjonali, minn naħa, u l-ħtiġijiet finanzjarji, teknoloġiċi, ekonomiċi u soċjali min-naħa l-oħra huma evidenti.

2.12

Għalhekk, huwa inkwetanti li l-għan ta’ “ħidma komuni u ta’ skambju”, jiġifieri l-organizzazzjoni ta’ interdipendenza Ewropea ma ssarrafx f’termini ta’ strateġija komuni. Minkejja li jeżisti għarfien wiesa’ rigward il-bidla fil-kuntest internazzjonali, mid-dehra, il-pressjoni minn barra għad mhijiex qawwija biżżejjed għall-promozzjoni ta’ approċċi u soluzzjonijiet komuni. Hija ħaġa ta’ stagħġib li, għall-kuntrarju, il-pajjiżi Ewropej għad għandhom ir-rieda jibqgħu dipendenti mill-Istati Uniti fil-qasam tal-akkwist tad-difiża minflok ix-xiri fl-Ewropa.

2.13

Jekk l-Ewropa tixtieq li jibqa’ jkollha industrija soda tas-sigurtà u d-difiża, li tkun kapaċi tiżviluppa u tipproduċi sistemi avvanzati, u b’hekk tiżgura s-sigurtà tagħha stess, hemm bżonn ta’ bidla radikali fil-mentalità u l-politiki. Jekk ikun hemm iżjed dewmien, il-kapaċitajiet jibdew jonqsu b’rata iżjed mgħaġġla u jisfaw f’livelli tant baxxi li l-UE ma tkunx tista terġa’ ssib ruħha fil-quċċata f’oqsma importanti ħafna. Dan ikun iżjed diffiċli peress li t-tnaqqis fl-infiq relatat mar-R&Ż jaffettwa b’mod dirett ġenerazzjoni ta’ riċerkaturi u impjegati kkwalifikati. Jekk l-Ewropa ma jirnexxilhiex, l-industriji jistgħu jgħibu, l-impjiegi jintilfu u l-għarfien jisfa fix-xejn, u l-Ewropa tispiċċa taħt il-ħakma ta’ oħrajn. Jinħtieġu sens ta’ urġenza u azzjoni fost dawk minna li għandhom għal qalbhom l-Ewropa u s-sigurtà Ewropea.

3.   Il-kuntest politiku

3.1

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea ġustament jenfasizza r-rabta profonda bejn il-politika estera u dik tas-sigurtà u d-difiża. Politika estera effettiva trid tissejjes fuq kapaċitajiet konvinċenti ta’ difiża. Kapaċitajiet adegwati ta’ difiża, min-naħa tagħhom, għandhom jitfasslu u jiġu żviluppati fid-dawl tat-theddid perċepit u l-għanijiet li ntlaħaq ftehim dwarhom f’kuntest internazzjonali kumpless u fraġli ħafna.

3.2

L-iżjed fattur ċentrali huwa l-pożizzjoni u r-rwol tal-UE fid-dinja tal-ġejjieni, fid-dawl tat-tibdil rapidu fiċ-ċirkustanzi ġeopolitiċi li fihom qed jinħoloq numru dejjem ikbar ta’ atturi dinjin. Minn din il-perspettiva, il-KESE huwa tal-fehma li wasal iż-żmien li jkun hemm sforz konġunt fl-Ewropa. L-esperjenza tal-passat u dik reċenti tagħti xhieda li t-tkomplija tal-approċċi tradizzjonali twassal għall-periklu li l-Ewropa u l-Istati Membri jingħataw il-ġenb u ma jibqgħux fuq quddiem nett f’dan il-qasam.

3.3

Il-KESE jitlob għal futur stabbli u prevedibbli għall-forzi armati Ewropej, kif jistħoqqlu l-piż ekonomiku u teknoloġiku attwali tal-Ewropa. Iż-żmien estremament twil li jgħaddi mit-tfassil tas-sistemi sakemm jitpoġġew onlajn isaħħaħ il-bżonn li d-deċiżjonijiet jibdew jittieħdu minn din is-sena.

3.4

Minn perspettiva soċjali u politika, il-KESE jenfasizza erba’ aspetti importanti dwar il-bżonn ta’ kapaċitajiet effettivi fil-qasam tad-difiża Ewropea.

il-protezzjoni tal-popolazzjoni

il-bżonn ta’ suldati armati kif imiss

impjiegi stabbli u prevedibbli

azzjonijiet umanitarji u militari Ewropej użati f’livell dinji li jkunu mfasslin tajjeb.

3.5

Hemm dibattitu għaddej dwar il-ġejjieni tal-PSDK, għalkemm qajla ssir referenza għaliha f’dawn it-termini. Ħafna suġġetti bħall-użu tal-gruppi tal-battalja, il-kontroversja dwar l-iżvilupp ta’ kwartieri ġenerali operattiv wieħed, il-finanzjament tal-missjonijiet tal-UE relatati mal-PSDK, it-tiftix ta’ kontribuzzjonijiet għal dawn il-missjonijiet u t-talbiet għal reviżjoni tal-Istrateġija Ewropea ta’ Sigurtà huma lkoll diskussjoni dwar il-PSDK, biss mhumiex imsejħa bħala tali. Ikun pass ’il quddiem jekk navviċinaw is-suġġett b’dan il-mod. Barra minn hekk, f’kull diskussjoni dwar dawn il-kwistjonijiet importanti, l-implikazzjonijiet industrijali tad-deċiżjonijiet (jew in-nuqqas ta’ deċizjonijiet) għandhom jiġu kkunsidrati wkoll. Dan jagħti prova wkoll tar-rabta b’saħħitha bejn il-kapaċitajiet industrijali u l-implimentazzjoni ta’ PSDK. Ir-responsabbiltà ewlenija hija tal-gvernijiet.

3.6

Ir-relazzjoni TransAtlantika u n-NATO huma ta’ importanza kritika. Għal bosta snin, l-Amerikani kkritikaw il-mod li bih l-Ewropej jieħdu ħsieb l-obbligi tagħhom relatati mad-difiża fi ħdan l-Alleanza. Jeżisti appell kontinwu fiż-żewġ naħat tal-Atlantiku għal “pilastru Ewropew” fin-NATO. Sal-lum il-ġurnata, kien qed jiġri l-kuntrarju.

3.7

In-nuqqas ta’ “pilastru Ewropew” kif imiss għandu għeruq politiċi profondi. Fl-Ewropa, għad ma hemmx biżżejjed rieda politika biex jiġu definiti interessi “strateġiċi” Ewropej jew kapaċitajiet militari prinċipali komuni. Għall-kuntrarju, l-Istati Uniti u pajjiżi oħra jużaw il-kunċett ta’ attivitajiet strateġiċi, li jħaddnu kull tip ta’ riċerka u industrija li jikkontribwixxu għas-sigurtà globali taċ-ċittadini tagħhom, kemm jekk ċivili kif ukoll militari.

3.8

F’dan il-kuntest, il-KESE huwa tal-fehma li jekk jinħoloq “pilastru Ewropew”, id-dipendenza eċċessiva tal-kapaċitajiet militari Ewropew mill-Istati Uniti jkollha tiġi sostitwita minn relazzjoni iżjed bilanċjata. Flimkien ma’ diskussjoni – li hemm bżonnha serjament – dwar interessi strateġiċi Ewropej komuni, li hija r-responsabbiltà esklużiva tal-gvernijiet, għandu jibda mill-iżjed fis possibbli proċess galbat ta’ ppjanar permezz ta’ kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet Ewropej, l-Istati Membri u l-industriji tad-difiża kif ukoll reviżjoni gradwali tal-attitudni tal-Ewropej li awtomatikament jixtru prodotti disponibbli fis-suq mill-Istati Uniti.

3.9

Ikun tajjeb, kemm minn perspettiva industrijali kif ukoll minn dik finanzjarja, li l-kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni industrijali mal-industriji fl-Istati Uniti jkunu iżjed bilanċjati.

4.   L-industrija Ewropea tad-difiża

4.1

Hemm relazzjoni mill-qrib bejn il-politiki esteri u ta’ difiża/sigurtà u l-industriji tad-difiża. Minkejja l-privatizzazzjoni, il-gvernijiet għandhom interess kbir fl-industrija tad-difiża bħala klijenti, regolaturi u fornituri ta’ liċenzji tal-esportazzjoni.

4.2

L-industrija tad-difiża għandha lok sostanzjali għall-immanuvrar fis-swieq tal-esportazzjoni. Dan huwa parzjalment dovut għall-privatizzazzjoni, u parzjalment għall-inkoraġġiment mill-gvernijiet: il-kriżi ekonomika qed tibdel ċerti ministri tad-difiża fi promoturi espliċiti tal-esportazzjoni. Huwa x’inhu l-każ, il-kriżi qed iġġiegħel is-settur tad-difiża jikkunsidra l-esportazzjonijiet bħala element ċentrali tal-mudelli kummerċjali tagħhom. B’mod ġenerali, l-2011 kienet sena li ħalliet ħafna qligħ għall-industriji Ewropej. L-intrapriżi pjuttost għamlu suċċess ukoll fl-iżvilupp ta’ produzzjoni “b’użu doppju”.

4.3

Atturi dinjin bħaċ-Ċina, l-Indja u l-Brażil għandhom l-ambizzjonijiet politiċi esteri tagħhom, u dan iwassal għal żieda fil-baġits tad-difiża. Attwalment, dan jidher li qed joħloq opportunitajiet għall-esportazzjonijiet Ewropej. Kemm ser iddum din is-sitwazzjoni? L-industrija għada sejra pjuttost tajjeb, imma l-prestazzjoni tagħha tiddependi l-iżjed mill-investimenti li saru madwar 20 jew 25 sena ilu. Jekk bħalissa l-investimenti jitnaqqsu jew jiġu staġnati iżjed, dan ser ikollu konsegwenzi irreversibbli fil-futur qarib.

4.4

Barra minn hekk, hija ħaġa realistika li nistennew li s-setgħat emerġenti ser jibdew jibnu l-industrija tagħhom indipendentement mill-industriji tal-Punent, u, għaldaqstant, li dawn, bħala l-kompetituri futuri tal-Ewropa fis-swieq tal-pajjiżi terzi, ser jibblukkaw dejjem iżjed l-importazzjonijiet mill-pajjiżi tal-Punent jew jorbtuhom ma’ ċerti kundizzjonijiet.

4.5

Attwalment, ma hemm l-ebda programm prinċipali fl-Ewropa li appik jibda, u dan, indubbjament, ser jaffettwa s-suċċess tal-esportazzjonijiet futuri. Barra minn hekk, ilu ftit mhux ħażin minn mindu kwalunkwe pajjiż emerġenti prinċipali kellu bżonn livell sostanzjali ta’ trasferiment tat-teknoloġija u tal-produzzjoni f’pajjiżu.

4.6

Wisq probabbli, il-kuntratti għal esportazzjonijiet ta’ darba waħda biss ser jintużaw biex tiġi kkupjata t-teknoloġija mill-industriji tal-Punent. Għal dawn, waħda mis-soluzzjonijiet alternattivi biex ma jiġux ibblukkati l-importazzjonijiet tista’ tkun dik li jitwaqqfu faċilitajiet ta’ produzzjoni (u żvilupp) fil-pajjiżi kkonċernati. Attwalment, din hija iżjed kwistjoni ta’ spekulazzjoni dwar kemm żvilupp bħal dan ser jaffettwa l-faċilitajiet u l-opportunitajiet tax-xogħol fl-Ewropa. Fuq perjodu twil ta’ żmien, huwa probabbli li l-pożizzjoni tal-industrija Ewropea tiddgħajjef minħabba l-pajjiżi emerġenti l-kbar. It-tisħiħ fit-teknoloġija u l-produzzjoni f’dawn il-pajjiżi ser jaffettwa wkoll is-swieq (potenzjali) Ewropej tal-esportazzjoni f’pajjiżi terzi oħra. Il-kompetizzjoni marbuta mal-prodotti u l-prezzijiet ser tiħrax.

4.7

Minħabba d-dewmien sostanzjali fl-iżvilupp u l-produzzjoni, kif ukoll l-investimenti teknoloġiċi u l-innovazzjoni kontinwa, l-Ewropa teħtieġ koordinazzjoni mmirata biex tiżgura industrija tad-difiża moderna u awtonoma. Sakemm id-daqs tas-swieq ikun iddeterminat l-iżjed mill-fruntieri nazzjonali, ikun kważi awtomatikament taħt il-massa kritika, anke fi Stati Membri kbar. L-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi tista’ ttaffi dan sa ċertu punt, iżda l-ġejjieni huwa inċert, filwaqt li l-kundizzjonijiet tas-swieq huma ta’ spiss ’il bogħod milli jkunu stabbli.

4.8

Il-fatt li l-baġits qed ikomplu jonqsu, li fiċ-ċirkustanzi attwali jimplika limitazzjonijiet konsiderevoli, għandu jservi ta’ tbesbisa f’waqtha. Jaffettwaw il-baġits għall-investiment u l-akkwist, ċertament meta l-ispejjeż operazzjonali u dawk marbuta mal-manutenzjoni jibqgħu fl-istess livell jew jiżdiedu minħabba operazzjonijiet militari li jkunu għaddejjin (l-Afganistan, il-Libja u l-operazzjonijiet kontra l-piraterija, biex insemmu ftit eżempji).

4.9

Dan iwassal biex jiġu posposti jew saħansitra kkanċellati investimenti li huma kruċjali għall-industrija biex jiġu żgurati l-manutenzjoni u t-tiġdid tal-kapaċitajiet tal-produzzjoni u l-iżvilupp. Barra minn hekk, fi żminijiet diffiċli l-industrija nnifisha ser iżżomm lura milli tinvesti f’tali manutenzjoni jew f’attivitajiet ġodda. L-investimenti meħtieġa jistgħu jiġu żgurati biss jekk issir ħidma bi sħab b’mod koerenti.

4.10

Il-KESE jirrakkomanda politika industrijali Ewropea mfassla tajjeb għas-settur tad-difiża, mit-tfassil tas-sistemi sal-fażi operazzjonali. Din hija kwistjoni ta’ politika industrijali speċifika. Min-natura tagħha stess hija suq pubbliku: ir-R&Ż għandhom jiġu ffinanzjati lil hinn mill-kapital tal-bidu minħabba marġnijiet mhux profittabbli fil-bidu u minħabba rekwiżiti speċifiċi min-naħa tal-gvern. Jeħtieġ li jiġu identifikati l-kapaċitajiet industrijali prinċipali tal-Ewropa kif ukoll il-politiki tal-investiment bil-għan li titħeġġeġ produzzjoni Ewropea soda. Peress li l-ebda pajjiż ma għandu biżżejjed riżorsi biex jiffinanzja armamenti tal-“ġenerazzjoni l-ġdida”, jeħtieġ li jingħaqdu flimkien l-għanijiet nazzjonali u Ewropej kif ukoll ir-riżorsi nazzjonali u Ewropej, kemm mil-lat finanzjarju kif ukoll minn dak industrijali. Il-governanza għandha tissejjes fuq kompetenzi kondiviżi fil-livell nazzjonali u dak tal-UE, b’konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020 li kien hemm qbil dwarha. Din hija wkoll tikketta effettiva biex ikun hemm l-aqwa koordinazzjoni possibbli bejn l-istituzzjonijiet Ewropej u fi ħdan il-Kummissjoni, li għadha tiffunzjona ferm inqas mill-potenzjal tagħha. F’dan ir-rigward, it-Task Force li ser jibda dalwaqt bħala pjttaforma – il-Kummissjoni, l-EDA u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) – biex jiddiskuti l-prijoritajiet, il-kapaċitajiet u l-lakuni, jista’ jipprovdi appoġġ siewi.

4.11

Ir-R&Ż huma tema ċentrali. L-industrija tad-difiża hija attività industrijali b’teknoloġija avvanzata u b’għarfien intensiv, li hemm bżonnha wkoll għall-iżvilupp ta’ prototip komplet. Ir-R&Ż kważi qatt ma jistgħu jkunu fil-kompetenza esklużiva tal-industrija biss. Iċ-ċikli tal-ħajja tal-iżvilupp u tas-sistemi huma sempliċement twal wisq, u l-impatt finanzjarju kbir wisq biex l-industrija tkun tista’ ġġarrab ir-riskji finanzjarji kollha. L-istorja tagħti xhieda li l-programmi kollha li jirnexxu jitwettqu bil-kooperazzjoni tal-gvernijiet u l-industrija.

4.12

Persentaġġ għoli ħafna tar-R&Ż fil-qasam tad-difiża fid-dinja jiġi mill-gvernijiet, jew direttament inkella indirettament permezz tax-xiri. Xejn mhuwa sorprendenti li, b’mod ġenerali, l-industriji tad-difiża qed jevitaw riskji finanzjarji eċċessivi fid-dawl tan-natura tal-prodotti. Ir-R&Ż fil-qasam tad-difiża huma partikolarment vulnerabbli fejn jidħol it-tnaqqis min-naħa tal-gvernijiet.

4.13

Għalhekk, minbarra l-konsolidazzjoni industrijali, hemm bżonn ta’ biżżejjed fondi u kondiviżjoni li dwarhom intlaħaq ftehim fost l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-industrija, għar-riċerka, it-teknoloġija u l-iżvilupp. L-investimenti fid-difiża jitolbu livell għoli ta’ finanzjament għar-R&Ż u l-proġetti teknoloġiċi. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat l-aċċess għat-teknoloġiji kritiċi. Jekk it-teknoloġiji kritiċi għall-iżvilupp u l-produzzjoni ma jibqgħux aċċessibbli minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjonijiet imposti minn oħrajn, jinqalgħu problemi serji biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ewropa fil-qasam tas-sigurtà.

4.14

Ir-R&Ż lil hinn mill-organizzazzjonijiet tad-difiża jaqdu rwol dejjem iżjed importanti minħabba l-progress li jsir fl-oqsma tat-teknoloġija u x-xjenza indipendenti f’bosta oqsma. Sikwit, huwa biss fl-aħħar fażijiet tal-iżvilupp li l-applikazzjoni finali tiddetermina jekk ir-R&Ż jistgħux jiġu identifikati bħala R&Ż fil-qasam tad-“difiża” jew dak “ċivili”. L-importanza tar-R&Ż “b’użu doppju” qiegħda kulma jmur tiżdied fil-qasam tal-applikazzjonijiet tad-difiża, pereżempju fl-IT. Għalhekk, huwa ta’ importanza kbira li l-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB) tistimula l-“użu doppju” tar-R&Ż, b’mod partikolari peress li b’hekk jiġi żgurat finanzjament lil hinn mill-komunitajiet tad-difiża.

4.15

Għandu jintlaħaq qbil fost l-Istati Membri dwar il-fondi pubbliċi fil-qasam tar-R&Ż fil-livell tal-UE. Jista’ jsir permezz tat-Tmien Programm Qafas (FP8) li jmiss jew permezz ta’ fond separat, preferibbilment permezz ta’ pakketti ta’ oqsma ta’ riċerka avvanzata, pereżempju n-nanoteknoloġija u l-intelliġenza artifiċjali. Għandhom jiġu ppjanati proċeduri speċjali fid-dawl tar-relazzjoni bejn l-industrija tad-difiża u s-settur pubbliku.

4.16

L-EDA u l-Kummissjoni għandhom jaqdu rwol prominenti kif previst fil-Qafas Ewropew għall-Kooperazzjoni, anke biex tiġi evitata l-interferenza politika ta’ kuljum. L-EDA għandha tingħata l-opportunità taqdi r-rwol sħiħ tagħha kif previst fit-Trattat ta’ Lisbona (7).

4.17

Forza tax-xogħol adatta b’ħiliet moderni hija kruċjali għal programm industrijali u ta’ R&Ż għad-difiża (8). Dan huwa argument sod ieħor għal qafas stabbli għar-R&Ż u l-industrija minflok ristrutturar diżorganizzat. Jeħtieġ li nżommu quddiem għajnejna li l-forzi tax-xogħol tad-difiża huma s-sisien li fuqhom jinbena l-ġejjieni tal-kapaċitajiet tad-difiża. Il-konsultazzjoni tal-industrija u l-komunikazzjoni magħha, l-istituti tar-R&Ż, l-edukazzjoni għolja, l-organizzazzjonijiet militari u t-trejdunjins ikkonċernati għandhom jiżguraw li kemm ir-ristrutturar li għaddej kif ukoll il-produzzjoni progressista tal-armamenti fl-Ewropa jkunu organizzati kif suppost.

4.18

Ir-restrizzjonijiet baġitarji jitolbu li jiġu indirizzati x-xogħol ripetut u l-ineffettività. Il-konsolidazzjoni kkontrollata mhijiex neċessarjament ekwivalenti għall-ħolqien ta’ intrapriżi kbar. Tfisser il-bini ta’ biżżejjed massa kritika u kwalità skont standards internazzjonali li jiżguraw pożizzjoni kompetittiva fis-swieq domestiċi u l-pajjiżi terzi. Qed issir dejjem iżjed meħtieġa l-koordinazzjoni tal-ippjanar ta’ proġetti fil-livell Ewropew mill-gvernijiet, l-atturi rilevanti fil-livell tal-UE u l-industrija.

4.19

Id-differenzi fid-daqs u fl-attività ġġenerata mill-industriji huma fatt. L-Istati Membri jvarjaw ħafna fl-importanza industrijali tagħhom. Parti mill-ftehim fost il-pajjiżi parteċipanti għandha tiffoka fuq li jiġi żgurat li l-industriji fil-pajjiżi LoI (= il-produtturi ewlenin) ikunu konnessi ma’ proġetti rilevanti. Dan l-approċċ mhux biss huwa mixtieq mil-lat politiku, iżda jippromovi wkoll relazzjoni siewja bejn l-intrapriżi ż-żgħar u dawk kbar kif ukoll l-istituti ta’ riċerka. Bħala fornituri, l-SMEs għandhom isaħħu l-katini ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti b’suċċess.

4.20

Tinħtieġ attenzjoni speċifika għal vulnerabbiltà perċeputa f’pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali minħabba l-pożizzjoni ġeografika esposta tagħhom. Fid-dawl kemm tal-bżonn li ċ-ċittadini f’dawn il-pajjiżi jħossuhom protetti tajjeb kif ukoll tax-xewqa li jsir użu sħiħ mill-għarfien tekniku speċifiku fil-qasam tad-difiża, il-KESE jenfasizza l-bżonn ta’ integrazzjoni adatta tal-għarfien u l-kompetenzi disponibbli fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali fi proġetti ta’ difiża li għaddejjin bħalissa u dawk futuri.

4.21

Suq Ewropew integrat għall-prodotti tad-difiża joħloq suq domestiku iżjed stabbli. Minbarra li jikkombina swieq nazzjonali eżistenti, suq Ewropew iħeġġeġ l-armonizzazzjoni jew saħansitra l-istandardizzazzjoni tar-rekwiżiti u r-regoli tal-akkwist bejn l-Istati Membri differenti. Livell ogħla ta’ armonizzazzjoni jew standardizzazzjoni jtejjeb il-kundizzjonijiet finanzjarji u ekonomiċi li jsaħħu l-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej f’suq dinji.

4.22

Suq Ewropew tad-difiża jkollu massa kritika. F’dan il-kuntest, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-konsegwenzi dannużi meta l-Istati Membri jkomplu jixtru prodotti disponibbli fis-suq minn pajjiż barrani, b’mod partikolari l-Istati Uniti. L-ewwel nett, dan inaqqar mill-vantaġġi ta’ suq Ewropew għall-industrija; għalhekk, il-prezzijiet ta’ dawn it-tipi ta’ prodotti tad-difiża jogħlew għall-klijenti Ewropej tagħhom, jekk l-industrija ma titħalliex tbigħ fi swieq ta’ pajiżi terzi fejn il-kompetizzjoni (statali) żgur tiħrax. It-tieni nett, il-pajjiżi Ewropej li jixtru prodotti disponibbli fis-suq mill-Istati Uniti jħallsu wkoll l-ispejjeż teknoloġiċi Amerikani li huma inklużi fil-prezz ta’ dawn il-prodotti.

4.23

Fid-dawl tal-perspettivi finanzjarji u politiċi internazzjonali, huma indispensabbli dibattitu Ewropew fundamentali u konklużjonijiet operazzjonali. Jekk mhux l-Istati Membri kollha huma lesti jipparteċipaw f’qafas komuni, għandu japplika l-prinċipju tal-“kooperazzjoni msaħħa”. Livell ogħla ta’ integrazzjoni u attitudni pożittiva fil-konfront ta’ xiri Ewropew huma l-uniku mod li bih nistgħu nqarrbu lejn swieq li d-daqs tagħhom jixbah lil dawk fl-Istati Uniti. Mingħajr suq domestiku effettiv, hemm lok għal dubji serji dwar jekk l-industrija Ewropea għandhiex il-possibbiltà li tikkompeti f’livell dinji.

5.   Xi kwistjonijiet speċifiċi

5.1

L-ambitu industrijali tal-forzi armati differenti – tal-art, il-baħar u l-ajru – ivarja sostanzjalment minn pajjiż għal ieħor. F’għadd ta’ oqsma, l-ebda pajjiż ma għad jista’ jibqa’ jiġi kkunsidrat bħala li jista’ jiżviluppa ġenerazzjonijiet ġodda ta’ armamenti waħdu.

5.2

Fis-settur tal-art, numru limitat biss ta’ intrapriżi kbar li ħadmu fil-qasam tal-integrazzjoni tas-sistemi għandu l-kapaċità jiżviluppa u jipproduċu MBTs (Main Battle Tanks) u vetturi militari eħfef. Il-produtturi Ewropej ewlenin qegħdin Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit. Hemm firxa wiesgħa ta’ produtturi ta’ sottosistemi u fornituri tat-tielet livell li mhumiex rappreżentati biżżejjed mill-Ewropa Ċentrali.

5.3

Ħafna pajjiżi jiżviluppaw l-industrija navali “proprja” tagħhom, u jibnu bastimenti navali li jvarjaw ħafna minn pajjiż għal ieħor fejn jidħlu d-daqsijiet u l-kumplessità. In-nazzjonijiet LoI u l-Pajjiżi l-Baxxi qegħdin fuq quddiem nett, anke fil-qasam tad-disinn tal-kunċetti u faċilitajiet kumplessi għar-riċerka navali li huma pjuttost differenti mill-iżvilupp tal-bini ta’ bastimenti ċivili. Hawnhekk ukoll insibu firxa wiesgħa ta’ produtturi ta’ sottosistemi u fornituri tat-tielet livell.

5.4

L-inġenji militari tal-ajru huma żviluppati u prodotti fi ftit pajjiżi biss. L-industrija hija kkonċentrata f’għadd żgħir ta’ intrapriżi, l-iżjed dawk multinazzjonali, li joperaw f’livell Ewropew u lil hinn minnu. L-industrija hija ffukata l-iżjed fuq l-EADS, BAE Systems, Dassault u Saab-Aircraft. Ir-riċerka dwar l-ajrudinamika avvanzata hija limitata għal ftit pajjiżi biss.

5.5

Is-settur elettroniku, inklużi s-sistemi ta’ kmand, kontroll u komunikazzjoni, qed iżid fl-importanza għall-qasam tad-difiża, u nsibu operaturi industrijali kbar bħal Thales, BAE Systems u Finmeccanica. Id-difiża mhix daqstant importanti għall-ikbar gruppi industrijali Ewropej fis-settur elettroniku – Philips u Siemens. F’kull każ, għal dawn il-produtturi, il-volum ta’ produzzjoni għal produzzjoni massiva kosteffettiva ta’ komponenti elettroniċi speċifiċi, bħaċ-ċirkwiti integrati għad-difiża, huwa żgħir wisq. Iżda, il-fatt li dawn il-gruppi industrijali kbar jiġu involuti jenfasizza l-importanza tal-użu doppju f’dan il-qasam.

5.6

Rigward il-munizzjon u l-isplużivi, in-numru tal-industriji naqas b’mod gradwali f’dawn l-aħħar deċennji, u parti mit-tort huwa tar-restrizzjonijiet ambjentali. Is-sigurtà pubblika ġġiegħel lil dawn it-tipi ta’ industriji jew jieħdu s-siti tal-produzzjoni tagħhom inħawi oħra inkella sempliċement jagħlquhom.

5.7

L-aċċess għat-teknoloġiji kritiċi huwa essenzjali, u għandu jiġi appoġġjat fil-qafas tal-PSDK. L-istess jgħodd għal ċerti materjali bħall-fibri tal-karbonju jew il-materjali għall-komponenti elettroniċi.

5.8

Il-Pakkett tad-Difiża tal-2007, adottat fl-2009, jista’ jkun ta’ appoġġ siewi. L-Istati Membri kellhom jittrasponu d-direttivi fis-sajf tal-2011. Għadu kmieni wisq biex inkunu pożittivi jew xettiċi dwar l-effetti sekondarji tagħhom biex joħolqu suq intern. Il-proċess għadu ma ġiex finalizzat u għad trid isseħħ l-implimentazzjoni tal-għan ta’ trasferiment inter-Komunitarju tal-prodotti tad-difiża kif ukoll ta’ kunċetti bħal interessi essenzjali ta’ sigurtà nazzjonali.

5.9

L-Artikolu 36 tat-TFUE jipprovdi deroga mil-liġijiet tal-akkwist tal-UE għall-protezzjoni ta’ interessi essenzjali ta’ sigurtà nazzjonali. Din il-formulazzjoni wiesgħa tista’ xxekkel żviluppi kif imiss tas-suq, b’mod partikolari fi ktajjen mixtieqa ta’ provvista. Il-KESE jissuġġerixxi interpretazzjoni iżjed speċifika tal-Artikolu 346 li tiftaħ opportunitajiet biżżejjed għal soluzzjonijiet Ewropej u l-aqwa ktajjen Ewropej ta’ provvista possibbli, bil-għam li jitrawmu s-sigurtà tal-provvista, l-ispeċjalitajiet disponibbli fl-Istati Membri u offerti ekonomikament vantaġġużi.

5.10

Is-sigurtà nazzjonali tal-informazzjoni tikkawża problemi simili bħal dawk imsemmijin fil-punt 5.9 u għandha tiġi kkunsidrata mill-ġdid ukoll. Hija wkoll kwistjoni importanti u delikata fil-parteċipazzjoni tal-industriji Ewropej fi proġetti tad-difiża fl-Istati Uniti.

5.11

Il-“ġbir flimkien u l-kondiviżjoni”, inklużi l-programmi komuni ta’ taħriġ, għandu jkun programm li jħares ’il quddiem. Kundizzjoni bażika hija li l-kliem fieragħ jiġi sostitwit minn ippjanar konkret u approċċ immirat b’passi identifikati b’mod ċar. Iżda, sakemm ma jkun hemm l-ebda ftehim dwar prinċipji ta’ difiża ser ikun diffiċli ħafna li dan il-proċess ta’ “ġbir flimkien u kondiviżjoni” isir b’mod fattibbli.

Brussell, 11 ta’ Lulju 2012.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


(1)  Ara “ ‘Towards a Stronger Europe’, A Report by an Independent Study Team established by Defence Ministers of Nations of the Independent European Programme Group to make proposals to improve the competitiveness of Europe’s defence equipment industry”.

(2)  Il-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni hija parti integrali tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, TUE Artikolu 42 et seq. ĠU C 115, 09.05.2008.

(3)  Direttivi 2009/43/KE (ĠU L 146, 10.06.2009) u 2009/81/KE (ĠU L 216, 20.08.2009). Il-Pakkett tad-Difiża kien adottat mill-Kunsill u l-PE fl-2009. Kellu jkun traspost mill-Istati Membri fis-sajf tal-2011. Il-Pakkett tad-Difiża kien jinkludi wkoll Komunikazzjoni dwar “Strateġija għal industrija tad-difiża Ewropea aktar b’saħħitha u kompetittiva”, COM(2007) 764, 05.12.2007.

(4)  Il-Fondi Ewropej għandhom jiġu involuti fil-proċess: it-8 Programm Qafas li jmiss, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Soċjali Ewropew.

(5)  Stat tal-Unjoni, Novembru 2011.

(6)  Riżoluzzjoni tal-PE tal-14 ta’ Diċembru 2011 dwar l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq is-settur tad-difiża fl-Istati Membri tal-UE (2011/2177(INI).

(7)  Ara Artikolu 45(1) u Artikolu 42(3) tat-TUE, ĠU C 115, 09.05.2008.

(8)  Ara “A comprehensive analysis of emerging competences and skill needs for optimalpreparation and management of change in the EU defence industry”, Rapport finali, Mejju 2009, rapport minn Eurostrategies għall-Kummissjoni Ewropea.


Top